Language of document : ECLI:EU:C:2021:269

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

15 ta’ April 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuni irrispettivament mir-razza jew mill-oriġini etnika – Direttiva 2000/43/KE – Artikolu 7 – Difiża tad-drittijiet – Artikolu 15 – Sanzjonijiet – Rikors għad-danni bbażat fuq allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni – Kunsens tal-konvenut għat-talba għal kumpens, mingħajr ma jirrikonoxxi l-parti tiegħu fl-eżistenza tal-allegata diskriminazzjoni – Rabta bejn il-kumpens imħallas u l-allegata diskriminazzjoni – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Regoli tal-proċedura nazzjonali li jipprekludu lill-qorti li quddiemha jitressaq ir-rikors milli tagħti deċiżjoni dwar l-eżistenza tal-allegata diskriminazzjoni minkejja t-talba espressa tar-rikorrent”

Fil-Kawża C‑30/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Jannar 2019, fil-proċedura

Diskrimineringsombudsmannen

vs

Braathens Regional Aviation AB

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Prechal, M. Vilaras, E. Regan u N. Piçarra, Presidenti ta’ Awla, T. von Danwitz (Relatur), C. Toader, M. Safjan, D. Šváby, K. Jürimäe, C. Lycourgos, P. G. Xuereb, L. S. Rossi u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ Frar 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għad-Diskrimineringsombudsmannen, minn M. Mörk, T. A. Qureshi u A. Rosenmüller Nordlander,

–        għal Braathens Regional Aviation AB, minn J. Josjö, C. Gullikson Dock, advokater, u minn J. Hettne,

–        għall-Gvern Svediż, inizjalment minn H. Eklinder, C. Meyer-Seitz, H. Shev u J. Lundberg, sussegwentement minn H. Eklinder, C. Meyer-Seitz u H. Shev, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Simonsson, E. Ljung Rasmussen, G. Tolstoy u C. Valero, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Mejju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 7 u 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad‑29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23), moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat mid-Diskrimineringsombudsmannen (l-Ombudsman kontra d-Diskriminazzjoni, l-Isvezja), li qiegħed jaġixxi f’isem passiġġier tal-ajru li jqis li huwa vittma ta’ diskriminazzjoni, kontra Braathens Regional Aviation AB (iktar ’il quddiem “Braathens”), kumpannija tal-ajru Svediża, li aċċettat it-talba għal kumpens ta’ dan il-passiġġier mingħajr madankollu ma rrikonoxxiet l-eżistenza tal-allegata diskriminazzjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 19 u 26 tad-Direttiva 2000/43 jistabbilixxu:

“(19)      Il-persuni li kienu bla ħsara għal diskriminazzjoni msejsa fuq l-oriġini tar-razza jew l-etniċità għandu jkollhom il-mezzi adegwati ta’ protezzjoni legali. Sabiex jiġi pprovdut livell aktar effettiv ta’ protezzjoni, l-assoċjazzjonijiet jew l-entitajet legali għandhom jingħataw ukoll il-poter li jdaħħlu, jekk l-Istati Membri hekk jistabbilixxu, jew f’isem kull vittma jew b’appoġġ għaliha, fi proċeduri legali, mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-proċedura nazzjonali li jirrigwardaw ir-rapreżentanza u d-difiża quddiem il-qrati;

[…]

(26)      L-Istati Membri għandhom jipprovdu sanzjonijiet effettivi, ipproporzjonati u disswadenti fil-każ ta’ ksur ta’ l-obbligi skond din id-Direttiva.”

4        Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-Għan”:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jistabbilixxi qafas sabiex tiġi kkumbattuta d-diskriminazzjoni għar-raġunijiet ta’ l-oriġini tar-razza jew l-etniċità, bl-għan li jseħħ fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ trattament ugwali.”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kunċett tad-diskriminazzjoni”, jiddisponi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, il-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jfisser illi ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta msejsa fuq l-oriġini tar-razza jew l-etniċità.”

6        Taħt it-titolu “Il-Qasam ta’ Applikazzjoni”, l-Artikolu 3 tal-istess direttiva jipprevedi, fil-paragrafu 1(h) tiegħu:

“Fil-limiti tal-poteri mogħtija lill-[Unjoni Ewropea], din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, f’dak li għandu x’jaqsam mas-setturi pubbliċi u privati, inklużi l-korpi pubbliċi, f’relazzjoni ma’:

[…]

(h)      l-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi u l-provediment tagħhom li huma disponibbli għall-pubbliku, inklużi d-djar.”

