Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' Diċembru 2011 - SinnLeffers vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-621/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: SinnLeffers GmbH (Hagen, il-Ġermanja) (rappreżentanti: C. Rupp u H. Wunderlich, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 275, tas-26 ta' Jannar 2011, dwar l-għajnuna mill-Istat C-7/10 implimentata mill-Ġermanja [("]Skema għar-riport ta' telf ta' taxxa fil-każ tar-ristrutturar ta' kumpaniji f'diffikultà["),] "Sanierungsklausel";

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba li l-miżura inkwistjoni ma hijiex selettiva

Żball fid-determinazzjoni tas-sistema ta' riferiment applikabbli: f'dan ir-rigward ir-rikorrenti tallega li, fl-evalwazzjoni tan-natura selettiva tal-klawżola dwar it-trasferiment tat-telf li tinsab fl-Artikolu 8c(1a) tal-Körperschaftsteuergesetz (Liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji, iktar 'il quddiem il-"KStG"), il-Kummissjoni ddeterminat b'mod żbaljat is-sistema ta' riferiment applikabbli. Skont ir-rikorrenti, meta l-prinċipju oġġettiv nett jittieħed bħala sistema ta' riferiment, il-klawżola dwar it-trasferiment tat-telf ma tistax titqies bħala eċċezzjoni għas-sistema ta' riferiment iżda pjuttost li tistabbilixxiha mill-ġdid.

Żball fir-rigward tal-kunsiderazzjoni li sistema ġenerali hija selettiva: f'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tallega li, fir-rigward tal-klawżola dwar it-trasferiment tat-telf li tinsab fl-Artikolu 8c(1a) tal-KStG, ma jistax jingħad li din hija ta' natura selettiva sa fejn din hija sistema li tapplika b'mod ġenerali.

Żball sa fejn ma tteħditx inkunsiderazzjoni l-ġustifikazzjoni bbażata fuq in-natura u l-istruttura interna tas-sistema fiskali Ġermaniża applikabbli għall-impożizzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji: f'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li n-natura u l-istruttura interna tas-sistema fiskali Ġermaniża fir-rigward tal-impożizzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji jiġġustifikaw il-klawżola dwar it-trasferiment tat-telf li tinsab fl-Artikolu 8c(1a) tal-KStG, tal-inqas meta tittieħed inkunsiderazzjoni s-sistema ta' riferiment adegwata, jiġifieri dik ibbażata fuq il-prinċipju oġġettiv nett.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur ta' regoli ġuridiċi superjuri - Ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi

F'dan ir-rigward ir-rikorrenti tallega li, qabel ma fetħet il-proċedura ta' investigazzjoni formali fir-rigward tal-klawżola dwar it-trasferiment tat-telf li tinsab fl-Artikolu 8c(1a) tal-KStG, il-Kummissjoni f'ebda mument ma kienet indikat li kellha riżervi, mill-perspettiva tad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat, fir-rigward tal-klawżola dwar it-trasferiment tat-telf li tinsab fit-tielet sentenza tal-Artikolu 8(4) tal-KStG fil-verżjoni preċedenti tagħha jew fir-rigward ta' leġiżlazzjoni simili ta' Stati Membri oħra. Minħabba dan l-aġir preċedenti tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti b'ebda mod ma setgħet tipprevedi li l-Kummissjoni kienet ser tadotta d-deċiżjoni kkontestata, lanqas billi tapplika l-ogħla livell ta' diliġenza mistenni minn operatur ekonomiku prudenti u informat. Għaldaqstant, hija setgħet tibni aspettattivi leġittimi dwar il-legalità tal-klawżola l-ġdida dwar it-trasferiment tat-telf li tinsab fl-Artikolu 8c(1a) tal-KStG.

____________