Language of document : ECLI:EU:T:2013:193

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

17 ta’ April 2013 (*)

“Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali CONTINENTAL – Raġuni assoluta għal rifjut – Karattru deskrittiv – Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑383/10,

Continental bulldog Club Deutschland eV, stabbilit f’Berlin (il‑Ġermanja), irrappreżentat inizjalment minn S. Vollmer, sussegwentement minn U. Rühl, avukati,

rikorrent,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat inizjalment minn S. Schäffner, sussegwentement minn D. Walicka, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tat-23 ta’ Ġunju 2010 (R 300/2010‑1), dwar applikazzjoni għal reġistrazzjoni tas-sinjal verbali CONTINENTAL bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood, President, F. Dehousse u J. Schwarcz (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Settembru 2010,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Diċembru 2010,

wara li rat l-ittra li permezz tagħha r-rikorrent irrinunzja għat-talba sabiex tiġi ffissata seduta u wara li għaldaqstant iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-7 ta’ Settembru 2009, ir-rikorrent, Continental bulldog Club Deutschland eV, ippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

2        It-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni huwa s-sinjal verbali CONTINENTAL.

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 31 u 44 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 31: “Annimali ħajjin, jiġifieri klieb”;

–        klassi 44: “Kustodja u tgħammir ta’ klieb, jiġifieri ta’ ġriewi u ta’ annimali tat-tgħammir”.

4        Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Frar 2010, l-eżaminatur irrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti u servizzi kollha inkwistjoni, skont l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009.

5        Fl-1 ta’ Marzu 2010, ir-rikorrent ippreżenta rikors quddiem l-UASI kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur.

6        Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 2010 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell għar-raġuni li, għall-prodotti u għas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni, is-sinjal verbali CONTINENTAL kien deskrittiv, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, kif ukoll nieqes mill-karattru distintiv, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament.

 It-talbiet tal-partijiet

7        Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tirrigwarda “prodotti u servizzi” li jaqgħu taħt il-klassi 44;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

8        L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

9        Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iqajjem żewġ motivi, ibbażati rispettivament, fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan l-istess regolament.

 Fuq l-ewwel motiv

10      Skont ir-rikorrent, il-Bord tal-Appell żbalja meta kkonkluda li s-sinjal verbali CONTINENTAL kien jiddeskrivi l-prodotti u s-servizzi kkonċernati.

11      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

12      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, ma jistgħux jiġu rreġistrati “trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ingħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi”.

13      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu l-għan ta’ interess ġenerali li jirrikjedi li l-indikazzjonijiet jew is-sinjali li jiddeskrivu l-karatteristiċi ta’ prodotti jew ta’ servizzi li għalihom tkun saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jistgħu liberament jiġu użati minn kulħadd [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Ġunju 2007, MacLean-Fogg vs UASI (LOKTHREAD), T‑339/05, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 27, u l-ġurisprudenza ċċitata].

14      Barra minn hekk, is-sinjali jew l-indikazzjonijiet li fil-kummerċ jistgħu jservu sabiex jindikaw il-karatteristiċi tal-prodott jew tas-servizz li għalih tkun saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni huma, skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, meqjusa inkapaċi li jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri dik li tidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz, sabiex b’hekk il-konsumatur li jakkwista l-prodott jew is-servizz li t-trade mark tkopri, ikun jista’ jagħmel l-istess għażla waqt akkwist sussegwenti jekk l-esperjenza tirriżulta pożittiva, jew li jagħmel għażla oħra, jekk din tirriżulta negattiva (ara s-sentenza LOKTHREAD, punt 13 iktar ’il fuq, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

15      Minn dan jirriżulta li, sabiex sinjal jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita minn din id-dispożizzjoni, huwa għandu jkollu rabta suffiċjentement diretta u konkreta mal-prodotti jew mas-servizzi inkwistjoni, b’tali mod li l-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr riflessjoni ulterjuri, deskrizzjoni tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom (ara s-sentenza LOKTHREAD, punt 13 iktar ’il fuq, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata).

16      Għandu jitfakkar ukoll li l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal tista’ ssir biss, minn naħa, b’riferiment għall-perċezzjoni li l-pubbliku kkonċernat għandu tiegħu u, min-naħa l-oħra, b’riferiment għall-prodotti jew għas-servizzi kkonċernati (ara s-sentenza LOKTHREAD, punt 13 iktar ’il fuq, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk, bħalma jsostni r-rikorrent, l-UASI kiser l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 billi kkonkluda li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija pperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala deskrittiva.

 Fuq il-pubbliku rilevanti u fuq il-livell ta’ attenzjoni

18      Għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel il-Bord tal-Appell (punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata), li l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni huma indirizzati kemm lejn il-konsumaturi medji inġenerali, bħall-persuni li jħobbu l-annimali li huma interessati mis-servizzi tal-kustodja tal-klieb, kif ukoll lejn il-gruppi ta’ professjonisti bħal persuni li jrabbu l-klieb jew sidien ta’ ħwienet fejn jinbiegħu l-annimali. Għal dak li jirrigwarda l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-definizzjoni mogħtija mill-Bord tal-Appell fil-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata li tipprovdi li dan il-livell huwa “ogħla” peress li dan il-pubbliku jagħti attenzjoni partikolari lill-pedigree, lill-metodu tat-tgħammir kif ukoll lill-karatteristiċi tal-klieb u, barra minn hekk, minħabba l-fatt li dawn huma “prodotti” li ma jinxtrawx jew servizzi li ma jintużawx kuljum. Minkejja li fir-rikors tiegħu r-rikorrent jirreferi biss għal “konsumaturi medji raġonevolment informati, attenti u avżati” għandu jiġi kkonstatat li huwa ma jressaq ebda argument insostenn ta’ tali limitazzjoni tal-pubbliku rilevanti, li għaldaqstant għandu jiġi miċħud bħala infondat.

19      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tqis li sabiex jiġi evalwat jekk il-Bord tal-Appell kienx ġust meta kkonkluda li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kellha karattru deskrittiv, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti fl-Unjoni kollha peress li, skont l-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 207/2009, applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għandha tiġi miċħuda jekk tkun teżisti raġuni għal rifjut, għall-inqas, f’parti minnha. Għaldaqstant, l-eżaminatur ġustament ikkunsidra li kellu jsir riferiment għall-konsumaturi rilevanti kollha fl-Unjoni, u din l-evalwazzjoni ġiet riprodotta mill-Bord tal-Appell fil-punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq il-karattru deskrittiv tal-kelma “continental”

20      Għandu jiġi vverifikat jekk il-Bord tal-Appell kienx ġust meta qies li, għal pubbliku rilevanti hekk iddefinit, kien hemm rabta diretta u konkreta bejn is-sinjal verbali CONTINENTAL u l-prodottu u servizzi koperti mill-applikazzjoni għat-trade mark.

