Language of document : ECLI:EU:T:2014:141

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

21 ta’ Marzu 2014 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra persuni u entitajiet marbuta ma’ Usama Bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban — Regolament (KE) Nru 881/2002 — Iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi ta’ persuna wara l-inklużjoni tagħha f’lista stabbilita minn korp tan-Nazzjonijiet Uniti — Kumitat tas-sanzjonijiet — Inklużjoni sussegwenti fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002 — Rifjut tal-Kummissjoni li tħassar din l-inklużjoni — Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni — Drittijiet fundamentali — Dritt għal smigħ, dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv u dritt għar-rispett tal-proprjetà”

Fil-Kawża T‑306/10,

Hani El Sayyed Elsebai Yusef, residenti fi Londra (ir-Renju Unit), inizjalment irrappreżentat minn E. Grieves, barrister, u H. Miller, solicitor, sussegwentement minn E. Grieves, H. Miller u P. Moser, QC,u R. Graham, solicitor,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Paasivirta, M. Konstantinidis u T. Scharf, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn E. Finnegan u R. Szostak, sussegwentement minn E. Finnegan, bħala aġenti,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett talba biex jiġi kkonstatat, skont l-Artikolu 265 TFUE, li l-Kummissjoni illegalment naqset milli tipproċedi bl-irtirar tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1629/2005, tal-5 ta’ Ottubru 2005, li jemenda għall-54 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 (ĠU L 348M, p. 275) sa fejn dan l-att jikkonċerna lir-rikorrent,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood (Relatur), President, F. Dehousse u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Ottubru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fid-29 ta’ Settembru 2005, il-Kumitat stabbilit bir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1267 (1999) (iktar ’il quddiem, rispettivament, il-“ Kumitat tas-Sanzjonijiet ” u l-“ Kunsill tas-Sigurtà”) żied isem ir-rikorrent, Hani El Sayyed Elsebai Yusef, identifikat bħala persuna assoċjata mal-organizzazzjoni Al-Qaida, mal-lista rekapitulattiva tagħha ta’ persuni u ta’ entitajiet li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom għandhom jiġu ffriżati skont id-diversi riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà [b’mod partikolari r-Riżoluzzjonijiet 1333 (2000), 1390 (2002), 1455 (2003), 1562 (2004), 1617 (2005), 1730 (2006), 1735 (2006), 1822 (2008), 1904 (2009) u 1989 (2011)] intiżi li jiġġieldu t-theddida li l-atti ta’ terroriżmu jirrappreżentaw għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali (iktar ’il quddiem il-“ lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet ”).

2        Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1629/2005, tal-5 ta’ Ottubru 2005 li jemenda għall-54 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 (ĠU L 348M, 24.12.2008 p. 275), isem ir-rikorrent ġie miżjud mal-lista tal-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002, tas-27 ta’ Mejju 2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerti merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l-friża fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban tal-Afganistan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 294) (iktar ’il quddiem, il-“lista kontenzjuża”). L-assi u r-riżorsi finanzjarji l-oħra tiegħu ġew għalhekk iffriżati fil-Komunità Ewropea, skont id-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 881/2002.

3        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Jannar 2006 u indirizzat kontra l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ir-rikorrent ippreżenta rikors għall-annullament tar-Regolament Nru 881/2002, kif emendat bir-Regolament Nru 1629/2005, sa fejn dawn l-atti kienu jikkonċernawh. B’digriet tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Mejju 2006, Yusef vs Il-Kunsill (T‑2/06, mhux ippubblikat fil-Ġabra), dan ir-rikors ġie miċħud bħala manifestament inammissibbli għaliex ippreżentat wara t-terminu.

4        Fit-3 ta’ Settembru 2008, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet is-sentenza tagħha fil-Kawżi maqgħuda Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kadi I tal-Qorti tal-Ġustizzja”).

5        B’ittri tas-7 ta’ Marzu 2009 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ir-rikorrent talab biex ikollu aċċess għad-dokumenti użati minn dawn l-istituzzjonijiet sabiex tiġi ġġustifikata l-inklużjoni tiegħu fil-lista kontenzjuża.

6        B’ittra tat-23 ta’ April 2009, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrent tliet dokumenti, jiġifieri: i) il-Komunikat SC/8516 tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, tat-3 ta’ Ottubru 2005, dwar iż-żieda ta’ isem ir-rikorrent, flimkien ma’ oħrajn, fil-lista tagħha, ii) il-Komunikat SC/8250 tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, tal-10 ta’ Ottubru 2005, dwar il-bdil fid-data personali tar-rikorrent, kif jinsabu marbuta ma’ ismu fil-lista tal-imsemmi kumitat; iii) il-Komunikat SC/8815 tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, tal-24 ta’ Awwissu 2006, dwar bdil ġdid tal-istess data personali.

7        Ir-rikorrent ippreżenta, quddiem il-High Court of Justice (England and Wales), Queen’s Bench Division [Qorti Superjuri tal-Ġustizzja (L-Ingilterra u Wales) Sezzjoni tal-Maġistrati tal-Kuruna, iktar ’il quddiem il-“ High Court ”], rikors kontra l-miżuri nazzjonali ta’ ffriżar tal-fondi tiegħu adottati fil-konfront tiegħu mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u tal-Commonwealth tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (iktar ’il quddiem l-“FCO”), parallelament mal-adozzjoni tar-Regolament Nru 1629/2005. Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, l-FCO ħa bosta azzjonijiet mal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, sabiex ir-rikorrent ikun jista’ jkun jaf ir-raġunijiet tal-inklużjonijiet tiegħu fil-lista ta’ dan il-kumitat kif ukoll l-identità tal-Istat li talab din l-inklużjoni. Dawn l-azzjonijiet ma sarrfu xejn, iżda, f’depożizzjoni magħmul fil-kwalità tiegħu ta’ xhud fid-19 ta’ Ġunju 2009, quddiem il-High Court, il-kap tat-tim tas-sanzjonijiet tal-FCO, f’isem l-FCO, iddikjara s-segwenti:

“Skont il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid hekk kif iddefinit [mil-leġiżlazzjoni applikabbli], l-FCO ġabar l-elementi ta’ informazzjoni li għandu l-Gvern sabiex ir-[rikorrent] jiġi eżaminat fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fir-riżoluzzjonijiet rilevanti [tal-Kunsill tas-Sigurtà]. Wara din il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, l-FCO kkonkluda li l-inklużjoni ta’ [isem ir-rikorrent] fil-lista [tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet] skont is-sistema [stabbilita bir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1267 (1999)] ma kellhiex għalfejn isseħħ. Intalbet informazzjoni addizzjonali, iżda din ma ġietx ipprovduta mill-Istat li ppropona isem ir-[rikorrent]. Konsegwentement, ir-Renju Unit ser jikkuntatja lill-Kumitat [tas-Sanzjonijiet] sabiex jinformah li l-inklużjoni tar-[rikorrent] ma għandhiex tibqa’ fis-seħħ. Ir-Renju Unit ser iressaq ukoll talba ta’ tħassir ta’ [isem ir-rikorrent] mil-lista [tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet] u ser jagħmel minn kollox biex jikseb tali tħassir”.

8        B’sentenza tas-27 ta’ Jannar 2010, Her Majesty’s Treasury (Respondent) v Mohammed Jabar Ahmed and Others (Appellants), Her Majesty’s Treasury (Respondent) v Mohammed al-Ghabra (Appellant) and R (on the application of Hani el Sayed Sabaei Youssef) (Respondent) v Her Majesty’s Treasury (Appellant) [2010] UKSC 2 & [2010] UKSC 5, il-United Kingdom Supreme Court (Qorti Suprema tar-Renju Unit) annullat il-miżuri nazzjonali ta’ ffriżar tal-fondi tar-rikorrent, għaliex dawn ġew adottati ultra vires.

9        B’ittra tat-18 ta’ Marzu 2010, b’riferiment għas-sentenza Kadi I tal-Qorti tal-Ġustizzja u għas-sentenza tal-United Kingdom Supreme Court, iċċitata iktar ’il fuq, ir-rikorrent stieden lill-Kummissjoni biex tħassar ismu mil-lista kontenzjuża, b’mod partikolari għar-raġunijiet li:

–        ismu kien ġie inkluż f’din il-lista b’mod awtomatiku wara l-inklużjoni tiegħu fil-lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, mingħajr mal-Kummissjoni pproċediet b’evalwazzjoni indipendenti u imparzjali;

–        l-ebda mir-raġunijiet għal din l-inklużjoni ma ġew ikkomunikati lilu, bi ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu u bi ksur tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Kadi I ;

–        ir-Renju Unit, wara li eżamina l-provi li fuqhom kienet tistrieħ l-inklużjoni ta’ ismu fil-lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, kien ikkonkluda li l-kriterji ta’ inklużjoni ma kinux ġew issodisfatti.

10      Ir-rikorrenti stieden ukoll lill-Kummissjoni biex tipprovdi b’urġenza l-informazzjoni addizzjonali dwar il-motivi sostantivi li jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ ismu fil-lista kontenzjuża.

