Language of document : ECLI:EU:C:2020:374

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fl‑14 ta’ Mejju 2020 (1)

Kawża C30/19

Diskrimineringsombudsmannen

vs

Braathens Regional Aviation AB

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill‑Högsta domstolen (il‑Qorti Suprema, l‑Isvezja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2000/43/KE – Ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuni irrispettivament mir-razza jew mill-oriġini etnika – Artikolu 7 – Difiża tad-drittijiet – Artikolu 15 – Sanzjonijiet – Rikors għad-danni minħabba diskriminazzjoni – Mekkaniżmu ta’ kunsens – Rifjut tal-konvenuta li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni minkejja t-talba espressa tar-rikorrent – Rabta bejn is-sanzjoni u d-diskriminazzjoni – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Impossibbiltà li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema, l-Isvezja) tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/43/KE (2), li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi tar-razza u tal-oriġini etnika, u tirrigwarda d-dritt ta’ persuna li tqis li hija vittma ta’ tali diskriminazzjoni li tikseb l-eżami u, jekk ikun il-każ, il-konstatazzjoni minn qorti tal-eżistenza ta’ din id-diskriminazzjoni. B’mod iktar preċiż, hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk tali persuna għandhiex dan id-dritt fil-kuntest ta’ rikors għad-danni meta l-konvenuta taċċetta li tħallas il-kumpens mitlub, iżda ma tammettix li wettqet xi diskriminazzjoni.

2.        Din il-kwistjoni tqajmet fil-kuntest ta’ kawża bejn passiġġier tal-ajru, irrappreżentat mid-Diskrimineringsombudsmannen (l-Awtorità Svediża responsabbli mill-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, iktar ’il quddiem l-“Ombudsman”) u l-kumpannija tal-ajru Braathens Regional Aviation AB (iktar ’il quddiem “Braathens”).

3.        B’mod iktar partikolari, din il-kawża tqajjem il-kwistjoni dwar jekk mekkaniżmu proċedurali nazzjonali, li permezz tiegħu l-konvenuta tista’, billi taċċetta talba għad-danni minħabba diskriminazzjoni, ittemm il-kawża, mingħajr madankollu ma tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, u mingħajr ma r-rikorrent ikun jista’ jikseb l-eżami u l-konstatazzjoni tagħha minn qorti, jippermettix lil dan tal-aħħar jinvoka b’mod sħiħ id-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 2000/43 moqrija fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

4.        Għar-raġunijiet li ser nispjega f’dawn il-konklużjonijiet, jiena nqis li din id-domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv.

5.        Din il-kawża għandha twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri sabiex jistabbilixxu r-regoli proċedurali tagħhom fid-dawl tar-rekwiżiti tad-Direttiva 2000/43 moqrija fid-dawl tal-Karta.

6.        Fl-aħħar tal-analiżi tiegħi, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li persuna li tqis li ġarrbet diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini etnika għandha, fin-nuqqas tar-rikonoxximent tagħha mill-konvenuta, tkun tista’ tikseb l-eżami u, jekk ikun il-każ, il-konstatazzjoni minn qorti tal-eżistenza ta’ din id-diskriminazzjoni. Mekkaniżmu proċedurali għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim ma jistax iwassal sabiex dan id-dritt jiġi miċħud.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

7.        Il-premessi 19 u 26 tad-Direttiva 2000/43 jistabbilixxu:

“(19)      Il-persuni li kienu bla ħsara għal diskriminazzjoni msejsa fuq l-oriġini tar-razza jew l-etniċità għandu jkollhom il-mezzi adegwati ta’ protezzjoni legali. Sabiex jiġi pprovdut livell aktar effettiv ta’ protezzjoni, l-assoċjazzjonijiet jew l-entitajet legali għandhom jingħataw ukoll il-poter li jdaħħlu, jekk l-Istati Membri hekk jistabbilixxu, jew f’isem kull vittma jew b’appoġġ għaliha, fi proċeduri legali, mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-proċedura nazzjonali li jirrigwardaw ir-rapreżentanza u d-difiża quddiem il-qrati;

[…]

(26)      L-Istati Membri għandhom jipprovdu sanzjonijiet effettivi, ipproporzjonati u disswadenti fil-każ ta’ ksur ta’ l-obbligi skond din id-Direttiva.”

8.        Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-Għan”:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jistabbilixxi qafas sabiex tiġi kkumbattuta d-diskriminazzjoni għar-raġunijiet ta’ l-oriġini tar-razza jew l-etniċità, bl-għan li jseħħ fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ trattament ugwali”.

9.        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kunċett tad-diskriminazzjoni”, jiddisponi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, il-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jfisser illi ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta msejsa fuq l-oriġini tar-razza jew l-etniċità”.

10.      L-Artikolu 7 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Id-difiża tad-drittijiet”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi, li jinkludu fejn jidhrilhom approprjat, illi l-proċeduri tal-konċiljazzjoni, għall-infurzar ta’ l-obbligi skond din id-Direttiva, ikunu disponibbli għall-persuni li jikkunsidraw lilhom infushom inġurjati minn-nuqqas li japplika għalihom il-prinċipju tat-trattament ugwali, saħansitra wara li tkun waqfet ir-relazzjoni li fiha jkun allegat li saret id-diskriminazzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet u entitajiet oħra legali, li, skond il-kriterja stabbiliti bil-liġijiet nazzjonali tagħhom, għandhom interess leġittimu sabiex jiżguraw illi d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jiġu mħarsa, jistgħu jaqbdu jaħdmu, jew f’isem min jagħmel ilment jew bħala appoġġ għalih, bl-approvazzjoni tiegħu jew tagħha, f’kull proċedura ġudizzjarja u/jew amministrattiva pprovduta sabiex tinforza l-obbligi skond din id-Direttiva.

3.      Il-paragrafi 1 u 2 huma mingħajr preġudizzju għar-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-limiti taż-żmien li fihom jinġiebu azzjonijiet li jirrigwardaw il-prinċipju tat-trattament ugwali”.

11.      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/43, intitolat “Il-piż tal-provi”, jistabbilixxi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu dawn il-miżuri skond kif ikun meħtieġ, skond is-sistema ġudizzjarja nazzjonali tagħhom, sabiex jiżguraw illi, fejn persuni li jikkunsidraw lilhom infushom inġurjati għaliex ma jkunx ġie applikat għalihom il-prinċipju tat-trattament ugwali jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom jista jiġi preżunt illi kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandu jkun ir-respondent li jrid jipprova li ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali.

[…]

3.      Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal proċeduri kriminali.

[…]”

12.      L-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, intitolat “Sanzjonijiet”, jiddisponi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar is-sanzjonijiet li japplikaw għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi jiġu applikati. Is-sanzjonijiet, li jistgħu jinkludu l-ħlas ta’ kumpens għall-vittma, iridu jkunu effettivi, pproporzjonati u diswassivi. […]”

B.      Id-dritt Svediż

13.      Konformement mal-Artikolu 4(1) tal-Kapitolu 1 tad-diskrimineringslagen (2008:567) (il-Liġi dwar id-Diskriminazzjoni), tikkostitwixxi b’mod partikolari diskriminazzjoni, is-sitwazzjoni fejn persuna ssofri żvantaġġ minħabba li tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi ttrattata persuna oħra f’sitwazzjoni paragunabbli, meta d-differenza fit-trattament tkun marbuta mas-sess, mal-identità jew mal-espressjoni tas-sess, mal-appartenenza etnika, mar-reliġjon jew mal-opinjonijiet, mad-diżabbiltà, mal-orjentazzjoni sesswali jew mal-età.

14.      Skont l-Artikolu 12 tal-Kapitolu 2 ta’ din l-istess liġi, l-eżerċizzju ta’ diskriminazzjoni huwa b’mod partikolari pprojbit lil kull min jipprovdi, barra mill-isfera privata jew tal-familja tiegħu, oġġetti, servizzi jew akkomodazzjoni lill-pubbliku.

15.      Il-Kapitolu 5 tal-Liġi dwar id-Diskriminazzjoni jipprevedi s-sanzjonijiet imposti fuq kull min jeżerċita diskriminazzjoni. Dan jirrigwarda l-kumpens, imsejjaħ “kumpens għal diskriminazzjoni”, ir-reviżjoni u l-annullament ta’ kuntratti u atti legali oħra.

16.      Mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Kapitolu 6 ta’ din il-liġi jirriżulta li l-kawżi li jirrigwardaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 12 tal-Kapitolu 2 tal-imsemmija liġi għandhom jiġu eżaminati mill-qrati ordinarji skont id-dispożizzjonijiet tar-rättegångsbalken (1942:740) (il-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja), li jirrigwarda l-proċeduri ċivili li fil-kuntest tagħhom huwa awtorizzat ftehim bonarju dwar it-tilwima.

17.      Skont l-Artikolu 1 tal-Kapitolu 13 ta’ dan il-kodiċi, ir-rikorrent jista’, taħt il-kundizzjonijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni, jeżerċita azzjoni għall-eżekuzzjoni sabiex jikseb il-kundanna tal-konvenuta għall-eżekuzzjoni ta’ obbligu li jaġixxi, u b’mod partikolari, li tħallsu somma ta’ flus bħala kumpens għal diskriminazzjoni.

18.      L-Artikolu 7 tal-Kapitolu 42 ta’ dan l-istess kodiċi jipprevedi li l-konvenuta għandha, waqt is-seduta, tippreżenta immedjatament id-difiża tagħha. Fin-nuqqas, il-konvenuta tista’, f’dan l-istadju, tiddeċiedi li taċċetta t-talba tar-rikorrent. Il-kunsens għat-talba jwassal għall-estinzjoni tal-istanza. Il-kunsens jista’ jkun ibbażat fuq punt ta’ liġi jew ta’ fatt partikolari invokat mir-rikorrent iżda jista’ wkoll ma jkunx marbut mal-motivi insostenn tat-talba ta’ dan tal-aħħar.