21      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma kkontestax l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, imwettqa fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li l-kelma “continental” kienet tirreferi “għal aġġettivi bħal ‘ewropew, kontinentali, mhux insulari’”.

22      It-tieni nett, mid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari mill-punti 17 et seq. tagħha, jirriżulta li sabiex jiġi kkonstatat il-karattru deskrittiv tat-terminu kopert mill-applikazzjoni għat-trade mark, il-Bord tal-Appell qies bħala deċiżiv il-fatt li dan jinftiehem bħala jindika razza ta’ bulldogs. F’dan ir-rigward huwa bbaża ruħu, b’mod partikolari, fuq diversi siti tal-internet fosthom ċerti siti tar-rikorrent. Essenzjalment, il-Bord tal-Appell qies li minn dan kien jirriżulta, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li l-espressjoni “continental bulldog” (imsemmija bl-Ingliż fuq l-imsemmija siti), kienet tirreferi għal razza ta’ klieb, diġà rikonoxxuta fl-Isvizzera mix-Schweizerische Kynologische Gesellschaft (SKG), u li l-ħolqien u t-trobbija tagħha kien l-għan tal-assoċjazzjoni tar-rikorrent. Il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu wkoll fuq is-siti tal-internet tar-rikorrent sabiex jaffirma, minn naħa, li l-espressjoni msemmija iktar ’il fuq, kienet intgħażlet għal razza ġdida ta’ klieb sabiex tkun tista’ ssir distinzjoni ċara bejn din ir-razza tal-aħħar u dik tal-“English bulldog” u, min-naħa l-oħra, li kien jirriżulta li r-rikorrent kellu l-ħsieb li hekk kif id-diversi kundizzjonijiet meħtieġa mill-Fédération cynologique internationale (FCI) ikunu sodisfatti, jippreżenta applikazzjoni għar-rikonoxximent tar-razza l-ġdida minn din l-organizzazzjoni (punti 20 u 23 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      It-tielet nett, minn dan il-Bord tal-Appell ikkonkluda li l-kelma “continental” kienet tevoka l-isem ta’ post fejn jitrabbew il-klieb, jew anki ta’ razza ta’ bulldogs. Fil-fehma tiegħu, meta persuna li trabbi razza ġdida tagħti isem lil din ir-razza, dan l-isem isir dak ta’ dan it-tip ta’ kelb. Huwa qies li din is-sitwazzjoni turi ċerti similaritajiet mal-qasam tal-identifikazzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti. Il-Bord tal-Appell iddikjara, barra minn hekk, li ma kienx wisq importanti li r-rikorrent kellu l-intenzjoni li jipprattika “tgħammir bejn razez relatati”, sa fejn, fil-fehma tiegħu, mill-perspettiva bioloġika, anki klieb li ma jirriżultawx direttament minn tali post tat-trobbija xorta jibqgħu klieb minn dik ir-“razza” jew “speċi”. Għal din l-istess raġuni, huwa qies li ma huwiex wisq importanti li s-siti tal-internet ta’ ċerti persuni li jrabbu l-klieb “continental bulldog” jirreferu għar-rikorrent (punti 24 sa 27 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell qies li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kellha wkoll ma tiġix irreġistrata għal dak li jikkonċerna s-servizzi tal-kustodja u tat-tgħammir ta’ klieb, jiġifieri ta’ ġriewi u ta’ annimali għat-tgħammir, peress li huma servizzi speċjalizzati li huma iktar koperti b’mod preċiż bl-isem tal-post fejn jitrabbew il-klieb (punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      Ir-rikorrent jikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell. L-ewwel nett, huwa jsostni li l-Bord wettaq żball billi xebbah it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mal-espressjoni “continental bulldog”. It-tieni nett, il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jippermetti lill-proprjetarji ta’ trade marks, permezz tar-reġistrazzjoni tagħhom, jipproteġu l-indikazzjonijiet ta’ oriġini u huwa anki ppreveda espressament, għall-“annimali ħajjin” li jkunu jistgħu jgawdu minn protezzjoni mogħtija minn trade mark. Barra minn hekk, fil-passat, il-Bord tal-Appell diġà rreġistra, bħala trade mark Komunitarja, razza ta’ klieb imsejħa “elo”. It-tielet nett, il-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni li ma hijiex prevista mid-dritt tat-trade marks Komunitarji, jiġifieri l-użu, qabel ir-reġistrazzjoni, tas-sinjali li għalih saret l-applikazzjoni, sabiex tiġi prekluża r-reġistrazzjoni minħabba l-fatt li, fil-futur, setgħet tkun il-bażi ta’ karattru deskrittiv tal-imsemmi sinjal. Ir-raba’ nett, ir-rikorrent isostni li ma huwiex possibbli li ssir analoġija ma’ dak li huwa previst fil-qasam tal-identifikazzjoni tal-varjetajiet tal-pjanti, peress li l-protezzjoni ta’ dawn hija bbażata fuq lex specialis. Il-Bord tal-Appell wettaq ukoll żbalji, f’dan il-kuntest, fuq il-livell tal-ġerarkija ta’ kunċetti. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent isostni li l-applikazzjoni tiegħu għal reġistrazzjoni ma tikkostitwixxix tentattiv għal reġistrazzjoni ta’ trade mark li tirrigwarda razza eżistenti.