 Il-proċedura u żviluppi ġodda fil-mori tal-kawża

11      Peress li l-Kummissjoni ma wiġbietx l-ittra tar-rikorrent tat-18 ta’ Marzu 2010 fit-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 265 TFUE, huwa ppreżenta din l-azzjoni bir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Lulju 2010.

12      Permezz ta’ att ippreżentat fl-istess ġurnata fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent ressaq talba għal għajnuna legali skont l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ottubru 2010, din it-talba ntlaqgħet.

13      Fid-29 ta’ Lulju 2010, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet eżamina mill-ġdid l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista tiegħu, skont il-proċedura ta’ reviżjoni prevista fil-paragrafu 25 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1822 (2008). L-għan ta’ dan l-eżami mill-ġdid huwa li jiġi żgurat li l-imsemmija lista hija kemm jista’ jkun eżatta u aġġornata u li jiġi kkonfermat li l-inklużjoni tal-persuna kkonċernata għadha ġġustifikata. Wara dan l-eżami mill-ġdid, isem ir-rikorrent inżamm fil-lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

14      Fil-31 ta’ Awwissu 2010, il-Kummissjoni rċeviet mingħand il-Kumitat tas-Sanzjonijiet, bi tweġiba għat-talba tagħha tas-26 ta’ Jannar 2010, l-espożizzjoni tal-motivi li wasslu għall-inklużjoni fil-lista tal-imsemmi kumitat ta’ bosta persuni, fosthom ir-rikorrent.

15      Il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrent, b’ittra tal-10 ta’ Settembru 2010, l-espożizzjoni tal-motivi inkwistjoni, billi indikat li din l-espożizzjoni tal-motivi wasslet għall-inklużjoni tiegħu fil-lista kontenzjuża (iktar ’il quddiem l-“ espożizzjoni tal-motivi ”) u stednitu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu qabel l-10 ta’ Diċembru 2010.

16      L-espożizzjoni tal-motivi hija fformulat kif ġej:

“[Ir-rikorrent] kien membru tal-Jihad Iżlamika Eġizzjana […] [Ir-rikorrent] u ċerti membri oħra tal-Jihad Iżlamika Eġizzjana ngħaqdu ma’ Al-Qaida […] fil-bidu tas-snin 1990.

Il-Jihad Iżlamika Eġizzjana, immexxija mil-logutenent ta’ Usama bin Laden, Aiman al-Zawahiri […], hija responsabbli għall-bomba mqiegħda fl-ambaxxata tal-Eġittu f’Iżlamabad fl-1995. Mill-1998, il-grupp rċieva l-parti l-kbira tal-fondi tiegħu mill-Al-Qaida u, fl-2001, ingħaqqad ma’ Al-Qaida.

[Ir-rikorrent] ipprovda materjal ta’ sostenn lil Al-Qaida u daħal f’konspirazzjoni biex iwettaq atti ta’ terroriżmu. Huwa vvjaġġa internazzjonalment billi uża dokumenti foloz, irċieva taħriġ militari u kien jifforma parti minn ċelluli u minn gruppi li jwettqu operazzjonijiet ta’ terroriżmu billi tintuża l-forza u l-vjolenza, inkluż l-intimidazzjoni, it-theddid u d-dannu lill-proprjetajiet pubbliċi u privati, kif ukoll iwettaq reżistenza għall-attivitajiet tal-awtoritajiet pubbliċi. [Ir-rikorrent] ta’ struzzjoni lil oħrajn biex imorru fl-Afganistan biex hemm jipparteċipaw fil-ġlied. Huwa uża sit internet biex jappoġġja l-atti ta’ terroriżmu mwettaq minn Al-Qaida kif ukoll biex iżomm il-kuntatt ma’ ċertu numru ta’ simpatizzanti madwar id-dinja.

[Ir-rikorrent] huwa mfittex mill-awtoritajiet Eġizzjani għall-involviment tiegħu f’reati ta’ terroriżmu mwettqa fl-Eġittu u lil hinn, inkluż il-kollużjoni kriminali bl-intenzjoni li jitwettqu atti ta’ qtil premeditat, id-distruzzjoni ta’ proprjetajiet, il-pussess mhux awtorizzat ta’ armi tan-nar, ta’ munizzjhoni u ta’ splużivi, l-appartenenza fi grupp terroristiku, l-iffalsifikar ta’ dokumenti uffiċjali u oħrajn, u s-serq.”

17      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors abbażi tal-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura.

18      Fit-30 ta’ Settembru 2010, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet is-sentenza tagħha fil-Kawża Kadi vs Il-Kummissjoni(T‑85/09, Ġabra p. II‑5177, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kadi II tal-Qorti Ġenerali”).

19      B’digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali, tad-19 ta’ Novembru 2010, il-Kunsill ġie ammess jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

20      Fit-30 ta’ Novembru 2010, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet irrifjuta li jilqa’ t-talba ta’ tħassir ta’ isem ir-rikorrenti mil-lista tiegħu, imressqa mir-Renju Unit. Mill-ittra tat-2 ta’ Diċembru 2011 tal-President tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet lill-Kummissjoni jirriżulta “li tal-inqas Stat Membru tal-[Kumitat tas-Sanzjonijiet] ikkonkluda li ma kienx jaqbel mal-fatt li [ir-rikorrent] ma għadux jissodisfa l-kriterji ta’ inklużjoni fil-lista tal-[imsemmi kumitat] ”.

21      B’ittra tad-9 ta’ Diċembru 2010, ir-rikorrent ressaq l-osservazzjonijiet tiegħu lill-Kummissjoni bi tweġiba għall-espożizzjoni tal-motivi.

22      Skont l-Artikolu 7c(3) tar-Regolament Nru 881/2002, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1286/2009, tat-22 ta’ Diċembru 2009 (ĠU L 346, p. 42), il-Kummissjoni għalhekk bdiet eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tagħha li tinkludi isem ir-rikorrent fil-lista kontenzjuża, fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet u skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7b(2) tar-Regolament Nru 881/2002. Il-Kummissjoni bagħtet ukoll l-osservazzjonijiet inkwistjoni lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

23      Permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tal-14 ta’ Marzu 2011, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ngħaqdet mal-mertu.

24      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas-17 ta’ Novembru 2011, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) stiednet lill-partijiet biex jinformawha dwar l-istat tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid mibdija f’din il-kawża skont ir-Regolament Nru 881/2002, kif emendat bir-Regolament Nru 1289/2009 (iktar ’il quddiem il-“ proċedura ta’ eżami mill-ġdid ”), u, fl-ipoteżi li għadha ma tteħditx deċiżjoni dwar l-eżami mill-ġdid, stiednet lill-Kummissjoni biex tindika r-raġunijiet u tibgħatilha d-data approssimattiva li fiha hija taħseb li ser tiġi adottata.

25      B’ittra ppreżentata lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Diċembru 2011, ir-rikorrent informa lill-Qorti Ġenerali li ma kienx f’pożizzjoni li jwieġeb għal din l-istedina, għaliex ma kien irċieva l-ebda informazzjoni jew korrispondenza mingħand il-Kummissjoni mill-ittra tiegħu tad-9 ta’ Diċembru 2010.

26      B’ittra ppreżentata lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni informa lill-Qorti Ġenerali li hija kienet stiednet lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet biex jirreaġixxi għall-osservazzjonijiet tar-rikorrent tad-9 ta’ Diċembru 2010, qabel ma hija tagħlaq l-eżami mill-ġdid tagħha. Hija sostniet li, wara li insistit diversi drabi ma’ dan il-kumitat, hija fl-aħħar irċeviet mingħandu, fit-2 ta’ Diċembru 2011, komunikazzjoni li tindika li l-imsemmi kumitat “[kien] qed jinvestiga b’mod attiv” fuq dan il-każ. Il-Kummissjoni sostniet li huwa għaqli li wieħed jistenna l-eżitu tal-investigazzjoni tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet. Madankollu, hija ddikjarat li lesta taġixxi “bil-ħeffa kollha meħtieġa” u tat x’tifhem li tinsab f’pożizzjoni li ttemm il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid “matul l-ewwel tliet xhur tal-2012”.

27      B’ittra ppreżentata lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill ikkonferma l-informazzjoni tal-Kummissjoni.

28      B’ittra ppreżentata lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni informa lill-Qorti Ġenerali li hija kienet irċeviet mingħand il-President tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet komunikazzjoni ġdida bil-miktub, datata 15 ta’ Diċembru 2011, mehmuża fl-anness tal-imsemmija ittra, dwar il-każ tar-rikorrent, u rrepetiet li hija tispera li tkun f’pożizzjoni li tikkonkludi l-eżami mill-ġdid tagħha matul l-ewwel tliet xhur tal-2012. Din il-komunikazzjoni tiddikjara b’mod partikolari dan li ġej:

“Dwar l-allegazzjoni li tipprovdi li l-provi dwar din il-kawża nkisbu taħt it-tortura, l-Istat ta’ residenza [tar-rikorrent] ikkomunika l-perspettiva tiegħu lill-[Kumitat tas-Sanzjonijiet] fl-ittra hawn mehmuża, datata 7 ta’ Diċembru 2011. Membru ieħor tal-[Kumitat tas-Sanzjonijiet] sostna li [ir-rikorrent] huwa magħruf bħala l-persuna li tmexxi ‘Al-Maqreze Center for Historical Studies’, ibbażat fir-Renju Unit. Fuq is-sit elettroniku ta’ dan iċ-ċentru hemm disponibbli kontenut radikali (www.almagreze.net).”

