KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fis-16 ta’ April 2015 (1)
Kawża C‑4/14
Christophe Bohez
vs
Ingrid Wiertz
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein oikeus (il‑Finlandja)]
“Kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet f’oqsma ċivili u kummerċjali — Oqsma esklużi — Dritt tal-familja — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar tad-deċiżjonijiet fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Deċiżjoni dwar id-dritt ta’ aċċess marbut mal-pagamenti ta’ penalità — Eżekuzzjoni tal-pagamenti ta’ penalità”
I – Introduzzjoni
1. Il-Korkein oikeus (Qorti Suprema tal-Finlandja) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa waħda, dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 (2) għall-eżekuzzjoni, fi Stat Membru, ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija fi Stat Membru ieħor, meta din is-sentenza timponi pagamenti ta’ penalità sabiex jiġi osservat id-dritt ta’ aċċess u, min-naħa l-oħra, dwar il-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ tali pagamenti ta’ penalità.
2. Analizzata minn perspettiva globali, din il-kawża turi d-diffikultà li tiddefinixxi s-sistema applikabbli għall-pagamenti ta’ penalità fil-kuntest ta’ sistema ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Din id-diffikultà għandha tendenza tikber fil-każ partikolari fejn id-dritt iggarantit permezz ta’ pagamenti ta’ penalità huwa dritt ta’ aċċess tal-ġenituri. Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tirrispondi għad-domandi preliminari mressqa mill-qorti tar-rinviju.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
1. Ir-Regolament Nru 44/2001
3. L-Artikolu 1(1) u (2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, jipprevedi:
“1. Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.
2. Dan ir-Regolament ma japplikax għal:
(a) l-istatus jew il-kapaċità ġuridika ta’ persuni naturali, drittijiet ta’ propjetà li joriġinaw minn relazzjonijiet matrimonjali, testmenti u suċċessjoni.”
4. L-Artikoli 45(2) u 49 tar-Regolament Nru 44/2001 huma parti mill-Kapitolu III intitolat “Rikonoxximent u Eżekuzzjoni”.
5. L-Artikolu 45(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:
“2. Taħt l-ebda ċirkostanzi, ma tista’ jiġi reveduta s-sentenza barranija fuq is-sustanza tagħha.”
6. L-Artikolu 49 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:
“Sentenza barranija li tordna pagamenti perjodiċi bħala penali għandu jkun eżegwibbli, fl-Istat Membru li fih tkun imfittxija l-eżekuzzjoni, biss jekk l-ammont tal-pagament ikun ġie finalment determinat mill-qrati ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini.”
2. Ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003
7. L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2201/2003 (3) jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament kif ġej:
“1. Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar:
[…]
(b) l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri.
2. Il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(b) jistgħu, partikolarment, jittrattaw fi:
(a) drittijiet ta’ kustodja u drittijiet ta’ aċċess;
[…]”
8. L-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi:
“Taħt l-ebda ċirkustanzi m’għandha sentenza tiġi riveduta nkwantu għas-sustanza tagħha.”
9. Fir-rigward tas-saħħa eżekuttiva ta’ deċiżjonijiet dwar id-dritt ta’ aċċess, l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi:
“Sentenza dwar l-eżerċitar tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar il-minuri mogħtija fi Stat Membru li hija nfurzabbli f’dak l-Istat Membru u li ġiet notifikata għandha tigi nfurzata fi Stat Membru ieħor meta, fuq applikazzjoni ta’ kwalsijasi parti nteressata, ġiet iddikjarata nfurzabbli hemmhekk.”
10. Ċerti deċiżjonijiet dwar id-dritt ta’ aċċess jistgħu jibbenefikaw minn sistema partikolari. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:
“1. Id-drittijiet ta’ aċċess […] mogħtija f’sentenza nfurzabbli li tkun ingħatat fi Stat Membru għandhom jiġu rikonoxxuti u jkunu nfurzabbli fi Stat Membru ieħor mingħajr il-bżonn ta’ dikjarazzjoni ta’ l-infurzabilità u mingħajr ebda possibilità li ssir opposizzjoni għar-rikonoxximent tagħhom jekk is-sentenza tkun ġiet iċcertifikata fl-Istat Membru ta’ l-oriġini skond il-paragrafu 2.”
11. L-Artikolu 47 tal-istess regolament jispeċifika:
“1. Il-proċedura ta’ l-infurzar hija rregolata mil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-infurzar.
2. Kwalsijasi sentenza maqtugħa minn qorti ta’ Stat Membru ieħor u ddikjarata li hija nfurzabbli skond it-Taqsima 2 jew li ġiet iċċertifikata skont l-Artikolu 41(1) […] għandha tiġi nfurzata fl-Istat Membru ta’ l-infurzar bl-istess kondizzjonijiet daqs li kieku ġiet maqtugħa f’dak l-Istat Membru.
[…]”
B – Id-dritt Belġjan
12. Il-pagamenti ta’ penalità huma rregolati mill-Artikoli 1385a sa 1385h tal-Kodiċi Ġudizzjarju (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ġudizzjarju”).
13. L-Artikolu 1385a tal-Kodiċi Ġudizzjarju jipprovdi:
“Il-qorti tista’, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, tikkundanna lill-parti l-oħra, fil-każ fejn hija ma tkunx issodisfatta mill-kundanna prinċipali, għall-pagament ta’ somma ta’ flus, imsejħa pagamenti ta’ penalità, bla ħsara għad-danni, jekk ikun hemm lok. […]ˮ
14. L-Artikolu 1385b ta’ dan il-Kodiċi huwa fformulat kif ġej:
“Il-qorti tista’ tiffissa l-pagamenti ta’ penalità jew f’somma waħda, jew f’somma speċifika għal perijodu partikolari jew għal ksur. F’dawn l-aħħar żewġ każijiet, il-qorti tista’ tistabbilixxi wkoll ammont li jekk jinqabeż, il-kundanna għal pagamenti ta’ penalità titlef l-effetti tagħha.”
15. L-Artikolu 1385c tal-imsemmi Kodiċi jipprevedi:
“Il-pagamenti ta’ penalità, ladarba imposti, jibqgħu miksuba fl-intier tagħhom favur il-parti li tkun kisbet il-kundanna tagħhom. Din il-parti tista’ tkompli sabiex tikseb l-irkupru tagħhom abbażi tal-istess titolu li jipprovduhom. […]”
16. L-Artikolu 1385d tal-istess Kodiċi huwa fformulat kif ġej:
“Il-qorti li tordna l-pagamenti ta’ penalità tista’ tiddeċiedi l-projbizzjoni tagħhom, billi tissospendi t-terminu li hija tkun indikat jew tnaqqsu, fuq talba tal-parti kkundannata, jekk din tinsab fl-impossibbiltà definittiva jew temporanja, totali jew parzjali li tissodisfa l-kundanna prinċipali. Fejn il-pagamenti ta’ penalità jkunu ġew miksuba qabel tavvera ruħha l-impossibbiltà, il-qorti ma tistax tipprojbixxihom u lanqas tnaqqashom.”
