Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Settembru 2021 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja

(Kawża C-602/21)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: D. Milanowska, M. Noll-Ehlers, pełnomocnicy)

Konvenut: Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddeċiedi, li:

1) billi rrikjediet it-tfassil ta’ pjanijiet ta’ azzjoni għaż-żoni li fihom ma nqabżux l-istimi tal-istorbju ammissibbli sat-18 ta’ Lulju 2024, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva 2002/49 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2002 li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali 1 ;

2) billi ma rrikjedietx li l-pjanijiet ta’ azzjoni jkunu jinkludu indikazzjoni tal-istorja ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi organizzati konformement mal-Artikolu 8(7) tad-Direttiva 2002/49, kif ukoll miżuri li l-organi kompetenti beħsiebhom jadottaw fil-ħames snin li ġejjin bil-għan tal-protezzjoni taż-żoni kwieti, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha bis-saħħa tas-seba’ u d-disa’ inċiżi tal-punt 1 tal-Anness V ta’ din id-direttiva;

3) billi ma fasslitx il-pjanijiet ta’ azzjoni għall-20 linja ferrovjarja prinċipali speċifikati fl-Anness A.3 tar-rikors, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2002/49;

4) billi ma fasslitx il-pjanijiet ta’ azzjoni għall-290 triq prinċipali speċifikati fl-Anness A.4 tar-rikors, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha bis-saħħa tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2002/49; kif ukoll

5) billi ma pprovdietx sommarji tal-pjanjiet ta’ azzjoni għall-20 linja ferrovjarja prinċipali speċifikati fl-Anness A.3 tar-rikors kif ukoll għall-290 triq prinċipali speċifikati fl-Anness A.4 tar-rikors, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2002/49 b’rabta mal-Anness VI tagħha.

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tal-ewwel motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-introduzzjoni tar-rekwiżit ta’ tfassil, sat-18 ta’ Lulju 2024, tal-pjanijiet ta’ azzjoni għaż-żoni li fihom l-istimi tal-istorbju ammissibbli ma jinqabżux ma tiggarantixxix protezzjoni adegwata ta’ dawn iż-żoni kif ukoll twassal biex ir-Repubblika tal-Polonja ma tissodisfax l-obbligu tagħha ta’ tfassil tal-pjanijiet ta’ azzjoni għall-ħtiġijiet tal-ġestjoni tal-problemi tal-istorbju u tal-effetti tal-istorbju u t-tnaqqis tal-istorbju fiż-żoni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħha, liema fatt imur kontra l-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva 2002/49. L-għanijiet tad-Direttiva tal-evitar u l-prevenzjoni tal-effetti dannużi tal-istorbju fl-ambjent kif ukoll il-preżervazzjoni tal-kwalità tal-klima akustika tal-ambjent, tista’ għalhekk tintlaħaq biss fejn il-pjanijiet ta’ azzjoni jiġu żviluppati wkoll għaż-żoni li fihom ma jinqabżux il-limiti ta’ storbju.

Permezz tat-tieni motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li d-dritt Pollakk jonqos milli jiżgura li l-programm ta’ protezzjoni tal-ambjent ikun jirreferi wkoll għall-miżuri li jkollhom bħala għan il-preżervazzjoni taż-żoni kwieti, skont kif meħtieġ mid-Direttiva 2002/49. Id-dritt Pollakk ma jissodisfax dan ir-rekwiżit. Barra minn hekk, id-dritt Pollakk ma jintroduċix rekwiżit ta’ provvista ta’ storja ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi organizzati konformement mal-Artikolu 8(7) tad-Direttiva 2002/49 bħala element obbligatorju tal-pjan ta’ azzjoni. L-Artikolu 119a(5) tal-ustawa Prawo ochrony środowiska (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent) jobbliga biss lill-Marszałek (kap tal-gvern lokali) responsabbli biex iwettaq konsultazzjonijiet pubbliċi konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti. Madankollu ma hemmx obbligu legali ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-istorja tal-konsultazzjonijiet pubbliċi fil-pjan ta’ azzjoni.

Permezz tat-tielet motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni nuqqas ta’ tfassil mill-Polonja tal-pjanijiet ta’ azzjoni għall-20 linja ferrovjarja prinċipali, li l-Polonja kienet preċedentement innotifikat lill-Kummissjoni bħala tali linji ferrovjarji prinċipali, li jwassal għall-ksur mill-Polonja tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2002/49.

Permezz tar-raba’ motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni nuqqas ta’ tfassil mill-Polonja tal-pjanijiet ta’ azzjoni għall-290 triq prinċipali, li l-Polonja kienet preċedentement innotifikat lill-Kummissjoni bħala tali toroq prinċipali, li jwassal għall-ksur mill-Polonja tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2002/49.

Permezz tal-ħames motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni nuqqas ta’ provvista, mill-Polonja, ta’ sommarji tal-pjanijiet ta’ azzjoni għall-20 linja ferrovjarja prinċipali u għall-290 triq prinċipali, bi ksur tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2002/49.

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 101.