29      L-ittra tar-Rappreżentazzjoni Permanenti tar-Renju Unit għan-Nazzjonijiet Unit (NU) lill-President tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tas-7 ta’ Diċembru 2011, mehmuża mal-imsemmija komunikazzjoni, tesponi b’mod partikolari s-segwenti:

“[Ir-rikorrent] attwalment qed jikkontesta quddiem il-qrati tar-Renju Unit id-deċiżjoni tar-Renju Unit li tqiegħed ismu skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1989 (2011). Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, [ir-rikorrent] isostni li l-provi kontrih ‘inkisbu jew taħt it-tortura tal-kollegi tiegħu, jew maħluqa mill-awtoritajiet Eġizzjani’. Għalhekk, [ir-rikorrent] mhux qed jissuġġerixxi li huwa jaf li l-provi kontrih inkisbu taħt it-tortura, iżda pjuttost li jaħseb li dawn il-provi ma humiex affidabbli għal waħda minn dawn iż-żewġ raġunijiet possibbli:

Ir-Renju Unit jinsisti fuq il-fatt li ma hemm l-ebda raġuni għalfejn wieħed għandu jemmen li l-informazzjoni li huwa qies meta ddeċieda li jneħħi r-riżervi tiegħu dwar isem [ir-rikorrent] inkisbu taħt it-tortura jew inħalqu mill-awtoritajiet Eġizzjani, kif isostni [ir-rikorrent].

[Ir-rikorrent] għandu l-possibbiltà li jikkuntattja direttament lill-[Kumitat tas-Sanzjonijiet] sabiex jitneħħa mil-lista. Mit-3 ta’ Ġunju 2010, huwa għandu d-dritt li jressaq talba għal tħassir lill-uffiċċju tal-Ombudsman.

Ir-Renju Unit attwalment qed jeżamina mill-ġdid is-sitwazzjoni [tar-rikorrent] u ser jikkuntattja lill-[Kumitat tas-Sanzjonijiet] hekk kif dan il-proċess jintemm.”

30      B’ittra tal-11 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni informat lir-rikorrent li l-eżami mill-ġdid tal-każ tiegħu kien għadu għaddej u bagħtitlu l-provi inkriminanti addizzjonali li jinsabu fl-ittra tal-President tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-15 ta’ Diċembru 2011, imsemmija iktar ’il fuq, u stednitu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar dan qabel l-1 ta’ Frar 2012.

31      Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Frar 2012, ir-rikorrent ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu lill-Kummissjoni.

32      B’ittra ppreżentata lill-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Mejju 2012, ir-rikorrent ikkomunika lill-Qorti Ġenerali kopja tal-ittri msemmija fil-punti 30 u 31 iktar ’il fuq.

33      Fuq rapport tal-Imħallef relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

34      B’ittra ppreżentata lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Settembru 2012, ir-rikorrent ressaq talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, intiża sabiex isiru ċerti domandi lill-Kummissjoni. Ma’ din l-ittra ġew mehmuża ittra tar-rikorrent lill-Kummissjoni tat-13 ta’ Settembru 2012 kif ukoll ċertu numru ta’ dokumenti deklassifikati, reċentement miksuba minnu mingħand il-UK Security Services (servizzi ta’ sigurtà tar-Renju Unit).

35      B’ittra ppreżentata lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni informat lill-Qorti Ġenerali li hija kienet rċeviet mingħand il-President tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet komunikazzjoni oħra bil-miktub datata l-21 ta’ Marzu 2012, mehmuża fl-anness tal-imsemmija ittra, dwar il-każ tar-rikorrent, u indikat, abbażi ta’ informazzjoni uffiċjali kkomunikata mid-delegazzjoni tagħha f’New York (l-Istati Uniti), li l-proċess ta’ eżami mill-ġdid tal-każ tar-rikorrent mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet jista’ jwassal għal deċiżjoni fit-23 ta’ Diċembru 2012. Din il-komunikazzjoni tiddikjara b’mod partikolari dan li ġej:

“ Insegwitu għall-messaġġi elettroniċi tiegħi preċedenti tat-2 u tal-15 ta’ Diċembru 2011, nixtieq ninformak li l-Istat nominat informa lill-Kumitat [tas-Sanzjonijiet] li huwa jipprekludi l-iżvelar tal-identità tiegħu bħala Stat ta’ nomina. Barra minn hekk, l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat ikkonfermaw li ‘skont l-eżami mill-ġdid tagħhom tal-każ [tar-rikorrent], huma kienu waslu għall-konklużjoni li għad hemm rabtiet u konnessjonijiet bejn [ir-rikorrent], peress li huwa kien membru tal-grupp Al-jihad, li għandu rabtiet ma’ Al-Qaidaʼ. ”

36      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-9 ta’ Ottubru 2012, u warajhom il-kawża ġiet iddeliberata.

37      Fit-18 ta’ Lulju 2013, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet is-sentenza tagħha fil-Kawżi magħquda Il-Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kadi II tal-Qorti tal-Ġustizzja”).

 It-talbiet tal-partijiet

38      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkonstata li n-nuqqas tal-Kummissjoni li tneħħi ismu mil-lista kontenzjuża huwa illegali;

–        tordna lill-Kummissjoni biex tneħħi ismu mill-imsemmija lista ;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inkluż l-ispejjeż sostnuti mill-kaxxa tal-Qorti Ġenerali bħala għajnuna legali.

39      Il-Kummissjoni, sostnut mill-Kunsill, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli u/jew bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

40      Matul is-seduta, ir-rikorrent irrinunċja għall-kap tat-talbiet tiegħu li jikkonċernaw l-ordni lill-Kummissjoni biex ismu jitneħħa mil-lista kontenzjuża, kif ukoll it-talba tiegħu għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, kif meħud att tagħhom fil-proċess verbal tas-seduta.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

41      Il-Kummissjoni u l-Kunsill isostnu, fl-ewwel lok, li dan ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni essenzjalment jikkostitwixxi rikors għall-annullament tar-Regolament Nru 1629/2005, ippreżentat manifestament wara t-terminu u, għalhekk, inammissibbli.

42      Barra minn hekk, ir-rikorrent ma jistax jippreżenta rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni billi jinvoka n-nuqqas ta’ rtirar tar-Regolament Nru 1629/2005, għaliex huwa astjena milli jippreżenta rikors għall-annullament ta’ dan ir-regolament, meta dan ġie adottat fl-2005. Billi jaġixxi hekk, ir-rikorrent qed jipprova jevita l-iskadenza tat-terminu ta’ ordni pubbliku ta’ ppreżentar ta’ rikors għal annullament previst fl-Artikolu 230 KE (li sar 263 TFUE), ħaġa li hija pprojbita minn ġurisprudenza klassika u stabbilita. Skont il-Kunsill, ma huwiex fl-interess tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja li l-persuni kkonċernati jingħataw terminu effettivament illimitat sabiex jippreżentaw rikors li jista’ jwassal għar-revoka, retroattiva jew le, ta’ miżura ta’ ffriżar ta’ fondi.

43      Il-Kummissjoni u l-Kunsill isostnu, fit-tieni lok, li dan ir-rikors huwa fi kwalunkwe każ inammissibbli, għaliex ma jistax jiġi stabbilit li, fil-mument li fih il-Kummissjoni ġiet mistiedna taġixxi, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE, fit-18 ta’ Marzu 2010, hija kienet obbligata, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, li tirtira r-Regolament Nru 1629/2005, sa fejn jikkonċerna lir-rikorrent.

44      Ir-Regolament Nru 881/2002, kif emendat bir-Regolament Nru 1286/2009, ma jistabbilixxi l-ebda obbligu li tittieħed azzjoni għat-talba ta’ persuna kkonċernata. Il-Kummissjoni għandha biss, abbażi tal-Artikolu 7c(2) tar-Regolament Nru 881/2002, kif emendat bir-Regolament Nru 1286/2009, tikkomunika lill-persuna kkonċernata l-motivi tal-inklużjoni ta’ isimha fil-lista kontenzjuża “[hekk] kif id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet mitluba tiġi ppprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet,” għaliex, skont l-Artikolu 7c(3) tar-Regolament Nru 881/2002, l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tagħha ssir “[jekk] jiġu ppreżentati osservazzjonijiet” mill-persuna kkonċernata. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li hija ma hijiex obbligata li tibda l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid qabel ma tkun rċeviet l-espożizzjoni tal-motivi tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet u li l-istadji msemmija fl-Artikolu 7c(2) tar-Regolament Nru 881/2002 ma ntemmux.