17. Peress li t-titolu eżekuttiv li jippermetti l-irkupru tal-pagamenti ta’ penalità huwa kkostitwit mid-deċiżjoni ġudizzjarja li tiddeċiedi dwarhom (Artikolu 1385c tal-Kodiċi Ġudizzjarju), il-benefiċjarju ma għandux bżonn jikseb, qabel l-eżekuzzjoni, il-likwidazzjoni tal-pagamenti ta’ penalità.
18. Fil-każ ta’ kontestazzjoni min-naħa tad-debitur, huwa l-kreditur tal-pagamenti ta’ penalità li għandu jipproduċi l-prova tan-nuqqasijiet allegati. Hija għalhekk il-qorti mitluba teżegwixxi li għandha tevalwa jekk il-kundizzjonijiet tal-pagamenti ta’ penalità humiex issodisfatti.
C – Id-dritt Finlandiż
19. Fid-dritt Finlandiż, il-pagamenti ta’ penalità imposti għall-finijiet tal-osservanza tad-dritt ta’ aċċess huma rregolati mil-Liġi dwar l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet dwar id-drittijiet ta’ kustodja u ta’ aċċess (lapsen huoltoa ja tapaamisoikeutta koskevan päätöksen täytäntöönpanosta annettu laki, iktar ’il quddiem it-“TpL”) kif ukoll mil-Liġi dwar il-pagamenti ta’ penalità (uhkasakkolaki, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-pagamenti ta’ penalità”), sa fejn din hija applikabbli.
20. Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 16(2) tat-TpL, il-qorti li, wara li tingħata deċiżjoni dwar id-dritt ta’ aċċess, hija adita minn kawża li tirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ dan id-dritt tista’ tobbliga lill-konvenut għall-eżekuzzjoni sabiex jikkonforma ruħu mad-deċiżjoni taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità.
21. Il-pagamenti ta’ penalità huma bħala regola ffissati bħala somma waħda. Jekk raġuni partikolari tiġġustifikahom, l-ammont tagħhom jista’ madankollu jkun ukoll kumulattiv (Artikolu 18(1) u (2) tat-TpL).
22. Il-pagamenti ta’ penalità għandhom dejjem jitħallsu lill-Istat u mhux lill-parti l-oħra.
23. Wara proċedura ġdida, il-qorti tista’ tordna l-ħlas tal-pagamenti ta’ penalità li kienu ffissati jekk hija tiddeċiedi li din it-talba hija ġġustifikata. Il-ħlas tal-pagamenti ta’ penalità ma jistax ikun ordnat jekk il-parti kkundannata turi li hija għandha raġuni valida għan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu jew jekk fil-frattemp l-obbligu jkun twettaq (Artikolu 19(1) u (2) tat-TpL).
24. Il-qorti tista’ tnaqqas l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità li għandu jitħallas meta mqabbel ma’ dak li kien inizjalment iffissat jekk parti sostanzjali mill-obbligu prinċipali tkun issodisfatta jew jekk il-kapaċità li tħallas tal-persuna kkundannata naqset b’mod sinjifikattiv jew jekk teżisti raġuni oħra valida għat-tnaqqis tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità (Artikolu 11 tal-Liġi dwar il-pagamenti ta’ penalità).
25. L-Artikolu 12(2) tal-Liġi dwar il-pagamenti ta’ penalità jippermetti lill-awtorità li tkun iffissat il-pagamenti ta’ penalità li tannulla din d-deċiżjoni u tagħmel eżami mill-ġdid tal-kawża, kollha jew parzjalment, f’każ ta’ bdil taċ-ċirkustanzi, tal-preżenza ta’ elementi essenzjali ġodda, jew anki meta d-deċiżjoni tkun ibbażata fuq applikazzjoni manifestament żbaljata tal-liġi.
III – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
26. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Christophe Alfons Adrien Bohez u Ingrid Wiertz iżżewġu fil-Belġju fis-16 ta’ Mejju 1997 u kellhom żewġt itfal. Il-koppja ddivorzjat fl-2005 u I. Wiertz marret toqgħod fil-Finlandja.
27. Fit-28 ta’ Marzu 2007, il-qorti tal-ewwel istanza ta’ Gand (il‑Belġju) tat deċiżjoni dwar il-kustodja, ir-residenza, id-dritt ta’ aċċess u l-manteniment fir-rigward tat-tfal (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2007”). Hija akkumpanjat id-deċiżjoni tagħha b’pagamenti ta’ penalità intiżi sabiex jiggarantixxu l-osservanza tad-dritt ta’ aċċess mogħti lil C. Bohez. Skont din is-sentenza, somma ta’ EUR 1,000 għal kull wild għandha titħallas lil C. Bohez għal kull ġurnata li fiha t-tfal ma jittieħdux għall-aċċess. L-ammont massimu tal-pagamenti ta’ penalità kien iffissat għal EUR 25,000.
28. C. Bohez talab lill-qrati Finlandiżi jikkundannaw lil I. Wiertz tħallsu l-pagamenti ta’ penalità ffissati fid-deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2007, jiġifieri EUR 23,398.69, fir-rigward ta’ aċċess li ma seħħx, jew tiddikjara din id-deċiżjoni eżekuttiva fil-Finlandja. Insostenn tat-talba tiegħu, huwa sostna quddiem l-Itä-Uudenmaan käräjäoikeus (Qorti tal-ewwel istanza ta’ Itä Uusimaa) li diversi aċċessi ma seħħewx, b’tali mod li l-ammont massimu tal-pagamenti ta’ penalità ffissati minn din is-sentenza kien diġà ntlaħaq. Abbażi tal-fatt li, fid-dritt Belġjan, l-irkupru tal-pagamenti ta’ penalità jitwettaq direttament mill-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni, mingħajr ma hija neċessarja proċedura ġudizzjarja ġdida, huwa jqis li t-talba tiegħu għandha titqies li hija intiża għall-irkupru ta’ kreditu pekunjarju eżekuttiv u, għalhekk, bħala li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001.
29. Min-naħa tagħha, I. Wiertz oġġezzjonat li l-obbligu tal-ħlas ma kienx definittivament ikkonfermat mill-qorti Belġjana u li, għalhekk, id-deċiżjoni ma kinitx eżekuttiva. Ebda awtorità ma kienet stabbilixxiet nuqqasijiet li jistgħu jwasslu għall-obbligu tal-ħlas tal-pagamenti ta’ penalità. I. Wiertz argumentat ukoll li hija ma għamlet ebda ostakolu għall-aċċess previst fid-deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2007.
30. Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2012, l-Itä-Uudenmaan käräjäoikeus ikkonstatat li t-talba ma tirrigwardax l-eżekuttività tad-deċiżjoni relattiva għad-dritt ta’ aċċess, iżda sempliċement l-infurzar ta’ pagamenti ta’ penalità imposti sabiex jiggarantixxu l-osservanza tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2007. Hija ddeduċiet li, ladarba hija tirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tistabbilixxi obbligu pekunjarju, din it-talba taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001. Madankollu peress li rrilevat li d-deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2007 tipprovdi biss, għall-kuntrarju tar-rekwiżiti tal-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 44/2001, pagamenti ta’ penalità perijodiċi li l-ammont definittiv tagħhom ma ġiex iffissat, l-Itä-Uudenmaan käräjäoikeus ddikjarat inammissibbli t-talba ta’ C. Bohez.
31. Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Awwissu 2012, il-Helsingin hovioikeus (Qorti tal-appell ta’ Helsinki), ikkonfermat iċ-ċaħda tat-talba ta’ C. Bohez bħala inammissibbli. Madankollu, fil-motivazzjoni tagħha hija għamlet analiżi differenti minn dik tal-qorti tal-ewwel istanza. Billi kkunsidrat li t-talba taqa’ fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar id-dritt ta’ aċċess, hija ddeċidiet li, fir-rigward tal-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, hija ma taqax taħt dan ir-regolament, iżda taħt ir-Regolament Nru 2201/2003. Għalhekk, skont l-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-proċedura ta’ eżekuzzjoni hija, f’dan il-każ, iddeterminata mid-dritt Finlandiż, jiġifieri mit-TpL.
32. C. Bohez appella quddiem il-Korkein oikeus (Qorti Suprema tal-Finlandja), billi talab l-annullament tad-deċiżjoni tal-Helsingin hovioikeus filwaqt li sostna t-talbiet tiegħu tal-ewwel istanza.
33. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Korkein oikeus iddeċidiet, permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Diċembru 2013, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Jannar 2014, li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 1(2) tar-Regolament [Nru 44/2001] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kawżi li jikkonċernaw l-eżekuzzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità imposti għall-finijiet tal-osservanza tal-obbligu prinċipali impost f’deċiżjoni li tikkonċerna d-dritt ta’ kustodja jew id-dritt ta’ aċċess, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament?
2) Jekk il-kawżi li hemm riferiment għalihom fid-domanda preċedenti jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament [Nru 44/2001], l-Artikolu 49 ta’ dan l-istess regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li, pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum, li fl-Istat ta’ oriġini, huma fihom infushom direttament infurzabbli fl-ammont stabbilit, iżda li l-ammont definittiv tagħhom jista’ jinbidel fuq talba jew minħabba argumenti tal-parti kkundannata għall-pagamenti ta’ penalità, huma biss infurzabbli fi Stat Membru ieħor jekk l-ammont tagħhom ikun ġie speċifikament stabbilit b’mod definittiv fl-Istat ta’ oriġini?
3) Jekk il-kawżi identifikati iktar ’il fuq ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament [Nru 44/2001], l-Artikolu 47(1) tar-Regolament [Nru 2201/2003] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-miżuri intiżi għall-osservanza ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tad-dritt ta’ kustodja jew tad-dritt ta’ aċċess, jagħmlu parti mill-proċedura ta’ eżekuzzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri mill-proċedura ta’ eżekuzzjoni ddeterminata mid-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, jew jistgħu jitqiesu li huma parti integrali mid-deċiżjoni li tikkonċerna d-dritt ta’ kustodja jew id-dritt ta’ aċċess u li, skont ir-Regolament [Nru 2201/2003], hija infurzabbli f’dan l-Istat Membru l-ieħor?
4) Meta l-eżekuzzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità tintalab fi Stat Membru ieħor, jeħtieġ li l-ammont tal-imsemmija pagamenti ta’ penalità jkun speċifikament stabbilit b’mod definittiv fl-Istat Membru ta’ oriġini, anki fis-sitwazzjoni fejn ir-Regolament [Nru 44/2001] ma jkunx applikabbli fil-kuntest ta’ din l-eżekuzzjoni?
5) Jekk pagamenti ta’ penalità imposti għall-finijiet tal-osservanza tad-dritt ta’ aċċess huma infurzabbli fi Stat Membru ieħor mingħajr ma l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità ma jkun speċifikament stabbilit b’mod definittiv fl-Istat Membru ta’ oriġini;
a) l-eżekuzzjoni tal-pagamenti ta’ penalità madankollu teħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-osservanza tad-dritt ta’ aċċess tkun ġiet prekluża b’motivi li t-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom kien indispensabbli sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tal-wild; u
b) liema qorti għandha għaldaqstant ġurisdizzjoni li teżamina l-preżenza ta’ tali fatturi, iktar preċiżament
(i) il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni hija dejjem limitata esklużivament għall-eżami tal-allegat annullament tad-dritt ta’ aċċess, li toriġina minn raġuni li tkun espressament prevista fid-deċiżjoni tal-mertu; jew
(ii) id-drittijiet tal-wild li huma ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jimplikaw li l-qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandha dritt jew obbligu iktar estiż li jiġi eżaminat jekk l-osservanza tad-dritt ta’ aċċess tkunx ġiet prekluża b’motivi li t-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom kien indispensabbli sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tal-wild?”
34. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Finlandiż, Spanjol, Litwan kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.
35. C. Bohez, il-Gvern Finlandiż kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw ukoll sottomissjonijiet orali matul is-seduta li nżammet fit-8 ta’ Jannar 2015.
IV – Analiżi
36. It-talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Korkein oikeus tqajjem, essenzjalment, żewġ problemi marbuta mal-eżekuzzjoni fi Stat Membru ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija fi Stat Membru ieħor, meta din id-deċiżjoni timponi, għall-finijiet tal-osservanza tad-dritt ta’ aċċess kif stabbilit mill-qorti tal-oriġini, pagamenti ta’ penalità li l-ammont tagħhom huwa ffissat b’mod kumulattiv (4). L-ewwel problema tirrigwarda r-regolament applikabbli għal tali pagamenti ta’ penalità u t-tieni hija dwar il-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tagħhom.
37. F’dan il-kuntest, jidhirli neċessarju li tiġi eżaminata, preliminarjament, il-kwistjoni dejjem delikata tal-klassifikazzjoni tal-pagamenti ta’ penalità fid-dritt Finlandiż u Belġjan sabiex tiġi ddefinita, f’dan il-każ, is-sistema applikabbli għal tali miżura fil-kuntest tas-sistema ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi ħdan l-Unjoni.