19.      Konformement mal-Artikolu 18 ta’ dan il-Kapitolu 42 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja, wara l-kunsens tal-konvenuta għat-talbiet tar-rikorrent, il-qorti tista’ tagħti sentenza abbażi ta’ dan il-kunsens.

20.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Kapitolu 13 ta’ dan il-kodiċi, ir-rikorrent jista’ jeżerċita azzjoni dikjaratorja intiża għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ relazzjoni ġuridika speċifika f’każ ta’ inċertezza dwar din ir-relazzjoni legali li tikkawżalu preġudizzju.

III. Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21.      Fix-xahar ta’ Lulju 2015, passiġġier ta’ oriġini Ċilena residenti fi Stokkolma (l-Isvezja) u li kien qiegħed jivvjaġġa fuq titjira interna Göteborg-Stokkolma (iktar ’il quddiem il-“passiġġier”), operata minn Braathens, kien suġġett flimkien ma’ vjaġġatur ieħor, permezz ta’ deċiżjoni tal-kmandant abbord, għal kontroll ta’ sigurtà addizzjonali.

22.      L-Ombudsman ippreżenta rikors quddiem l-iStockholms tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Stokkolma, l-Isvezja) intiż sabiex Braathens tiġi kkundannata tħallas lill-passiġġier kumpens għal diskriminazzjoni fl-ammont ta’ 10 000 krona Svediża (SEK) (madwar EUR 1 000). Insostenn tar-rikors tagħha, din l-awtorità sostniet li l-passiġġier kien is-suġġett ta’ diskriminazzjoni diretta bi ksur tal-Artikolu 12 tal-Kapitolu 2 u tal-Artikolu 4 tal-Kapitolu 1 tal-Liġi dwar id-Diskriminazzjoni, min-naħa ta’ Braathens. Din tal-aħħar ħadet lill-passiġġier għal persuna Għarbija jew Musulmana, issuġġettatu, għal din ir-raġuni, għal kontroll ta’ sigurtà addizzjonali, u għalhekk, ikkawżatlu żvantaġġ għal raġunijiet marbuta mad-dehra fiżika u mal-appartenenza etnika, billi ttrattatu b’mod inqas favorevoli minn passiġġieri oħra f’sitwazzjoni paragunabbli.

23.      Quddiem din il-qorti, Braathens aċċettat it-talba għall-eżekuzzjoni tal-kumpens mitlub, filwaqt li kkontestat l-eżistenza ta’ xi diskriminazzjoni.

24.      L-Ombudsman oppona għall-fatt li l-iStockholms tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Stokkolma) tiddeċiedi skont dan il-kunsens, mingħajr ma teżamina fil-mertu d-diskriminazzjoni allegata. Fil-każ li din il-qorti tiddeċiedi madankollu, fil-kuntest tar-rikors għal eżekuzzjoni (3), li ma teżaminax il-kawża fil-mertu, l-Ombudsman talab, fl-ewwel lok, li l-imsemmija qorti tagħti sentenza dikjaratorja li tikkonstata li Braathens għandha tħallas kumpens għal diskriminazzjoni minħabba l-aġir diskriminatorju tagħha jew, fit-tieni lok, li din l-istess qorti tikkonstata sempliċement, permezz ta’ tali sentenza, li l-passiġġier kien suġġett għal diskriminazzjoni min-naħa tal-kumpannija tal-ajru.

25.      Fil-punt 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni tagħha, l-iStockholms tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Stokkolma) ikkundannat lil Braathens tħallas is-somma ta’ SEK 10 000 lill-passiġġier flimkien mal-interessi u fil-punt 2 ta’ dan id-dispożittiv, sabiex tħallas l-ispejjeż. Fil-punt 3 tal-istess dispożittiv, hija ddikjarat inammissibbli t-talbiet tal-Ombudsman intiżi sabiex jikseb sentenza dikjaratorja. Hija qieset li l-kawżi li jirrigwardaw id-drittijiet u l-obbligi ċivili li l-partijiet għandhom liberament bħal dawk f’dan il-każ għandhom, f’każ ta’ kunsens għat-talbiet tar-rikorrent, jiġu deċiżi mingħajr eżami tal-mertu, filwaqt li enfasizzat li hija kienet marbuta bil-kunsens ta’ Braathens.

26.      L-iSvea hovrätt (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma, l-Isvezja) ċaħdet l-appell ippreżentat mill-Ombudsman, billi kkunsidrat li dan l-appell kien inammissibbli fir-rigward tal-punti 1 u 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-ewwel istanza, li din is-sentenza kienet tosserva r-regoli tal-proċedura ċivili Svediża u li fid-dawl tal-kunsens tagħha, il-pożizzjoni ta’ Braathens dwar l-allegazzjoni ta’ aġir diskriminatorju kienet irrilevanti. Din il-qorti ċaħdet ukoll it-talba tal-appell li tirrigwarda l-punt 3 ta’ dan id-dispożittiv dwar l-għoti ta’ sentenza dikjaratorja.

27.      L-Ombudsman appella mis-sentenza tal-qorti tal-appell, billi talab lill-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema, l-Isvezja) sabiex tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, tannulla din is-sentenza, tannulla s-sentenza tal-iStockholms tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Stokkolma) u tibgħat lura l-kawża lil din il-qorti sabiex teżamina l-mertu ta’ mill-inqas waħda mit-talbiet tagħha intiżi sabiex tikseb sentenza dikjaratorja, minbarra t-talba għal eżekuzzjoni intiża għall-ħlas tal-kumpens għal diskriminazzjoni. Braathens talbet li dawn it-talbiet jiġu miċħuda.

28.      Il-qorti tar-rinviju tesponi li l-Liġi dwar id-Diskriminazzjoni għandha l-għan li tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni u li tippromwovi l-ugwaljanza tad-drittijiet u l-opportunitajiet tal-persuni irrispettivament mis-sess, mill-identità jew mill-espressjoni tas-sess, mill-appartenenza etnika, mir-reliġjon jew mill-opinjonijiet, mid-diżabbiltà, mill-orjentazzjoni sesswali jew mill-età. Din il-liġi, ta’ natura obbligatorja, li tkopri diversi oqsma ta’ attività u li tapplika għas-setturi kemm pubbliċi kif ukoll privati, ġiet ifformulata billi ttieħdu inkunsiderazzjoni l-motivi ta’ diskriminazzjoni msemmija fil-konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll, b’mod partikolari, l-atti differenti tal-Unjoni Ewropea, bħad-Direttiva 2000/43, u hija intiża sabiex tippermetti, skont ix-xogħol preparatorju tagħha, sanzjonijiet qawwija u dissważivi f’każ ta’ diskriminazzjoni.

29.      Din il-qorti żżid li fil-kuntest tat-traspożizzjoni fid-dritt Svediż tad-Direttiva 2000/43, b’mod partikolari tal-Artikolu 15 tagħha, is-sanzjonijiet imposti skont l-imsemmija liġi, għal kull persuna li teżerċita diskriminazzjoni, huma l-kumpens, imsejjaħ “kumpens għal diskriminazzjoni”, kif ukoll ir-reviżjoni u l-annullament ta’ kuntratti jew ta’ atti legali oħra. B’mod partikolari, kull min jikser il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 12 tal-Kapitolu 2 tagħha, għandu jħallas tali kumpens. Dan għandu, f’kull każ partikolari, jiġi stabbilit b’mod li jikkostitwixxi kumpens raġonevoli għall-vittma u jipparteċipa fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fis-soċjetà, b’tali mod li tiġi żgurata funzjoni doppja ta’ kumpens u ta’ prevenzjoni (4). Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-kawżi intiżi għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu jaqgħu taħt il-qrati ordinarji, li jiddeċiedu skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja relattivi għall-proċeduri ċivili li fihom ikun awtorizzat ftehim bonarju dwar it-tilwima, peress li l-partijiet għandhom id-disponibbiltà ħielsa tad-drittijiet tagħhom.

30.      Il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema) tenfasizza wkoll ċerti aspetti proċedurali bbażati fuq id-dritt nazzjonali. Hija tesponi li l-konvenuta tista’ tiddeċiedi li taċċetta t-talba għal kumpens tar-rikorrent mingħajr ma tkun obbligata tindika r-raġunijiet tagħha jew li tibbaża ruħha fuq motiv invokat mir-rikorrent. Il-kunsens jista’ għalhekk ma jkunx marbut mal-motivi insostenn tat-talba ta’ dan tal-aħħar. Fil-prattika, tali kunsens huwa intiż sabiex itemm l-istanza mingħajr ma jkun neċessarju li jitkompla l-eżami tal-kawża. Il-qorti għandha tilqa’ l-kunsens mingħajr ma teżamina effettivament il-fatti jew il-kwistjoni ta’ liġi. Għalhekk, ebda konklużjoni ċerta ma tista’ tinsilet minn tali sentenza fir-rigward tal-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrent relattivi għaċ-ċirkustanzi tat-tilwima.

31.      Il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema) iżżid li l-azzjoni dikjaratorja prevista fl-Artikolu 2 tal-Kapitolu 13 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja hija intiża sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ relazzjoni ġuridika bejn il-partijiet. Madankollu, din l-azzjoni hija fakultattiva. Il-qorti tista’ teżaminaha jekk teżisti inċertezza dwar din ir-relazzjoni u jekk din tal-aħħar tippreġudika lir-rikorrent b’mod partikolari billi tirrendi l-attività ekonomika tiegħu iktar diffiċli li tiġi ppjanata. L-eżami ta’ tali azzjoni għandu għalhekk jidher opportun fid-dawl tal-fatti, peress li l-qorti għandha tibbilanċja, minn naħa, l-interess ġuridiku tar-rikorrent, u min-naħa l-oħra, l-inkonvenjenzi li tista’ ġġarrab il-konvenuta, minħabba, b’mod partikolari, il-probabbiltà ta’ proċeduri addizzjonali.