45      Issa, f’din il-kawża, peress li l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma bagħatx l-espożizzjoni tal-motivi lill-Kummissjoni fid-data tal-preżentata tar-rikors, din l-istituzzjoni ma naqsitx milli tieħu miżura imposta fuqha.

46      It-tieni nett, ir-rikorrent kien ibbenefika mill-garanziji proċedurali previsti bir-Regolament Nru 881/2002, kif emendat bir-Regolament Nru 1286/2009, u l-eżami mill-ġdid tal-inklużjoni tiegħu għadu pendenti.

47      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu, fit-tielet lok, li ċ-ċaħda ta’ dan ir-rikors bħala inammissbli ma jċaħħadx lir-rikorrent mill-possibbiltà li jippreżenta rikors amministrattiv jew legali kontra l-miżura ta’ ffriżar tal-assi tiegħu.

48      F’dan ir-rigward, dawn l-istituzzjonijiet jesponu, l-ewwel nett, li d-drittijiet tad-difiża tal-persuni u entitajiet inklużi fil-lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet huma issa stabbiliti bir-Regolament Nru 881/2002, kif emendat bir-Regolament Nru 1286/2009. Skont l-Artikolu 7c tar-Regolament Nru 881/2002, kif emendat bir-Regolament Nru 1286/2009, il-persuni li ġew inklużi fil-lista kontenzjuża qabel it-3 ta’ Settembru 2008 u li jinsabu fiha jistgħu jsaqsu lill-Kummissjoni biex tibgħatilhom l-espożizzjoni tal-motivi li wasslu għall-inklużjoni tagħhom u l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tibgħatilhom l-espożizzjoni tal-motivi li hija tirċievi mingħand il-Kumitat tas-Sanzjonijiet, billi tagħtihom il-possibbiltà li jesprimu l-perspettiva tagħhom dwar dan is-suġġett. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tagħha li tiffriża l-assi tal-persuna kkonċernata u d-deċiżjoni li tieħu wara dan l-eżami mill-ġdid tikkostitwixxi att intiż li jipproduċi effetti legali fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, li jista’ jkun suġġett ta’ azzjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni.

49      F’din il-kawża, l-espożizzjoni tal-motivi stabbiliti bil-Kumitat tas-Sanzjonijiet tas-7 ta’ Settembru 2010 intbagħtu lir-rikorrenti fl-10 ta’ Settembru 2010, u l-Kummissjoni stednitu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu qabel l-10 ta’ Diċembru 2010. L-imsemmija osservazzjonijiet għalhekk ntbagħtu mill-Kummissjoni lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

50      Barra minn hekk, anki jekk il-Qorti Ġenerali tilqa’ dan ir-rikors, l-eżitu reali tal-kawża, dwar iż-żamma tal-iffriżar tal-fondi tar-rikorrent, jiddependi mir-riżultat tal-proċedura amministrattiva tal-eżami mill-ġdid attwalment pendenti.

51      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jirreferu, it-tieni nett, għall-possibbiltajiet ta’ rikors ex officio quddiem l-Ombudsman stabbilit fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1904 (2009).

52      Ir-rikorrent jikkontesta dan l-argument u jsostni li dan ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni huwa ammissibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

53      Fir-rigward tal-argument ippreżentat fl-ewwel lok mill-Kummissjoni u mill-Kunsill, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li dan ir-rikors jirrigwarda biss “li jiġi kkonstatat li n-nuqqas mill-Kummissjoni li tħassar isem ir-rikorrent mil-lista kontenzjuża huwa illegali” u li ma jirrigwarda l-annullament ta’ ebda att. Tali rikors huwa għalhekk formalment rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni skont l-Artikolu 265 TFUE, u mhux bħala rikors għal annullament skont l-Artikolu 253 TFUE.

54      Ċertament, kif il-Kummissjoni u l-Kunsill ġustament ifakkru, ma huwiex permess li rikorrent jevita l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, indirizzat kontra att ta’ istituzzjoni, permezz tal-“użu proċedurali” ta’ rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni skont l-Artikolu 265 TFUE, indirizzat kontra r-rifjut ta’ din l-istituzzjoni li tannulla jew li tirrevoka l-imsemmi att (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ April 1962, Meroni et vs L-Awtorità Għolja, 21/61 sa 26/61, Ġabra p. 143, 155).

55      B’mod partikolari, ma huwiex biżżejjed li jiġi allegat li tali att ittieħed bi ksur tat-Trattat FUE, għaliex l-imsemmi Trattat jipprovdi, b’mod partikolari fl-Artikolu 263, rimedji oħra li permezz tagħhom att tal-Unjoni allegatament illegali jista’ jiġi kkontestat u eventwalment annullat abbażi ta’ rikors ta’ parti debitament ikkwalifikata. Li jiġi aċċettat li l-persuni kkonċernati jistgħu jitolbu lill-istituzzjoni responsabbli mill-att li hija għandha tirrevokah u, fil-każ li l-imsemmija istituzzjoni tirrifjuta, li huma jħarrkuha quddiem il-qorti tal-Unjoni għal nuqqas illegali li tieħu deċiżjoni, iwassal biex jingħatalhom rimedju parallel għal dak tal-Artikolu 263 TFUE li ma huwiex suġġett għall-kundizzjonijiet previsti mit-Trattat. Konsegwentement, tali rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 265 TFUE u għandu għalhekk jiġi ddikjarat inammissibbli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Diċembru 1969, Eridania et vs Il-Kummissjoni, 10/68 u 18/68, Ġabra p. 459, punti 16 sa18).

56      Issa, f’din il-kawża, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament indirizzat kontra r-Regolament Nru 1629/2005 li inizjalment ordna l-iffriżar tal-fondi tar-rikorrent skada fit-30 ta’ Diċembru 2005 u huwa preċiżament ir-rifjut tal-Kummissjoni li tirtira dan ir-regoalment li jikkostitwixxi n-nuqqas li tittieħed azzjoni allegata fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

57      Barra minn hekk, ir-rikorrent kien ippreżenta rikors għall-annullament tar-Regolament Nru 881/2002, kif emendat bir-Regolament Nru 1629/2005, permezz ta’ rikors li kopja tiegħu waslet bil-faks fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Diċembru 2005. Peress li l-oriġinal ta’ dan ir-rikors ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali biss fis-6 ta’ Jannar 2006, wara żball tal-uffiċċju tal-avukati li jirrappreżentaw lir-rikorrent, u dan minħabba l-inesperjenza ta’ segretarja żagħżugħa u minħabba l-perijodu tal-Milied, dan ir-rikors ġie miċħud bħala manifestament inammissibbli, għaliex ippreżentat wara t-terminu, permezz tad-Digriet Yusef vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq.

58      Dan premess, mill-perspettiva purament suġġettiva, dan l-aħħar fatt huwa pjuttost ta’ natura li jirrileva li r-rikorrent ma huwiex qed jipprova jevita l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għall-annullament permezz ta’ dan ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni, għaliex ma deherx quddiem il-Kummissjoni qabel is-7 ta’ Marzu 2009, jiġifieri kważi tliet snin wara ċ-ċaħda ta’ dan ir-rikors bħala inammissibbli.

59      Huma fir-realtà elementi ġodda, li seħħew sewwasew wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1629/2005 u ċ-ċaħda tar-rikors għall-annullament ta’ dan ir-regolament bħala inammissibbli, li, kif ser jiġi espost iktar ’il quddiem, iddeterminaw lir-rikorrenti biex, fl-ewwel stadju, fis-7 ta’ Marzu 2009, talab li jkollu aċċess għad-dokumenti użati mill-Kummissjoni biex jiġġustifika l-iffriżar tal-fondi tiegħu (ara l-punt 5 iktar ’il quddiem), fit-tieni stadju, fit-18 ta’ Marzu 2010, stieden lill-Kummissjoni biex tħassar ismu mil-lista kontenzjuża (ara l-punt 9 iktar ’il quddiem) u, fit-tielet stadju, fit-23 ta’ Lulju 2010, peress li l-Kummissjoni ma laqgħetx din l-istedina fit-terminu ta’ xahrejn previst mill-Artikolu 265 TFUE, ippreżenta r-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni.

60      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ fatti sostantivi ġodda tista’ tiġġustifika t-tressiq ta’ talba intiża għall-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni li ma ġietx ikkontestata fit-termini (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Mejju 1985, Esly vs Il-Kummissjoni, 127/84, Ġabra p. 1437, punt 10, u tal-14 ta’ Ġunju 1988, Muysers u Tülp vs Il-Qorti tal-Awdituri, 161/87, Ġabra p. 3037, punt 11 ; digriet tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 1997, Chauvin vs Il-Kummissjoni, T‑16/97, ĠabraSP p. I‑A‑237 u II‑681, punt 37).