26      Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tirrileva li mir-rikors jirriżulta li r-rikorrent ma kkontestax l-eżistenza ta’ ċertu rabta bejn l-espressjoni “continental bulldog” u razza ta’ klieb “li qiegħda tinħoloqˮ, jiġifieri razza li l-proċess tagħha għar-rikonoxximent ma kienx għadu ntemm. F’dan ir-rigward, għandu jsir riferiment għas-silta mir-rikors li fiha r-rikorrent isosstni li, jekk il-pubbliku rilevanti jrid jindika razza ta’ klieb, huwa ma jużax it-terminu “continental” iżda l-espressjoni “continental bulldog”, dak li, fil-fehma tiegħu, juru s-siltiet tas-siti tal-internet prodotti fil-proċedimenti quddiem l-UASI. F’dan l-istess sens, ir-rikorrent isosstni fir-rikors li l-imsemmi pubbliku jirreferi għas-servizzi koperti mill-applikazzjoni billi jitkellem dwar il-“kustodja u t-tgħammir tal-klabb tal-‘Continental bulldog’”. Dawn l-affermazzjonijiet huma kkonfermati biss mid-dikjarazzjoni tar-rikorrent magħmula fir-rikors, fil-kuntest tat-tieni motiv tiegħu li jipprovdi li, billi applika għar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni, huwa kellu l-għan “li jiddistingwi ruħu minn assoċjazzjonijiet oħrajn ta’ persuni li jrabbu l-bulldogs li għandhom l-għan li, fuq medda ta’ żmien, jistabbilixxu razza”, bħal, b’mod partikolari, l-Allgemeiner Club für Englische bulldogs eV, il-Bulldog Club für American bulldogs jew l-Internationaler Klub für Französische bulldoggen eV (IFKB).

27      Barra minn hekk, fir-rikors, ir-rikorrent juża l-espressjoni “continental bulldog” sabiex jirreferi għall-pedigree partikolari ta’ kelb, li tikkonferma li dan ġej minn post ta’ trobbija tal-klieb li jipprattika “tgħammir bejn razez relatatiˮ. Skont ir-rikorrent, din l-espressjoni tippermetti għalhekk li jiġi indikat l-oriġini u l-ġenealoġija tal-kelb.

28      Madankollu, ir-rikorrent essenzjalment isostni li proċess ta’ rikonoxximent ta’ razza ta’ klieb minn korpi bħall-FCI seta’ jdum għexieren ta’ snin mingħajr ma neċessarjament jirnexxi u, fi kwalunkw każ, li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja saret għall-kelma “continental” u mhux għall-espressjoni msemmija iktar ’il fuq.

29      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li mid-diversi siltiet mill-paġni tal-internet li għalihom irriefera l-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fil-punt 3 u fil-punti 19 sa 22 tagħha, jirriżulta effettivament li l-espressjoni “continental bulldog” setgħet tindika razza ta’ klieb li kienet rikonoxxuta mill-inqas fl-Isvizzera, jiġifieri mill-assoċjazzjoni SKG. Barra minn hekk, l-imsemmi rikonoxxiement, li ilu li sar mill-2004, huwa anki kklassifikat bħala “uffiċjali”.

30      It-tieni nett, mill-imsemmija siltiet mill-paġni tal-internet jirriżulta wkoll li l-persuni li jrabbu l-klieb imsejħa “continental bulldog” jikkunsidraw li dawn jirrappreżentaw razza “fiha nnifisha” li qiegħda, jew għall-inqas tipprova, titjieb kontinwament. Il-karatteristiċi tar-razza l-ġdida ta’ klieb huma stabbiliti, flimkien ma’ paragun mar-razza, li hija rikonoxxuta, ta’ “English bulldog” filwaqt li r-razza l-ġdida tippreżenta, skont l-informazzjoni msemmija fuq dawn is-siti tal-internet “titjib sostnazjali għal dak li jirrigwarda s-saħħa u r-reżistenza”. Barra minn hekk, l-espressjoni msemmija iktar ’il fuq, hija użata, f’dawn is-siltiet, ukoll sabiex tkopri s-servizzi “ta’ tgħammir” tal-klieb.

31      It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li s-siti tal-internet jindikaw, fost id-diversi objettivi li għandhom jintlaħqu mill-persuni li jrabbu l-klieb imsemmija iktar ’il fuq, “ir-rikonoxximent [tar-razza] mill-FCI” (punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata, l-aħħar sit tal-internet iċċitat, in fine).

32      Imbagħad, għandu jitfakkar li diġà ġie deċiż, minn naħa, li l-eżami tal‑applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ma għandux ikun minimu iżda għandu jkun rigoruż u komplut sabiex jiġi evitat li jiġu rreġistrati trade marks li ma għandhomx jiġu rreġistrati u sabiex jiġi żgurat, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, li t-trade marks li l-użu tagħhom jista’ jiġi kkontestat b’suċċess quddiem il-qrati ma jiġux irreġistrati (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel, C‑104/01, Ġabra p. I‑3793, punti 58 u 59).

33      Min-naħa l-oħra, sabiex ikun iġġustifikat rifjut mill-UASI ta’ reġistrazzjoni abbażi tal-Artikolu 7(1)(c) tar‑Regolament Nru 207/2009, ma huwiex neċessarju li s-sinjali u l-indikazzjonijiet li jiffurmaw it-trade mark inkwistjoni jkunu effettivament użati, fil-mument tal‑applikazzjoni għal reġistrazzjoni, għad-deskrizzjoni ta’ prodotti jew ta’ servizzi bħal dawk li fir-rigward tagħhom tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni jew sabiex jiġu deskritti l-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi. Huwa biżżejjed, kif jindika l-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, li dawn is-sinjali jew indikazzjonijiet ikunu jistgħu jintużaw għal dawn il-finijiet. Għaldaqstant, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal verbali għandha tiġi rrifjutata, skont l-imsemmija dispożizzjoni, jekk minn tal-inqas waħda mit‑tifsiriet potenzjali tiegħu tindika karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C‑191/01 P, Ġabra p. I‑12447, punt 32).

34      F’dan il-każ, sabiex tapplika l-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li tnejn mill-ħames siltiet mill-paġni tal-internet meħuda inkunsiderazzjoni mill-eżaminatur, li għalihom jirreferi anki l-Bord tal-Appell fl-evalwazzjoni tiegħu tal-preċezzjoni tal-kelma “continental” mill-pubbliku rilevanti, huma paġni li l-isem tad-dominju tagħhom jintemm bl-ittri “.ch”, jiġifieri li jindirizzaw, qabelxejn, lill-pubbliku Svizzeru. Issa, sa fejn il-Konfederazzjoni Svizzera la hija membru tal-Unjoni u lanqas taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), għandha tiġi evalwata r-rilevanza ta’ dawn il-provi fl-analiżi tal-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Reoglament Nru 207/2009.