A – Rimarki preliminari dwar in-natura ġuridika tal-pagamenti ta’ penalità
38. Qabel xejn, nixtieq infakkar li l-qorti tar-rinviju hija l-unika waħda li għandha ġurisdizzjoni tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża li għandha quddiemha kif ukoll tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali (5).
39. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi nnotat, l-ewwel nett, li l-pagamenti ta’ penalità huma sistema magħrufa f’diversi Stati Membri (6), inkluż il-pagamenti ta’ penalità li jiggarantixxu d-dritt ta’ aċċess (7). Paragun tad-drittijiet nazzjonali li jirregolaw il-pagamenti ta’ penalità juri diversi punti ta’ konverġenza iżda wkoll differenzi kbar (8). Dan huwa l-każ b’mod partikolari għad-dritt Finlandiż u Belġjan inkwistjoni fil-kawża prinċipali (9).
40. It-tieni nett, fir-rigward, tal-punti ta’ konverġenza bejn dawn iż-żewġ drittijiet nazzjonali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-pagamenti ta’ penalità għandhom natura aċċessorja meta mqabbla mal-obbligu prinċipali, li għandhom jiġu awtorizzati minn qorti (10) u li jeżerċitaw pressjoni finanzjarja fuq id-debitur sabiex huwa jeżegwixxi d-deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija kontra tiegħu. Fil-fatt, fid-dritt Finlandiż u Belġjan (11) il-pagamenti ta’ penalità għandhom natura koersiva u huma dovuti sempliċement minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja. Hija għalhekk din in-natura koersiva li tqarribhom għal miżura ta’ eżekuzzjoni (12).
41. It-tielet nett, fir-rigward tal-punti ta’ diverġenza, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-differenzi bejn il-leġiżlazzjoni Finlandiża u Belġjana jirrigwardaw qabel xejn, minn naħa waħda, il-proċedura li twassal għall-impożizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità u, min-naħa l-oħra, għad-determinazzjoni tal-benefiċjarju ta’ ammonti ta’ flus dovuti bħala tali (13).
42. Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-proċedura li twassal għall-impożizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità, id-differenzi jirrigwardaw essenzjalment ir-rekwiżit u l-modalitajiet tal-likwidazzjoni. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fid-dritt Belġjan, il-mekkaniżmu tal-pagamenti ta’ penalità, applikabbli wkoll fil-qasam tad-dritt ta’ aċċess, jeskludi kull proċedura ta’ likwidazzjoni (14). Fi kliem ieħor, il-benefiċjarju ma għandux jikseb, qabel l-eżekuzzjoni, il-likwidazzjoni ġudizzjarja tal-pagamenti ta’ penalità (15). Fil-fatt, skont l-Artikolu 1385c tal-Kodiċi Ġudizzjarju, il-pagamenti ta’ penalità huma definittivi u eżiġibbiltà tagħhom hija bbażata fuq id-deċiżjoni ġudizzjarja li timponihom. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, meta, wara n-notifika tagħha, il-kundizzjonijiet li hija tispeċifika jiġu ssodisfatti, il-pagamenti ta’ penalità huma dovuti integralment u jistgħu jiġu rkuprati mingħajr ma hija neċessarja deċiżjoni ġudizzjarja ġdida (16), inkluż fil-każ fejn l-ammont tagħhom huwa ffissat skont perijodu, pereżempju kuljum, jew skont il-ksur (17). Skont l-Artikolu 1385d tal-Kodiċi Ġudizzjarju, ir-reviżjoni tal-pagamenti ta’ penalità hija rregolata mill-prinċipju li ma jistgħux ikunu pprojbiti, mibdula jew imnaqqsa ħlief mill-qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu li ordnathom u l-ammont iffissat fid-deċiżjoni li timponi l-pagamenti ta’ penalità ma jistax jitnaqqas b’mod retroattiv (18).
43. Mill-banda l-oħra, fid-dritt Finlandiż, skont id-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju u tal-Gvern Finlandiż, il-pagamenti ta’ penalità msemmija fl-Artikolu 16 tat-TpL għandhom l-għan li jinkoraġġixxu l-organizzazzjoni ta’ laqgħat bejn il-wild u r-rikorrent skont is-sentenza dwar id-dritt ta’ aċċess. Id-deċiżjoni li tordna l-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità tintervjeni wara li tingħata d-deċiżjoni prinċipali u tippreżumi li r-rikorrent jippreżenta proċedura ġdida (19). Fil-fatt, huwa biss f’każ ta’ kontestazzjoni min-naħa tad-debitur tal-pagamenti ta’ penalità li l-qorti tal-eżekuzzjoni tkun ser teżamina l-eżistenza tan-nuqqas totali jew parzjali min-naħa tiegħu tal-obbligu prinċipali tiegħu (20) u l-eventwali raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni. Skont l-Artikolu 19(2) tat-TpL, il-ħlas tal-pagamenti ta’ penalità ma jistax ikun ordnat jekk id-debitur juri l-eżistenza ta’ raġuni valida li pprekludietu milli jeżegwixxi l-obbligu jew meta l-obbligu jkun twettaq fil-frattemp (21). Għall-kuntrarju tad-dritt Belġjan, id-dritt Finlandiż jippermetti lill-qorti teżamina mill-ġdid l-ammont tal‑pagamenti ta’ penalità u li tnaqqashom jekk parti sostanzjali mill-obbligu prinċipali tkun ġiet sodisfatta, jekk il-kapaċità li tħallas tal-persuna obbligata naqset b’mod sinjifikattiv jew jekk teżisti raġuni valida oħra għat-tnaqqis tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità (22).
44. Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-benefiċjarju tas-somma dovuta bħala pagamenti ta’ penalità, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fid-dritt Belġjan, din is-somma tmur għand il-kreditur skont l-Artikolu 1385c tal-Kodiċi Ġudizzjarju (23), filwaqt li fid-dritt Finlandiż, jitħallas lill-Istat (24).
45. Ser ngħaddi issa għall-analiżi ta’ żewġ problemi mqajma minn din it-talba għal deċiżjoni preliminari u msemmija fil-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet: liema huwa r-regolament applikabbli għall-kawża prinċipali u liema huma l-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tal-pagamenti ta’ penalità?
