Language of document : ECLI:EU:F:2013:185

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

21 ta’ Novembru 2013

Kawża F‑122/12

Bruno Arguelles Arias

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal bil-kuntratt — Kuntratt għal żmien indeterminat — Rexissjoni — Pożizzjoni okkupata li teħtieġ approvazzjoni tas-sigurtà — Approvazzjoni rrifjutata mill-awtorità nazzjonali ta’ sigurtà — Deċiżjoni mibdula mill-korp tal-appell — Konklużjonijiet tal-awtorità nazzjonali ta’ sigurtà u tal-korp tal-appell ma jorbtux lill-ASTK”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li japplika għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu B. Arguelles Arias talab, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ (iktar ’il quddiem l-“ASTK”) tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tat-12 ta’ Jannar 2012, ikkomunikata fis-16 ta’ Jannar 2012, li tirrexxindi l-kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt tiegħu b’effett mill-31 ta’ Mejju 2012, kif ukoll il-kumpens għad-danni materjali u morali allegatament subiti, stmati rispettivament u provviżorjament fl-ammonti ta’ EUR 160 181.85 u EUR 25 000.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. B. Arguelles Arias għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Impjieg li jeħtieġ approvazzjoni tas-sigurtà tal-persunal tal-Unjoni — Proċedura ta’ approvazzjoni tas-sigurtà tal-persunal tal-Unjoni — Investigazzjoni ta’ sigurtà mmexxija mill-awtoritajiet nazzjonali — Natura vinkolanti tal-konklużjonijiet tal-awtorità nazzjonali ta’ sigurtà u tal-korp tal-appell — Assenza

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292, Artikolu 15(2), Anness I, appendiċi A)

3.      Uffiċjali — Impjieg li jeħtieġ approvazzjoni tas-sigurtà tal-persunal tal-Unjoni — Proċedura ta’ approvazzjoni tas-sigurtà tal-persunal tal-Unjoni — Kriterji ta’ aċċess għall-informazzjoni kklassifikata tal-Unjoni

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292, Anness I)

4.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Rispett fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi — Portata

1.      Meta d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tkun tinkludi eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti, skont punti ġodda ta’ liġi u ta’ fatt, jew meta din temenda jew tikkompleta deċiżjoni inizjali, iċ-ċaħda tal-ilment tikkostitwixxi att suġġett għall-istħarriġ tal-qorti, li teħodha inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-att ikkontestat, jew ukoll tikkunsidraha bħala att li jikkawża preġudizzju li jissostitwixxi dan tal-aħħar.

(ara l-punt 38)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il‑Kummissjoni, T‑325/09 P, punt 32

2.      Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill huwa l-awtorità ta’ sigurtà tas-Segretarjat Ġenerali u huwa biss li għandu s-setgħa li jiddeċiedi dwar l-għoti jew ir-rifjut ta’ approvazzjoni ta’ sigurtà tal-persunal tal-Unjoni lill-membri tal-persunal tas-Segretarjat Ġenerali.

F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sigurtà jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li huma responsabbli biex jiżguraw li jitwettqu investigazzjonijiet ta’ sigurtà fuq iċ-ċittadini tagħhom, peress li l-imsemmija awtoritajiet jinsabu f’pożizzjoni aħjar mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill sabiex jaċċedu għall-informazzjoni fl-Istati Membri differenti.

Madankollu, l-Awtorità ta’ Ħatra, jew l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ fir-rigward ta’ impjegati oħra, tas-Segretarjat Ġenerali ma hijiex marbuta bil-konklużjonijiet tal-investigazzjoni ta’ sigurtà mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali, anki jekk ikunu konklużjonijiet ta’ korp tal-appell, u li, anki fejn ir-riżultat huwa favorevoli għall-persuna kkonċernata, hija ma hijiex obbligata tagħtih approvazzjoni ta’ sigurtà tal-persunal tal-Unjoni u tirriżerva l-fakultà li tirrifjutaha.

(ara l-punti 53 sa 59)

3.      Il-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ sigurtà tfittex li tiddetermina jekk individwu, fid-dawl tal-lealtà, l-integrità u l-affidabbiltà tiegħu, jistax ikun awtorizzat li jaċċedi għal informazzjoni kklassifikata tal-Unjoni. Il-lista ta’ kriterji ta’ investigazzjoni, li jinsabu fil-punt 8 tat-Titolu III tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/292 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kklassifikata tal-UE, ma hijiex eżawrjenti. Barra minn hekk, mal-kriterji elenkati fl-imsemmi punt 8(a) sa (k), jiżdiedu skont il-punti 9 u 10 rispettivament, il-passat finanzjarju u mediku tal-persuna kkonċernata u l-personalità, il-kondotta u s-sitwazzjoni maritali, tal-koabitant jew ta’ membru mill-qrib tal-familja, li jistgħu wkoll ikunu kriterji li jiġu kkunsidrati.

(ara l-punt 68)

4.      L-osservanza tad-drittijiet tad-difiża huwa, fil-proċeduri kollha mibdija kontra persuna u li jistgħu jirriżultaw f’att li jikkawża preġudizzju lil dik il-persuna, prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u għandu jkun iggarantit anki fl-assenza ta’ kwalunkwe regoli li jirregolaw il-proċeduri inkwistjoni. Dan il-prinċipju, li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba, jimponi li l-persuna kkonċernata titpoġġa f’pożizzjoni li twassal b’mod utli l-perspettiva tagħha fir-rigward ta’ elementi li jistgħu jitressqu kontriha fl-att inkwistjoni.

Fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ rexissjoni ta’ kuntratt għal żmien indeterminat ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt, anki jekk l-amministrazzjoni ma torganizzax laqgħa bejn l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ u l-membru tal-persunal bil-kuntratt maħsuba esklużivament sabiex tiġbor l-osservazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar rigward ir-rexissjoni tal-kuntratt tiegħu u qabel ma tiġi adottata tali deċiżjoni, iċ-ċirkustanzi madwar l-adozzjoni u l-komunikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni kif ukoll il-proċedura segwita mill-amministrazzjoni sabiex tirrispondi għall-ilment, waqt liema eżami din id-deċiżjoni tiġi eżaminata mill-ġdid mill-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ fid-dawl tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt ġodda, jistgħu jpoġġu lill-membru tal-persunal bil-kuntratt f’pożizzjoni li jressaq b’mod utli l-perspettiva tiegħu dwar l-elementi li dwarhom kien qed jinżamm responsabbli.

(ara l-punti 91 u 99)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Marzu 2005, Vlachaki vs Il‑Kummissjoni, T‑277/03, punt 64