Language of document : ECLI:EU:T:2012:370

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

12 ta’ Lulju 2012

Kawża T‑308/10 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Fotios Nanopoulos

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Dmir ta’ assistenza – Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal – Tressiq tat-talba għal kumpens f’terminu raġonevoli – Terminu għat-tweġiba – Ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari – Kriterju li jeħtieġ ‘ksur suffiċjentement serju’ – Kxif lill-istampa ta’ informazzjoni ta’ natura personali – Assenza ta’ attribuzzjoni lil uffiċjal ta’ inkarigi li jikkorrispondu mal-grad tiegħu – Ammont tal-kumpens”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tal-11 ta’ Mejju 2010, Nanopoulos vs Il‑Kummissjoni (F‑30/08), u intiż, minn naħa, għall-annullament ta’ din is-sentenza u, min-naħa l-oħra, jekk ma hemmx lok li tiġi annullata s-sentenza msemmija, għall-iffissar tal-ammont eżatt tal-kumpens.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sosnuti minn Fotios Nanopoulos fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Appelli – Rikors għad-danni – Awtonomija fil-konfront tar-rikors għal annullament – Limiti – Talba għad-danni intiża sabiex tiġi evitata l-inammissibbiltà ta’ rikors għal annullament

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Appelli – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Dewmien fit-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-obbligu ta’ assistenza li jaqa’ fuq l-amministrazzjoni – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 24, 90 u 91)

3.      Uffiċjali – Obbligu ta’ assistenza li jaqa’ fuq l-amministrazzjoni – Portata – Dewmien fit-teħid ta’ deċiżjoni – Nuqqas amministrattiv ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-amministrazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 24, 90 u 91)

4.      Uffiċjali – Rikorsi – Termini – Talba għal kumpens indirizzata lil istituzzjoni – Osservanza ta’ terminu raġonevoli – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 46; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(1))

5.      Uffiċjali – Rikorsi – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Att preparatorju – Ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari – Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

6.      Uffiċjali – Appelli – Rikors għad-danni – Talba għal kumpens għal dannu li jirriżulta minn deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari – Ammissibbiltà suġġetta għall-osservanza tal-proċedura prekontenzjuża

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

7.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet fundamentali – Preżunzjoni ta’ innoċenza u dritt għad-difiża – Portata

(Artikolu 6(2) UE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 48(1))

8.      Uffiċjali – Sistema dixxiplinari – Proċedura dixxiplinari – Ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari – Ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 86(2))

9.      Appell – Aggravji – Insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Użu ta’ motivazzjoni impliċita mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Artikolu 256 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 36 u Anness I, Artikolu 7(1))

10.    Uffiċjali – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet – Kundizzjonijiet – Kumpens għal dannu kkawżat lil uffiċjal jew lil membru tal-persunal – Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni – Portata

(Artikoli 235 KE, 236 KE, u l-paragrafu 2 tal-Artikolu 288 KE; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

11.    Uffiċjali – Eżerċizzju tal-funzjonijiet – Integrità professjonali – Akkużi serji – Obbligu ta’ assistenza li jaqa’ fuq l-amministrazzjoni – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 24 u 90)

12.    Uffiċjali – Obbligu ta’ assistenza li jaqa’ fuq l-amministrazzjoni – Possibbiltà għall-uffiċjal ta’ locus standi quddiem il-qorti nazzjonali fil-konfront tal-awtur tad-dannu qabel it-tweġiba tal-amministrazzjoni għat-talba tiegħu għal assistenza – Neċessità għall-uffiċjal li jiddefinixxi mal-amministrazzjoni l-implikazzjonijiet tal-kawża tiegħu fir-rigward tad-dmir ta’ diskrezzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 17, 24 u 91)

13.    Uffiċjali – Sistema dixxiplinari – Ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari – Setgħa diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Titolu VI)

14.    Uffiċjali – Sistema dixxiplinari – Obbligu li titwettaq investigazzjoni qabel il-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX)