B – Fuq l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 44/2001
46. Fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari, dwar jekk deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija fil-Belġju akkumpanjata minn pagamenti ta’ penalità, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex tiġi osservata l-eżekuzzjoni ta’ dritt ta’ aċċess, tistax tiġi eżegwita fil-Finlandja abbażi tar-Regolament Nru 44/2001, I. Wiertz, il-Gvernijiet tal-Istati Membri kollha intervenjenti kif ukoll il-Kummissjoni jiddefendu l-inapplikabbiltà ta’ dan ir-regolament.
47. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, għal dak li jirrigwarda r-regolament applikabbli, id-dubji espressi mill-Korkein oikeus huma bbażati fuq il-fatt li l-obbligu li l-eżekuzzjoni tiegħu hija mitluba, jiġifieri l-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità, huwa kreditu pekunjarju relatat mad-dritt ta’ aċċess. Għalkemm din il-qorti tikkunsidra li pagamenti ta’ penalità ta’ dan it-tip ma jaqgħux, bħala regola, taħt ir-Regolament Nru 44/2001, hija għandha madankollu dubji għal dak li jirrigwarda l-eżekuzzjoni tagħhom fil-kuntest tar-Regolament Nru 2201/2003.
48. Sabiex tingħata risposta għal din l-ewwel domanda preliminari, jidhirli neċessarju li jiġi vverifikat jekk, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001, pagamenti ta’ penalità, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, humiex konformi mal-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
49. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabelxejn, li peress li l-Konvenzjoni ta’ Brussell kienet issostitwita mir-Regolament Nru 44/2001 (25) fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri (26), l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat lill-Konvenzjoni ta’ Brussell tibqa’ valida għad-dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ dan ir-regolament (27). Barra minn hekk, mill-premessa 19 tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li l-kontinwità fl-interpretazzjoni bejn il-Konvenzjoni ta’ Brussell u dan ir-regolament għandha tiġi żgurata.
50. Fis-sentenza Realchemie Nederland (28) il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 huwa, bħal dak tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, limitat għall-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, kif stabbilit fl-Artikolu 1(1) tiegħu (29). Għalhekk, skont il-paragrafu 2(a) tal-istess artikolu, ir-relazzjonijiet matrimonjali huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. F’dan ir-rigward, il‑Gvern Finlandiż, Spanjol, u dak Litwan kif ukoll il-Kummissjoni jirrilevaw li huwa preċiżament sabiex timtela’ parzjalment din il-lakuna li ġie adottat ir-Regolament Nru 2201/2003 li japplika għal deċiżjonijiet mogħtija fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-ġenituri (30), li skont l-Artikolu 1(2)(a) tiegħu jinkludi d-dritt ta’ aċċess (31).
51. Dwar il-kwistjoni jekk kawża taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 jew le, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dan il-kamp ta’ applikazzjoni għandu jkun iddeterminat essenzjalment minħabba elementi li jikkaratterizzaw in-natura ta’ relazzjonijiet legali bejn il-partijiet fil-kawża u l-għan tagħha (32). B’mod iktar partikolari, għal dak li jirrigwarda l-miżuri provviżorji, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-appartenenza tagħhom għall-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 hija ddeterminata mhux min-natura proprja tagħhom, iżda min-natura tad-drittijiet li huma jiżguraw li tiġi ssalvagwardata (33).
52. F’dan il-każ, skont l-Artikolu 1385a tal-Kodiċi Ġudizzjarju, il-pagamenti ta’ penalità inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom, kif spjegajt fil-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet, natura aċċessorja meta mqabbla mal‑obbligu prinċipali. F’dan il-każ, l-obbligu prinċipali jobbliga lil I. Wiertz tippermetti lil C. Bohez jeżerċita d-dritt ta’ aċċess mogħti lilu.
53. Fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ qorti, li tinkludi l-kundanna ta’ ħlas ta’ multa għall-finijiet li tiġi osservata deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija f’materji ċivili u kummerċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li n-natura ta’ dan id-dritt ta’ eżekuzzjoni jiddependi fuq dak tad-dritt suġġettiv li fir-rigward tal-ksur tal-eżekuzzjoni tiegħu ġiet ordnata (34), jiġifieri, f’dan il-każ, id-dritt ta’ aċċess ta’ C. Bohez.
54. Fl-opinjoni tiegħi, minn dan isegwi li l-irkupru ta’ pagamenti ta’ penalità, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001. Fil-fatt, minn naħa waħda, dawn il-pagamenti ta’ penalità għandhom natura aċċessorja u marbuta b’mod strett mad-dritt ta’ aċċess li tiggarantixxi l-eżekuzzjoni tiegħu, u min-naħa l-oħra, il-kwistjonijiet relatati mad-dritt ta’ aċċess huma esklużi mir-Regolament Nru 44/2001.
55. Għalhekk jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari li deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija fi Stat Membru u akkumpanjata minn pagamenti ta’ penalità intiżi għall-osservanza ta’ dritt ta’ aċċess, ma tistax tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor abbażi tar-Regolament Nru 44/2001.
56. Fid-dawl tar-risposta li nipproponi li tingħata lill-ewwel domanda preliminari, ma huwiex neċessarju li nirrispondi għat-tieni domanda.
C – Fuq il-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tal-pagamenti ta’ penalità fil-kuntest tar-Regolament Nru 2201/2003
57. Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-pagamenti ta’ penalità, intiżi sabiex jiggarantixxu l-eżekuzzjoni ta’ sentenza dwar id-dritt ta’ aċċess, għandhomx jitqiesu li huma miżura ta’ eżekuzzjoni u, f’dan ir-rigward, bħala li jaqgħu fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tad-dritt ta’ aċċess, li, skont l-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, huwa rregolat mid-dritt internazzjonali, jew jekk il-pagamenti ta’ penalità jagħmlux parti integrali mid-deċiżjoni dwar id-dritt ta’ aċċess u f’dan ir-rigward, huma direttament eżegwibbli abbażi tar-Regolament Nru 2201/2003.
58. Sabiex nirrispondi għal din id-domanda, ser nanalizza, fl-ewwel lok, in-natura legali tal-pagamenti ta’ penalità fid-dawl tas-sistema ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi ħdan l-Unjoni. Fit-tieni lok, ser neżamina jekk pagamenti ta’ penalità, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jagħmlux parti integrali mill-mertu tad-deċiżjoni dwar id-dritt ta’ aċċess jew, għall-kuntrarju, jekk jistgħux ikunu iżolati bħala obbligu awtonomu.