35      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li r-Regolament Nru 207/2009, filwaqt li huwa “test b’rilevanza għaż-ŻEE” jikkostitwixxi, skont il-premessa 2 tiegħu, strument intiż li jippromwovi żvilupp armonjuż tal-attivitajiet ekonomiċi “fil-Komunità kollha”, b’mod partikolari, bl-għajnuna ta’ trade marks li jippermettu lill-impriżi jidentifikaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom irrispettivament mill-fruntieri. Huwa jipprevedi sistema Komunitarja ta’ trade marks “[li jingħataw] l-istess livell ta’ protezzjoni u [j]kun[u] effettiv[i] bl-istess mod fil-Komunità kollha”.

36      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi li l-“paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trade mark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f’parti tal-Komunità”.

37      Għaldaqstant, peress li l-karattru eventwalment deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandu jiġi evalwat b’riferiment għall-pubbliku rilevanti fl-Unjoni, il-kunsiderazzjonijiet dwar il-provi li ġejjin minn Stat li ma huwiex membru fiha huma biss rilevanti sa fejn għandhom impatt dirett fuq il-perċezzjoni tal-imsemmi pubbliku.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tirrileva, l-ewwel nett, li anki l-konsumaturi tal-Unjoni għandhom aċċess għas-siti tal-internet li l-isem tad-dominju tagħhom itemm bl-ittri “.ch” imsemmija fil-punt 34 iktar ’il fuq, u dan, b’mod partikolari, waqt id-diversi riċerki permezz ta’ muturi ta’ tfittxija dwar ir-razez ta’ klieb jew, b’mod iktar partikolari, dwar il-“bulldog”. Għaldaqstant, tali siti tal-internet ma jistgħux jitqiesu bħala irrilevanti fl-evalwazzjoni ta’ kif il-pubbliku rilevanti jifhem is-sens tal-kelma li tikkostitwixxi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

39      Imbagħad, għandu jiġi rrilevat li fost is-siti tal-internet meħuda inkunsiderazzjoni mill-eżaminatur u, sussegwentement, mill-Bord tal-Appell, l-isem tad-dominju ta’ tlieta minnhom itemm bl-ittri “.de” u għalhekk jindirizzaw, qabelxejn, lill-pubbliku Ġermaniż. Analiżi ta’ dawn it-tliet siti tal-internet tippermetti li jiġi konkluż li huma essenzjalment jinkludu r-riferimenti rilevanti kollha msemmija fil-punti 29 sa 31 iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, li huma jindikaw li r-razza “continental bulldog” kienet diġà rrikonoxxuta fl-Isvizzera mis-SKG, li dwarha hemm ukoll ippreċiżat li hija membru tal-FCI. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell jirreferi wkoll, fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, għal silta minn paġna tal-internet tar-rikorrent li l-isem tad-dominju tagħha jtemm bl-ittri “.eu”, jiġifieri li tindirizza, b’mod partikolari, lill-pubbliku rilevanti kollu tal-Unjoni. Din tinkludi, essenzjalment, informazzjoni ddettaljata dwar il-karatteristiċi speċifiċi tal-klieb indikati bħala “continental bulldog”.

40      Għaldaqstant, kien ġust li l-Bord tal-Appell qies, fil-kuntest ta’ eżami rigoruż u komplut tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont is-sentenza Libertel, punt 32 iktar ’il fuq, li kemm fil-Ġermanja kif ukoll fil-kumplament tal-Unjoni, l-espressjoni “continental bulldog” setgħet tintuża, diġà fid-data tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, għall-inqas mill-parti tal-pubbliku rilevanti kkostitwit minn professjonisti, bħall-persuni li jrabbu l-klieb jew is-sidien ta’ ħwienet fejn jinbiegħu l-annimali, bħala waħda li tkopri razza ta’ klieb rikonoxxuta fl-Isvizzera.

41      Fil-fatt, f’dan ir-rigward għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell ogħla ta’ attenzjoni u ta’ għarfien xjentifiku u lingwistiku ta’ tali pubbliku. Dan tal-aħħar għandu jitqies bħala konxju mill-aħħar żviluppi fil-qasam tar-rikonoxximent ta’ razez ġodda ta’ klieb u ta’ proċeduri pendenti quddiem il-korpi kompetenti. Għandu wkoll jiġi enfasizzat li r-rikonoxximent “uffiċjali” tar-razza ta’ klieb fl-Isvizzera, li għaliha jirreferu wkoll is-siti tal-internet Ġermaniżi u Ewropej inkwistjoni, kien diġà seħħ fl-2004, jiġifieri ħames snin qabel id-data tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li s-siti tal-internet, li bbaża ruħu fuqhom il-Bord tal-Appell, iddisinjati bil-Ġermaniż u, uħud minnhom, ukoll bl-Ingliż, jinkludu dejjem ritratti ta’ klieb li jagħmlu parti mir-razza l-ġdida ta’ klieb, imqiegħda ħdejn l-isem ta’ din ir-razza, u dan jiffaċilita l-perċezzjoni tar-rabta bejn l-imsemmija klieb u l-espressjoni “continental bulldog”. Għaldaqstant huwa raġonevoli li jitqies li l-informazzjoni dwar l-eżistenza stess tar-razza “continental bulldog” kif ukoll dik li tirrigwarda l-attivitajiet tal-persuni li jrabbu l-klieb intiżi għal żvilupp kontinwu tat-trobbija tal-imsemmija klieb setgħet tinxtered b’mod wiesa’ fost il-gruppi ta’ professjonisti inkwistjoni.

42      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tqis li huma irrilevanti l-allegazzjonijiet tar-rikorrent li r-rikonoxximent tar-razza l-ġdida quddiem l-FCI ma kienx “fatt konkret” fid-data tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, li barra minn hekk ma kienx ġie stabbilit li applikazzjoni magħmula għal dan il-għan, fejn ikun il-każ, quddiem l-imsemmija federazzjoni kienet neċessarjament ser tirriżulta fir-rikonoxximent tagħha u, fl-aħħar nett, l-allegazzjoni li fi kwalunkwe każ, il-proċess li jwassal sabiex ikun hemm rikonoxximent definittiv ta’ razza seta’ jdum snin twal. Fil-fatt, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk ir-razza inkwistjoni hijiex irrikonoxxuta mill-FCI, il-punti ta’ fatt l-oħrajn li fuqhom ibbaża ruħu l-Bord tal-Appell, u b’mod partikolari, ir-rikonoxximent mis-SKG kif ukoll l-informazzjoni dwar id-deskrizzjoni ta’ karatteristiċi ta’ klieb “continental bulldog”, li tirriżulta mis-siti tal-internet iċċitatati, jikkostitwixxu f’dan il-każ, provi suffiċjenti sabiex tiġi sostnuta l-konklużjoni li mill-inqas parti mill-pubbliku rilevanti tipperċepixxi l-espressjoni “continental bulldog” bħala waħda li tirreferi għal razza ta’ klieb (ara l-punt 40 iktar ’il fuq).