61      F’dan il-kuntest, għandha tingħata importanza lid-dimensjoni temporali partikolari tal-att inkwistjoni fil-kawża, li tiddistingwiha mill-atti li taw lok għall-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 54 iktar ’il fuq.

62      Kuntrarjament għal tali atti intiżi li jipproduċu effetti definittivi, fil-fatt, miżura ta’ ffriżar tal-fondi skont ir-Regolament Nru 881/2002 tikkostitwixxi miżura kawtelatorja ta’ natura preventiva, li ma tistax iċċaħħad lill-persuni kkonċernati mill-proprjetà tagħhom (sentenza Kadi I tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 358). Il-validità ta’ tali miżura hija għalhekk suġġetta għat-tkattir ta’ punti ta’ fatt u ta’ liġi li jippreċedu l-adozzjoni tagħha, kif ukoll għall-ħtieġa taż-żamma tagħha sabiex jitwettaq l-għan marbut magħha.

63      Hija din in-natura essenzjalment provviżorja tal-miżura ta’ ffriżar tal-fondi li tiġġustifika l-inapplikabbiltà f’din il-kawża tas-soluzzjoni ġurisprudenzjali msemmija fil-punt 54 iktar ’il fuq. Kuntrarjament għal att intiż li jipproduċi effetti perenni, miżura ta’ ffriżar tal-fondi skont ir-Regolament Nru 881/2002 tista’ tkun is-suġġett ta’ talba għal eżami mill-ġdid f’kull mument, bi ħsieb li jiġi vverifikat jekk iż-żamma tagħha hijiex iġġustifikata, u n-nuqqas tal-Kummissjoni li tilqa’ tali talba jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni.

64      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 365 tas-sentenza tagħha Kadi I, li r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, li r-Regolament Nru 881/2002 huwa intiż li jimplementa, jipprovdu huma stess mekkaniżmu ta’ eżami mill-ġdid perijodiku tas-sistema ġenerali tal-miżuri li huma jistabbilixxu kif ukoll proċedura li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jressqu “f’kull mument” il-każ tagħhom quddiem il-Kumitat tas-Sanzjonijiet għal eżami mill-ġdid (ara wkoll il-punt 13 iktar ’il fuq).

65      Fl-aħħar nett, għandu jingħad ukoll li l-konsegwenza tal-fatt li jiġi aċċettat l-argument tal-istituzzjonijiet konvenuta u intervenjenti huwa li, ladarba jiskadi t-terminu għall-preżentata ta’ rikors għall-annullament ta’ miżura ta’ ffriżar tal-fondi, il-Kummissjoni tingħata s-setgħa eżorbitanti li tiffriża b’mod indefinittiv il-fondi tal-persuna u dan lil hinn minn kull stħarriġ ġudizzjarju u irrispettivament mill-iżvilupp, jew saħansitra l-għajbien, tal-fatti li inizjalment kienu jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ din il-miżura (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009, Sison vs Il-Kunsill, T‑341/07, Ġabra p. II‑3625, punt 116).

66      Barra minn hekk, fil-konklużjonijiet tiegħu fis-sentenza Eridania et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (Ġabra p. 484, 494), l-Avukat Ġenerali K. Roemer kien diġà esprima l-fehma li rikorrent li jħalli jiskadu t-termini stabbiliti għall-ippreżentar ta’ rikors għal annullament kontra att ma jistax “jitlob l-annullament tiegħu” (sic) fil-kuntest tal-proċedura tal-Artikolu 265 TFUE, “sakemm ma jurix li seħħew fatti ġodda”. Bl-istess mod, il-formulazzjoni ppreċiżata fil-punt 16 tas-sentenza Eridania et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, tirrileva li Eridania setgħet tirbaħ li kieku kienet f’pożizzjoni li turi li kien hemm obbligu legali impost fuq il-Kummissjoni biex tirtira d-deċiżjonijiet ikkontestati, pereżempju fil-każ li jseħħu fatti ġodda kif maħusb mill-Avukat Ġenerali K. Roemer.

67      L-azzjoni proċedurali segwita f’din il-kawża mir-rikorrent, preċiżament ibbażata fuq l-invokazzjoni ta’ ċerti fatti ġodda, hija għalhekk kompatibbli b’mod sħiħ mal-ġurisprudenza “klassika u stabbilita” li jużaw kontrih il-Kummissjoni u l-Kunsill.

68      Barra minn hekk, dan huwa espressament maħsub fil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fid-data tal-istedina li tittieħed azzjoni (18 ta’ Marzu 2010), jiġifieri l-Artikolu 7c tar-Regolament Nru 88/2002, kif emendat, mis-26 ta’ Diċembru 2009, bir-Regolament Nru 1286/2009. Minn naħa, fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprovdi, fl-ewwel tliet paragrafi tagħha, proċedura ta’ eżami mill-ġdid speċifikament għall-benefiċċju tal-persuni li, bħar-rikorrent, ġew inklużi fil-lista kontenzjuża qabel it-3 ta’ Settembru 2008 (jiġifieri qabel l-għoti tas-sentenza Kadi I tal-Qorti tal-Ġustizzja). Dawn il-persuni jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tibagħtilhom l-espożizzjoni tal-motivi li wasslu għall-inklużjoni tagħhom fil-lista kontenzjuża, huma jistgħu sussegwentement jifformulaw osservazzjonijiet f’dan ir-rigward u l-Kummissjoni għandha għalhekk teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tagħha li tinkludihom fil-lista inkwistjoni, u dan isir fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi, fil-paragrafu 4 tagħha, proċedura ta’ eżami mill-ġdid favur kull persuna inkluża fil-lista kontenzjuża li abbażi ta’ “evidenza sostanzjali ġdida”, tressaq talba ġdida għal tħassir. Bħal f’kull każ, ir-rimedju għal nuqqas li tittieħed azzjoni għandu jkun miftuħ, skont l-Artikolu 265 TFUE kif interpretat mill-ġurisprudenza, fil-każ li l-Kummissjoni tonqos milli tipproċedi b’eżami mill-ġdid previst mill-Artikolu 7c tar-Regolament Nru 881/2002.

69      F’din il-kawża, l-elementi ġodda, speċifikament allegati mir-rikorrent fl-ittra tiegħu tat-18 ta’ Marzu 2010 lill-Kummissjoni, huma ta’ żewġ tipi, jiġifieri, l-għoti tas-sentenza Kadi I tal-Qorti tal-Ġustizzja, fit-3 ta’ Settembru 2008, li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet proċedurali u sostantivi li fihom miżura ta’ ffriżar tal-fondi tista’ tiġi imposta kif ukoll il-garanziji proċedurali li għandhom jibbenefikaw minnhom il-persuni kkonċernati, u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Gvern tar-Renju Unit, wara li eżamina, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali, il-provi li fuqhom hija bbażata l-inklużjoni tiegħu fil-lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, kien ikkonkluda, għall-ħabta tax-xahar ta’ Ġunju 2009, li huwa ma kienx jissodisfa l-kriterji għall-inklużjoni tiegħu f’din il-lista u ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jikteb lill-imsemmi kumitat bi ħsieb li jikseb it-tħassir ta’ ismu mill-imsemmija lista (ara l-punti 7 u 9 iktar ’il fuq).

70      Fir-rigward tat-teħid ta’ pożizzjoni tal-awtoritajiet Brittaniċi favur ir-rikorrent, dan jirriżulta mid-depożizzjoni magħmula bħala xhud, quddiem il-High Court fid-19 ta’ Ġunju 2009, mill-kap tat-tim tas-sanzjonijiet tal-FCO (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), awtorizzat li jitkellem f’isem dan il-ministeru. Dan inkontestabbilment jikkostitwixxi element ġdid, għaliex, fil-bidu, ir-Renju Unit ma kienx oppona l-iffriżar tal-fondi tar-rikorrent, deċiża mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fid-29 ta’ Settembru 2005 (ara l-punt 1 iktar ’il fuq). Skont ir-regoli ta’ funzjonament intern tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, kif fis-seħħ dak iż-żmien, fil-fatt, il-miżuri ta’ ffriżar tal-fondi kienu ġew adottati bil-konsensus, allura b’mod unanimu. Ir-Renju Unit, bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurta u, ipso facto, tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, għalhekk ta’ bilfors qabel mal-iffriżar tal-fondi tar-rikorrent, f’Settembru 2005, qabel ma biddel il-pożizzjoni tiegħu fl-2009. Ir-rikorrent jgħid li sar jaf b’dan il-bdil f’Ġunju 2009 ukoll, fl-okkażjoni tal-proċedura quddiem il-High Court, fatt li huwa ssostanzjat mill-atti tal-proċess u li ma huma bl-ebda mod ikkontestati mill-Kummissjoni. Dan l-element ġdid jista’ jiġi kklassifikat bħala sostanzjali, speċjalment minħabba l-istatus ta’ membru permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà li jgawdi minnu dan l-Istat Membru, li huwa barra minn hekk l-Istat ta’ residenza tal-persuna kkonċernata.