1. Fuq in-natura legali tal-pagamenti ta’ penalità fid-dawl tas-sistema ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi ħdan l‑Unjoni
59. B’mod ġenerali, kif issemma fil-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-pagamenti ta’ penalità huma strument applikat f’diversi Stati Membri. Huma għandhom l-għan li jiżguraw l-eżekuzzjoni ta’ obbligu li, fil-kawża prinċipali inkwistjoni, jikkonsisti fl-osservanza tad-dritt ta’ aċċess. Għalhekk huma għandhom natura aċċessorja u bbażata fuq il-premessa li l-perspettiva tal-ħlas ta’ somma kunsiderevoli għandha tinkoraġġixxi lid-debitur jeżegwixxi l-obbligu tiegħu b’mod volontarju. Fil-fatt, kif diġà semmejt, dan l-aspett tal-pagamenti ta’ penalità jqarribhom għall-miżura ta’ eżekuzzjoni.
60. L-istadji differenti ta’ implementazzjoni tal-pagamenti ta’ penalità jindikaw b’mod ċar il-kumplessità tagħhom u jippermettu li n-natura tagħhom tinftiehem iktar. Fil-fatt, kull waħda minn dawn l-istadji, jiġifieri l-impożizzjoni tal-kundanna prinċipali li timponi l-pagamenti ta’ penalità, il-likwidazzjoni tal-ammont effettivament ikkalkolat u l-eżekuzzjoni, volontarja jew forzata tagħhom, jistgħu jkunu suġġetti għal regoli u proċeduri distinti (35). Madankollu, il-kumplessità tal-pagamenti ta’ penalità tikber iktar meta l-miżura għandha tiġi adottata f’kuntest transkonfinali (36).
61. Dan l-aħħar element, l-aspett transkonfinali, jispjega b’mod partikolari d-diffikultà li tiġi ddefinita s-sistema applikabbli għall-pagamenti ta’ penalità fil-kuntest ta’ sistema ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fi ħdan l-Unjoni, sitwazzjoni ppreżentata fil-kawża prinċipali.
62. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-kwistjoni determinanti hija dik tan-natura legali ta’ pagamenti ta’ penalità bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
2. Il-pagamenti ta’ penalità bħala parti integrali mill-mertu tad-deċiżjoni dwar id-dritt ta’ aċċess
63. Ippermettuli nibda l-analiżi tiegħi b’mistoqsija: il-pagamenti ta’ penalità inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jitqiesu li jagħmlu parti integrali mill-mertu tad-deċiżjoni dwar id-dritt ta’ aċċess, jew, għall-kuntrarju, jistgħu jiġu iżolati bħala obbligu awtonomu?
64. Fir-rigward tal-kawża prinċipali, jiena tal-opinjoni li tali pagamenti ta’ penalità jagħmlu parti integrali mill-mertu tas-sentenza dwar id-dritt ta’ aċċess.
65. F’dan ir-rigward, irrid qabel xejn nippreċiża li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-pagamenti ta’ penalità imposti mill-qorti Belġjana huma intiżi sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar id-dritt ta’ aċċess. Huma ġew iffissati mill-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini fl-istess ħin mad-deċiżjoni dwar il-mertu u għandhom għalhekk natura aċċessorja. Dan jirrigwarda hawnhekk l-ewwel stadju tal-implementazzjoni tal-pagamenti ta’ penalità, kif imsemmija fil-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiġifieri l-impożizzjoni tal-kundanna prinċipali li timponi dawn il-pagamenti ta’ penalità.
66. Il-Kummissjoni ġustament enfasizzat, waqt is-seduta, li dan il-każ li għandna quddiemna, jiġifieri l-eżekuzzjoni fi Stat Membru ieħor ta’ deċiżjoni dwar id-dritt ta’ aċċess akkumpanjata minn pagamenti ta’ penalità, ma għandux jiġi konfuż mal-każ fejn il-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini adottat deċiżjoni dwar id-dritt ta’ aċċess, iżda mingħajr ma akkumpanjatha b’pagamenti ta’ penalità (37). F’dan il-każ ipotetiku, l-impożizzjoni a posteriori ta’ pagamenti ta’ penalità mill-qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tkun ċertament irregolata mill-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 u suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni. Madankollu, l-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament jipprojbixxi r-reviżjoni tal-mertu tad-deċiżjoni dwar id-dritt ta’ aċċess.
67. Sussegwentement, irrid b’saħħa nenfasizza, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, li l-eżekuzzjoni tal-pagamenti ta’ penalità inkwistjoni f’din il-kawża prinċipali tippreżumi, min-naħa tal-ġenitur li miegħu jirrisjedi l-wild, nuqqas li jwettaq l-obbligu tiegħu li jikkoopera għall-implementazzjoni tad-dritt ta’ aċċess. F’dan ir-rigward, jiena naqbel mal-argument tal-Gvern Finlandiż, Spanjol, u dak Litwan, kif ukoll tal-Kummissjoni, li l-pagamenti ta’ penalità jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar id-dritt ta’ aċċess. Għaldaqstant, huwa loġiku li jiġi kkunsidrat li, bħala regola, il-pagamenti ta’ penalità għandhom l-istess saħħa eżekuttiva bħad-deċiżjoni dwar id-dritt ta’ aċċess innifisha, kif previst mir-Regolament Nru 2201/2003.
68. Għall-kuntrarju, jekk tiġi ammessa, f’dan il-każ, l-interpretazzjoni tal-Gvern Finlandiż li l-pagamenti ta’ penalità jaqgħu fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, huma ma jistgħux jiġu rrikonoxxuti u lanqas eżegwiti abbażi ta’ dan ir-regolament iżda jkunu suġġetti għad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni (38), kif jirrileva dan il-gvern stess. F’dan il-każ, il-pagamenti ta’ penalità imposti mill-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini, f’dan il-każ mill-qorti Belġjana, sabiex jiggarantixxu l-eżekuzzjoni tad-dritt ta’ aċċess jirriskjaw li jitilfu l-effett tagħhom, peress li jirrigwardaw miżura li l-għan tagħha hija li tiggarantixxi l-eżekuzzjoni tad-dritt ta’ aċċess. In-natura koersiva tal-pagamenti ta’ penalità tkun għalhekk limitata biss għall-Istat Membru tal-oriġini.
69. Għalhekk nasal biex nikkonkludi li pagamenti ta’ penalità li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar id-dritt ta’ aċċess, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma, f’dan ir-rigward, direttament eżekuttivi abbażi tar-Regolament Nru 2201/2003 u ma jistgħux jitqiesu li huma miżura ta’ eżekuzzjoni li taqa’ fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 2201/2003.
D – Fuq il-likwidazzjoni tal-pagamenti ta’ penalità fil-kuntest tar-Regolament Nru 2201/2003: l-applikazzjoni b’analoġija tal Artikolu 49 tar-Regolament Nru 44/2001
70. Permezz tar-raba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk, qabel l-eżekuzzjoni tagħhom fl-Istat Membru mitlub, il-pagamenti ta’ penalità għandhomx ikunu suġġetti għal deċiżjoni ġudizzjarja ġdida fl-Istat Membru tal-oriġini sabiex jiġi ffissat b’mod definittiv l-ammont tagħhom mill-qorti ta’ dan l-Istat Membru.
71. Mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Finlandiż u dak Litwan jirriżulta li huma jikkunsidraw li tali intervent mill-qorti tal-Istati Membru tal-oriġini huwa inutili, peress li l-eżekuzzjoni tal-pagamenti ta’ penalità taqa’ fi kwalunkwe każ taħt ir-regoli nazzjonali tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 2201/2003. Mill-banda l-oħra, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni jargumentaw fl-osservazzjonijiet tagħhom li hemm lok li l-assenza fir-Regolament Nru 2201/2003 ta’ regola bħal dik li tinsab fl-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 44/2001 tista’ timtela’ permezz ta’ applikazzjoni analoga għal din id‑dispożizzjoni.
72. Jiena naqbel mat-tieni pożizzjoni.
73. Huwa minnu li, ir-rekwiżit tal-likwidazzjoni tal-pagamenti ta’ penalità ma huwiex ipprovdut mir-Regolament Nru 2201/2003; madankollu, f’dan il-każ, l-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 44/2001 għandha tiġi analizzata (39). Fil-fatt, il‑leġiżlatur tal-Unjoni jinkwadra l-pagamenti ta’ penalità fil-kuntest tal-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 44/2001 biss (40). L-intervent tal-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan il-qasam għandu l-effett li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fi Stat Membru li jimponi tali miżura “jiġu eżegwiti fit-territorju ta’ Stat [Membru] ieħor biss jekk huma ġew likwidati f’ammont definittiv mill-qrati tal-Istat tal-oriġini” (41). L-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu hija għalhekk suġġetta għal-likwidazzjoni tal-pagamenti ta’ penalità (42). Fi kliem ieħor, l-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 44/2001 ma jippermettix li l-pagamenti ta’ penalità jiġu llikwidati fi Stat Membru differenti minn dak fejn huma ġew imposti (43). Konsegwentement, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jimponu pagamenti ta’ penalità li l-ammont tagħhom ma kienx “iffissat b’mod definittiv” fl-Istat Membru tal-oriġini huma esklużi mill-applikazzjoni tal-prinċipju tal-moviment liberu tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, li huwa wieħed mill-għanijiet previsti mir-Regolament Nru 44/2001, skont il-premessa 6 tiegħu.
74. Jiena tal-opinjoni li, f’dan il-każ, applikazzjoni b’analoġija ta’ din id-dispożizzjoni tirriżulta rilevanti. Tali applikazzjoni titlob l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin min-naħa tiegħi.
75. Fl-ewwel lok, kif diġà indikajt preċedentement, ir-rekwiżit tal-likwidazzjoni tal-pagamenti ta’ penalità ma huwiex ipprovdut fl-Istati Membri kollha (44). Il-fażi tal-likwidazzjoni minn qabel tal-pagamenti ta’ penalità tista’ għalhekk tkun suġġetta għal regoli u għal proċeduri differenti fid-diversi ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, li huwa l-każ f’din il-kawża, peress li d-dritt Belġjan ma jirrikonoxxix tali proċedura ta’ likwidazzjoni. Din id-diverġenza bejn id-drittijiet nazzjonali hija r-raġuni li għaliha ġiet adottata r-regola li tinsab fl-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 44/2001 (45). B’mod iktar preċiż, mir-rapport redatt minn M. Schlosser (46) jirriżulta li din ir-regola żdiedet “sabiex tirrimedja d-diffikultajiet li jistgħu jirriżultaw mir-relazzjonijiet bejn l-Istati f’materji ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenzi dwar it-twettiq ta’ atti individwali, meta s-sanzjoni prevista hija pagamenti ta’ penalità”.
76. F’dan ir-rigward, skont il-Kummissjoni, għalkemm ir-Regolament Nru 2201/2003 ma jinkludix dispożizzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 44/2001, din il-kwistjoni ma tqajmitx matul in-negozjati u lanqas ġiet indirizzata waqt il‑formulazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003. Għalhekk kif hija nnotat waqt is-seduta, ma jistax madankollu jiġi dedott li l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li jeskludi l-eżekuzzjoni tal-pagamenti ta’ penalità mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.
77. Fit-tieni lok, nirrileva li l-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 44/2001 tevita kull forma ta’ reviżjoni tal-mertu tad-deċiżjoni mogħtija mill-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini, kif jista’ jirriżulta mill-intervent tal-qorti tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni (47), ipprojbit fl-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 2201/2003 (48). Fil-fatt, billi tintervjeni sabiex tamministra l-pagamenti ta’ penalità b’mod li tintegra r-regoli proċedurali meħtieġa mid-dritt nazzjonali tagħha, din tal-aħħar mhux biss tiffaċċja d-diffikultajiet proprji tal-applikazzjoni tar-regoli proċedurali ta’ ordinament ġuridiku ieħor, iżda fuq kollox, u dan huwa l-iktar punt importanti, hija tmur kontra s-sistema ta’ eżekuzzjoni stabbilita mir-Regolament Nru 2201/2003 u tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji li fuqu huwa bbażat dan tal-aħħar (49). Jidhirli li huwa xieraq, f’dan ir-rigward, li jiġi nnotat ukoll li mill-premessi 2 u 21 tar-Regolament Nru 2201/2003 jirriżulta li s-sistema ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji hija l-bażi tal-ħolqien ta’ żona ġudizzjarja ġenwina u hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka.
78. Barra minn hekk, inżid li, fid-dawl tan-natura partikolari tad-dritt ta’ aċċess għal dak li jirrigwarda l-eżerċizzju prattiku tiegħu (50), l-unika setgħa li għandha l-qorti tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni fid-dawl tad-deċiżjoni dwar id-dritt ta’ aċċess hija dik mogħtija lilha mill-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 2201/2003 li jirrigwarda l-modalitajiet prattiċi tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt (51). Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tħalli ċerta marġni ta’ diskrezzjoni lill-qorti tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, billi tippermetti li tintervjeni sabiex tiggarantixxi l-eżekuzzjoni effettiva tad-dritt ta’ aċċess. Madankollu, il-qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrevedi s-sentenza dwar il-mertu, u għandha tillimita ruħha għall-analiżi dwar jekk hija tinkludix dispożizzjonijiet prattiċi dwar l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt u jekk dawn id‑dispożizzjonijiet humiex suffiċjenti (52). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li l-qrati għandhom jużaw il-prerogattivi mogħtija lilhom mill-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 2201/2003 sabiex jiżguraw li d-dritt ta’ aċċess jibqa’ dejjem possibbli u, jekk neċessarju, li jkun jista’ jiġi infurzat. Jiena naqbel ma’ din il-pożizzjoni.