43      Għal dak li jirrigwarda, sussegwentement, l-allegazzjoni tar-rikorrent li r-razza ta’ klieb hija koperta, fi kwalunkwe każ, mill-espressjoni kollha msemmija iktar ’il fuq u mhux biss mill-ewwel kelma tagħha, għandha tiġi eżaminata l-portata tagħha fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita fis-sens li l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal tista’ ssir biss, minn naħa, b’riferiment għall-perċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat u, min-naħa l-oħra, b’riferiment għall-prodotti jew għas-servizzi kkonċernati (ara l-punt 16 iktar ’il fuq).

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fl-eventwalità li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tiġi rreġistrata, il-pubbliku rilevanti ser jipperċepiha prinċipalment f’ċirkustanzi fejn hija tkopri jew il-prodotti “annimali ħajjin, jiġifieri klieb” jew is-servizzi ta’ “kustodja u tgħammir ta’ klieb, jiġifieri tal-ġriewi u ta’ annimali tat-tgħammirˮ. F’tali kuntest, għal pubbliku professjonist informat, magħmul minn esperti fil-qasam inkwistjoni li huma mdorrijin għas-sistemi ta’ rikonoxximent tar-razzez tal-klieb, it-terminu “continental” huwa pperċepit direttament u mingħajr ebda riflessjoni bħala riferiment għar-razza “continental bulldog”, jiġifieri bħala deskrizzjoni tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni jew tal-karatteristiċi tagħhom. Għandu wkoll jiġi kkonstatat li, anki ċerti persuni li jħobbu l-annimali jifhmu l-kelma “continental” f’dan is-sens, b’mod partikolari meta jkunu qed ifittxu s-servizzi ta’ kustodja għall-kelb tagħhom ta’ din l-istess razza jew meta jkollhom l-intenzjoni li jixtru “bulldog”. Fil-fatt, kif ikkonstata l-Bord tal-Appell fil-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa raġonevoli li jitqies li l-persuni li jħobbu l-klieb jew ix-xerrejja potenzjali tal-klieb ġeneralment ikunu jafu l-klieb li jkunu jixtiequ jakkwistaw.

45      Lanqas ma jista’ jitqies li ġie pprovat, bil-kontra ta’ dak li jsostni r-rikorrent, li l-pubbliku rilevanti ma jifhimx, mingħajr indikazzjoni tal-“ġeneru”, liema huma r-razez ta’ klieb meta jinsab quddiem espressjonijiet bħal “jack russel terrier”, “airedale terrier”, “cocker spaniel” jew, f’dan il-każ, “continental bulldog”. Fil-fatt, iċ-ċirkustanzi msemmija hawn fuq, li fihom l-espressjonijiet u t-termini “jack russel”, “airedale”, “cocker” jew “continental” huma pperċepiti, jiffaċilitaw manifestament, għall-imsemmi pubbiku, l-istabbiliment ta’ rabta suffiċjentement dirett bejn dawn it-termini u r-razzez ta’ klieb inkwistjoni.

46      Għandu jingħad ukoll li, minkejja li l-kelma “continental” għandha diversi tifsiriet, bħal dawk imfakkra fil-punt 21 iktar ’il fuq, dan il-fatt ma jistax jitqies li jagħmilha impossibbli jew iktar diffiċli, għall-pubbliku rilevanti, li jagħmel rabta bejn waħda mit-tifsiriet potenzjali tal-imsemmija kelma u l-indikazzjoni tar-razza inkwistjoni, “continental bulldog”. B’mod partikolari, peress li mis-siltiet mill-paġni tal-internet iċċitati fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-razza l-ġdida kienet imsemmija b’dan il-mod preċiżament sabiex tiġi distinta mir-razza magħrufa sew “English bulldog”, għall-inqas parti mill-pubbliku kkostitwit mill-professjonisti, li l-għarfien tajjeb tagħha tal-qasam inkwistjoni kif ukoll l-għarfien lingwistiku tagħha għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, tista’ tipperċepixxi dan il-kunflitt ta’ terminoloġija bejn “continental” u “English” (Ingliż) u tgħaraf iktar faċilment riferiment għar-razza l-ġdida ta’ klieb fil-kelma li tikkostitwixxi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni intiża sabiex tindika klieb jew servizzi ta’ kustodja tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu wkoll jiġi miċħud bħala rrilevanti l-argument tar-rikorrent li l-Bord tal-Appell ma applikax b’mod korrett il-ġerarkija tal-kunċetti li jindikaw l-annimali, l-ispeċje tagħhom, il-ġenere u r-razez tagħhom jew li assimilhom.

47      Lanqas ma tista’ titqies bħala fondata l-allegazzjoni tar-rikorrent li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi billi xebbah iċ-ċirkustanzi tad-determinazzjoni ta’ isem ġdid ta’ razza ta’ klieb, minn naħa, mal-indikazzjoni ta’ varjetà ta’ pjanta, min-naħa l-oħra, billi r-rikorrent isostni b’mod partikolari li s-sistema ta’ rikonoxximent tar-razez ta’ klieb li jipparteċipaw fiha jew li għandhom l-intenzjoni li jipparteċipaw fiha l-persuni li jrabbu l-klieb li ġejjin mill-post fejn jitrabbew il-“continental bulldog” taqa’ fil-fatt taħt atti ta’ assoċjazzjonijiet privati li ma għandhom ebda effett legali vinkolanti, fl-assenza ta’ kwalunkwe sistema ta’ protezzjoni jew ta’ rikonoxximent previst mil-leġiżlatur nazzjonali jew Ewropew.

48      Fil-fatt, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-analoġiji eventwali li jeżistu bejn is-sistema ta’ protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti u l-każ preżenti, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mill-allegazzjonijiet tar-rikorrent u mid-dokumenti ta’ sostenn li bbaża ruħu fuqhom il-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li kemm uħud mill-federazzjonijiet nazzjonali jew internazzjonali tal-klieb, bħas-SKG jew l-FCI, kif ukoll ir-razez ta’ klieb irrikonoxxuti minn dawn il-korpi huma rrispettati minn numru ta’ persuni li jrabbu l-klieb, professjonisti jew dilettanti.