32.      Il-qorti tar-rinviju tesponi li fil-kawża prinċipali, il-qrati tal-ewwel u t-tieni istanzi taw sentenza li tikkundanna lil Braathens għall-ħlas tal-kumpens mitlub abbażi tal-kunsens tagħha, mingħajr ma l-kwistjoni tal-eżistenza tad-diskriminazzjoni invokata tista’, skont dawn il-qrati, tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ proċedura dikjaratorja.

33.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar dan ir-riżultat fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/43, fil-qasam ta’ sanzjoni tad-diskriminazzjonijiet, moqri fid-dawl tal-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw lil kull persuna dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti sabiex tinstema’ f’każ ta’ ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, skont l-Artikolu 47 tal-Karta. Hija tikkunsidra li huwa importanti li jiġi stabbilit jekk il-qorti għandhiex tkun tista’ teżamina l-kwistjoni tal-eżistenza tad-diskriminazzjoni fuq talba tal-parti li tqis li kienet is-suġġett tagħha u jekk ir-risposta tiddependix fuq il-fatt li l-preżunt awtur jaċċettax jew le l-eżistenza tagħha.

34.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“F’każ dwar ksur ta’ projbizzjoni mniżżla fid-[Direttiva 2000/43] fejn il-persuna li tkun saritilha dannu titlob kumpens għal diskriminazzjoni, għandu l-Istat Membru, jekk mitlub mill-persuna li tkun saritilha dannu, dejjem jeżamina jekk saritx diskriminazzjoni – u fejn xieraq jikkonkludi li dak kien il-każ – irrispettivament minn jekk il-persuna akkużata minn diskriminazzjoni ammettietx jew le li saret id-diskriminazzjoni, sabiex jitqies bħala ssodisfatt ir-rekwiżit fl-Artikolu 15 [ta’ din id-direttiva] għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonali u dissważivi?”

35.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Ombudsman, minn Braathens, mill-Gvern Svediż u dak Finlandiż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Bl-eċċezzjoni tal-Gvern Finlandiż, dawn il-partijiet u l-partijiet ikkonċernati kienu rrappreżentati waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fil-11 ta’ Frar 2020.

IV.    Analiżi

A.      Osservazzjonijiet preliminari

36.      Ir-rikors ippreżentat mill-Ombudsman f’isem il-passiġġier huwa intiż sabiex Braathens tiġi kkundannata tħallas kumpens għal diskriminazzjoni. Aspett importanti ta’ dan ir-rikors huwa li dan ma huwiex intiż sempliċement għall-ħlas ta’ somma ta’ flus, iżda li huwa intiż ukoll sabiex jikseb mingħand Braathens ammissjoni li din is-somma titħallas minħabba diskriminazzjoni jew, inkella, li jiġi kkonstatat mill-qorti l-ksur tad-dritt għal ugwaljanza fit-trattament tal-passiġġier.

37.      Issa, Braathens tirrifjuta li tirrikonoxxi xi diskriminazzjoni. Hija ddikjarat li hija lesta li tħallas, u fil-fatt, ħallset il-kumpens mitlub iżda biss sabiex turi “ir-rieda tajba tagħha” u tevita proċedura eventwalment twila u għolja li tobbligaha tiddefendi ruħha kontra l-allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni.

38.      Minkejja dan ir-rifjut ta’ rikonoxximent tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, il-qrati tal-ewwel u t-tieni istanzi, skont ir-regoli ta’ proċedura nazzjonali, ħadu nota tal-fatt li billi aċċettat it-talba tal-Ombudsman, li r-rikors tiegħu huwa kkunsidrat limitat għat-talba għad-danni, hija temmet il-kawża, u dan minkejja li l-Ombudsman talab ukoll li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni. Għalhekk, dawn il-qrati ordnaw il-ħlas tal-kumpens, iżda ċaħdu t-talbiet tal-Ombudsman intiżi sabiex tinkiseb konstatazzjoni tal-ksur tad-dritt għal ugwaljanza fit-trattament tal-passiġġier.

39.      Nenfasizza li mill-osservazzjonijiet issottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li azzjoni dikjaratorja intiża sabiex tinkiseb tali konstatazzjoni hija fakultattiva (5) u ma hijiex “normali” fil-każi ta’ tilwim fil-qasam ta’ diskriminazzjoni (6). F’dan it-tip ta’ tilwim, il-kumpens għal diskriminazzjoni jista’, bħala prinċipju, jiġi ddeterminat direttament, u l-azzjoni dikjaratorja, li spiss timplika proċess f’żewġ stadji tirrigwarda qabel kollox konstatazzjoni ta’ diskriminazzjoni u sussegwentement l-iffissar ta’ kumpens, hija ġeneralment kkunsidrata bħala inopportuna (7) u għalhekk inammissibbli. Din titqies opportuna biss jekk, pereżempju, il-portata tad-dannu materjali jew morali ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat fil-mument li fih jiġi ppreżentat ir-rikors u jekk dan ma jkunx jista’ jiġi ddeferit għal raġunijiet ta’ terminu ta’ preskrizzjoni (8).

40.      Fil-qosor, skont id-dritt Svediż, kif interpretat mill-qrati tal-ewwel u t-tieni istanzi fil-kawża prinċipali, persuna li tqis li hija vittma ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika, fis-sens tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva ma tistax, fil-prattika, tikseb ġudizzjarjament, minbarra kumpens, il-konstatazzjoni tal-eżistenza stess ta’ din id-diskriminazzjoni meta l-allegat awtur ta’ din id-diskriminazzjoni jaċċetta li jħallas il-kumpens mitlub, filwaqt li jikkontesta kwalunkwe diskriminazzjoni. Il-kwistjoni ċentrali li tqum f’din il-kawża hija dwar jekk mekkaniżmu proċedurali ta’ estinzjoni tal-istanza, bħall-kunsens, jistax iwassal għal tali riżultat mingħajr ma jippreġudika r-rekwiżiti tad-Direttiva 2000/43.

41.      Nenfasizza li l-appell tal-Ombudsman quddiem il-qorti tar-rinviju jirrigwarda biss is-sitwazzjoni fejn il-persuna li tqis li hija vittma ta’ diskriminazzjoni tikseb kumpens mill-konvenuta mingħajr ma din tirrikonoxxi li kellha aġir diskriminatorju. Dan l-appell ma jirrigwardax il-każ fejn il-konvenuta tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ tali diskriminazzjoni. F’din l-aħħar ipoteżi, l-Ombudsman jikkunsidra li, peress li r-rikorrent ikun kiseb sodisfazzjoni għat-talbiet tiegħu kollha, il-qrati nazzjonali ma jkunux iktar obbligati jeżaminaw jekk kienx hemm diskriminazzjoni, u ma jkunx utli li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi mistoqsija dwar dan il-punt.

42.      Fid-dawl tal-kuntest tal-kawża prinċipali, jiena nqis li d-domanda preliminari għandha tiġi eżaminata biss mill-perspettiva tan-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni mill-allegat awtur tagħha.

43.      Sabiex ikun jista’ jiġi evalwat il-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Istati Membri għandhom fuq livell proċedurali sabiex jimplimentaw id-Direttiva 2000/43, għandhom jiġu eżaminati r-rekwiżiti ta’ din tal-aħħar.

B.      Ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2000/43

44.      Kif jirriżulta mill-preambolu tagħha, id-Direttiva 2000/43 hija intiża sabiex tipproteġi l-persuni fiżiċi kollha mid-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika, u b’hekk tiżgura l-osservanza tad-dritt fundamentali tal-bniedem. Għalhekk, id-Direttiva 2000/43 tikkonkretizza fil-qasam li hija tkopri l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni li issa huwa stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta (9). Kif jirriżulta mill-premessa 12 u mill-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, dan id-dritt jestendi għall-oqsma l-iktar varji tas-soċjetà. F’dan il-kuntest, l-Artikoli 7 u 15 tal-imsemmija direttiva, relattivi għar-rimedji u għas-sanzjonijiet applikabbli jgawdu rwol ċentrali sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għal ugwaljanza fit-trattament billi jeħtieġu li l-Istati Membri jipprovdu mezzi adegwati ta’ protezzjoni legali (10) favur il-vittmi ta’ tali diskriminazzjoni.

45.      L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/43 jimponi li l-Istati Membri jipprovdu proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi sabiex il-persuni li jħossuhom leżi min-nuqqas ta’ osservazzjoni fil-konfront tagħhom tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ikunu jistgħu jinvokaw id-drittijiet li huma għandhom skont din id-direttiva.

46.      Skont l-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jipprovdu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, li jistgħu jinkludu l-ħlas ta’ kumpens lill-vittma.

47.      Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma marbuta, kif jirriżulta mis-sentenza ta’ prinċipju von Colson u Kamann (11), li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 76/207/KE (12) ddedikata għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa. Din is-sentenza tinterpreta, b’mod iktar partikolari, l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva relattiv għad-dritt tal-persuni vittmi ta’ diskriminazzjoni li jinvokaw id-drittijiet tagħhom u li l-formulazzjoni tiegħu huwa simili għal dik użata fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/43.

48.      F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/207, jintroduċu fl-ordinament ġuridiku tagħhom il-miżuri neċessarji sabiex jippermettu lil kull persuna li tħossha leża minn diskriminazzjoni tinvoka d-drittijiet tagħha permezz ta’ rimedju ġudizzjarju filwaqt li jippreċiża li dawn il-miżuri għandhom ikunu suffiċjentement effikaċi sabiex jintlaħaq l-għan tad-Direttiva u għandhom ikunu jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati nazzjonali b’mod effettiv mill-persuni kkonċernati. Bħala eżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li tali miżuri jistgħu jinkludu dispożizzjonijiet li jiżguraw kumpens pekunjarju adegwat, imsaħħaħ, jekk ikun il-każ, minn sistema ta’ multi (13).