7        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/43, intitolat “Id-difiża tad-drittijiet”, jipprovdi li:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi, li jinkludu fejn jidhrilhom approprjat, illi l-proċeduri tal-konċiljazzjoni, għall-infurzar ta’ l-obbligi skond din id-Direttiva, ikunu disponibbli għall-persuni li jikkunsidraw lilhom infushom inġurjati minn-nuqqas li japplika għalihom il-prinċipju tat-trattament ugwali, saħansitra wara li tkun waqfet ir-relazzjoni li fiha jkun allegat li saret id-diskriminazzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet u entitajiet oħra legali, li, skond il-kriterja stabbiliti bil-liġijiet nazzjonali tagħhom, għandhom interess leġittimu sabiex jiżguraw illi d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jiġu mħarsa, jistgħu jaqbdu jaħdmu, jew f’isem min jagħmel ilment jew bħala appoġġ għalih, bl-approvazzjoni tiegħu jew tagħha, f’kull proċedura ġudizzjarja u/jew amministrattiva pprovduta sabiex tinforza l-obbligi skond din id-Direttiva.

[…]”

8        L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-piż tal-provi”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu dawn il-miżuri skond kif ikun meħtieġ, skond is-sistema ġudizzjarja nazzjonali tagħhom, sabiex jiżguraw illi, fejn persuni li jikkunsidraw lilhom infushom inġurjati għaliex ma jkunx ġie applikat għalihom il-prinċipju tat-trattament ugwali jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom jista jiġi preżunt illi kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandu jkun ir-respondent li jrid jipprova li ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali.

[…]

3.      Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-proċeduri kriminali.

[…]”

9        L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Is-sanzjonijiet”, jiddisponi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar is-sanzjonijiet li japplikaw għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi jiġu applikati. Is-sanzjonijiet, li jistgħu jinkludu l-ħlas ta’ kumpens għall-vittma, iridu jkunu effettivi, pproporzjonati u diswassivi. […]”

 Id-dritt Svediż

10      Skont l-Artikolu 4(1) tal-Kapitolu 1 tad-diskrimineringslagen (2008:567) (il-Liġi dwar id-Diskriminazzjoni (2008:567)), tikkostitwixxi b’mod partikolari diskriminazzjoni, is-sitwazzjoni fejn persuna ssofri żvantaġġ minħabba li tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi ttrattata persuna oħra f’sitwazzjoni paragunabbli, meta d-differenza fit-trattament tkun marbuta mas-sess, mal-identità jew mal-espressjoni tas-sess, mal-appartenenza etnika, mar-reliġjon jew mal-opinjonijiet, mad-diżabbiltà, mal-orjentazzjoni sesswali jew mal-età.

11      Skont l-Artikolu 12 tal-Kapitolu 2 ta’ din il-liġi, l-eżerċizzju ta’ diskriminazzjoni huwa b’mod partikolari pprojbit għal kull min jipprovdi, barra mill-isfera privata jew tal-familja tiegħu, oġġetti, servizzi jew akkomodazzjoni lill-pubbliku.

12      Il-Kapitolu 5 tal-imsemmija liġi jipprevedi s-sanzjonijiet sostnuti minn kull min jeżerċita diskriminazzjoni, jiġifieri l-kumpens tal-vittma, permezz tal-ħlas ta’ “kumpens għal diskriminazzjoni”, ir-reviżjoni u l-annullament tal-kuntratti u atti legali oħra.

13      Mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Kapitolu 6 tal-Liġi dwar id-Diskriminazzjoni jirriżulta li l-kawżi li jirrigwardaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 12 tal-Kapitolu 2 ta’ din il-liġi għandhom jiġu eżaminati mill-qrati ordinarji skont id-dispożizzjonijiet tar-rättegångsbalken (il-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja), li jirrigwarda l-proċeduri ċivili li fil-kuntest tagħhom huwa awtorizzat ftehim bonarju dwar it-tilwima.

14      Skont l-Artikolu 1 tal-Kapitolu 13 ta’ dan il-kodiċi, ir-rikorrent jista’, taħt il-kundizzjonijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni, jeżerċita azzjoni għall-eżekuzzjoni sabiex jikseb il-kundanna tal-konvenut għall-eżekuzzjoni ta’ obbligu li jaġixxi, bħall-obbligu li jħallsu somma ta’ flus.

15      L-Artikolu 2 tal-istess kapitolu tal-imsemmi kodiċi jirregola l-azzjoni dikjaratorja. L-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu jiddisponi, f’dan ir-rigward, li tali azzjoni, li hija intiża għall-konstatazzjoni tal-eżistenza jew tal-assenza ta’ relazzjoni ġuridika partikolari, tista’ tiġi eżaminata mill-qorti jekk tkun teżisti, fuq ir-relazzjoni ġuridika inkwistjoni, inċertezza li tista’ tikkawża dannu lir-rikorrent.

16      L-Artikolu 7 tal-Kapitolu 42 ta’ dan l-istess kodiċi jipprevedi li l-konvenut għandu, waqt is-seduta, jippreżenta immedjatament id-difiża tiegħu. Fin-nuqqas, il-konvenuta tista’, f’dan l-istadju, tiddeċiedi li taċċetta t-talba tar-rikorrent.