49      F’dan ir-rigward, minn naħa, ir-rikorrent innifsu jirreferi fir-rikors għal diversi razez rikonoxxuti mill-imsemmija korpi. Min-naħa l-oħra, il-paġni tal-internet li jibbaża ruħu fuqhom il-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata jippermettu, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li jiġi kkonstatat li l-persuni li jrabbu l-klieb “continental bulldog” taw ċertu importanza lir-rikonoxximent ta’ din ir-razza mill-korpi ċċitati sal-punt fejn, l-ewwel nett, huma rreferew għar-rikonoxximent mis-SKG billi sejħulu bħala “uffiċjali”, it-tieni nett, enfasizzaw il-fatt li dan il-korp kien membru tal-FCI, it-tielet nett, invokaw ċerti testijiet tal-kapaċità ta’ riproduzzjoni mwettqa quddiem “ġudikatur tal-‘FCI.’”, jiġifieri N., sabiex kelb ikun jista’ jitqies bħala jaqa’ taħt ir-razza inkwistjoni u, fl-aħħar nett, huma taw importanza “mhux insinjifikattiva” li r-rikonoxximent tar-razza ta’ klieb min-naħa tal-FCI jippreżenta.

50      Fl-istess sens, għandu wkoll jiġi enfasizzat, bħala elementi addizzjonali li jindikaw li l-proċeduri ta’ rikonoxximent tar-razez ta’ klieb mill-federazzjonijiet tal-klieb huma meqjusa, mill-pubbliku rilevanti, jew bħala uffiċjali jew bħala uffiċjali biżżejjed sabiex jagħtuhom valur reali, li l-Qorti Ġenerali ma tistax tinjora fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, id-diversi riferimenti tar-rikorrent għad-“diffikultajiet” marbuta mal-proċedura ta’ rikonoxximent, min-naħa tal-FCI, ta’ razza li għandha tassanomija suffiċjentement stabbli, kif ukoll għat-tul ta’ żmien li jista’ jkun hemm qabel ma talba għal dan il-għan tirnexxi. Fil-fatt, dawn ir-riferimenti juru l-importanza mogħtija lill-imsemmija proċeduri.

51      F’tali ċirkustanzi, ikun purament artifiċjali li jiġu evalwati l-effetti tar-rikonoxximent ta’ razza ta’ klieb minn korpi bħas-SKG jew l-FCI biss fid-dawl ta’ eventwali effetti legali “vinkolanti” li jagħtuhom id-diversi drittijiet nazzjonali jew id-dritt Ewropew, bħalma jidher li jipproponi r-rikorrent mingħajr, madankollu, ma tintwera f’dan il-każ, l-assenza ta’ tali effetti legali. Bil-kontra, huwa l-obbligu tal-Bord tal-Appell u, fil-każ ta’ appell mid-deċiżjoni tiegħu, tal-Qorti Ġenerali, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 16 iktar ’il fuq, li jevalwa liema hija l-perċezzjoni reali tal-pubbliku kkonċernat, tal-kelma “continental” li għaliha saret l-applikazzjoni bħala trade mark, filwaqt li tali analiżi teħtieġ l-evalwazzjoni tal-elementi rilevanti kollha f’dan ir-rigward, u dan jista’ jinkludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ sitwazzjonijiet fejn din il-perċezzjoni hija influwenzata mill-fatt li l-imsemmi pubbliku jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi jew l-informazzjoni anki mhux uffiċjali, mingħajr ma jinkwieta dwar l-effett tagħhom fid-dritt. F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi enfasizzat li, b’mod partikolari fis-settur volontarju jew f’dak tal-passatempi u tal-isports, ma hijiex xi ħaġa mhux tas-soltu li atti ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi jingħataw rikonoxximent. Issa, f’dan il-każ, l-elementi mfakkra fiż-żewġ punti preċedenti, kif ukoll fil-punt 26 iktar ’il fuq, huma biżżejjed sabiex jintwera li l-atti tad-diversi federazzjonijet tal-klieb inkwistjoni bħal dawk li jikkonċernaw ir-rikonoxximent ta’ razez ta’ klieb, jista’ jkollhom effetti reali fuq il-perċezzjoni tas-settur ikkonċernat mill-pubbliku rilevanti.

52      Għaldaqstant, għandu jiġi ammess li, ladarba l-proċess ta’ rikonoxximent ta’ razza ta’ klieb minn federazzjoni waħda jew minn diversi federazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jintemm, l-isem ta’ din ir-razza jindika, b’mod ġeneriku, il-klieb li jagħmlu parti minnha, għall-inqas f’għajnejn parti mill-pubbliku rilevanti.

53      Fid-dawl ta’ dak li ntqal u tas-sentenza UASI vs Wrigley, punt 33 iktar ’il fuq, li tipprovdi li huwa biżżejjed li sinjali verbali jindika karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati, għall-inqas f’waħda mit-tifsiriet potenzjali tiegħu, sabiex tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, għandu jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell ma wettaq ebda żball meta kkonstata li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ikkostitwita mill-kelma “continental” hija mifhuma direttament mill-pubbliku rilevanti bħala deskrizzjoni ta’ razza ta’ bulldogs jew, għal dak li jikkonċerna s-servizzi msemmija, bħala speċifikazzjoni fis-sens li jirrigwardaw klieb ta’ din l-istess razza.

54      L-allegazzjonijet l-oħrajn tar-rikorrent ma jistgħux jikkonfutaw din il-konklużjoni.

55      Fl-ewwel lok, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, għandhom jiġu miċħuda bħala irrilevanti, l-ewwel nett, l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq il-fatt li l-leġiżlatur kellu preċiżament l-intenzjoni li jippermetti lill-proprjetarji ta’ trade marks irreġistrati li jipproteġu favorihom l-indikazzjonijiet ta’ oriġini, it-tieni nett, l-argument li jipprovdi li l-leġiżlatur kien ippreveda espressament li l-“annimali ħajjin” igawdu minn protezzjoni mogħtija minn trade mark u, it-tielet nett, l-argument ibbażat fuq il-fatt li trade mark irreġistrata li tipproteġi annimal tista’ tintuża biss, skont id-dritt, sabiex tkopri l-annimali li jkunu ġejjin mir-razza li tkun is-suġġett tal-imsemmija protezzjoni u li huwa stess kellu l-intenzjoni li jżomm it-tgħammir tal-klieb “bejn razez relatati”.