49.      Il-Qorti tal-Ġustizzja żżid li barra minn hekk, is-sanzjoni għandu jkollha, fir-rigward tal-awtur tad-diskriminazzjoni, effett dissważiv reali (14).

50.      Din is-sentenza u l-ġurisprudenza li segwietha ttieħdu inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni fid-direttivi l-ġodda adottati fil-qasam tal-ugwaljanza fit-trattament (15), fosthom id-Direttiva 2000/43.

51.      Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, għall-finijiet ta’ ċarezza, mhux iktar dispożizzjoni waħda, iżda żewġ dispożizzjonijiet distinti, f’dan il-każ, l-Artikoli 7 u 15 tad-Direttiva 2000/43. Dawn jirrigwardaw rispettivament id-“difiża tad-drittijiet”, inklużi l-proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi, u s-“sanzjonijiet” (16).

52.      Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-karatteristiċi ta’ dawn il-kunċetti. Nirrileva li l-istess termini ta’ effikaċja u effettività jintużaw sabiex jikkwalifikaw kemm id-difiża tad-drittijiet (17) kif ukoll is-sanzjonijiet (18).

53.      Fir-rigward tad-difiża tad-drittijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi b’mod ġenerali għad-dritt ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (19).

54.      Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat dispożizzjoni fformulata f’termini identiċi għall-Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/43, jiġifieri l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/78 (20). Hija ddeċidiet li dan l-Artikolu 9 jipprovdi dritt għal rimedju effettiv bħal dak inkluż fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (21). Skont din l-aħħar dispożizzjoni, kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha mogħtija mid-dritt tal-Unjoni jiġu miksura għandha dritt għal rimedju quddiem qorti.

55.      Nenfasizza li, għalkemm dan huwa dritt fundamentali, stabbilit fid-dritt primarju, li kull persuna tista’ tinvoka, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies neċessarju li jikkonfermah mill-ġdid fid-Direttiva 2000/43 kif ukoll fid-direttivi l-oħra fil-qasam tal-ugwaljanza fit-trattament u billi pprovda li dan għandu jiġi implimentat permezz ta’ rimedji proċedurali. Dawn tal-aħħar jirriflettu ir-rimedji ġudizzjarji li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.

56.      Għalhekk, fis-sentenza Leitner (22) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza teħtieġ, fir-rigward tal-persuni li kienu suġġetti għal diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, “li protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-dritt tagħhom għall-ugwaljanza fit-trattament tiġi ggarantita” (23).

57.      Minn dan isegwi li persuna li tqis li hija vittma ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini etnika għandha tkun tista’, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/43, tinvoka quddiem qorti d-dritt tagħha għal ugwaljanza fit-trattament sabiex din teżamina jekk kienx hemm diskriminazzjoni u tara li d-dritt tagħha jiġi rrispettat (24).

58.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni saħħaħ ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja tal-persuna li tqis li hija vittma ta’ diskriminazzjoni billi ffaċilita l-amministrazzjoni tal-prova. L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/43 jipprevedi għalhekk li, meta l-persuna li tqis li hija vittma ta’ diskriminazzjoni tistabbilixxi fatti li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, hija l-konvenuta li għandha tipprova li ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

59.      Għal dak li jirrigwarda s-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/43, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet analogi, li l-Istati Membri għandhom, fl-ewwel lok, jiżguraw li l-vittma tista’ tikseb kumpens sħiħ (25)tal-preġudizzju mġarrab. Konsegwentement, dan il-kumpens ma jistax jiġi limitat (26).

60.      Fit-tieni lok, is-sanzjonijiet għandu jkollhom effett dissważiv reali (27). Għalhekk ma jistgħux ikunu purament simboliċi (28) u għandhom jikkorrispondu għall-gravità tal-ksur (29), filwaqt li josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità (30). Miżuri ta’ pubbliċità huma kkunsidrati bħala li jista’ jkollhom rwol dissważiv (31). Is-sanzjonijiet jistgħu jassumu wkoll funzjoni punittiva (32).

61.      Nenfasizza li minkejja li l-protezzjoni ġudizzjarja u s-sanzjonijiet għandhom ikunu effikaċi u effettivi, l-Istati Membri huma, min-naħa l-oħra, liberi li jagħżlu l-miżuri li jidhrilhom li huma xierqa sabiex jippermettulhom jilħqu r-riżultati mfittxija mid-dritt tal-Unjoni (33).

62.      F’din il-kawża, hija preċiżament il-portata ta’ din il-libertà tal-għażla li hija inkwistjoni fir-rigward tal-obbligi imposti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fid-Direttiva 2000/43.

63.      Mill-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li sistema ta’ sanzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża, minn naħa, sabiex tikkumpensa l-preġudizzju mġarrab mill-vittma, u min-naħa l-oħra, li tissanzjona l-awtur tad-diskriminazzjoni billi tiddisswadih milli jaġixxi b’mod diskriminatorju fil-futur. Barra minn hekk, rimedju ġudizzjarju, l-azzjoni għall-eżekuzzjoni, hija intiża għall-implimentazzjoni ta’ dawn is-sanzjonijiet.

64.      Braathens, il-Gvern Svediż u l-Kummissjoni jiddeduċu li tali sistema ta’ sanzjonijiet u ta’ rimedji ġudizzjarji, li tinkludi l-mekkaniżmu proċedurali ta’ estinzjoni tal-istanza, li jikkostitwixxi l-kunsens, tissodisfa r-rekwiżiti previsti mid-Direttiva 2000/43.

65.      Min-naħa tiegħi, bħall-Ombudsman, inqis, għall-kuntrarju ta’ Braathens, il-Gvern Svediż u l-Kummissjoni, li dan ma huwiex il-każ.

C.      Il-konsegwenzi li jirriżultaw mid-Direttiva 2000/43 dwar l-awtonomija proċedurali

66.      Infakkar li skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali u skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi għandhom skont id-dritt tal-Unjoni, huwa l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru li għandu jindika l-qrati kompetenti u jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rikors intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien ta’ dawn id-drittijiet (34).

67.      Din il-libertà tal-Istati Membri hija suġġetta għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività jiġifieri, l-ewwel wieħed, għall-obbligu li jiġi żgurat li dawn il-modalitajiet proċedurali ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw rikorsi simili ta’ natura interna, u t-tieni wieħed, għall-obbligu li dawn il-modalitajiet ma jirrendux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżistenza tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni.

68.      Il-Qorti tal-Ġustizzja waslet progressivament, f’numru ta’ kawżi, sabiex tapplika test ieħor, dak tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li issa hija ggarantita fl-Artikolu 47 tal-Karta (35). Dan it-test jikkonsisti fl-eżami dwar jekk id-dritt intern jiżgurax protezzjoni ġudizzjarja effettiva billi jippermetti lill-persuna kkonċernata tinvoka quddiem qorti d-drittijiet mogħtija lilha mid-dritt tal-Unjoni. Dan l-aħħar test huwa kkunsidrat iktar vinkolanti. Huwa jaċċetta limitazzjoni biss skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, jiġifieri bil-kundizzjoni li din il-limitazzjoni tkun prevista mil-liġi, tosserva l-kontenut essenzjali tad-drittijiet u libertajiet rrikonoxxuti mill-Karta kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

69.      Test wieħed u/jew ieħor għandu normalment jiġi applikat skont jekk ir-regoli eżaminati jaffettwawx jew le d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta (36).

70.      Peress li din il-kawża tirrigwarda regoli tad-dritt sekondarju fil-qasam tas-sanzjonijiet u tar-rimedji ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva, huwa t-test tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li għandu japplika fil-fehma tiegħi.

71.      Madankollu, inqis li ma hemmx lok li jiġu invokati ż-żewġ testijiet f’tali każ, peress li l-kunċett ta’ “effettività”fil-kuntest tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali jingħaqad ma’ dak ta’ “protezzjoni ġudizzjarja effettiva”.

72.      Għalhekk, l-Istati Membri huma liberi li jadottaw ir-regoli proċedurali li jidhrilhom xierqa, bla ħsara għar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 2000/43.

73.      F’dan ir-rigward, nirrileva li l-Artikoli 7, 8 u 15 tad-Direttiva 2000/43, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, jinkludu rekwiżiti espliċiti jew impliċiti fil-qasam regolatorju.

74.      Fl-ewwel lok, skont l-Artikoli 7 u 15 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jipprovdu rimedji ġudizzjarji u miżuri ta’ kumpens u ta’ sanzjoni li jippermettu li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fit-tieni lok, l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva jipprevedi espressament regola proċedurali fil-qasam tal-oneru tal-prova.

75.      Iktar ’il quddiem ser neżamina l-konsegwenzi prattiċi li jirriżultaw minnha fuq il-miżuri adottati mill-Istati Membri skont din id-direttiva fil-qasam tas-sanzjonijiet (Taqsima 1), tar-rimedji ġudizzjarji (Taqsima 2) kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, fuq il-fakultà tagħhom li jipprovdu mekkaniżmi intiżi sabiex jiffaċilitaw ir-riżoluzzjoni tat-tilwim, ibbażati fuq il-prinċipju dispożittiv (Taqsima 3).

1.      Fuq il-“libertà” tad-determinazzjoni mill-Istati Membri tal-miżuri ta’ sanzjoni

76.      Minn ġurisprudenza stabbilita li għaliha sar riferiment fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jagħżlu s-sanzjonijiet li huma jqisu xierqa. Fir-rigward tad-Direttiva 2000/43, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Feryn (37) li hija ma timponix sanzjonijiet partikolari, iżda tħalli lill-Istati Membri l-libertà li jagħżlu minn fost is-soluzzjonijiet differenti xierqa sabiex jintlaħaq l-għan li hija tistabbilixxi.