17      Konformement mal-Artikolu 18 ta’ dan il-kapitolu tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja, wara l-kunsens tal-konvenut għat-talbiet tar-rikorrent, il-qorti għandha tagħti sentenza abbażi ta’ dan il-kunsens.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

18      Fix-xahar ta’ Lulju 2015, passiġġier ta’ oriġini Ċilena residenti fi Stokkolma (l-Isvezja) u li kellu riżervazzjoni għal titjira interna fl-Isvezja (iktar ’il quddiem il-“passiġġier inkwistjoni fil-kawża prinċipali”), operata mill-kumpannija tal-ajru Braathens, ġie suġġett, permezz ta’ deċiżjoni tal-kmandant abbord, għal kontroll ta’ sigurtà addizzjonali.

19      L-Ombudsman kontra d-Diskriminazzjoni ppreżenta rikors quddiem l-iStockholms tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Stokkolma, l-Isvezja) intiż sabiex Braathens tiġi kkundannata tħallas lill-passiġġier inkwistjoni fil-kawża prinċipali kumpens fl-ammont ta’ 10 000 krona Svediża (SEK) (madwar EUR 1 000) għall-aġir diskriminatorju ta’ din il-kumpannija tal-ajru fil-konfront ta’ dan il-passiġġier.

20      Insostenn tar-rikors tiegħu, l-Ombudsman kontra d-Diskriminazzjoni essenzjalment sostna li l-imsemmi passiġġier kien is-suġġett ta’ diskriminazzjoni diretta bi ksur tal-Artikolu 12 tal-Kapitolu 2 u tal-Artikolu 4 tal-Kapitolu 1 tal-Liġi dwar id-Diskriminazzjoni, min-naħa ta’ Braathens li assoċjatu ma’ persuna Għarbija u konsegwentement issuġġettatu għal kontroll ta’ sigurtà addizzjonali għal din ir-raġuni. Għaldaqstant, minħabba Braathens, il-passiġġier inkwistjoni fil-kawża prinċipali sofra żvantaġġ għal raġunijiet marbuta mal-apparenza fiżika u mal-appartenenza etnika, billi ttrattatu b’mod inqas favorevoli minn passiġġieri oħra li kienu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli.

21      Quddiem l-iStockholms tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Stokkolma), Braathens aċċettat li tħallas is-somma mitluba bħala kumpens għal diskriminazzjoni mingħajr madankollu ma rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni. L-Ombudsman kontra d-Diskriminazzjoni oppona, quddiem din il-qorti, li tingħata deċiżjoni abbażi tal-kunsens ta’ Braathens, mingħajr eżami tal-mertu tal-allegata diskriminazzjoni.

22      Fis-sentenza tagħha, l-imsemmija qorti kkundannat lil Braathens tħallas is-somma mitluba, flimkien mal-interessi, kif ukoll l-ispejjeż. Hija qieset li l-kawżi li jirrigwardaw obbligi ċivili u drittijiet li l-partijiet għandhom liberament, bħat-tilwima fil-kawża prinċipali, għandhom, f’każ ta’ kunsens għat-talbiet għal kumpens min-naħa tar-rikorrent, jiġu deċiżi mingħajr eżami tal-mertu, u qieset ukoll li kienet marbuta bil-kunsens ta’ Braathens. Barra minn hekk, din l-istess qorti, minħabba dan il-kunsens, iddikjarat inammissibbli t-talbiet tal-Ombudsman kontra d-Diskriminazzjoni intiżi sabiex tinkiseb sentenza dikjaratorja li tikkonstata, prinċipalment, li din il-kumpannija tal-ajru kienet obbligata tħallas l-imsemmija somma minħabba l-aġir diskriminatorju tagħha jew, sussidjarjament, li l-passiġġier inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien is-suġġett ta’ diskriminazzjoni min-naħa ta’ Braathens.

23      Wara li, mingħajr suċċess, ippreżenta appell mis-sentenza tal-iStockholms tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Stokkolma) quddiem l-iSvea hovrätt (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma, l-Isvezja), l-Ombudsman kontra d-Diskriminazzjoni ppreżenta appell mis-sentenza ta’ din l-aħħar qorti quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema, l-Isvezja). Fil-kuntest ta’ dan l-appell, huwa talab li din il-qorti tannulla din is-sentenza, tannulla s-sentenza tal-iStockholms tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Stokkolma) u tibgħat lura l-kawża quddiem din il-qorti sabiex teżamina l-mertu ta’ mill-inqas wieħed miż-żewġ kapijiet ta’ talbiet intiżi sabiex tinkiseb sentenza dikjaratorja. Braathens talbet li t-talbiet tal-Ombudsman kontra d-Diskriminazzjoni jiġu miċħuda.

