Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal d’arrondissement (il-Lussemburgu) fit-13 ta’ Novembru 2020 – Sovim SA vs Luxembourg Business Registers

(Kawża C-601/20)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal d’arrondissement

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Sovim SA

Konvenuti: Luxembourg Business Registers

Domandi preliminari

L-ewwel domanda

L-Artikolu 1(15)(c) tad-Direttiva (UE) 2018/843 1 , li jemenda l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu […] 2 , fis-sens li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jagħtu l-informazzjoni fuq is-sjieda benefiċjarja aċċessibbli fil-każijiet kollha minn kwalunkwe membru tal-pubbliku ġenerali mingħajr ġustifikazzjoni ta’ interess leġittimu, huwa validu

a.    fid-dawl tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), interpretat skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet indikati b’mod partikolari fil-premessi 30 u 31 tad-Direttiva 2018/843 li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; u

b.    fid-dawl tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali ggarantit mill-Artikolu 8 tal-Karta sa fejn huwa intiż b’mod partikolari jiżgura l-ipproċessar ta’ data personali b’mod legali, ġust u trasparenti fir-rigward tal-persuna kkonċernata, li jiġu llimitati l-għanijiet tal-ġbir u tal-ipproċessar u li tiġi mminimizzata d-data?

It-tieni domanda

1. L-Artikolu 1(15)(g) tad-Direttiva 2018/843 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali, li għalihom dan jirreferi, li fihom l-Istati Membri jistgħu jipprevedu derogi mill-aċċess għall-informazzjoni kollha jew parti minnha fuq is-sjieda benefiċjarja, meta l-aċċess tal-pubbliku ġenerali jesponi lis-sid benefiċjarju għal riskju sproporzjonat ta’ frodi, ħtif, rikatti, estorsjoni, fastidju, vjolenza jew intimidazzjoni, jeżistu biss meta tiġi prodotta prova ta’ riskju sproporzjonat, riskju ta’ frodi, ħtif, rikatti, estorsjoni, fastidju, vjolenza jew intimidazzjoni li huwa eċċezzjonali, li fil-fatt jaffettwa l-persuna stess tas-sid benefiċjarju, li jista’ jitqies bħala ċar, reali u attwali ?

2. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, l-Artikolu 1(15)(g) tad-Direttiva 2018/843 interpretat b’dan il-mod huwa validu fid-dawl tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta u tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali ggarantit mill-Artikolu 8 tal-Karta?

It-tielet domanda

1. L-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE 3 (iktar ’il quddiem ir-“RGPD”) li jimponi li l-ipproċessar tad-data għandu jsir b’mod legali, ġust u trasparenti fir-rigward tal-persuna kkonċernata għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix

a.     li data personali ta’ sid benefiċjarju inkluża f’reġistru ta’ sjieda benefiċjarja, stabbilit skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2015/849, kif emendat skont l-Artikolu 1(15) tad-Direttiva 2018/843, tkun aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali mingħajr kontroll jew ġustifikazzjoni min-naħa tal-pubbliku u mingħajr ma l-persuna kkonċernata (sid benefiċjarju) tkun tista’ tikseb informazzjoni dwar min kellu aċċess għal din id-data personali li tikkonċernaha; jew

b.     li l-persuna responsabbli għall-ipproċessar ta’ tali reġistru ta’ sjieda benefiċjarja tagħti aċċess għad-data personali tas-sjieda benefiċjarja lil numru illimitat u indeterminabbli ta’ persuni?

2. L-Artikolu 5(1)(b) tar-RGPD li jimponi l-limitazzjoni tal-għanijiet għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li d-data personali ta’ sid benefiċjarju inkluża f’reġistru ta’ sjieda benefiċjarja, stabbilit skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2015/849, kif emendat bl-Artikolu 1(15) tad-Direttiva 2018/843, tkun aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali mingħajr ma l-persuna responabbli għall-ipproċessar ta’ din id-data tkun tista’ tiggarantixxi li l-imsemmija data tintuża biss għall-għan li għalih din tkun inġabbret, jiġifieri, essenzjalment, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, meta l-pubbliku ġenerali ma huwiex responsabbli għar-rispett ta’ dan l-għan?

3. L-Artikolu 5(1)(c) tar-RGPD li jimponi l-minimizzazzjoni tad-data għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, permezz ta’ reġistru ta’ sjieda benefiċjarja stabbilit skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2015/849, kif emendat bl-Artikolu 1(15) tad-Direttiva 2018/843, il-pubbliku ġenerali jkollu aċċess minbarra għall-isem, għax-xahar u għas-sena tat-twelid, għan-nazzjonalità u għall-pajjiż ta’ residenza ta’ sid benefiċjarju kif ukoll għan-natura u għall-estent tal-interessi miżmuma minnu, ikollu aċċess ukoll għad-data tat-twelid u għall-post tat-twelid tiegħu?

4. L-Artikolu 5(1)(f) tar-RGPD li jimponi li l-ipproċessar ta’ data għandu jsir b’tali mod li tiġi żgurata sigurtà xierqa tad-data personali, inkluża l-protezzjoni kontra l-ipproċessar mhux awtorizzat jew illegali, b’tali mod li jiġu ggarantiti l-integralità u l-kunfidenzjalità ta’ din id-data ma jipprekludix l-aċċess illimitat u inkundizzjonat, mingħajr impenn ta’ kunfidenzjalità tad-data personali ta’ sjieda benefiċjarja disponibbli fir-reġistru ta’ sjieda benefiċjarja stabbilit skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2015/849, kif emendat bl-Artikolu 1(15) tad-Direttiva 2018/843?

5. L-Artikolu 25(2) tar-RGPD li jiggarantixxi l-protezzjoni tad-data b’mod awtomatiku li abbażi tiegħu, b’mod partikolari, b’mod awtomatiku d-data personali ma tistax tkun aċċessibbli għal numru indeterminat ta’ persuni fiżiċi mingħajr l-intervent tal-persuna fiżika kkonċernata, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix

a.     li reġistru ta’ sjieda benefiċjarja stabbilit skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2015/849, kif emendat bl-Artikolu 1(15) tad-Direttiva 2018/843, ma jeżiġix l-inklużjoni fis-sit internet tal-imsemmi reġistru tal-persuni mill-pubbliku ġenerali li jikkonsultaw id-data personali ta’ sid benefiċjarju; jew

b.     li l-ebda informazzjoni dwar il-konsultazzjoni ta’ data personali ta’ sid benefiċjarju inkluża f’tali reġistru ma tingħata lill-imsemmi sid benefiċjarju; jew

c.     li l-ebda restrizzjoni fir-rigward tal-estent u tal-aċċessibbiltà tad-data personali inkwistjoni ma tkun applikabbli fir-rigward tal-għan tal-ipproċessar tagħha?

6. L-Artikoli 44 sa 50 tar-RGPD li jissuġġettaw għal kundizzjonijiet stretti t-trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li tali data ta’ sid benefiċjarju inkluża f’reġistru ta’ sjieda benefiċjarja stabbilit skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2015/849, kif emendat bl-Artikolu 1(15) tad-Direttiva 2018/843, tkun aċċessibbli fil-każijiet kollha minn kull membru tal-pubbliku ġenerali mingħajr ġustifikazzjoni ta’ interess leġittimu u mingħajr limitazzjonijiet f’dak li jirrigwarda l-post fejn dan il-pubbliku jkun jinsab?

____________

1     Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE (ĠU 2018, L 156, p. 43).

2     Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU 2015, L 141, p. 73).

3     Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2).