15.    Appell – Aggravji – Insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Kriterji użati mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jiffissa l-ammont tal-kumpens mogħti bħala kumpens għal dannu – Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 61 u 62)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 28 ta’ Ġunju 1996, Y vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑500/93, ĠabraSP p. I‑A‑335 u II‑977, punt 64; 28 ta’ Mejju 1997, Burban vs Il‑Parlament, T‑59/96, ĠabraSP p. I‑A‑109 u II‑331, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata; 17 ta’ Diċembru 2003, McAuley vs Il‑Kunsill, T‑324/02, ĠabraSP p. I‑A‑337 u II‑1657, punt 91

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 63)

3.      L-adozzjoni tardiva ta’ deċiżjoni espliċita ma hijiex bħala tali att li jista’ jiġi annullat, iżda aġir tal-amministrazzjoni li, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull kawża, jista’ jikkawża danni morali lill-persuna kkonċernata u li twassal għar-responsabbiltà tal-istituzzjoni. Id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni bl-ebda mod ma hija element aċċessorju għal din u jista’ jkollha importanza determinanti għall-uffiċjal li jitlob assistenza.

Għalhekk, anki meta jkun hemm deċiżjoni espliċita għal talba għal assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u din id-deċiżjoni ma tkunx ġiet ikkontestata fit-terminu previst mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, talba għal kumpens tista’ tiġi mressqa sa fejn, irrispettivament mid-deċiżjoni adottata, hija tkun ibbażata fuq l-aġir allegatament żbaljat tal-amministrazzjoni li jikkonsisti fid-dewmien tagħha li tadotta din id-deċiżjoni.

(ara l-punti 67 u 68)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 75 sa 77)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 5 ta’ Ottubru 2004, Eagle et vs Il‑Kummissjoni, T‑144/02, Ġabra p. II‑3381, punti 65 u 66; 5 ta’ Ottubru 2004, Sanders et vs Il‑Kummissjoni, T‑45/01, Ġabra p. II‑3315, punt 59; 14 ta’ Diċembru 2011, Allen et vs Il‑Kummissjoni, T‑433/10 P, punt 26

5.      Id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tiftaħ proċedura dixxiplinari, hija biss stadju proċedurali preparatorju. Din ma tippreġudikax il-pożizzjoni finali tal-amministrazzjoni u għalhekk ma tistax titqies bħala att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. Konsegwentement din tista’ biss tiġi kkontestata b’mod inċidentali fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni dixxiplinari finali, li tikkawża preġudizzju lill-uffiċjal.

(ara l-punt 85)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni T‑48/05, Ġabra p. II‑1585, punt 340

6.      Jekk id-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari ma tistax fiha nnifisha tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, hija madankollu tista’ tistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjoni meta tittieħed id-deċiżjoni li tingħalaq il-proċedura dixxiplinari.

Għalhekk, meta l-proċedura dixxiplinari tkun infetħet irregolarment, jista’ jkun hemm dannu fil-konfront tal-uffiċjal indikat f’din il-proċedura, b’tali mod li meta din il-proċedura tingħalaq mingħajr tkomplija, dan l-uffiċjal jista’ jkollu interess li juża l-illegalità possibbli tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ din il-proċedura fil-kuntest ta’ rikors għad-danni.

Madankollu, l-uffiċjal ikkonċernat, sabiex ikun jista’ jikseb kumpens għad-danni li jirriżultaw mill-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari, għandu preliminarjament josserva l-proċedura prekontenzjuża f’żewġ stadji previsti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 86 u 96)