77.      F’din is-sentenza, li kienet tirrigwarda diskriminazzjoni fis-selezzjoni tal-kandidati għar-reklutaġġ, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punt 39, li s-sanzjonijiet jistgħu jikkonsistu fil-konstatazzjoni tad-diskriminazzjoni mill-qorti jew l-awtorità amministrattiva kompetenti, flimkien ma’ livell adegwat ta’ pubbliċità, fl-ordni mogħtija lill-persuna li timpjega li twaqqaf il-prattika diskriminatorja kkonstatata, flimkien, jekk ikun il-każ, ma’ penalità, jew inkella fl-għoti ta’ danni u interessi lill-korp li mexxa l-proċedura (38).

78.      Minn dan isegwi li Stat Membru jista’ b’mod partikolari jipprovdi l-ħlas tad-danni u l-interessi bħala sanzjoni u li l-konstatazzjoni ta’ diskriminazzjoni hija biss waħda mill-possibbiltajiet l-oħra ta’ sanzjoni li huwa għandu.

79.      Madankollu, minn din is-sentenza jirriżulta li s-sanzjoni mogħtija hija strettament marbuta mal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni (39). L-imsemmija sentenza ma tistax tiġi interpretata fis-sens li kumpens jista’ jikkostitwixxi sanzjoni effettiva skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/43 mingħajr ma ksur tad-dritt għal ugwaljanza fit-trattament jiġi rrikonoxxut mill-allegat awtur tad-diskriminazzjoni jew kkonstatat minn awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja.

80.      Inqis li l-assenza ta’ rabta bejn il-ħlas ta’ kumpens u ksur tad-dritt għal ugwaljanza fit-trattament permezz tar-rikonoxximent jew il-konstatazzjoni ta’ dan tal-aħħar, jippreġudika kemm il-funzjoni reparatriċi kif ukoll il-funzjoni dissważiva tas-sanzjoni.

a)      Fuq il-funzjoni reparatriċi tas-sanzjoni

81.      Fis-sentenza Marshall, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kumpens pekunjarju jista’ jkun il-miżura adottata sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament, f’dan il-każ, bejn l-irġiel u n-nisa filwaqt li tenfasizza li dan il-kumpens għandu jkun xieraq fir-rigward tad-dannu subit (40).

82.      Iżda kif jista’ jkun hemm kumpens għad-dannu subit jekk dan ma jiġix irrikonoxxut jew ikkonstatat?

83.      Din il-kwistjoni tqum b’mod partikolari meta jkun hemm dannu morali, bħal f’dan il-każ. Jidhirli li ġeneralment il-ħlas ta’ ammont pekunjarju ma huwiex suffiċjenti, waħdu, sabiex jikkumpensa d-dannu subit. Kif jargumenta l-Ombudsman, l-interess primarju tal-passiġġier u tal-parti l-kbira tal-vittmi ta’ diskriminazzjoni li huwa jirrappreżenta ma huwiex ekonomiku.

84.      Issa, jekk il-konvenuta tħallas is-somma mitluba filwaqt li tirrifjuta li tammetti l-eżistenza ta’ dannu, il-vittma tirċievi ċertament somma flus, iżda peress li din ma tkunx marbuta mad-dannu subit, hija tiġi disassoċjata mir-realtà esperjenzata mill-vittma. Ladarba l-qorti, kontra l-volontà tar-rikorrent, issemmi fis-sentenza tagħha li d-diskriminazzjoni ma hijiex irrikonoxxuta (41) u ma tesprimix ruħha hija stess dwar ir-realtà jew le tad-diskriminazzjoni allegata, din tal-aħħar ma għandhiex eżistenza legali.

85.      In-neċessità li tiġi stabbilita rabta bejn il-miżura ta’ sanzjoni, f’dan il-każ il-kumpens, u l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni hija kkorroborata mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”).

86.      Infakkar li skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, sa fejn din tinkludi drittijiet korrispondenti għad-drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea Għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem, il-“KEDB”), is-sens u l-portata tagħhom huma l-istess bħal dawk li tagħti lilhom din il-konvenzjoni.

87.      Issa, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta jirrifletti d-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB li jirrigwardaw rispettivament id-dritt għal smigħ xieraq u d-dritt għal rimedju effettiv (42). Barra minn hekk, id-dritt għal ugwaljanza fit-trattament mingħajr distinzjoni bejn razza jew oriġini etnika, li d-Direttiva 2000/43 hija intiża li tipproteġi, u li huwa stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta, jirrifletti l-Artikolu 14 tal-KEDB (43). Konsegwentement, ir-riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti EDB huwa rilevanti f’dan il-qasam.

88.      Il-Qorti EDB ikkunsidrat li persuna li hija “vittma”, fis-sens tal-Artikolu 34 (44) tal-KEDB, ta’ diskriminazzjoni u li titlob kumpens għaliha fil-forma ta’ kumpens titlef l-istatus tagħha ta’ vittma biss jekk jiġu ssodisfatti dawn iż-żewġ kundizzjonijiet. Hija mhux biss għandha tirċievi l-kumpens mitlub, iżda l-awtoritajiet nazzjonali għandhom wkoll jkunu rrikonoxxew il-ksur allegat tal-KEDB (45).

89.      Inqis li din il-ġurisprudenza hija rilevanti fir-rigward tal-vittmi ta’ diskriminazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2000/43. Il-kunċett ta’ “persuna li tħossha leża” fil-kuntest ta’ din id-direttiva jikkorrispondi għal dak ta’ “allegata vittma” ta’ diskriminazzjoni fis-sens tal-KEDB (46).

90.      Jekk wieħed jittrasponi din il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB fil-kuntest ta’ kawża bħal dik fil-kawża prinċipali, dan jimplika li sabiex tikseb il-kumpens effettiv għad-dannu subit din il-persuna għandha tkun tista’ titlob lil qorti tikkonstata li hija kienet vittma ta’ diskriminazzjoni. Għalhekk, din il-ġurisprudenza turi l-importanza li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ rabta bejn il-kumpens imħallas lill-persuna li tħossha leża min-nuqqas ta’ osservanza fil-konfront tagħha tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-ksur tad-dritt tagħha għal ugwaljanza fit-trattament.

91.      Il-pożizzjoni tal-Gvern Svediż u ta’ Braathens li l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB ma hijiex rilevanti fil-kuntest ta’ tilwima bejn żewġ persuni privati, f’dan il-każ kumpannija privata u individwu, għaliex din tirrigwarda biss ir-relazzjonijiet bejn l-Istat u individwu, ma tistax tintlaqa’.

92.      Fil-fatt, minn naħa, it-tagħlim li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar il-projbizzjoni ta’ ksur tad-drittjiet fundamentali huma intiżi li japplikaw ukoll għar-relazzjonijiet bejn individwi permezz tad-duttrina tal-“obbligi pożittivi” li din il-konvenzjoni timponi fuq l-Istati partijiet – b’mod partikolari, l-obbligu pożittiv li jiġi żgurat li individwu ma jiġix iddiskriminat fl-eżerċizzju tad-drittijiet previsti mill-imsemmija konvenzjoni minn individwu ieħor (47). Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, il-limitazzjonijiet previsti fil-KEDB fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dritt previst minn din il-konvenzjoni (48) ma jistgħux japplikaw għad-drittijiet ekwivalenti li jinsabu fil-Karta, sakemm dawn ma jipprevedux tali limitazzjoni. Jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikoli 21 u 47 tal-Karta f’diversi tilwim bejn individwi (49).

93.      Minn dan isegwi li, fil-każ ta’ tilwima dwar diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika, rikorrent bħall-passiġġier għandu jkun jista’ jikkonstata li l-kumpens mitlub kontra kumpannija privata, bħall-kumpannija tal-ajru inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa dovut għal tali diskriminazzjoni. Jekk din tal-aħħar taċċetta t-talba għal kumpens mingħajr ma tirrikonoxxi d-diskriminazzjoni, il-persuna rikorrenti li tħossha leża għandha tkun tista’ titlob lill-qorti tivverifika l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni.

94.      Ir-rabta bejn il-kumpens u l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni permezz tar-rikonoxximent jew il-konstatazzjoni ta’ din tal-aħħar hija importanti mhux biss sabiex il-vittma tkun tista’ tikseb kumpens adegwat, iżda wkoll sabiex is-sanzjoni tkun tista’ tassumi t-tieni funzjoni tagħha, jiġifieri l-funzjoni dissważiva, skont l-Artikolu 15 tal-Artikolu 2000/43.

b)      Fuq il-funzjoni dissważiva tas-sanzjoni

95.      Kunsiderazzjonijiet analogi għal dawk li għamilt fit-Taqsima a), fir-rigward tan-neċessità ta’ rabta bejn is-sanzjoni u d-dritt li ġie miksur, permezz tar-rikonoxximent jew il-konstatazzjoni ta’ dan il-ksur, japplikaw sabiex jiġi żgurat li s-sanzjoni tissodisfa l-funzjoni tagħha ta’ dissważjoni fir-rigward kemm tal-konvenuta kif ukoll ta’ awturi oħra ta’ diskriminazzjoni simili.

96.      Fil-fatt, kif jista’ l-ħlas ta’ somma jkollu effett suffiċjentement dissważiv fir-rigward tal-konvenuta billi tinkoraġġiha ma tirriproduċix l-aġir diskriminatorju tagħha u billi tevita għalhekk diskriminazzjoni ġdida min-naħa tagħha jew ta’ persuni oħra, jekk din ma tirrikonoxxix li kellha tali aġir u jekk il-qorti ma tikkonstatax l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni?

97.      Il-Gvern Finlandiż isostni li l-awtur ta’ diskriminazzjoni jsir jaf bl-att tiegħu billi jħallas kumpens addizzjonali u b’hekk isib ruħu dissważ milli jirriproduċi l-istess aġir diskriminatorju fil-futur. Iżda, dan l-għarfien huwa nieqes preċiżament meta, bħal f’dan il-każ, il-parti konvenuta tirrifjuta li tammetti xi diskriminazzjoni u l-ammont mitlub ma għandux effett ekonomiku li jħalli marka fuqha (50).