24      Il-qorti tar-rinviju tesponi li l-Liġi dwar id-Diskriminazzjoni għandha l-għan, b’mod partikolari, li tittrasponi diversi atti tal-Unjoni, fosthom id-Direttiva 2000/43, u hija intiża sabiex tippermetti, kif jirriżulta mix-xogħol preparatorju tagħha, l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet qawwija u dissważivi fil-każ ta’ diskriminazzjoni. B’mod partikolari, il-kumpens għal diskriminazzjoni jikkorrispondi għal sanzjoni, fis-sens tal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, u għandu, f’kull każ partikolari, jiġi stabbilit b’mod li jikkostitwixxi kumpens raġonevoli għall-vittma u li jipparteċipa fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fis-soċjetà. B’hekk huwa għandu funzjoni doppja ta’ rimedju u ta’ prevenzjoni.

25      Il-qorti tar-rinviju żżid tgħid li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja, il-konvenut jista’ jiddeċiedi li jaċċetta t-talba għal kumpens tar-rikorrent mingħajr ma jkun obbligat jindika l-motivi ta’ dan il-kunsens u lanqas li jibbaża ruħu fuq motiv invokat minn dan tal-aħħar, u lanqas li jirrikonoxxi l-eżistenza tal-allegata diskriminazzjoni. Fil-prattika, tali kunsens huwa intiż sabiex itemm l-istanza mingħajr ma jkun neċessarju li jitkompla l-eżami tal-kawża, u l-qorti għandha tagħti sentenza motivata sempliċement permezz ta’ dan il-kunsens. Fir-rigward tal-azzjoni dikjaratorja, din tista’ tirrigwarda biss l-eżistenza jew l-assenza ta’ relazzjoni ġuridika bejn il-partijiet fil-kawża, bl-esklużjoni, b’mod partikolari, ta’ punti purament fattwali. Barra minn hekk, hija l-qorti li għandha tevalwa jekk l-eżami tagħha huwiex opportun.

26      Il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-kawża prinċipali, il-qrati tal-ewwel istanza u tal-appell taw deċiżjonijiet li jikkundannaw lil Braathens għall-ħlas tal-kumpens mitlub mill-passiġġier inkwistjoni fil-kawża prinċipali abbażi tal-kunsens ta’ Braathens fuq talba ta’ dan il-passiġġier. Minħabba dan il-kunsens, il-kwistjoni tal-eżistenza tad-diskriminazzjoni invokata lanqas ma setgħet, skont dawn il-qrati tal-aħħar, tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ talbiet intiżi sabiex tinkiseb sentenza dikjaratorja.

27      Issa, il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema) tistaqsi dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mar-rekwiżiti tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/43, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta li jiggarantixxi lil kull persuna dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv. Din il-qorti tistaqsi, f’dan ir-rigward, jekk, fil-każ ta’ kunsens tal-konvenut għat-talba għad-danni tar-rikorrent, il-qorti għandhiex madankollu tkun tista’ teżamina, sabiex tiżgura, konformement mal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, il-protezzjoni tad-drittijiet li jirriżultaw minn din tal-aħħar, il-kwistjoni tal-eżistenza tad-diskriminazzjoni fuq talba tal-parti li tqis li kienet is-suġġett tagħha u jekk ir-risposta għal din id-domanda tiddependix mir-rikonoxximent, jew le, mill-allegat awtur tad-diskriminazzjoni, tal-eżistenza tagħha.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“F’każ dwar ksur ta’ projbizzjoni mniżżla fid-Direttiva [2000/43] fejn il-persuna li tkun saritilha dannu titlob kumpens għal diskriminazzjoni, għandu l-Istat Membru, jekk mitlub mill-persuna li tkun saritilha dannu, dejjem jeżamina jekk saritx diskriminazzjoni – u fejn xieraq jikkonkludi li dak kien il-każ – irrispettivament minn jekk il-persuna akkużata minn diskriminazzjoni ammettietx jew le li saret id-diskriminazzjoni, sabiex jitqies bħala ssodisfatt ir-rekwiżit fl-Artikolu 15 [ta’ din id-direttiva] għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonali u dissważivi?”

 Fuq id-domanda preliminari

29      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 7 u 15 tad-Direttiva 2000/43, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil qorti li quddiemha jitressaq rikors għad-danni bbażat fuq allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni pprojbita minn din id-direttiva milli teżamina t-talba intiża sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ din id-diskriminazzjoni, meta l-konvenut jaċċetta li jħallas il-kumpens mitlub mingħajr madankollu ma jirrikonoxxi l-eżistenza tal-imsemmija diskriminazzjoni.

