Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Bulgarija) fil-31 ta’ Marzu 2021 – Proċeduri kriminali kontra B.C.

(Kawża C-205/21)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Spetsializiran nakazatelen sad

Proċeduri kriminali mressqa minn:

Ministerstvo na vatreshnite raboti, Glavna direktsia za borba s organiziranata prestapnost

Proċeduri kriminali mressqa kontra:

B.C.

Domandi preliminari

L-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI 1 , huwa implimentat b’mod validu permezz tar-riferiment fid-dritt nazzjonali, fl-Artikolu 25(3) u fl-Artikolu 25a taż-Zakon za ministerstvo na vatrishnite raboti (il-Liġi dwar il-Ministeru għall-Affarijiet Interni), għad-dispożizzjoni simili li tinsab fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) 2 ?

Ir-rekwiżit previst fl-Artikolu 10(a) tad-Direttiva 2016/680, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 52 kif ukoll mal-Artikoli 3 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea dwar ir-restrizzjoni prevista fil-liġi għall-integrità tal-persuna u għall-protezzjoni tad-data personali, ikun issodisfatt fil-każ ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali kunfliġġenti dwar l-ammissibbiltà tal-ipproċessar ta’ data ġenetika u bijometrika għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni mal-pulizija?

Hija konformi mal-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 2016/680, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, leġiżlazzjoni nazzjonali, f’dan il-każ l-Artikolu 68(4) tal-Liġi dwar il-Ministeru għall-Affarijiet Interni, li tipprovdi li l-qorti hija obbligata tordna l-ġbir obbligatorju ta’ data personali (ritratti, marki tas-swaba’ u kampjun ta’ DNA), fil-każ li l-persuna mixlija b’reat intenzjonat ta’ natura ġenerali tirrifjuta li tikkoopera volontarjament fil-ġbir ta’ din id-data personali, mingħajr ma l-qorti tista’ tevalwa jekk hemmx bażi serja sabiex wieħed jaħseb li din il-persuna wettqet ir-reat li bih hija mixlija?

Hija konformi mal-Artikolu 10, mal-Artikolu 4(1)(a) u (c), mal-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva 2016/680 leġiżlazzjoni nazzjonali, f’dan il-każ l-Artikolu 68(1) sa (3) tal-Liġi dwar il-Ministeru għall-Affarijiet Interni, li tipprevedi bħala regola ġenerali t-teħid ta’ ritratti, it-teħid tal-marki tas-swaba’ u t-teħid ta’ kampjun tad-DNA fir-rigward tal-persuni kollha mixlija b’reat intenzjonat ta’ natura ġenerali?

____________

1     ĠU 2016, L 119, p. 89, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6.

2     ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2.