Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Novembru 2023 – Goodwill M + G. vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-1125/23)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrent: Goodwill M + G (Kontich, il-Belġju) (rappreżentanti: I. Van Giel u T. Toremans, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/2055 tal-25 ta’ Settembru 2023 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) fir-rigward ta’ mikropartikoli ta’ polimeri sintetiċi (ĠU 2023, L 238, p. 67, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”);

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv: ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

Ir-Regolament ikkontestat għandu bħala għan li jillimita l-użu ta’ polimeri sintetiċi insolubbli fl-ilma ta’ daqs ta’ 5 mm jew inqas (iktar ’il quddiem il-“mikropartikoli ta’ polimeri sintetiċi” jew il-“mikroplastiks” preżenti f’prodotti sabiex jinkisbu ċerti proprjetajiet (“preżenti intenzjonalment”) sabiex jiġu evitati r-riskji li dawn il-mikropartikoli jistgħu jirrappreżentaw għall-ambjent akwatiku. Skont ir-rikorrenti, dan ir-regolament iwassal għal projbizzjoni immedjata tal-użu tal-glitter fuq it-tiżjin tal-Milied li hija tikkummerċjalizza. Madankollu din il-projbizzjoni ma hijiex adatta sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mill-Kummissjoni u l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma humiex proporzjonati mal-għan li għandu jintlaħaq. Minbarra dan, il-Kummissjoni ma għażlitx il-miżura l-inqas oneruża.

It-tieni motiv: ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

Ir-Regolament ikkontestat jipprevedi d-dħul fis-seħħ ta’ regoli ġodda permezz ta’ diversi perijodi tranżitorji. Hemm differenza fit-trattament sa fejn, għal ċerti setturi komparabbli, bħas-settur tal-kożmetiċi, perijodu tranżitorju huwa previst, filwaqt li dan ma huwiex il-każ għas-settur tat-tiżjin li fih ir-rikorrenti hija attiva.

It-tielet motiv: ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-assenza ta’ perijodu tranżitorju tagħmel impossibbli għall-impriżi li jadattaw ruħhom għal-leġiżlazzjoni l-ġdida u li għalhekk jillimitaw ir-riskji ekonomiċi u finanzjarji. It-tieni nett, il-projbizzjoni tal-glitter ma hijiex, fil-fehma tagħha, ċara u wisq inqas preċiża. Fil-fatt il-projbizzjoni tapplika biss meta l-glitter jiġi rrilaxxat fil-kuntest ta’ “użu normali” tal-prodotti inkwistjoni, f’dan il-każ, it-tiżjin tal-Milied, iżda teżisti ambigwità rigward dan il-kunċett. Minħabba dan il-fatt, ir-rikorrenti ma tistax tiddetermina jekk jew sa fejn, il-projbizzjoni tapplika għall-prodotti tagħha u kwalunkwe aspettattiva leġittima fir-rigward tal-applikazzjoni tal-projbizzjoni hija impossibbli.

Ir-raba’ motiv: ksur tad-dmir ta’ diliġenza.

Ma jirriżulta minn ebda dokument li d-deċiżjoni li ma jiġix previst perijodu tranżitorju għall-glitter li jiġi rrilaxxat fil-kuntest ta’ użu normali ta’ prodott, bħall-prodotti tat-tiżjin tal-Milied, hija bbażata fuq studju xjentifiku jew fuq fatti pprovati oħra. Il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-adozzjoni tar-Regolament, tidher li b’mod żbaljat ikkunsidrat li s-setturi li ma jibbenefikawx minn perijodu tranżitorju ma għandhomx bżonnu peress li għandhom alternattivi vijabbli oħra għall-mikropartikoli pprojbiti. Billi ma bbażatx ruħha la fuq waħda u lanqas fuq l-oħra minn dawn l-elementi, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u b’hekk kisret id-dmir ta’ diliġenza tagħha.

____________