98.      Jekk is-sanzjoni ma hijiex marbuta b’mod ċar mal-aġir diskriminatorju, bilfors għandu jiġi kkonstatat li l-effett dissważiv ikun imdgħajjef ħafna. L-awtur tad-diskriminazzjoni jista’ jipprova jinjoraha fil-futur u jirriproduċi l-istess aġir peress li jkunx ġie ssanzjonat “minħabba” diskriminazzjoni.

99.      Jekk fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni l-konvenuta tista’, billi tħallas il-kumpens tastjeni milli tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ xi diskriminazzjoni u jekk din ma tistax tiġi kkonstatata minn qorti, il-miżuri adottati mid-Direttiva 2000/43 ikunu fil-parti l-kbira mċaħħda mill-effett utli tagħhom u ma jippermettux ġlieda effettiva kontra d-diskriminazzjoni peress li dawn jistgħu jiġu injorati.

100. F’każ bħal dan, il-konvenuta tista’ b’xi mod “tixtri” l-aġir diskriminatorju tagħha peress li dan ma jkunx irrikonoxxut u lanqas ikkonstatat.

101. Għall-kuntrarju, ir-rikonoxximent jew il-konstatazzjoni ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal ugwaljanza fit-trattament jistgħu jħeġġu lil dan tal-aħħar ma jirriproduċix l-istess aġir diskriminatorju fil-futur. L-effett dissważiv jista’ jissaħħaħ ukoll b’komunikazzjoni, jew anki b’pubbliċità, dwar dan is-suġġett.

102. Konsegwentement, nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li għandha teżisti rabta bejn is-sanzjoni u l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni jew permezz tar-rikonoxximent tad-diskriminazzjoni mill-awtur tagħha, jew permezz tal-konstatazzjoni tagħha minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, sabiex is-sanzjoni tkun tista’ tassumi b’mod sħiħ il-funzjonijiet reparatriċi u dissważivi tagħha skont l-Artikoli 7 u 15 tad-Direttiva 2000/43.

2.      Fuq il-“libertà” tad-determinazzjoni tar-rimedji ġudizzjarji

103. Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti dwar ir-rikonoxximent jew il-konstatazzjoni ta’ diskriminazzjoni li huma wkoll rilevanti għal dak li jirrigwarda l-verifika tal-eżistenza ta’ rimedji effikaċi u effettivi skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/43. Fil-fatt, dawn huma żewġ aspetti tal-istess problema, peress li ksur tal-istabbiliment ta’ sanzjonijiet effettivi jfisser preġudizzju għall-effettività tar-rimedji ġudizzjarji.

104. Kif indikajt fil-punt 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kunċett ta’ “effettività” jingħaqad mal-kunċett ta’ “protezzjoni ġudizzjarja effettiva”.

105. Għalkemm l-Istati Membri għandhom, bħala prinċipju, il-libertà li jagħżlu r-rimedji u l-modalitajiet proċedurali li għalihom huma suġġetti, dan bil-kundizzjoni li dawn ma jippreġudikawx id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/43 moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta.

106. Skont Braathens, mis-sentenza Unibet jirriżulta li l-Istati Membri ma humiex obbligati jipprovdu rimedju legali awtonomu sabiex tiġi vverifikata l-konformità tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni. Minn dan hija tiddeduċi li rimedju ġudizzjarju, bħall-azzjoni għall-eżekuzzjoni prevista mid-dritt proċedurali Svediż u l-modalitajiet proċedurali marbuta miegħu, f’dan il-każ il-mekkaniżmu tal-kunsens, huma konformi mad-dritt tal-Unjoni.

107. F’dan ir-rigward, infakkar li d-dritt tal-Unjoni ċertament ma kellux l-intenzjoni joħloq rimedji legali oħra għajr dawk stabbiliti mid-dritt nazzjonali. Madankollu, minn din is-sentenza jirriżulta li din il-konstatazzjoni tapplika għall-kundizzjoni li jeżistu rimedji legali skont id-dritt nazzjonali, anki jekk b’mod inċidentali biss, sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-individwi jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni (51).

108. Issa, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, jekk il-konvenuta tiddeċiedi li taċċetta t-talba għal kumpens tar-rikorrent, filwaqt li tiċħad li kellha aġir diskriminatorju, dan tal-aħħar isib ruħu mċaħħad, fil-prattika, mill-possibbiltà li jitlob eżami minn qorti, jew li jiġi kkonstatat minnha, diskriminazzjoni, anki b’mod inċidentali.

109. Naturalment, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li dan huwa tassew l-effett tad-dritt nazzjonali. Fi kwalunkwe każ, nirrileva li skont l-ispjegazzjonijiet ta’ din il-qorti fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, l-azzjoni dikjaratorja intiża sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni hija fakultattiva u huwa f’idejn il-qorti li tiddeċiedi dwar jekk hijiex xierqa, b’tali mod li l-persuna li tħossha leża ma għandhiex dritt (52) li tikseb l-eżami u, jekk ikun il-każ, il-konstatazzjoni l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni.

110. Bilfors għandu jiġi kkonstatat li tali sitwazzjoni ma toffrix lill-persuna li tħossha leża garanzija ta’ aċċess għall-qorti sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/43 u l-Artikolu 47 tal-Karta (53).

111. It-test applikabbli huwa strett. Il-persuna li tħossha leża għandu jkollha dritt ta’ aċċess għall-qorti. Dan l-aċċess għall-qorti jikkostitwixxi fil-fatt il-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva msemmi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/43 u l-Artikolu 47 tal-Karta, b’mod li mekkaniżmu proċedurali ta’ estinzjoni tal-istanza li jwassal sabiex id-diskriminazzjoni la tkun irrikonoxxuta u lanqas ikkonstatata ma jissodisfax it-test previst fl-Artikolu 52(1) tal-Karta (54).

112. Minbarra l-fatt li mekkaniżmu proċedurali ta’ estinzjoni tal-istanza jista’ joħloq ostakolu għall-aċċess għall-qorti kif meħtieġ mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/43 u mill-Artikolu 47 tal-Karta, nosserva li jekk tali mekkaniżmu jtemm ir-rikors mingħajr ma l-konvenuta tkun irrikonoxxiet l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, dan il-mekkaniżmu jista’ wkoll jipprekludi l-applikazzjoni effettiva tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/43 li huwa intiż sabiex isaħħaħ il-protezzjoni ġudizzjarja.

113. Infakkar li skont dan l-artikolu, meta persuna li tħossha leża tistabbilixxi quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra fatti li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, hija l-konvenuta li għandha tipprova li ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

114. Issa, il-persuna li tħossha leża lanqas ma tista’ tistabbilixxi tali fatti quddiem qorti peress li r-rikors tagħha jieqaf fl-istadju tal-kunsens.

115. Fil-fatt, minkejja li l-Ombudsman qies li, fid-dawl tal-problema ta’ diskriminazzjoni mqajma mill-passiġġier, dan tal-aħħar kien jistħoqqlu l-appoġġ tiegħu, il-qorti kompetenti ma eżaminatx jekk il-passiġġier kienx stabbilixxa fatti ta’ natura li jagħtu lok għal preżunzjoni ta’ diskriminazzjoni. Il-qrati tal-ewwel u t-tieni istanza kkunsidraw li t-talba tar-rikorrent kienet intlaqgħet b’tali mod li ma kienx fadal x’jiġi eżaminat. Għalhekk, il-passiġġier ma setax isemma’ l-kawża tiegħu dwar l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni.

116. F’każ bħal dan, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/43 huwa mċaħħad mill-effett utli tiegħu u li l-persuna li tħossha leża tiġi mċaħħda mill-possibbiltà li tinstema’ dwar waħda mill-pretensjonijiet essenzjali tagħha.

117. Braathens, il-Gvern Svediż u l-Kummissjoni jsostnu wkoll li, sabiex jiġi evalwat jekk regoli proċedurali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jippermettux li tiġi żgurata l-effettività tad-dritt tal-Unjoni, dawn għandhom jitqiegħdu fid-dritt intern kollu kkonċernat u għandha tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-eżistenza ta’ rimedji oħra (55), f’dan il-każ dawk previsti fil-qasam kriminali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni illegali.

118. F’dan ir-rigward, nirrileva li d-Direttiva 2000/43 ma tirrigwardax il-proċeduri kriminali (56) u li barra minn hekk il-qorti tar-rinviju ma semmiethomx, iżda enfasizzat ir-rimedji tad-dritt ċivili intiżi sabiex jimplimentaw din id-direttiva. Il-possibbiltà li titressaq azzjoni kriminali ġiet madankollu diskussa waqt is-seduta, wara mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-Gvern Svediż bħala tweġiba bil-miktub. Dan tal-aħħar indika li d-diskriminazzjoni illegali hija suġġetta għal proċeduri kriminali. Jekk, wara li l-individwu jkun ressaq ilment quddiem il-pulizija, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ma jibdiex tali proċeduri, dan il-gvern ippreċiża li l-individwu għandu l-possibbiltà li jibda proċedura ta’ akkuża privata. L-Ombudsman ma kkontestax il-possibbiltà ta’ azzjoni kriminali iżda enfasizza li l-probabbiltà li din twassal għaliha hija żgħira fid-dawl tal-impenn ta’ riżorsi pubbliċi li jillimita n-numru ta’ kawżi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ proċeduri kriminali u tad-diffikultà għall-persuna privata li tipproduċi l-provi meħtieġa.

119. Madankollu, tkun xi tkun il-faċilità jew id-diffikultà ta’ aċċess għal tali proċedura, nosserva li tali rimedju ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li l-persuna li tħossha leża għandha protezzjoni ġudizzjarja effettiva fis-sens tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/43.

120. Fil-fatt, l-azzjoni kriminali tippreżenta ċerti restrizzjonijiet fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-prova li d-Direttiva 2000/43 riedet preċiżament tevita lill-vittma ta’ diskriminazzjoni fil-kuntest ta’ rikors fid-dritt ċivili (57). Għalhekk hija qalbet espressament l-oneru tal-prova favuriha sabiex tgħinha tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tagħha għal ugwaljanza fit-trattament.