30      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2000/43 għandha l-għan, hekk kif imsemmi fl-Artikolu 1 tagħha, li tistabbilixxi qafas sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika, sabiex jiġi implimentat, fl-Istati Membri, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Din id-direttiva tikkostitwixxi l-espressjoni konkreta, fl-oqsma materjali li hija tkopri, tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika sanċit mill-Artikolu 21 tal-Karta (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Huwa stabbilit li l-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2000/43, peress li tikkonċerna aġir allegatament diskriminatorju, minħabba l-oriġini etnika jew ir-razza, adottat fil-kuntest tal-aċċess għal servizz għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(h) ta’ din id-direttiva.

32      Kif jirriżulta mill-premessa 19 tad-Direttiva 2000/43, il-persuni li kienu s-suġġett ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika għandu jkollhom mezzi adegwati ta’ protezzjoni legali u, sabiex jiżguraw livell ta’ protezzjoni iktar effikaċi, l-assoċjazzjonijiet jew il-persuni ġuridiċi għandhom ukoll jingħataw is-setgħa li jibdew proċeduri, skont il-modalitajiet stabbiliti mill-Istati Membri, f’isem jew insostenn ta’ vittma. Barra minn hekk, skont il-premessa 26 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jipprovdu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmija direttiva.

33      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2000/43 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi intiżi sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit minn din id-direttiva jkunu aċċessibbli għall-persuni kollha li jqisu ruħhom leżi minn nuqqas ta’ osservanza fir-rigward tagħhom ta’ dan il-prinċipju. B’dan il-mod, din id-dispożizzjoni tikkonferma mill-ġdid id-dritt għal rimedju effettiv sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta.

34      Barra minn hekk, mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2000/43 jirriżulta li l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-persuni ġuridiċi li għandhom, konformement mal-kriterji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, interess leġittimu li jiżguraw li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jiġu osservati għandhom, b’mod partikolari, ikunu jistgħu jibdew, f’isem il-vittma u bl-approvazzjoni tagħha, kull proċedura ġudizzjarja sabiex jiġu osservati l-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmija direttiva. Għaldaqstant, dan l-Artikolu 7(2) jikkostitwixxi speċifikazzjoni, fil-qasam ikkunsidrat, tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta.

35      L-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza teħtieġ għalhekk, fir-rigward tal-persuni li jqisu li fil-konfront tagħhom kien hemm diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika, li protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-dritt tagħhom għal ugwaljanza fit-trattament tiġi ggarantita, kemm jekk dawn il-persuni jaġixxu direttament jew permezz ta’ assoċjazzjoni, ta’ organizzazzjoni jew ta’ persuna ġuridika bħal dik imsemmija fil-punt preċedenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Leitner, C‑396/17, EU:C:2019:375, punt 62).

36      L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/43 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw ir-regoli dwar is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati b’mod konformi ma’ din id-direttiva u għandhom jieħdu kull miżura neċessarja sabiex jiżguraw li dawn is-sanzjonijiet jiġu applikati. Mingħajr ma jimponi sanzjonijiet partikolari, dan l-artikolu jippreċiża li s-sanzjonijiet hekk previsti, li jistgħu jinkludu l-ħlas ta’ kumpens għall-vittma, għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u diswassivi.

37      L-imsemmi Artikolu 15 jimponi għalhekk fuq l-Istati Membri l-obbligu li jintroduċu fl-ordinament ġuridiku intern tagħhom miżuri effikaċi biżżejjed sabiex jintlaħaq l-għan tad-Direttiva 2000/43 u li jiżguraw li dawn il-miżuri jkunu jistgħu jiġu effettivament invokati quddiem il-qrati nazzjonali, inkluż minn assoċjazzjoni, organizzazzjoni jew persuna ġuridika kif imsemmija fl-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva, sabiex il-protezzjoni ġudizzjarja tkun effettiva u effikaċi, filwaqt li tħallihom liberi jagħżlu minn fost id-diversi soluzzjonijiet xierqa sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Feryn, C‑54/07, EU:C:2008:397, punti 37 u 38).

38      F’dan ir-rigward, is-sistema ta’ sanzjonijiet stabbilita sabiex l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/43 jiġi traspost fl-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru għandha b’mod partikolari tiżgura, b’mod parallel mal-miżuri meħuda għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, protezzjoni ġuridika effettiva u effikaċi tad-drittijiet li jirriżultaw minnha. Is-severità tas-sanzjonijiet għandha tkun proporzjonata mal-gravità tal-ksur li huma jissanzjonaw, b’mod partikolari billi jiżguraw effett realment dissważiv, filwaqt li josservaw il-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2013, Asociația Accept, C‑81/12, EU:C:2013:275, punt 63).