71      Fir-rigward tal-għoti tas-sentenza Kadi I tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-effetti legali ta’ sentenza tal-qorti tal-Unjoni mogħtija fil-kuntest ta’ kontenzjuż ta’ annullament jirrigwarda biss, minbarra l-partijiet, lill-persuni direttament ikkonċernati mill-atti annullat u li tali sentenza ma tistax tikkostitwixxi fatt ġdid fil-konfront ta’ dawn il-persuni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ġunju 1965, Müller vs Il-Kunsill, KEE, KEEA u KEFA, 43/64, Ġabra p. 499, 515 ; tal-14 ta’ Diċembru 1965, Pfloeschner vs Il-Kummissjoni, 52/64, Ġabra p. 1211, 1219, u tat-8 ta’ Marzu 1988, Brown vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 125/87, Ġabra p. 1619, punt 13, digriet tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Diċembru 1995, Progoulis vs Il-Kummissjoni, T‑131/95, ĠabraSP p. I‑A‑297 u II‑907, punt 41).

72      F’din il-kawża, madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss l-għoti tas-sentenza Kadi I tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda wkoll u b’mod partikolari l-bidla fl-attitudni u fl-aġir li din is-sentenza neċessarjament ġabet fil-Kummissjoni, u li din tikkostitwixxi hija stess fatt ġdid u sostanzjali. Sa kemm ingħatat din is-sentenza, fil-fatt, il-Kummissjoni kienet tqis, minn naħa, li hija kienet strettament marbuta bid-deċiżjonijiet tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, mingħajr l-ebda setgħa diskrezzjonali awtonoma, u, min-naħa l-oħra, li l-garanziji normali tad-drittijiet tad-difiża ma kinux japplikaw fil-kuntest tal-adozzjoni jew tal-kontestazzjoni ta’ miżura ta’ ffriżar tal-fondi skont ir-Regolament Nru 881/2002. Din il-perspettiva fil-fatt ġiet ivvalidata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Settembru 2005, Kadi vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T‑315/01, Ġabra p. II‑3649, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kadi I tal-Qorti Ġenerali”). Min-naħa l-oħra, ħesrem wara l-għoti tas-sentenza Kadi I tal-Qorti tal-Ġustizzja, li annullat is-sentenza Kadi I tal-Qorti Ġenerali, u preċiżament biex tikkonforma ruħha ma’ din is-sentenza, kif previst fl-Artikolu 266 TFUE, il-Kummissjoni bidlet radikalment l-approċċ tagħha u qiegħdet lilha nnifisha f’pożizzjoni li teżamina mill-ġdid, jekk mhux minn jeddha, tal-inqas fuq talba espressa tal-persuni kkonċernati, il-każijiet kollha ta’ ffriżar tal-fondi skont ir-Regolament Nru 881/2002.

73      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, skont il-database Prelex, il-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill biex jiġi adottat regolament li jemenda r-Regolament Nru 881/2002, sabiex ikun konformi mas-sentenza Kadi I tal-Qorti tal-Ġustizzja, ġie formalment adottat mill-Kummissjoni fit-22 ta’ April 2009 (ara, b’mod partikolari, il-premessi tiegħu 4, 5 u 8, u l-Artikolu 1 tiegħu, li jipprovdi, b’mod partikolari, l-inklużjoni ta’ Artikolu 7c u ta’ Artikolu 7a(3) fir-Regolament Nru 881/20025).

74      Ċertament, dawn id-dispożizzjonijiet ġodda, kif ulterjorment emendati matul l-iter leġiżlattiv, ma sarux liġi qabel mal-Kunsill adottohom formalment u daħlu fis-seħħ, fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fit-23 ta’ Diċembru 2009. Xorta jibqa’ l-fatt li dawn jirriflettu l-għarfien, mill-Kummissjoni, tal-fatt li persuni inklużi fil-lista kontenzjuża qabel l-għoti tas-sentenza Kadi I tal-Qorti tal-Ġustizzja ġew inklużi fiha bi ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom, u, b’mod partikolari, ir-riżoluzzjoni l-ġdida tagħha li tirrimedja fil-futur din is-sitwazzjoni. Il-Qorti Ġenerali tqis li dawn jikkostitwixxu elementi ġodda u sostanzjali meta mqabbla mas-sitwazzjoni tal-persuni inklużi fil-lista kontenzjuża qabel l-għoti tas-sentenza Kadi I tal-Qorti tal-Ġustizzja.

75      Fid-dawl tal-dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, l-argument prinċipali tal-Kummissjoni u tal-Kunsill għandu jiġi miċħud bħala infondat (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Settembru 2011, Elosta vs Il-Kummissjoni, T‑102/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 39).

76      Fir-rigward tal-argument ippreżentat fit-tieni lok mill-Kummissjoni u mill-Kunsill, ibbażat fuq l-assenza ta’ obbligu li tieħu azzjoni, dan ma jikkonċernax l-ammissibbiltà, iżda l-mertu tar-rikors. Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-fatt, sabiex tittieħed deċiżjoni fuq il-fondatezza ta’ talbiet għal nuqqas li tittieħed azzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk, fil-mument tal-intimazzjoni tal-Kummissjoni fis-sens tal-Artikolu 265 TFUE, kienx hemm l-obbligu li l-istituzzjoni tieħu azzjoni (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Settembru 2011, Arch Chemicals u Arch Timber Protection vs Il-Kummissjoni, T‑400/04 u T‑402/04 sa T‑404/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 57, u tad-29 ta’ Settembru 2011, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑442/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 27 u 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Fl-aħħar nett, l-argument ippreżentat fit-tielet lok mill-Kummissjoni u mill-Kunsill, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ rimedji alternattivi fid-dritt tal-Unjoni bħal pereżempju l-Ombudsman tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, huwa irrilevanti fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors. Fil-fatt, dan ma jiddependix mill-assenza ta’ rimedji oħra fl-Unjoni jew fl-ordinamenti ġuridiċi li jippermettu lir-rikorrent li jikkontesta l-legalità taż-żamma tal-iffriżar tal-assi tiegħu.

78      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

 L-argumenti tal-partijiet

79      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka formalment tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-assenza ta’ stħarriġ indipendenti, mill-Kummissjoni, tal-motivi li wasslu għall-inklużjoni ta’ ismu fil-lista kontenzjuża. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu. It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-“irrazzjonalità” taż-żamma ta’ ismu fl-imsemmija lista.

80      Permezz tal-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tevalwa, hija stess, l-elementi li fuqhom titfassal l-inklużjoni ta’ isem ta’ persuna fil-lista kontenzjuża, sabiex tiżgura li din l-inklużjoni hija ġġustifikata. Issa, f’din il-kawża, il-Kummissjoni manifestament ma osservatx dan l-obbligu, anki wara l-għoti tas-sentenza Kadi I tal-Qorti tal-Ġustizzja.

81      Il-Kummissjoni twieġeb li l-ewwel motiv ma jikkonċernax l-allegat nuqqas li tittieħed azzjoni, iżda jirrigwarda pjuttost l-obbligu impost fuqha li teżamina l-motivi tal-inklużjoni ta’ isem tal-persuna kkonċernata fil-lista kontenzjuża, skont ir-Regolament Nru 881/2002, kif emendat bir-Regolament Nru 1289/2009, adottat wara s-sentenza Kadi I tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fehma tagħha, tali motiv jista jintlaqa’ biss fil-kuntest ta’ rikors għal annullament. Barra minn hekk, billi jsostni li l-Kummissjoni naqset milli teżamina mill-ġdid il-każ tiegħu, ir-rikorrent mhux qed jistabbilixxi l-eżistenza ta’ obbligu impost fuq din l-istituzzjoni li tħassar ismu mil-lista kontenzjuża.

82      Permezz tat-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li, peress li ma kiseb l-ebda komunikazzjoni tal-motivi li jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ ismu fil-lista kontenzjuża kif ukoll l-elementi użati kontrih, id-drittijiet fundamentali tiegħu, b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża tiegħu, id-dritt tiegħu għal rimedju ġudizzjarju effettiv u d-dritt tiegħu għar-rispett tal-proprjetà tiegħu, ġew leżi bl-istess mod kif ġew leżi d-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti fil-kawżi li wasslu għas-sentenza Kadi I tal-Qorti tal-Ġustizzja u għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Ġunju 2009, Othman vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T‑318/01, Ġabra p. II‑1627). Sa fejn raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jistgħu jipprekludu din il-komunikazzjoni, huwa jirreferi wkoll għas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tad-19 ta’ Frar 2009 (ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza A et vs Ir-Renju Unit [GC], Nru 3455/05, § 220, QEDB 2009).