56      Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-premessa 7 tal-imsemmi regolament, jikkostitwixxi preċiżament eċċezzjoni prevista mil-leġiżlatur bl-għan intiż mill-imsemmi regolament, li huwa, partikolarment fid-dawl tal-premessi 2, 3 u 8 tiegħu, dak li jippermetti lill-impriżi u lill-proprjetarji l-oħrajn jidentifikaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom permezz ta’ trade mark Komunitarja u li jiġi ggarantit għalhekk, b’mod partikolari, l-oriġini tagħhom.

57      It-tieni nett, minkejja li ma jistax jiġi eskluż, b’mod ġenerali, li l-“annimali ħajjin” jistgħu effettivament, taħt ċerti kundizzjonijiet, jingħataw protezzjoni permezz ta’ trade mark Komunitarja, liema fatt barra minn hekk lanqas ma ġie kkontestat mill-UASI, xorta jibqa’ l-fatt li l-kwistjoni li tqum, f’dan il-każ, hija biss dik dwar jekk il-Bord tal-Appell ċaħadx b’mod ġust applikazzjoni għal reġistrazzjoni li tirrigwarda terminu li jindika razza eżistenti ta’ klieb. Madankollu, kif ġie evalwat fil-punti 20 sa 53 iktar ’il fuq, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ li jikkonsistu, b’mod partikolari, f’dak li r-razza ta’ klieb inkwistjoni diġà ġiet rikonoxxuta fl-Isvizzera fl-2004 u f’li mid-diversi siti tal-internet iċċitati fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-klieb “continental bulldog” huma ppreżentati lill-pubbliku rilevanti bħala li jikkostitwixxu razza fiha nnifisha, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball billi kkonkluda li l-kelma “continental” għandha karattru deskrittiv għall-prodotti u għas-servizzi inkwistjoni.

58      It-tielet nett, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrent, li l-post tiegħu fejn irabbi l-klieb ser jibqa’ jipprattika tgħammir “bejn razez relatati”, bil-konsegwenza li l-klieb li għandhom pedigree li jikkonferma li ġejjin mill-imsemmi post ta’ trobbija biss ikollhom id-dritt li jkunu koperti mit-trade mark Komunitarja ladarba din tkun irreġistrata, għandu jiġi kkonstatat li din ma tistax tipprevali fuq il-konsegwenzi kkonstatati mill-Bord tal-Appell mill-fatt li r-razza ta’ klieb inkwistjoni ġiet rikonoxxuta mis-SKG, u li diversi siti tal-internet kienu jirreferu għall-klieb msejjħa “continental bulldog” bħala klieb li jagħmlu parti minn razza ġdida. Dawn l-elementi jippermettu, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li jiġi konkluż li għall-inqas parti mill-pubbliku rilevanti kienet tipperċepixxi rabta diretta bejn l-espressjoni msemmija iktar ’il fuq u r-razza ta’ klieb inkwistjoni, indipendentement minn jekk il-post tar-rikorrent ta’ trobbija tal-klieb jipprattikax “tgħammir bejn razez relatatiˮ.

59      Barra minn hekk, sa fejn id-deċiżjoni li post ta’ trobbija tal-klieb jipprattikax “tgħammir bejn razez relatatiˮ jew le tibqa’ deċiżjoni tal-persuni li jrabbu l-klieb stess, din is-sitwazzjoni toqrob għal dik dwar il-kundizzjonijiet partikolari ta’ kummerċjalizzazzjoni li, skont il-ġurisprudenza stabbilita, ma tistax titqies bħala rilevanti fid-dritt tat-trade marks, peress li huma jistqgħu jvarjaw ratione temporis u skont ir-rieda tal-proprjetarji ta’ dawn it-trade marks [ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Settembru 2009, Phildar vs UASI – Commercial Jacinto Parera (FILDOR), T‑99/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 68, u l-ġurisprudenza ċċitata].

60      Minkejja li din il-ġurisprudenza ġiet adottata fil-kuntest ta’ proċeduri li jirrigwardaw ir-raġunijiet relattivi għal rifjut, hija tapplika, b’analoġija, fil-kuntest tar-raġunijiet assoluti ta’ rifjut. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq ġiet adottata fuq il-prinċipju li l-eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni li l-istanzi tal-UASI huma msejħa jwettqu fil-kuntest tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa eżami “prospettiv” li għandu għan ta’ interess ġenerali, jiġifieri dak li l-pubbliku rilevanti ma jistax ikun espost għar-riskju li jiġi żgwidat fir-rigward tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti inkwistjoni. Għaldaqstant, dan l-eżami ma jistax jiddependi fuq l-intenzjonijiet kummerċjali, imwettqa jew le, u li min-natura tagħhom huma suġġettivi, tal-proprjetarji tat-trade marks [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Jannar 2006, Devinlec vs UASI – TIME ART (QUANTUM), T‑147/03, Ġabra p. II‑11, punt 104].

61      L-interess ġenerali tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 li jeżiġi li l-indikazzjonijiet jew is-sinjali li jiddeskrivu l-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, ikunu jistgħu jintużaw liberament minn kullħadd (ara l-punt 13 iktar ’il fuq), jagħti wkoll lok għal eżami prospettiv, li jirrigwarda l-imsemmi karattru deskrittiv tal-indikazzjonijiet jew tas-sinjali li għalihom saret l-applikazzjoni għal trade mark, bħalma jirriżulta mis-sentenza UASI vs Wrigley, punt 33 iktar ’il fuq. Għandu jiġi kkonstatat li tali eżami lanqas ma jista’ jiddependi fuq l-intenzjonijiet kummerċjali, li min-natura tagħhom huma suġġettivi, tal-applikanti tat-trade marks, bħall-intenzjoni tar-rikorrent li jipprattika “tgħammir bejn razez relatatiˮ fil-post tiegħu ta’ trobbija tal-klieb.

62      F’dan l-istess kuntest, għandu jiġi miċħud bħala infondat l-argument tar-rikorrent li jipprvodi li, anki jekk jiġi preżunt li teżisti ħtieġa ta’ disponibbiltà tal-kunċett ta’ “continental”, kulħadd jibqa’ liberu li juża l-imsemmi terminu sabiex jindika kelb bħala wieħed “continental bulldog”, sakemm dan il-kelb ikun jagħmel effettivament parti minn din ir-razza, jiġifieri sakemm ikun kelb li għandu pedigree li jikkonferma li ġej mill-post ta’ trobbija tal-klieb li jipprattika “tgħammir bejn razez relatatiˮ inkwistjoni. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tippermetti lir-rikorrent, anki jekk ir-razza ta’ klieb inkwistjoni tkun rikonoxxuta minn korp jew diversi korpi kompetenti, jgawdi mid-drittijiet esklużivi li r-Regolament Nru 207/2009 jagħti u, b’mod partikolari, l-Artikoli 9 et seq. tiegħu, li jistgħu jiġu invokati kontra terzi li jkollhom il-ħsieb li jużaw, mingħajr il-kunsens tiegħu, l-imsemmija trade mark Komunitarja fil-kors tal-kummerċ.

