Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale della Campania (l-Italja) fil-25 ta’ Settembru 2023 – Scai Srl vs Regione Campania

(Kawża C-588/23, Scai)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale Amministrativo Regionale della Campania

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Scai Srl

Konvenut: Regione Campania

Domandi preliminari

L-Artikoli 108 TFUE, 288 TFUE u l-Artikoli 16 u 31 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (kodifikazzjoni) 1 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 48 tal-Liġi Nru 234 tal-24 ta’ Diċembru 2012 li tippermetti lill-awtorità nazzjonali, fil-fażi eżekuttiva ta’ deċiżjoni ta’ rkupru, testendi l-perimetru ta’ dawk obbligati li jħallsu lura għajnuna illegali, permezz ta’ evalwazzjoni tal-kontinwità ekonomika bejn l-impriżi, mingħajr ma tipprekludi din is-setgħa meta l-Kummissjoni tkun diġà identifikat ir-riċevituri diretti, u b’hekk teskludi l-kompetenza tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat?

L-Artikoli 263 TFUE, 288 TFUE, 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Artikoli 16 u 31 tar-Regolament (UE) 2015/1589 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 48 tal-Liġi Nru 234 tal-24 ta’ Diċembru 2012, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, fil-parti fejn, billi jipprevedi li l-Istat, meta jeżegwixxi deċiżjoni ta’ rkupru, jidentifika jekk ikun il-każ lill-persuni obbligati li jirrimborsaw l-għajnuna, jippermetti l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni wkoll fil-konfront ta’ persuna awtonoma, li ma hijiex waħda mid-destinatarji tad-deċiżjoni, li ma ħaditx sehem fil-proċeduri quddiem il-Kummissjoni, ma kellhiex il-garanziji tal-kontradittorju u, konsegwentement, ma għandhiex id-dritt li tikkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni?

____________

1     ĠU 2015, L 248, p. 9.