121. Konsegwentement, l-eżistenza ta’ azzjoni kriminali ma tippermettix fi kwalunkwe każ li jiġi rrimedjat assenza ta’ rimedju f’materji ċivili, li jissodisfa r-regoli ta’ prova previsti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/43, sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, fil-każ ta’ kunsens, mingħajr rikonoxximent ta’ diskriminazzjoni mill-konvenuta.

3.      Fuq il-“libertà” tad-determinazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ soluzzjoni rapida tat-tilwim ibbażat fuq il-prinċipju dispożittiv

122. Finalment, Braathens tikkunsidra li l-mekkaniżmu ta’ kunsens previst fid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat huwa intiż għal amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja fis-sens li jippermetti li l-kawżi jiġu riżolti malajr skont il-prinċipju dispożittiv. Dan ikun partikolarment utli fil-każ ta’ tilwim ikklassifikat bħala “kawżi żgħar” fir-rigward tal-ammonti kkonċernati u jikkontribwixxi, permezz tal-possibbiltà li t-tilwima tiġi riżolta b’mod amikevoli, sabiex tiġi evitata l-konġestjoni tal-qrati.

123. L-għan li tiġi żgurata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja huwa, fil-fatt, għan leġittimu fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni (58), iżda nikkunsidra li l-analiżi preċedenti hija kompletament konċiljabbli ma’ dan l-għan.

124. Id-dritt tal-Unjoni jirrikonoxxi kull wieħed mill-għodod proċedurali msemmija minn Braathens. Il-prinċipju dispożittiv li jipprovdi li l-inizjattiva ta’ proċess tappartjeni lill-partijiet u li minnu jirriżulta li s-setgħa tal-qorti li tqajjem ex officio motivi hija limitata mill-obbligu tagħha li żżomm mas-suġġett tal-kawża u li tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq il-fatti li ġew ippreżentati quddiemha, ġie aċċettat bħala strument proċedurali kondiviż mill-parti l-kbira tal-Istati Membri (59). Min-naħa tiegħu, il-ftehim bonarju huwa previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/43 permezz tar-riferiment għall-possibbiltà għall-Istati Membri li jipprevedu proċeduri ta’ konċiljazzjoni. Barra minn hekk, il-ftehim bonarju huwa mħeġġeġ espressament fir-regolament iddedikat għat-tilwimiet żgħar (60).

125. Madankollu, dawn l-għodod bl-ebda mod ma jipprekludu l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/43, kif proposta f’din l-analiżi.

126. Il-prinċipju dispożittiv li fuqu tibbaża ruħha Braathens għandu jiġi applikat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 2000/43.

127. Minn dan isegwi li, meta persuna li tħossha leża, bħall-passiġġier, titlob kumpens għal diskriminazzjoni kif ukoll ir-rikonoxximent ta’ din id-diskriminazzjoni, ftehim bonarju jista’ jiġi konkluż biss bil-kundizzjoni, tal-inqas, li l-avversarju tagħha jaċċetta ż-żewġ partijiet tat-talba tagħha.

128. L-għan tat-talba tagħha ma jistax jiġi limitat għall-ħlas tal-kumpens mingħajr ma jiġi ppreġudikat l-għan tad-Direttiva 2000/43. Kif intwera, id-dritt li tiġi kkonstatata minn qorti l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni fil-każ ta’ kontestazzjoni dwar dan is-suġġett huwa l-qofol ta’ din id-direttiva, eżaminat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, u jirrigwarda l-kontenut essenzjali tad-dritt li hija tfittex li tipproteġi. Għalhekk, limitazzjoni ta’ dan id-dritt ma tosservax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 52(1) tal-Karta (61).

129. Fin-nuqqas ta’ ftehim, mill-analiżi tad-Direttiva 2000/43, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, jirriżulta li r-rikorrent għandu jkun jista’ jinvoka d-dritt tiegħu għal ugwaljanza fit-trattament quddiem qorti billi jikseb l-eżami u, jekk ikun il-każ, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni.

V.      Konklużjoni

130. Konsegwentement, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema, l-Isvezja):

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad‑29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità, b’mod partikolari l-Artikoli 7, 8 u 15 tagħha, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’kawża li tirrigwarda l-ksur ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-oriġini etnika li fiha l-persuna li tħossha leża titlob kumpens għal diskriminazzjoni, din il-persuna għandha d-dritt, jekk l-allegat awtur tad-diskriminazzjoni jaċċetta li jħallas il-kumpens iżda jirrifjuta li jirrikonoxxi d-diskriminazzjoni, li tikseb l-eżami, u jekk ikun il-każ, il-konstatazzjoni ta’ din id-diskriminazzjoni minn qorti. Mekkaniżmu proċedurali ta’ estinzjoni tal-istanza, bħal dak tal-kunsens, ma jistax iwassal għal riżultat differenti.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Kunsill tad‑29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23).


3      Dan huwa rikors taħt id-dritt ċivili intiż għall-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ kumpens għad-dannu kkawżat.


4      Il-Gvern Svediż, l-Ombudsman u Braathens ippreċiżaw li l-kumpens huwa maqsum f’żewġ partijiet, skont il-ġurisprudenza tal-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema), jiġifieri kumpens għal dannu u żieda għall-prevenzjoni. Il-kumpens għal dannu għandu jiġi ffissat f’ammont li jitqies li huwa neċessarju sabiex tiġi kkumpensata d-diskriminazzjoni. L-ammont tiegħu ma huwiex limitat. Iż-żieda abbażi tal-prevenzjoni hija, bħala prinċipju, ekwivalenti għall-kumpens b’mod li twassal għall-irdoppjar ta’ din tal-aħħar.


5      Ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


6      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-Ombudsman jindika li huwa ppreżenta t-talbiet tiegħu billi kien jaf b’mod rilevanti li normalment huma ma setgħux jiġu awtorizzati skont ir-regoli proċedurali nazzjonali. Mid-dibattiti li saru waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-possibbiltà li tinkiseb sentenza dikjaratorja fil-qasam ta’ rikors għad-danni minħabba diskriminazzjoni ma kienet is-suġġett ta’ ebda deċiżjoni quddiem il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema), sa fejn kienu jafu l-partijiet fil-kawża prinċipali u l-Gvern Svediż.


7      Ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


8      L-Ombudsman jagħti żewġ eżempji ta’ kawżi fejn ir-rikorrent li jqis li kien ġarrab dannu morali għalxejn ipprova jikseb sentenza dikjaratorja jew li jiġi eżaminat il-mertu tar-rikors tiegħu. Fl-ewwel kawża, ir-rikorrent kien talab li tiġi rrikonoxxuta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istat, abbażi ta’ ksur tad-drittijiet tal-parti f’kawża fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali, kif iggarantita mid-dritt tal-Unjoni. Il-qorti adita kkunsidrat li, fir-rigward ta’ dannu morali, azzjoni dikjaratorja ma kinitx opportuna u stiednet lir-rikorrent jippreżenta talba għall-eżekuzzjoni intiża għall-kumpens għal dan id-dannu (deċiżjoni tal-iSvea hovrätt (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma), tal‑10 ta’ Jannar 2008, fil-kawża Ö 9152–07, J.S. vs staten genom Justitiekanslern). It-tieni kawża kienet tirrigwarda każ ta’ fastidju sesswali bejn student u għalliem ta’ università tas-settur pubbliku. Wara li inizjalment ikkontesta r-rikors għal eżekuzzjoni intiż għall-ħlas ta’ kumpens, l-Istat għażel li jaċċetta, iżda biss b’mod astratt, fuq talba mressqa mill-Ombudsman f’isem l-istudent filwaqt li talab li l-qorti ssemmi espressament li l-Istat ma jirrikonoxxix il-fastidju allegat. Minkejja li l-Ombudsman indika li l-interess primarju tal-istudent ma kienx ekonomiku, huwa ma setax jikseb li l-qorti teżamina fil-mertu jekk l-istudent kienx vittma ta’ fastidju. Rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja ġie miċħud u ngħatat sentenza fl-ewwel istanza mingħajr ma l-istudent, meqjus li rebaħ il-kawża, jista’ jippreżenta appell (sentenza tal-iStockholms tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Stokkolma) tal‑5 ta’ Ottubru 2017, Diskrimineringsombudsmannen kelma staten genom Justitiekanslern (T 16908‑15)).


9      Ara b’analoġija, fir-rigward tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78 KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI (C‑507/18, EU:C:2020:289, punt 38).


10      Ara l-premessa 19 tad-Direttiva 2000/43.


11      Sentenza tal‑10 ta’ April 1984 (14/83, EU:C:1984:153).


12      Direttiva tal-Kunsill tad‑9 ta’ Frar 1976 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187).


13      Sentenza tal‑10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann (14/83, EU:C:1984:153, punt 18).


14      Sentenza tal‑10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann, (14/83, EU:C:1984:153, punt 23).


15      Ara d-Direttiva 2000/78; id-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat‑13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi (ĠU 2006, L 153M, p. 294); id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23), kif ukoll id-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE (ĠU 2010, L 180, p. 1).


16      Dawn id-dispożizzjonijiet jinsabu rispettivament fl-Artikoli 9 u 17 tad-Direttiva 2000/78, fl-Artikoli 8 u 14 tad-Direttiva 2004/113, fl-Artikoli 17, 18 u 25 tad-Direttiva 2006/54, kif ukoll fl-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2010/41. Anki jekk hemm xi differenzi fil-formulazzjoni użata minn direttiva għall-oħra, dawn ma humiex sinjifikattivi fil-kuntest ta’ din l-analiżi.


