Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-12 ta’ Settembru 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Landgericht Berlin – il-Ġermanja) – VG Media Gesellschaft zur Verwertung der Urheber- und Leistungsschutzrechte von Medienunternehmen mbH vs Google LLC, aventi kawża ta’ Google Inc.

(Kawża C-299/17) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika industrijali – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 98/34/KE – Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi kif ukoll tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Artikolu 1(11) – Kunċett ta’ “regolament tekniku”)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Berlin

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: VG Media Gesellschaft zur Verwertung der Urheber- und Leistungsschutzrechte von Medienunternehmen mbH

Konvenuta: Google LLC, aventi kawża ta’ Google Inc.

Dispożittiv

L-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 1998, għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi unikament lill-operaturi kummerċjali ta’ magni ta’ tiftix u lill-fornituri kummerċjali ta’ servizzi li jimmodifikaw kontenut b’mod simili milli jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku prodotti tal-istampa, totalment jew parzjalment (bl-eċċezzjoni ta’ kliem iżolat jew estratti qosra ħafna ta’ test), tikkostitwixxi “regolament tekniku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li l-abbozz tiegħu għandu jkun suġġett għal komunikazzjoni minn qabel lill-Kummissjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34, kif emendata bid-Direttiva 98/48.

____________

1     ĠU C 309, 18.09.2017.