7.      Il-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza li jikkostitwixxi dritt fundamentali, stabbilit fl-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jagħti drittijiet lill-individwi li l-qorti tal-Unjoni tiżgura l-osservanza tagħhom.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, dan l-Artikolu 6(2), jirregola l-proċeduri kriminali kollha, independentement mill-eżitu tal-proċeduri, u mhux biss l-eżami tal-fondatezza tal-akkuża. Din id-dispożizzjoni tiggarantixxi lil kull persuna li ma tiġix implikata jew trattata bħala ħatja għal reat qabel ma tkun ġiet stabbilita l-ħtija tagħha mill-qorti. Għalhekk, din b’mod partikolari teħtieġ, li huma u jissodisfaw il-funzjonijiet tagħhom il-membri ta’ qorti ma jitilqux minn qabel bl-idea li l-akkużat wettaq l-att akkużat bih. Id-dikjarazzjonijiet jew id-deċiżjonijiet li jirriflettu s-sentiment ta’ ħtija tal-persuna, li jinċitaw lill-pubbliku jemmen fil-ħtija tagħha jew li jippreġudikaw il-kunsiderazzjoni tal-fatti mill-qorti kompetenti, imorru kontra l-preżunzjoni tal-innoċenza.

Għalhekk, jekk il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza stabbilit mill-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem huwa fost l-elementi ta’ proċess kriminali ekwu kif mitlub mill-Artikolu 6(1) tal-istess Konvenzjoni, dan ma huwiex limitat għal garanzija proċedurali fil-qasam kriminali: il-portata tiegħu hija usa’ u titlob li l-ebda rappreżentant tal-Istat ma jiddikjara li persuna hija ħatja ta’ ksur qabel ma’ tkun ġiet stabbilita l-ħtija tagħha minn qorti. Fil-fatt, ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza jista’ jirriżulta mhux biss minn imħallef jew minn qorti iżda wkoll minn awtoritajiet pubbliċi oħra.

(ara l-punti 90 sa 92)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 4 ta’ Ottubru 2006, Tillack vs Il‑Kummissjoni, T‑193/04, Ġabra p. II‑3995, punt 121; Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 209 sa 211

8.      Ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari fiha nnifisha ma tiksirx il-preżunzjoni ta’ innoċenza. Fil-fatt, id-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari għandha suppost tkun kunfidenzjali u mhux magħrufa mill-pubbliku. Għalhekk, id-deċiżjoni li tirrigwarda proċedura, li fl-aħħar mill-aħħar intemmet mingħajr tkomplija, fiha nnifisha ma tagħtix lil uffiċjal indikat f’din il-proċedura interess li juża din id-deċiżjoni fil-kuntest ta’ rikors għal kumpens.

(ara l-punti 93 u 94)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 18 ta’ Diċembru 1997, Daffix vs Il‑Kummissjoni, T‑12/94, ĠabraSP p. I‑A‑453 u II‑1197, punt 76; Il-Qorti Ġenerali 9 ta’ Lulju 2002, Zavvos vs Il‑Kummissjoni, T‑21/01, ĠabraSP p. I‑A‑101 u II‑483, punt 341; Il-Qorti Ġenerali 13 ta’ Marzu 2003, Pessoa u Costa vs Il‑Kummissjoni, T‑166/02, ĠabraSP p. I‑A‑89 u II‑471, punti 55 u 56

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 97)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il‑Kummissjoni, C‑583/08 P, Ġabra p. I‑4469, punt 30

10.    Il-kontenzjuż fil-qasam tas-servizz pubbliku skont l-Artikolu 236 KE u l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, inkluż dak intiż għall-kumpens ta’ dannu kkawżat lil uffiċjal jew lil membru tal-persunal, jissodisfa r-regoli partikolari u speċjali b’kuntrast ma’ dawk li jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fil-kuntest tal-Artikolu 235 KE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE. Fil-fatt, mir-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari, jirriżulta li, b’mod differenti minn kull individwu ieħor, l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal tal-Unjoni huwa marbut mal-istituzzjoni li huwa jiddependi minnha permezz ta’ relazzjoni ġuridika ta’ impjieg li tinvolvi ekwilibru ta’ drittijiet u ta’ obbligi reċiproki speċifiċi, li huwa rifless mid-dmir ta’ premura tal-istituzzjoni fir-rigward tal-persuna kkonċernata. Dan l-ekwilibriju huwa intiż essenzjalment sabiex tiġi ppreżervata r-relazzjoni ta’ fiduċja li għandha teżisti bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali tagħhom sabiex iċ-ċittadini jiġu ggarantiti t-twettiq sew tal-missjonijiet ta’ interess ġenerali assenjati lill-istituzzjonijiet. B’hekk, meta taġixxi bħala persuna li timpjega, l-Unjoni hija suġġetta għal responsabbiltà miżjuda, li timmanifesta ruħha permezz tal-obbligu li jiġu kkumpensati d-danni kkawżati lill-persunal tagħha minn kull illegalità mwettqa fil-kapaċità tagħha bħala persuna li timpjega.