79. Fit-tielet lok, l-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 44/2001 hija imposta, fl-opinjoni tiegħi, bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 2201/2003. Dan tal-aħħar jipprovdi li “d-drittijiet ta’ aċċess […] għandhom jiġu rikonoxxuti u jkunu nfurzabbli fi Stat Membru ieħor mingħajr il-bżonn ta’ dikjarazzjoni ta’ l-infurzabilità u mingħajr ebda possibilità li ssir opposizzjoni għar-rikonoxximent tagħhom jekk is-sentenza tkun ġiet iċcertifikata fl-Istat Membru ta’ l-oriġini skond il‑paragrafu 2”. Għalhekk, it-tibdil eventwali ta’ dritt ta’ aċċess sabiex, minn naħa waħda, jissodisfa aħjar l-interess superjuri tat-tfal u, min-naħa l-oħra, jadatta għat-tibdil li jseħħ eventwalment jaqa’ esklużivament fil-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini. Il-qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandha tibbaża s-sentenza tagħha fuq pagamenti ta’ penalità li l-ammont definittiv tagħhom ġie ffissat.
80. Fil-kawża prinċipali, C. Bohez għandu konsegwentement jirċievi mill-qorti Belġjana l-konferma tal-ammont definittiv tal-pagamenti ta’ penalità, anki jekk, skont id-dritt Belġjan, ebda deċiżjoni separata ma hija meħtieġa. F’dan ir-rigward, jidhirli utili li jsir riferiment għall-ġurisprudenza u d-dottrina Belġjana f’dan il-qasam. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza Belġjana, ir-rikors quddiem il-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini huwa ġġustifikat fid-dawl tar-Regolament Nru 44/2001, anki jekk id-dritt Belġjan ma jipprovdix għal proċedura ta’ likwidazzjoni tal-pagamenti ta’ penalità (53). Min-naħa tagħha, id-dottrina Belġjana tikkunsidra li, fil-kuntest “taż-żona Ewropea”, jipprevalixxi r-Regolament Nru 44/2001 u l-qorti Belġjana li tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni għandha ġurisdizzjoni sabiex tillikwida l-pagamenti ta’ penalità, anki jekk ma nbdietx proċedura ta’ eżekuzzjoni fil-Belġju (54). Fi kwalunkwe każ, il-ġurisdizzjoni għal-likwidazzjoni tal-pagamenti ta’ penalità hija tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istat tal-oriġini.
81. Fir-raba’ lok, jidhirli li r-rekwiżit ta’ likwidazzjoni tal-pagamenti ta’ penalità fil-kuntest tar-Regolament Nru 2201/2003 jirrikonċilja tajjeb ma’ qasam sensittiv bħal dak tar-relazzjonijiet familjari b’mod ġenerali u ma’ dak tad-dritt ta’ aċċess b’mod partikolari. L‑Artikolu 24(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li t-“tfal kollha għandhom id-dritt li jkollhom, regolarment, relazzjoni personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri, sakemm dan ma jkunx kontra l-interessi tat-tfal” (55). F’dan ir-rigward, mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 jirriżulta li d-dritt ta’ aċċess jitqies li huwa prijoritarju. Huwa għalhekk fundamentali, għall-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, li ż-żewġ ġenituri jkunu jistgħu jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt ta’ aċċess tagħhom, li ġustament huwa l-iskop tal-pagamenti ta’ penalità kollha.
82. F’dan il-kuntest, l-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 44/2001 tippermetti stħarriġ ġudizzjarju tal-allegat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu prinċipali mill-kreditur. Dan l-istħarriġ huwa ta’ importanza kbira sabiex ikun protett l-interess superjuri tal-wild. Fil-fatt, huwa jippreżumi min-naħa tal-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini li hija tikkonstata mhux biss in-numru tal-assenzi tal-wild, iżda wkoll ir-raġunijiet ta’ dawn l-assenzi, pereżempju jekk dawn humiex marbuta ma’ inċident, mas-saħħa tal-wild jew ta’ ġenitur, mar-rifjut ta’ adoloxxent li jkollu relazzjoni mal-ġenitur li ma għandux il-kustodja jew ma’ problemi ekonomiċi tal-ġenituri.
83. Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-punt 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fl-interess superjuri tal-wild, jekk pagamenti ta’ penalità huma imposti b’deċiżjoni dwar id-dritt ta’ aċċess u li l-eżekuzzjoni tagħha hija mitluba fi Stat Membru ieħor, iż-żewġ qrati kkonċernati għandhom jikkooperaw sabiex jiggarantixxu t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha tal-kawża. Sabiex jagħmlu dan, huma jistgħu jużaw il-prerogattivi mogħtija lilhom mill-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 2201/2003. Tali kooperazzjoni timplika tqassim tal-kompetenzi u tar-responsabbiltajiet bejn il-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini u l-qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex tkun żgurata l-protezzjoni li l-wild għandu permezz tad-dritt tal-Unjoni. L-interess superjuri tal-wild għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, bħala prijorità, mill-qrati kkonċernati (56).
84. Konsegwentement, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-opinjoni li, qabel l-eżekuzzjoni tagħhom fl-Istat Membru mitlub, il-pagamenti ta’ penalità għandhom ikunu suġġetti għal deċiżjoni ġudizzjarja ġdida fl-Istat Membru tal-oriġini, sabiex l-ammont tagħhom ikun iffissat b’mod definittiv mill-qorti ta’ dan l-Istat Membru.
85. Fid-dawl tar-risposti tiegħi għat-tielet u r-raba’ domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għal-ħames domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju.
V – Konklużjoni
86. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Korkein oikeus:
1) Deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija fi Stat Membru u akkumpanjata minn pagamenti ta’ penalità sabiex tiġi osservata l-eżekuzzjoni ta’ dritt ta’ aċċess, ma tistax tiġi infurzata fi Stat Membru ieħor abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali.
2) Pagamenti ta’ penalità li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar id-dritt ta’ aċċess, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma, f’dan ir-rigward, direttament eżekuttivi abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, u ma jistgħux jitqiesu li huma miżura ta’ eżekuzzjoni li taqa’ fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 47(1) ta’ dan ir-regolament.
3) Qabel l-eżekuzzjoni tagħhom fl-Istat Membru mitlub, il-pagamenti ta’ penalità għandhom ikunu suġġetti għal deċiżjoni ġudizzjarja ġdida fl-Istat Membru tal-oriġini, sabiex l-ammont tagħhom ikun iffissat b’mod definittiv mill-qorti ta’ dan l-Istat Membru.