83      Il-Kummissjoni twieġeb li mis-sentenza Kadi I tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta l-ebda obbligu ta’ tħassir ta’ isem ir-rikorrent mil-lista kontenzjuża. Anki jekk jiġi aċċettat li l-Kummissjoni kellha tieħu azzjoni fil-konfront tar-rikorrent wara l-għoti tal-imsemmija sentenza, dan l-obbligu, fil-fehma tagħha, ma kienx jikkonsisti fis-sempliċi tħassir ta’ isem il-persuna kkonċernata mill-imsemmija lista, iżda fl-għoti ta’ garanziji legali adegwati. Issa, il-Kummissjoni wettqet dan l-obbligu billi pproponiet lill-Kunsill l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1289/2009 u b’hekk għenet lir-rikorrent billi pprovditlu l-garanziji previsti f’dan ir-regolament, ladarba ġie adottat. Fil-fatt, ir-rikorrent rċieva l-espożizzjoni tal-motivi għall-inklużjoni tiegħu fil-lista kontenzjuża, ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward u l-eżami mill-ġdid tal-inklużjoni tiegħu hija pendenti.

84      Permezz tat-tielet motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li ż-żamma ta’ ismu fil-lista kontenzjuża hija irrazzjonali sa fejn l-ebda element ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-kriterji ta’ inklużjoni meħtieġa f’dan ir-rigward mir-Regolament Nru 881/2002 ġew issodisfatti f’din il-kawża u sa fejn, kuntrarjament, l-FCO jqis li huwa ma għadux jissodisfa dawn il-kriterji.

85      Il-Kummissjoni twieġeb li s-sempliċi allegazzjoni li ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista kontenzjuża hija “irrazzjonali” ma tistax isservi ta’ bażi għal obbligu tagħha li tirtira ismu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid kif iddefinit fl-Artikolu 7c tar-Regolament Nru 881/2002 hija attwalment pendenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

86      Għall-finijiet ta’ din is-sentenza, ma hemmx bżonn li jsir eżami separat tat-tliet motivi tar-rikors, peress li l-argument komuni li fuqhom huma mfassla huwa totalment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza persistenti mill-Kummissjoni tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Kadi I.

87      F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li, sabiex tittieħed deċiżjoni fuq il-fondatezza ta’ talbiet għal nuqqas li tittieħed azzjoni, hemm lok li jiġi vverifikat jekk, fil-mument tal-intimazzjoni tal-Kummissjoni fis-sens tal-Artikolu 265 TFUE, jiġifieri, f’din il-kawża, fit-18 ta’ Marzu 2010, kienx hemm fuq din l-istituzzjoni l-obbligu li tieħu azzjoni (ara s-sentenza Ryanair vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      F’din id-data, il-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni, fuq talba ta’ persuna li l-fondi tagħha jew iffriżati qabel it-3 ta’ Settembru 2008 u li titlob li titneħħa mil-lista kontenzjuża, kienu rregolati, minn naħa, mill-Artikolu 7c tar-Regolament Nru 881/2002, kif emendat bir-Regolament Nru 1286/2009, li daħal fis-seħħ fis-26 ta’ Diċembru 2009, u, min-naħa l-oħra, mill-prinċipji tal-ġurisprudenza stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Kadi I.

89      Skont l-Artikolu 7c tar-Regolament Nru 881/2002, kif emendat bir-Regolament Nru 1286/2009:

“ 1. Persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet, korpi u gruppi li ġew inklużi [fil-lista kontenzjuża] qabel it-3 ta’ Settembru 2008 u għadhom fil-lista, jistgħu jressqu talba lill-Kummissjoni għal dikjarazzjoni tar-raġunijiet. […]

2. Hekk kif id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet mitluba tiġi ppprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tikkomunikaha lill-persuna, entità, korp jew grupp ikkonċernat, biex tipprovdilu/ha l-opportunità li j/tesprimi ruħu/ha jew l-opinjonijiet tiegħu/tagħha dwar il-kwistjoni.

3. Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tirrevedi d-deċiżjoni li tinkludi lill-persuna, entità, korp jew grupp ikkonċernat [fil-lista kontenzjuża], fid-dawl ta’ dawk l-osservazzjonijiet u wara li tiġi segwita l-proċedura msemmija fl-Artikolu 7b(2). Dawk l-osservazzjonijiet għandhom jintbagħtu lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika r-riżultat tar-reviżjoni tagħha lill-persuna, entità, korp jew grupp ikkonċernat. Ir-riżultat tar-reviżjoni għandu jintbagħat lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

4. Jekk issir talba ulterjuri, ibbażata fuq evidenza sostanzjali ġdida, biex persuna, entità, korp jew grupp jitneħħa mil-[lista kontenzjuża], il-Kummissjoni għandha twettaq reviżjoni ulterjuri f’konformità mal-paragrafu 3 u wara li tiġi segwita l-proċedura msemmija fl-Artikolu 7b(2).”

90      Fir-rigward tas-sentenza Kadi I tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta, b’mod partikolari mill-punti 348 u 349 tagħha li l-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata, billi tiddeċiedi li tiffriża l-fondi ta’ persuna skont ir-Regolament Nru 881/2002, għandha, biex tirrispetta d-drittijiet tad-difiża tagħha, u b’mod partikolari d-dritt għal smigħ tagħha u d-dritt tagħha għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, tikkomunika lill-persuna kkonċernata l-elementi użati kontriha jew li tagħtiha d-dritt li ssir taf dwarhom f’terminu raġonevoli wara l-iffissar ta’ din il-miżura u li tagħtiha l-possibbiltà li ssemma’ b’mod utli l-perspettiva tagħha f’dan ir-rigward.

91      Barra minn hekk, mill-istruttura ġenerali tas-sentenza Kadi I tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod speċifiku, mis-sentenza Kadi II tal-Qorti Ġenerali (punti 171 u 172), mhux imqiegħda inkwistjoni mis-sentenza Kadi II tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-Kummissjoni, li qieset li ma hijiex obbligata li ssegwi b’mod rigoruż il-kunsiderazzjonijiet tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, għandha, kuntrarjament, tara li tqiegħedhom fid-dawl tal-osservazzjonijiet imressqa mill-persuna kkonċernata, u fin-nuqqas ta’ dan id-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata jkunu qed jiġu rrispettati biss b’mod purament formali u apparenti.

92      Fis-sentenza tagħha Kadi II (punti 114 sa 116), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li, meta osservazzjonijiet huma fformulati mill-persuna kkonċernata dwar l-espożizzjoni tal-motivi, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha l-obbligu li teżamina, b’reqqa u imparzjalità, il-fondatezza tal-motivi allegati, fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet u l-eventwali elementi li jiskaġunaw mehmuża magħhom. F’dan ir-rigward, hija din l-awtorità li għandha tevalwa, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kontenut ta’ dawn l-osservazzjonijiet eventwali, in-neċessità li titlob il-kollaborazzjoni tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet u, permezz ta’ dan tal-aħħar, tal-membru tan-NU li ppropona l-inklużjoni tal-persuna kkonċernata fil-lista ta’ dan il-kumitat, sabiex tikseb, fil-kuntest tal-klima ta’ kooperazzjoni effettiva li, skont l-Artikolu 220(1) TFUE, għandha tirrenja fir-relazzjonijiet tal-Unjoni mal-korpi tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni jew ta’ provi, kunfidenzjali jew mhux, li jippermettulha li twettaq dan id-dmir ta’ eżami bir-reqqa u b’imparzjalità. Fl-aħħar nett, mingħajr ma tiġi imposta l-ħtieġa li tingħata risposta dettaljata għall-osservazzjonijiet imqajma mill-persuna kkonċernata, l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jimplika fi kwalunkwe każ, inkluż meta l-motivazzjoni tal-att tal-Unjoni tikkorrispondi għall-motivi esposti minn korp internazzjonali, li din il-motivazzjoni tidentifika r-raġunijiet individwali, speċifiċi u konkreti li abbażi tagħhom l-awtoritajiet kompetenti qiesu li l-persuna kkonċernata kellha tkun is-suġġett tal-miżuri restrittivi.

93      Fl-istess sentenza Kadi II (punt 135), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet minn din l-analiżi li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jeħtieġ, minn naħa, mill-awtorità kompetenti tal-Unjoni li hija tikkomunika lill-persuna kkonċernata l-espożizzjoni tal-motivi pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet li fuqha hija bbażat id-deċiżjoni dwar l-inklużjoni jew iż-żamma ta’ isem ta’ din il-persuna fil-lista kontenzjuża, li hija tippermettilha u li tagħraf utilment l-osservazzjonijiet tagħha fuq dan is-suġġett u li hija teżamina, bir-reqqa u imparzjalità, il-fondatezza tal-motivi allegati fid-dawl tal-osservazzjonijiet ifformulati u ta’ eventwali provi li jiskaġunaw provi prodotti minn din il-persuna.

94      F’din il-kawża, huwa paċifiku li r-rikorrent, la fil-kuntest tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 1629/2005, u lanqas saħansitra wara l-għoti tas-sentenza Kadi I tal-Qorti tal-Ġustizzja, saż-żewġ dati li fihom, l-ewwel nett, talab li jkollu aċċess għad-dokumenti użati mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika l-inklużjoni ta’ ismu fil-lista kontenzjuża, u t-tieni nett, stieden lil din l-istituzzjoni biex tħassar ismu mill-imsemmija lista, ma bbenefika minn dawn il-prinċipji u minn dawn il-garanziji.