39      Meta l-kumpens pekunjarju jkun il-miżura adottata fil-każ ta’ konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, dan għandu jkun xieraq fis-sens li għandu jippermetti li jiġu kkumpensati kompletament id-danni effettivament imġarrba minħabba d-diskriminazzjoni inkwistjoni, skont ir-regoli nazzjonali applikabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Arjona Camacho, C‑407/14, EU:C:2015:831, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għall-kuntrarju, sanzjoni purament simbolika ma tistax titqies li hija kompatibbli mal-implimentazzjoni korretta u effikaċi tad-Direttiva 2000/43 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2013, Asociația Accept, C‑81/12, EU:C:2013:275, punt 64).

40      Fil-każ ineżami, mill-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, skont id-dritt nazzjonali li jittrasponi b’mod partikolari d-Direttiva 2000/43, kull persuna li tqis li hija vittma ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika tista’ tressaq azzjoni intiża għall-eżekuzzjoni tas-sanzjoni kkostitwita mill-“kumpens għal diskriminazzjoni”. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi li, meta l-konvenut jiddeċiedi li jaċċetta t-talba għad-danni tar-rikorrent, il-qorti adita b’din l-azzjoni għandha tordna lil dan il-konvenut iħallas is-somma mitluba minn dan ir-rikorrent bħala kumpens.

41      Madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta wkoll li tali kunsens — li, skont din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, huwa legalment vinkolanti għall-qorti u jinvolvi tmiem l-istanza — jista’ jseħħ mingħajr ma l-konvenut jirrikonoxxi b’daqshekk l-eżistenza tal-allegata diskriminazzjoni, jew anki meta, bħal fil-kawża prinċipali, huwa jikkontestaha espliċitament. F’tali sitwazzjoni, il-qorti nazzjonali tagħti sentenza bbażata fuq dan il-kunsens mingħajr madankollu ma tkun tista’ tinsilet kwalunkwe konstatazzjoni minn din is-sentenza fir-rigward tal-eżistenza tal-allegata diskriminazzjoni.

42      Minn dan isegwi li, f’tali sitwazzjoni, il-kunsens tal-konvenut għandu bħala effett li l-obbligu ta’ dan tal-aħħar li jħallas il-kumpens mitlub mir-rikorrent ma huwiex marbut mar-rikonoxximent, mill-konvenut, tal-eżistenza tal-allegata diskriminazzjoni jew mal-konstatazzjoni tagħha mill-qorti kompetenti. Barra minn hekk u fuq kollox, tali kunsens għandu bħala konsegwenza li jipprekludi lill-qorti adita bir-rikors milli tiddeċiedi dwar ir-realtà tal-allegata diskriminazzjoni, minkejja li din tkun tikkostitwixxi l-kawża tat-talba għad-danni u tagħmel, bħala tali, parti integrali minn dan ir-rikors.

43      Għal dak li jirrigwarda l-azzjoni dikjaratorja prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din ma tippermettix li jiġi żgurat li l-persuna li tqis li hija vittma ta’ diskriminazzjoni pprojbita mid-Direttiva 2000/43 ikollha d-dritt titlob l-eżami u, jekk ikun il-każ, il-konstatazzjoni minn qorti tal-eżistenza tal-allegata diskriminazzjoni. Fil-fatt, konformement ma’ din il-leġiżlazzjoni, l-azzjoni dikjaratorja ma tistax tirrigwarda punti purament fattwali u l-ammissibbiltà tagħha hija suġġetta għal deċiżjoni dwar l-opportunità tal-qorti adita li hija bbażata fuq l-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni, jiġifieri, b’mod partikolari, l-interess ġuridiku tar-rikorrent kif ukoll l-inkonvenjenzi li din l-azzjoni tista’ tikkawża lill-konvenut.

44      Minn dan isegwi li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fil-każ ta’ kunsens tal-konvenut għall-ħlas tal-kumpens mitlub mingħajr ma dan jirrikonoxxi madankollu l-allegata diskriminazzjoni, ir-rikorrent ma jkunx jista’ jikseb deċiżjoni ta’ qorti ċivili dwar l-eżistenza tal-imsemmija diskriminazzjoni.

45      Għandu jiġi kkonstatat li tali leġiżlazzjoni nazzjonali tippreġudika r-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikoli 7 u 15 tad-Direttiva 2000/43, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta.

46      Fil-fatt, fl-ewwel lok, kif jirriżulta mill-punti 33 sa 35 ta’ din is-sentenza, il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva għandhom l-għan li jippermettu li jiġu invokati d-drittijiet ibbażati fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ta’ kull persuna li tqis li hija vittma ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika kif ukoll li jiżguraw l-osservanza tagħha. Għaldaqstant, minn dan jirriżulta neċessarjament li, fin-nuqqas tal-konvenut li jirrikonoxxi l-allegata diskriminazzjoni, din il-persuna għandha tkun tista’ tikseb li l-qorti tiddeċiedi dwar ksur possibbli tad-drittijiet li tali proċeduri huma intiżi li jinfurzaw.