(ara l-punt 103)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 16 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Petrilli, T‑143/09 P, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata

11.    Meta l-amministrazzjoni tirċievi talba għal assistenza, hija tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-għażla tal-miżuri u tal-mezzi għall-eżami tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. F’każ ta’ akkużi serji u infondati li jolqtu l-integrità professjonali ta’ uffiċjal fil-qadi tal-funzjonijiet tiegħu, hija għandha tiċħad dawn l-akkużi u tieħu l-miżuri kollha biex tistabbilixxi mill-ġdid ir-reputazzjoni leża tal-persuna kkonċernata. B’mod partikolari, l-amministrazzjoni għandha tintervjeni bil-qawwa kollha meħtieġa u twieġeb mill-iktar fis possibbli u bil-premura meħtieġa skont iċ-ċirkustanzi tal-każ.

F’dan ir-rigward, peress li t-terminu għal tweġiba prevista fl-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal għandu biss l-għan li jevita li l-assenza ta’ tweġiba mill-amministrazzjoni ssir ostakolu għal rimedji ġudizzjarji, iżda ma jikkostitwixxix terminu għal tweġiba li, fil-kuntest ta’ talba għal assistenza mressqa skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu fih innifsu jiġi deskritt bħala raġonevoli, id-diliġenza u l-ħeffa tal-amministrazzjoni għandhom jiġu evalwati, każ b’każ, skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża.

Madankollu, fil-każ fejn talba għal assistenza minn uffiċjal tkun segwita mill-pubblikazzjoni ta’ artikoli fl-istampa li jikkonċernawh, ir-riskji marbuta mat-termini qosra għall-preżentata tar-rikorsi fil-qasam tar-reati tal-istampa quddiem ċerti qrati nazzjonali ma jikkostitwixxux kriterju li jippermetti li jiġi evalwat jekk l-amministrazzjoni weġbitx għal din it-talba bil-ħeffa u bid-diliġenza meħtieġa. Issa, peress li l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-għażla tal-miżuri li għandha tieħu sabiex twieġeb għal talba bbażata fuq l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-għajnuna tista’ tkun ikkunsidrata bħala suffiċjenti meta tieħu l-forma, pereżempju, ta’ stqarrija għall-istampa jew ta’ dritt ta’ tweġiba mill-amministrazzjoni li timpjega lill-uffiċjal imsemmi direttament fl-artikolu li ġie ppubblikat.

(ara l-punti 111, 117, 120 u 121)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 17 ta’ Marzu 1998, Carraro vs Il‑Kummissjoni, T‑183/95, ĠabraSP p. I‑A‑123 u II‑329, punti 31 u 33; 4 ta’ Mejju 2005, Schmit vs Il‑Kummissjoni, T‑144/03, ĠabraSP p. I‑A‑101 u II‑465, punti 97 u 98