63      Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-allegazzjoni tar-rikorrent li tipprovdi li kwalunkwe użu, qabel ir-reġistrazzjoni, ta’ sinjal li saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark Komunitarja la jista’ jipprekludi din ir-reġistrazzjoni u lanqas ikun il-bażi, b’mod partikolari fil-futur, ta’ karattru deskrittiv tal-imsemmi sinjal, din għandha wkoll tiġi miċħuda. Fil-fatt, l-evalwazzjoni tal-impatt li jista’ jkollhom elementi preċedenti għall-applikazzjoni għal trade mark, sew jekk jirrigwardaw ir-reġistrazzjonijiet nazzjonali preċedenti jew elementi oħrajn, fuq l-evalwazzjoni tan-natura reġistrabbli ta’ trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal dak li jirrigwarda r-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009, tiddependi miċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ ineżami [ara, b’analoġija, is-senteza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2008, Adobe vs UASI (FLEX), T‑158/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Issa, f’dan il-każ, bil-kontra tal-allegazzjoni tar-rikorrent, din ma hijiex applikazzjoni, mill-Bord tal-Appell, ta’ raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni ġdida, mhux prevista mid-dritt Komunitarja tat-trade marks, iżda huwa biss teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi rilevanti kollha sabiex tiġi evalwata liema kienet il-perċezzjoni tas-sinjal inkwistjoni mill-pubbliku rilevanti fid-data tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

64      Fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda l-allegazzjoni tar-rikorrent li tipprovdi li huwa ma xtaqx jirreġistra trade mark intiża li tipproteġi razza eżistenti, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-punti 40 u 41 iktar ’il fuq, fejn ġie kkonstatat li, diġà fid-data tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, uħud mill-konsumaturi rilevanti kienu jipperċepixxu l-espressjoni “continental bulldog” u sussegwentement it-terminu “continental” użat fil-kuntest tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni bħala riferiment għar-razza l-ġdida ta’ klieb.

65      Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, għal dak li jirrigwarda l-allegazzjoni tar-rikorrent li tipprovdi li fil-passat l-UASI kien segwa prattika oħra ta’ reġistrazzjoni u, b’mod partikolari, kien diġà rreġistra trade mark Komunitarja għar-razza ta’ klieb “elo”, għandu jiġi osservat li huwa minnu li l-UASI huwa obbligat jeżerċita l-kompetenzi tiegħu skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ prinċipji tal-aħħar, l-UASI għandu, fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet diġà meħuda fil-konfront ta’ applikazzjonijiet simili u jistħarreġ b’attenzjoni partikolari l-punt dwar jekk hemmx lok jew le li jiddeċiedi fl-istess sens (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, Ġabra p. I‑1541, punti 73 u 74).

66      Fid-dawl ta’ dan, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba għandhom jiġu rrikonċiljati mal-osservanza tal-legalità. Għaldaqstant, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, l-eżami ta’ kull applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandu jkun rigoruż u komplet bil-għan li jiġi evitat li trade marks jiġu rreġistrati b’mod illeġittimu. Dan l-eżami għandu jsir f’kull każ konkret. Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja tiddependi minn kriterji speċifiċi, applikabbli fil-kuntest ta’ ċirkustanzi fattwali tal-każ ineżami, maħsuba sabiex jiġi vverifikat jekk is-sinjal inkwistjoni jaqax taħt xi wieħed mir-raġunijiet għal rifjut (ara s-sentenza Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, punt 65 iktar ’il fuq, punti 75 u 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Issa, bil-kontra ta’ dak li kien il-każ hawnhekk, la ntwera li, fil-kawża ċċitata mir-rikorrent, ir-razza “elo” ġiet irrokonoxxuta mis-SKG jew minn assoċjazzjoni oħra tal-klieb paragunabbli, u lanqas li l-konsumatur rilevanti ġie mgħarraf biha bħala razza ġdida ta’ klieb fiha nnifisha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrent ma jistax jibbaża ruħu, b’mod validu, fuq id-deċiżjoni preċedenti tal-UASI msemmija iktar ’il fuq, li tirrigwarda, barra minn hekk, applikazzjoni għal trade mark differenti, sabiex juri l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata.

68      Għandhom ukoll jiġu miċħuda bħala irrilevanti r-riferimenti tar-rikorrent għal trade marks oħra li jinkludu l-kelma “continental” jew li huma kkostitwiti minn dik il-kelma biss, li huwa ppreżenta siltiet minnhom fl-anness tar-rikors, u dan, b’mod partikolari, sa fejn huma jirrigwardaw prodotti u servizzi li ma humiex dawk inkwistjoni f’dan il-każ, jew anki, għal uħud minnhom, minħabba l-fatt li huma figurattivi u għaldaqstant mhux paragunabbli mal-każ ineżami.

69      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball billi kkunsidra li l-kelma “continental” kienet tiddiskrivi l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni, fis-sens tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009.

70      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv

71      Peress li mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li huwa biżżejjed li tapplika waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut elenkati fih sabiex is-sinjal ma jkunx jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Ġunju 2011, ReValue Immobilienberatung vs UASI (ReValue), T‑487/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata], ma għadx hemm lok li jiġi eżaminat, f’dan il-każ, it-tieni motiv invokat mir-rikorrent, ibbażat fuq il-ksur tal‑Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament.

72      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, trade mark li tiddeskrivi l-karatteristiċi ta’ prodotti jew ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 hija, minħabba f’hekk, neċessarjament nieqsa minn karattru distintiv fir-rigward ta’ dawn l-istess prodotti jew servizzi, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tal-istess regolament (ara s-sentenza ReValue, punt 71 iktar ’il fuq, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, ma jistax, fi kwalunkwe każ, jiġi milqugħ.

74      Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

75      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Continental bulldog Club Deutschland eV huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Forwood

Dehousse

Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ April 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.