47      Konsegwentement, is-sempliċi ħlas ta’ ammont pekunjarju, anki jekk dak mitlub mir-rikorrent, ma huwiex tali li jiżgura l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ persuna li titlob li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tagħha għal ugwaljanza fit-trattament ibbażat fuq l-imsemmija direttiva, b’mod partikolari meta l-ewwel interess ta’ din il-persuna ma jkunx ekonomiku iżda li din tfittex li tistabbilixxi r-realtà tal-fatti allegati fil-konfront tal-konvenut kif ukoll il-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom.

48      Fit-tieni lok, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur kontra kemm il-funzjoni reparatriċi kif ukoll il-funzjoni dissważiva li għandu jkollhom is-sanzjonijiet previsti mill-Istati Membri, skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/43, fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-direttiva.

49      F’dan ir-rigward, u kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 83 u 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-ħlas ta’ ammont pekunjarju ma huwiex biżżejjed sabiex jiġu ssodisfatti t-talbiet ta’ persuna li jkollha l-intenzjoni li bħala prijorità jiġi rrikonoxxut, bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab, li hija kienet vittma ta’ diskriminazzjoni, b’tali mod li dan il-ħlas ma jistax, għal dan il-għan, jitqies li għandu funzjoni reparatriċi sodisfaċenti. Bl-istess mod, l-obbligu li titħallas somma flus ma jistax jiżgura effett realment dissważiv fir-rigward tal-awtur ta’ diskriminazzjoni billi jinkoraġġih ma jirriproduċix l-aġir diskriminatorju tiegħu, u billi b’hekk jevita diskriminazzjoni ġdida min-naħa tiegħu, meta, bħal f’dan il-każ, il-konvenut jikkontesta l-eżistenza ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni iżda jqis iktar vantaġġuż, f’termini ta’ spejjeż u ta’ immaġni, li jħallas il-kumpens mitlub mir-rikorrent, filwaqt li jevita b’dan il-mod li l-qorti nazzjonali tikkonstata l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni.

50      L-analiżi preċedenti ma tistax tiġi kkontestata mill-possibbiltà, invokata mill-Gvern Svediż, li tressaq azzjoni kriminali, li tippermetti lill-persuna li tqis li hija vittma ta’ diskriminazzjoni pprojbita mid-Direttiva 2000/43 li titlob li din id-diskriminazzjoni tiġi kkonstatata u ssanzjonata minn qorti kriminali. Fil-fatt, tali azzjoni kriminali, minħabba l-għanijiet proprji li hija għandha kif ukoll minħabba restrizzjonijiet inerenti għaliha, ma tippermettix li jiġi rrimedjat nuqqas ta’ konformità ta’ rimedji fil-qasam ċivili mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva.

51      B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat, kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punti 118 sa 120 tal-konklużjonijiet tiegħu, li tali azzjoni kriminali hija bbażata fuq regoli fil-qasam tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-provi li ma jikkorrispondux għal dawk, iktar favorevoli għal din il-persuna, li jistabbilixxi l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/43. L-imsemmi Artikolu 8 jipprevedi għaldaqstant, fil-paragrafu 1 tiegħu, li, meta l-imsemmija persuna tistabbilixxi, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta, huwa l-konvenut li għandu jipprova li ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Għall-kuntrarju, fil-paragrafu 3 tiegħu, l-Artikolu 8 jipprovdi li l-paragrafu 1 tiegħu ma japplikax għall-proċeduri kriminali.

52      Fit-tielet lok, u kuntrarjament għal dak li ssostni Braathens, prinċipji jew kunsiderazzjonijiet ta’ dritt proċedurali bħall-prinċipju dispożittiv, il-prinċipju ta’ ekonomija tal-ġudizzju u r-rieda li jkun promoss ftehim bonarju dwar it-tilwimiet, lanqas ma huma ta’ natura li jiġġustifikaw interpretazzjoni differenti minn dik adottata fil-punti preċedenti.

53      Fil-fatt, minn naħa, b’differenza minn ftehim bonarju dwar tilwima, kif imsemmi fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2000/43, li jippermetti lil kull parti żżomm id-dispożizzjoni libera tat-talbiet tagħha, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-effett li tittrasferixxi l-kontroll tal-kawża lill-konvenut billi tippermettilu jaċċetta t-talba għal kumpens imressqa mir-rikorrent mingħajr madankollu ma jirrikonoxxi l-eżistenza tal-allegata diskriminazzjoni, jew saħansitra billi jikkontestaha espliċitament, f’liema każ ir-rikorrent ma jkunx jista’ iktar jikseb deċiżjoni dwar il-kawża tat-talba mill-qorti adita u lanqas ma jkun jista’ jopponi għal tmiem l-istanza li huwa stess ikun beda.