12.    Sakemm jingħata tweġiba mill-amministrazzjoni għal talba għal assistenza mressqa skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjal ma huwiex imwaqqaf milli jippreżenta, jekk jixtieq, rikors fil-qasam tar-reati tal-istampa quddiem qorti nazzjonali. Fil-fatt, huwa l-uffiċjal li għandu jieħu l-inizjattiva li jiftaħ kawża skont l-aħħar parti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, fir-rigward tal-awturi tad-dannu li huwa jallega li sofra, u sabiex iħejji tali kawża, jiddiskuti mal-amministrazzjoni l-modalitajiet tal-obbligu ta’ diskrezzjoni impost fuqu mill-Artikolu 17 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punt 122)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 26 ta’ Ottubru 1993, Caronna vs Il‑Kummissjoni, T‑59/02, Ġabra p. II‑1129, punt 37; 6 ta’ Novembru 1997, Ronchi vs Il‑Kummissjoni, T‑223/95, ĠabraSP p. I‑A‑321 u II‑879, punt 60

13.    L-għan ta’ deċiżjoni li twassal għall-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari fil-konfront ta’ uffiċjal huwa li tippermetti lill-Awtorità tal-Ħatra teżamina l-veraċità u l-gravità tal-fatti attribwiti lill-uffiċjal ikkonċernat u li tisimgħu fir-rigward, skont l-Artikolu 87 tar-Regolamenti tal-Persunal, biex tifforma opinjoni, minn naħa, dwar il-mument meta jkun opportun jew li tingħalaq, mingħajr tkomplija, il-proċedura dixxiplinari, jew inkella li tadotta sanzjoni dixxiplinari fil-konfront tal-uffiċjal u min-naħa l-oħra, jekk ikun il-każ, li tifforma opinjoni dwar jekk għandhiex tibagħtu, qabel l-adozzjoni ta’ din il-piena, quddiem il-Bord Dixxiplinari skont il-proċedura stabbilita fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal.

Deċiżjoni bħal din bil-fors li timplika, min-naħa tal-istituzzjoni, kunsiderazzjonijiet delikati, meta jitqiesu l-konsegwenzi serji u irrevokabbli li jistgħu jirriżultaw minnha. F’dan ir-rigward, l-istituzzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa u l-istħarriġ ġudizzjarju huwa limitat għall-eżami tal-eżattezza materjali tal-elementi kkunsidrati mill-amministrazzjoni biex tiftaħ il-proċeduri, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti kkontestati u tal-assenza ta’ abbuż ta’ poter

Madankollu, biex jitħarsu d-drittijiet tal-uffiċjal ikkonċernat, huwa d-dmir tal-Awtorità tal-Ħatra, qabel ma tiftaħ il-proċedura dixxiplinari, li tiżgura li jkollha f’idejha elementi preċiżi u rilevanti biżżejjed.

(ara l-punti 149, 150 u 152)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 15 ta’ Mejju 1997, N vs Il‑Kummissjoni, T‑273/94, ĠabraSP p. I‑A‑97 u II‑289, punt 125; Il-Qorti Ġenerali 17 ta’ Mejju 2000, Tzikis vs Il‑Kummissjoni, T‑203/98, ĠabraSP p. I‑A‑91 u II‑393, punt 50; Pessoa e Costa vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36; Il-
Qorti Ġenerali 5 ta’ Ottubru 2005 Rasmussen vs Il‑Kummissjoni, T‑203/03, ĠabraSP p. I‑A‑279 u II‑1287, punt 41; Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 352

14.    Ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, u lanqas id-deċiżjoni li tistabbilixxi l-Uffiċċju ta’ investigazzjoni u dixxiplina (IDOC), ma jimponu espressament l-obbligu li ssir investigazzjoni amministrattiva qabel ma tinfetaħ proċedura dixxiplinari.

(ara l-punt 151)

15.    Meta t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata l-eżistenza ta’ dannu, huwa biss huwa kompetenti li jiddeċiedi, fil-limiti tat-talba, il-mod u l-portata tal-kumpens ta’ dan id-dannu, bil-kundizzjoni li, sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fuq is-sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, dawn ikunu motivati biżżejjed u, fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ dannu, jindikaw il-kriterji li ġew ikkunsidrati sabiex jiġi stabbilit l-ammont adottat.

(ara l-punt 165)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 21 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, Ġabra p. I‑833, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti Ġenerali: 8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06 P, Ġabra p. II‑2841, punt 241