Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Marzu 2024 – AlfaStrakhovanie vs Il-Kunsill

(Kawża T-150/24)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: AlfaStrakhovanie (Moska, ir-Russja) (rappreżentant: A. Genko, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) 269/2014 1 tas-17 ta’ Marzu 2014, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2875 2 sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti billi żiedha fil-lista ta’ entitajiet issanzjonati taħt in-numru 270;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK 1 tas-17 ta’ Marzu 2014, kif emendata fit-18 ta’ Diċembru 2023 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/2871 2 sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti u ż-żieda fil-lista ta’ entitajiet issanzjonati taħt in-numru 270;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għar-raġuni li l-Kunsill ma ressaq ebda raġuni individwali, speċifika u konkreta li tista’ tikklassifika lir-rikorrenti skont il-kriterji li ġew applikati lilha.

It-tieni motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni, għar-raġuni li l-motivazzjoni fiha dikjarazzjonijiet żbaljati u li l-fajl tal-provi ma jistabbilixxix fatti li jiġġustifikaw l-inklużjoni tar-rikorrenti fuq lista ta’ persuni ssanzjonati.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għall-proprjetà u l-libertà ta’ intrapriża, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba l-impatt sproporzjonat fuq terzi u l-inkapaċità tas-sanzjonijiet li jilħqu l-għanijiet segwiti mir-Regolament Nru 269/2014.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-impatt sproporzjonat fuq terzi u l-inkapaċità li jintlaħqu l-għanijiet segwiti mir-Regolament Nru 269/2014.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-possibbiltà li jiġu adottati miżuri oħra inqas restrittivi mill-miżuri inkwistjoni.

Is-sitt motiv ibbażat fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità inċidentali tal-kriterju previst fl-Artikolu 3(1)(f) tar-Regolament Nru 269/2014, minħabba l-assenza ta’ rabta suffiċjenti bejn il-kriterju u l-għan imfittex u minħabba ksur tal-prinċipji fundamentali tal-Unjoni u b’mod partikolari tal-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq ksur tar-regoli formali, minħabba l-inkapaċità tal-Kunsill li jidentifika b’mod korrett il-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi.

____________

1     Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 64).

1     Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2875 tat-18 ta’ Diċembru 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L, 2023/2875).

1     Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16).

1     Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/2871 tat-18 ta’ Diċembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L, 2023/2871).