54      Min-naħa l-oħra, qorti li quddiemha jitressaq tali rikors bl-ebda mod ma tippreġudika l-prinċipju dispożittiv jekk, minkejja l-kunsens tal-konvenut għall-ħlas tal-kumpens mitlub mir-rikorrent, teżamina, fid-dawl tal-allegazzjoni ta’ dan tal-aħħar li fuqha jkun ibbażat dan ir-rikors, l-eżistenza jew le ta’ din id-diskriminazzjoni, meta dan il-konvenut ma jkunx jirrikonoxxi din id-diskriminazzjoni, jew saħansitra jikkontestaha. Tali eżami jkun jirrigwarda għaldaqstant il-kawża tat-talbiet għad-danni tar-rikorrent, li taqa’ taħt is-suġġett tal-kawża kif iddefinit minn dak ir-rikors, speċjalment meta, bħal fil-każ ineżami, dan ir-rikorrent ikun ressaq espressament, fil-kuntest tal-imsemmi rikors, talba għall-konstatazzjoni ta’ tali diskriminazzjoni.

55      Fir-raba’ lok, għandu jitfakkar li, huwa minnu li, hekk kif issostni Braathens, id-dritt tal-Unjoni ma jobbligax, bħala prinċipju, lill-Istati Membri jistabbilixxu quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom, bil-għan li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, rimedji legali minbarra dawk stabbiliti mid-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 40, kif ukoll tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 51).

56      Fid-dawl ta’ dan, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fil-każ ineżami, ir-rispett tad-dritt tal-Unjoni ma jwassalx sabiex jiġi impost rimedju legali ġdid, iżda sempliċement jeżiġi li l-qorti tar-rinviju tirrifjuta li tapplika r-regola proċedurali li tipprovdi li l-qorti adita, konformement mad-dritt intern, b’talba għal kumpens minn persuna li tqis li hija vittma ta’ diskriminazzjoni, ma tistax tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ din id-diskriminazzjoni għas-sempliċi raġuni li l-konvenut ikun aċċetta li jħallas lir-rikorrent l-ammont tal-kumpens mitlub, mingħajr madankollu, ma jirrikonoxxi l-eżistenza ta’ din id-diskriminazzjoni, u dan, minħabba l-inkompatibbiltà ta’ din ir-regola, mhux biss mal-Artikoli 7 u 15 tad-Direttiva 2000/43, iżda wkoll mal-Artikolu 47 tal-Karta.

57      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li, kif ġie stabbilit fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, l-Artikoli 7 u 15 tad-Direttiva 2000/43 huma intiżi li jiggarantixxu protezzjoni ġudizzjarja effettiva u effikaċi tad-dritt għal ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuni irrispettivament mir-razza jew mill-oriġini etnika, li jirriżulta minn din id-direttiva. Minn dan isegwi li dawn l-artikoli sempliċement jikkonkretizzaw id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, kif iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, li huwa suffiċjenti fih innifsu u ma għandux jiġi ppreċiżat mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali sabiex jagħti lill-individwi dritt invokabbli bħala tali (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punti 76 sa 78).

58      Min-naħa l-oħra, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, fl-ipoteżi fejn ikun impossibbli għaliha li twettaq interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, kull qorti nazzjonali, adita fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, għandha, bħala korp ta’ Stat Membru, l-obbligu li ma tapplikax kull dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni ta’ dan id-dritt li jkollha effett dirett fil-kawża li tkun tressqet quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 53 u 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 7 u 15 tad-Direttiva 2000/43, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil qorti li quddiemha jitressaq rikors għad-danni bbażat fuq allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni pprojbita minn din id-direttiva milli teżamina t-talba intiża sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ din id-diskriminazzjoni, meta l-konvenut jaċċetta li jħallas il-kumpens mitlub mingħajr madankollu ma jirrikonoxxi l-eżistenza tal-imsemmija diskriminazzjoni. Hija l-qorti nazzjonali, li jkollha quddiemha tilwima bejn individwi, li għandha tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-protezzjoni ġuridika li tirriżulta għall-partijiet fil-kawża mill-Artikolu 47 tal-Karta billi jekk ikun hemm bżonn ma tapplikax kull dispożizzjoni kuntrarja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

 Fuq l-ispejjeż

60      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 7 u 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil qorti li quddiemha jitressaq rikors għad-danni bbażat fuq allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni pprojbita minn din id-direttiva milli teżamina t-talba intiża sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ din id-diskriminazzjoni, meta l-konvenut jaċċetta li jħallas il-kumpens mitlub mingħajr madankollu ma jirrikonoxxi l-eżistenza tal-imsemmija diskriminazzjoni. Hija l-qorti nazzjonali, li jkollha quddiemha tilwima bejn individwi, li għandha tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-protezzjoni ġuridika li tirriżulta għall-partijiet fil-kawża mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali billi jekk ikun hemm bżonn ma tapplikax kull dispożizzjoni kuntrarja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.