95      B’mod iktar partikolari, mill-ittra tal-Kummissjoni tat-23 ta’ April 2009, għalhekk wara l-għoti tas-sentenza Kadi I tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li din tal-aħħar ibbażat ruħha biss fuq l-eżistenza ta’ sempliċi stqarrija għall-istampa li ma hijiex immotivata mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet biex tadotta r-Regolament Nru 1629/2005. Il-Kummissjoni ma rċeviet mingħand il-Kumitat tas-Sanzjonijiet l-ebda dokument ieħor rilevanti qabel id-data tal-31 ta’ Awwissu 2010, li fiha rċeviet l-espożizzjonijiet tal-motivi tal-imsemmi kumitat.

96      Madankollu, il-Kummissjoni kellha tassew l-obbligu li tieħu azzjoni fir-rigward tar-rikorrent, bi ħsieb li tirrimedja għal dawn l-irregolaritajiet ta’ proċedura u ta’ mertu, jekk xejn ħesrem wara l-għoti tas-sentenza Kadi I tal-Qorti tal-Ġustizzja jew saħansitra b’reazzjoni għall-ittra tar-rikorrent tas-7 ta’ Marzu 2009, u fi kwalunkwe każ sal-iktar tard billi twieġeb għall-intimazzjoni tagħha tat-18 ta’ Marzu 2010.

97      Dan jgħodd b’mod partikolari għaliex ir-rikorrent kien irrefera għal elementi ġodda u importanti, li l-Kummissjoni kellha fi kwalunkwe każ teżamina, sabiex tevalwa jekk kinux jikkostitwixxu bdil ta’ fatti ta’ natura li jiġġustifikaw, jekk ikun il-każ, l-irtirar tar-Regolament Nru 1629/2005, mingħajr effett retroattiv.

98      Minn dan isegwi li, anki jekk il-Kummissjoni kienet tqis li l-impożizzjoni fuq ir-rikorrenti tal-miżuri restrittivi previsti bir-Regolament Nru 881/2002, kif implementat bir-Regolament Nru 1629/2005, kienet u għadha ġġustifikata, fuq il-mertu, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tal-persuna kkonċernata kif tirriżulta mill-proċess, u fir-rigward tal-elementi fattwali ġodda mressqa għall-konoxxenza tagħha, hija kellha fi kwalunkwe każ tirrimedja mill-iktar fiss possibbli għall-ksur tal-prinċipji applikabbli fil-kuntest tal-proċedura segwita meta ġie adottat ir-Regolament Nru 1629/2005, wara li kkonstatat li dan il-ksur kien essenzjalment identiku, għall-ksur tal-istess prinċipji kkonstatati mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi rispettivi tagħhom Kadi I u Kadi II (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi I tal-Qorti tal-Ġustizzja, punti 373 sa 376).

99      Peress li huwa paċifiku li l-Kummissjoni ma rriżervat l-ebda segwitu utli u adegwat għall-ittra tar-rikorrent tat-18 ta’ Marzu 2010, li permezz tagħha huwa kien talab l-osservanza ta’ dawn il-prinċipji billi invoka speċifikament is-sentenza Kadi I tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li jiġi kkunsidrat li hija tinsab f’sitwazzjoni li fiha naqset milli tieħu azzjoni f’dan ir-rigward fit-18 ta’ Mejju 2010, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn wara l-istedina li tieħu azzjoni li tinsab fl-imsemmija ittra.

100    Minkejja li l-Kummissjoni ulterjorment bagħtet lir-rikorrent, fl-10 ta’ Settembru 2010, l-espożizzjoni tal-motivi li rċeviet mingħand il-Kumitat tas-Sanzjonijiet fil-31 ta’ Awwissu 2010, billi stednitu jsostni l-osservazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward, u sussegwentement bagħtet l-imsemmija osservazzjonijiet lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet f’Diċembru 2010, u b’hekk bdiet il-proċess ta’ eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tagħha li tinkludi isem ir-rikorrent fil-lista kontenzjuża prevista bir-Regolament Nru 881/2002, kif emendat bir-Regolament Nru 1286/2009, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni kienet għadha sejra sad-data tal-għeluq tal-proċedura orali, għaliex hija baqgħet ma rrimedjatx b’mod adegwat il-ksur inkwistjoni fil-punt 96 iktar ’il fuq, fil-kuntest ta’ dan il-proċess ta’ eżami mill-ġdid.

101    F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li hija bdiet il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, li għadha sa issa pendenti, u kkomunikat lir-rikorrent l-espożizzjoni tal-motivi li bagħtitilha l-Kumitat tas-Sanzjonijiet. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li ittra li toħroġ minn istituzzjoni, li fiha ssir analiżi tad-domandi mqajma, ma tikkostitwixxix teħid ta’ pożizzjoni li ttemm nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Frar 2003, CEVA u Pharmacia Entreprises vs Il-Kummissjoni, T‑344/00 u T‑345/00, Ġabra p. II‑229, punt 80, u l-ġurisprudenza ċċitata).

102    B’mod iktar speċifiku, ma huwiex aċċettabbli, iktar minn erba’ snin wara l-għoti tas-sentenza Kadi I tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Kummissjoni għadha ma hijiex f’pożizzjoni li twettaq l-obbligu tagħha ta’ eżami bir-reqqa u imparzjali tal-każ tar-rikorrent (sentenza Kadi II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punti 114 u 135), jekk ikun il-każ b’“ kooperazzjoni utli ” mal-Kumitat tas-Sanzjonijiet (sentenza Kadi II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 115).

103    Barra minn hekk, skont id-dikjarazzjonijiet tagħha fis-seduta, il-Kummissjoni tippersisti fil-fehma tagħha li tqis li hija hi strettament marbuta bil-kunsiderazzjonijiet tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet u li ma għandha l-ebda marġni diskrezzjonali awtonoma f’dan ir-rigward, b’kontradizzjoni mal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha Kadi I u Kadi II (b’mod partikolari fil-punti 114, 115 u 135) u mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha Kadi II.

104    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li huwa b’mod purament formali u artifiċjali li l-Kummissjoni tqis li qed tirrimedja, permezz tal-implementazzjoni tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid tal-każ tar-rikorrent, għall-illegalitajiet tal-istess natura kkonstatati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Kadi I.

105    Insegwitu għal dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel żewġ motivi tar-rikors, rispettivament ibbażati fuq nuqqas li tittieħed azzjoni mill-Kummissjoni dwar l-istħarriġ li għandu jiġi eżerċitat minnha fuq il-kunsiderazzjonijiet tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet u fuq in-nuqqas li tittieħed azzjoni minn din l-istess istituzzjoni dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent, fil-kuntest tal-proċedura ta’ ffriżar tal-fondi tagħha, għandhom jitqiesu bħala fondati.

106    Dan premess, għandha tiġi ppreċiżata l-portata ta’ dan in-nuqqas li tittieħed azzjoni.

107    Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 374 tas-sentenza tagħha Kadi I, ma jistax jiġi eskluż li, fil-mertu, iż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista kontenzjuża tista’ xorta waħda tkun iġġustifikata, anki fid-dawl tal-elementi ġodda li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni. In-nuqqas li tittieħed azzjoni ma jikkonsistix għalhekk, kif jallega r-rikorrent, f’nuqqas li jiġi rtirat ir-Regolament Nru 1629/2005, iżda f’nuqqas iktar limitat li jiġu osservati l-prinċipji applikabbli fil-kuntest tal-proċedura segwita matul l-eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent.

108    Għalhekk, l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrent għandu jintlaqa’ biss b’mod parzjali, billi jiġi kkonstatat li n-nuqqas tal-Kummissjoni li tirrimedja għad-diffetti proċedurali u għall-irregolaritajiet dwar il-mertu li vvizzjaw l-iffriżar tal-fondi tiegħu huwa illegali.

109    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li t-tielet motiv jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

110    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrent f’dan is-sens.

111    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l‑istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Hemm lok għaldaqstant li l-Kunsill jiġi ordnat ibati l-ispejjeż tiegħu.

112    Skont l-Artikolu 97(3) tal-imsemmi regolament, peress li r-rikorrent ingħata l-għajnuna legali u l-Qorti Ġenerali kkundannat lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti minnha, il-Kummissjoni hija obbligata tħallas lill-kaxxa tal-Qorti Ġenerali s-somom imħallsa bħala għajnuna legali.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kummissjoni Ewropea naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-Trattat FUE u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002, tas-27 ta’ Mejju 2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001, billi naqset milli tirrimedja għad-difetti proċedurali u għall-irregolaritajiet dwar il-mertu li vvizzjaw l-iffriżar tal-fondi ta’ Hani El Sayyed Elsebai Yusef.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti minn H. Yusef, kif ukoll is-somom mħallsa mill-kaxxa tal-Qorti Ġenerali abbażi tal-għajnuna legali.

4)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Forwood

Dehousse

Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Marzu 2014

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.