Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Marzu 2024 – End the Cage Age vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-151/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Citizens’ Committee of the European citizens’ initiative “End the Cage Age” (rappreżentant: T. Hieber, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tistabbilixxi li l-Kummissjoni Ewropea, billi ma adottatx komunikazzjoni li tadotta terminu ġdid għall-adozzjoni ta’ proposta leġiżlattiva b’risposta għall-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej “End the Cage Age”, li temenda l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C(2021) 4747 finali, tat-30 ta’ Ġunju 2021, dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) “End the Cage Age”, kisret it-Trattati;

tannulla ċ-ċaħda tal-Kummissjoni tal-applikazzjoni tar-rikorrent għal aċċess għall-fajl tal-inizjattiva “End the Cage Age”, liema ċaħda tirriżulta mill-ittra tal-Kummissarju Kyriakides tal-5 ta’ Frar 2024;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq li n-nuqqas tal-Kummissjoni li tittieħed azzjoni kien imur kontra l-obbligu tagħha li tistabbilixxi terminu skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 , u l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

It-tieni motiv, ibbażat fuq li r-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti aċċess lir-rikorrent għall-fajl tal-inizjattiva “End the Cage” jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

____________

1 Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (ĠU 2019, L 130, p. 55, rettifiki fil-ĠU 2019, L 334, p. 168 u fil-ĠU 2020, L 424, p. 60).