17      Ara s-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 1990, Dekker (C‑177/88, EU:C:1990:383, punt 23); tat‑2 ta’ Awwissu 1993, Marshall (C‑271/91, EU:C:1993:335, punti 22 u 24); tat‑22 ta’ April 1997, Draehmpaehl (C‑180/95, EU:C:1997:208, punt 39); tal‑10 ta’ Lulju 2008, Feryn (C‑54/07, EU:C:2008:397, punt 37); tal‑25 ta’ April 2013, Asociația Accept (C‑81/12, EU:C:2013:275, punt 63), kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Arjona Camacho (C‑407/14, EU:C:2015:831, punt 31).


18      Ara s-sentenzi tat‑2 ta’ Awwissu 1993, Marshall (C‑271/91, EU:C:1993:335, punt 22); tat‑22 ta’ April 1997, Draehmpaehl (C‑180/95, EU:C:1997:208, punt 25); tal‑10 ta’ Lulju 2008, Feryn (C‑54/07, EU:C:2008:397, punt 38), kif ukoll tal‑25 ta’ April 2013, Asociația Accept (C‑81/12, EU:C:2013:275, punt 73).


19      Ara fir-rigward tad-Direttiva 2000/43, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Feryn (C‑54/07, EU:C:2008:397, punt 37).


20      Sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Leitner (C‑396/17, EU:C:2019:375).


21      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Leitner (C‑396/17, EU:C:2019:375, punt 61).


22      Sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019 (C‑396/17, EU:C:2019:375, punt 62).


23      Enfasi miżjuda minni.


24      Id-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja sabiex jiġi invokat id-dritt għal ugwaljanza fit-trattament huwa espost fil-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etnika [COM (1999) 566 final]. Jikkorrispondi għal ġurisprudenza stabbilita dwar id-dritt għal rikors effettiv; ara, fl-aħħar lok, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson u HG vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 55).


25      Ara s-sentenzi tat‑2 ta’ Awwissu 1993, Marshall (C‑271/91, EU:C:1993:335, punti 26, 31 u 34), kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Arjona Camacho (C‑407/14, EU:C:2015:831, punti 33 u 37).


26      Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Awwissu 1993, Marshall (C‑271/91, EU:C:1993:335, punti 30 u 32).


27      Ara s-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 1990, Dekker (C‑177/88, EU:C:1990:383, punt 23); tat‑2 ta’ Awwissu 1993, Marshall (C‑271/91, EU:C:1993:335, punt 24); tat‑22 ta’ April 1997, Draehmpaehl (C‑180/95, EU:C:1997:208, punt 40); tal‑25 ta’ April 2013, Asociația Accept (C‑81/12, EU:C:2013:275, punt 63), kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Arjona Camacho (C‑407/14, EU:C:2015:831, punt 31). Ninnota li din id-doppja funzjoni tas-sanzjoni hija riflessa f’żewġ dispożizzjonijiet distinti tad-Direttiva 2006/54, jiġifieri l-Artikoli 18 u 25 intitolati rispettivament “Kumpens jew riparazzjoni” u “Penali”. It-terminu “penali” huwa għalhekk irriżervat għall-miżuri li għandhom funzjoni dissważiva biss.


28      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ April 2013, Asociația Accept (C‑81/12, EU:C:2013:275, punt 64).


29      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ April 2013, Asociația Accept (C‑81/12, EU:C:2013:275, punt 63).


30      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ April 2013, Asociația Accept (C‑81/12, EU:C:2013:275, punt 63).


31      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ April 2013, Asociația Accept (C‑81/12, EU:C:2013:275, punt 68).


32      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Arjona Camacho (C‑407/14, EU:C:2015:831, punt 40).


33      Ara s-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 1990, Dekker (C‑177/88, EU:C:1990:383, punt 26); tat‑2 ta’ Awwissu 1993, Marshall (C‑271/91, EU:C:1993:335, punt 23); tal‑10 ta’ Lulju 2008, Feryn (C‑54/07, EU:C:2008:397, punt 37); tal‑25 ta’ April 2013, Asociația Accept (C‑81/12, EU:C:2013:275, punt 61), kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Arjona Camacho (C‑407/14, EU:C:2015:831, punt 30).


34      Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral (33/76, EU:C:1976:188), u tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, iktar ’il quddiem Unibet, EU:C:2007:163, punt 39).


35      Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et (C‑439/14 u C‑488/14, EU:C:2016:688), u tat‑8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838).


36      Bħala eżempju, ara, l-ewwel nett, fuq is-sempliċi applikazzjoni tat-test tal-awtonomija proċedurali, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2003, Santex (C‑327/00, EU:C:2003:109) u tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Târşia (C‑69/14, EU:C:2015:662); it-tieni nett, fuq is-sempliċi applikazzjoni tat-test tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva: is-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et (C‑439/14 u C‑488/14, EU:C:2016:688), u tat‑8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838), u t-tielet nett, fuq l-applikazzjoni taż-żewġ testijiet: is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Alassini et (C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146).


37      Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008 (C‑54/07, EU:C:2008:397, punt 37).


38      Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Feryn (C‑54/07, EU:C:2008:397).


39      Ir-rabta stretta bejn id-dritt u l-miżura ta’ kumpens hija enfasizzata minn van Gerven, W. fl-artiklu tiegħu “Of rights, remedies and procedures”, CMLRev, 2000, Vol. 37, p. 525: “The close link between right and remedy lies in the fact that a right must necessarily give rise to a remedy which allows the right to be enforced through the judicial process”.


40      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Awwissu 1993, Marshall (C‑271/91, EU:C:1993:335, punti 30 u 34).


41      Is-sentenza tal-ewwel istanza tinkludi, f’dan il-każ, tali indikazzjoni.


42      Ara Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), relatati mal-Artikolu 47 tagħha.


43      Ara Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), relatati mal-Artikolu 21 tagħha.


44      Skont l-Artikolu 34 tal-KEDB, il-Qorti EDB tista’ tiġi adita b’rikors minn kull persuna fiżika li tallega li hija vittma ta’ ksur minn waħda mill-“Partijiet Kontraenti Għolja tad-drittijiet irrikonoxxuti fil-Konvenzjoni jew fil-protokolli tagħha”.


45      Ara b’mod partikolari, id-deċiżjoni tal-Qorti EDB tal‑25 ta’ Novembru 2004, Nardone vs L‑Italja (CE:ECHR:2004:1125DEC003436802, punt 1 tal-parti “Fid-dritt”), u s-sentenza tal-Qorti EDB tas‑7 ta’ Ġunju 2012, Centro Europa 7.S.R.L u Di Stefano vs L‑Italja (CE:ECHR:2012:0607JUD003843309, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata kif ukoll il-punti 87 u 88).


46      Ninnota li l-premessa 24 tad-Direttiva 2000/43 l-istess bħax-xogħol preparatorju tagħha tuża l-kelma “vittma”.


47      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑12 ta’ April 2016, R.B. vs L‑Ungerija (CE:ECHR:2016:0412JUD006460212, punt 81).


48      Infakkar, pereżempju, li l-prinċipju ta’ projbizzjoni tad-diskriminazzjoni previst fl-Artikolu 14 tal-KEDB japplika biss flimkien ma’ wieħed mid-drittijiet l-oħra rrikonoxxuti minn din il-konvenzjoni. Barra minn hekk, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta xejn ma jipprekludi d-dritt tal-Unjoni milli jipprevedi drittijiet iktar estiżi.


49      Għalkemm nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja mhux li tapplika direttament l-Artikoli 21 u 47 tal-Karta, iżda li tinterpreta d-Direttiva 2000/43 fid-dawl ta’ dawn l-artikoli, nenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn għandhom effett dirett orizzontali b’mod li jistgħu jwasslu għal tali applikazzjoni diretta f’tilwima bejn żewġ persuni privati. Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 76), u tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation (C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 76).


50      Mingħajr ma niddeċiedi dwar in-natura adegwata tal-livell tas-sanzjoni, ninnota li Braathens stess enfasizzat in-natura baxxa ħafna tal-ammont tal-kumpens mitlub.


51      Ara f’dan is-sens, is-sentenza Unibet, punti 42 u 65.


52      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2013, Asociația Accept (C‑81/12, EU:C:2013:275, punt 69) minn fejn jirriżulta li s-sempliċi eżistenza ta’ rikors għad-danni ċivili, skont id-dritt intern ikkonċernat, ma tistax, bħala tali, tikkumpensa l-eventwali insuffiċjenzi fil-livell tal-effettività tas-sanzjoni, jekk dan ir-rimedju ġudizzjarju, minħabba r-regoli tad-dritt nazzjonali rilevanti, ma jistax fil-prattika jirnexxi.


53      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Leitner (C‑396/17, EU:C:2019:375, punt 62), u l-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


54      Ara l-punt 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


55      F’dan ir-rigward, huma jibbażaw ruħhom fuq is-sentenza Unibet, punt 54.


56      Ir-regoli ta’ prova fil-qasam kriminali ma humiex affettwati mid-Direttiva 2000/43 kif jirriżulta mill-Artikolu 8(3) tagħha.


57      Ara wkoll id-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju fil-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


58      Ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 2010, Alassini et (C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146, punt 64), u tas‑6 ta’ Settembru 2012, Trade Agency (C‑619/10, EU:C:2012:531, punti 57 u 58).


59      Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 1995, van Schijndel u van Veen (C‑430/93 u C‑431/93, EU:C:1995:441, punt 21), u tas‑7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et (C‑222/05 sa C‑225/05, EU:C:2007:318, punt 35).


60      Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (ĠU 2007, L 199, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 141, p. 118). Ara, wkoll, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Alassini et (C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146, punt 64), li jipprovdu li dispożizzjonijiet nazzjonali intiżi għal soluzzjoni iktar mgħaġġla u inqas oneruża tat-tilwimiet kif ukoll it-tnaqqis tal-qrati għandhom għanijiet ta’ interess ġenerali leġittimi.


61      Għall-kuntrarju, għal sitwazzjoni fejn il-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma huwiex affettwat minn regola proċedurali nazzjonali, ara s-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Alassini et (C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146, punt 65).