Language of document : ECLI:EU:C:2020:873

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

29 ta’ Ottubru 2020 (*)

“Appell – Aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – It-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji – L-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali – Dokumenti ppreżentati fil-kuntest ta’ applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem – Deċiżjoni sabiex terza persuna tingħata aċċess għad-dokumenti”

Fil-Kawża C‑576/19 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fid‑29 ta’ Lulju 2019,

Intercept Pharma Ltd, stabbilita fi Bristol (ir-Renju Unit),

Intercept Pharmaceuticals Inc., stabbilita fi New York, New York (l-Istati Uniti),

irrappreżentati minn L. Tsang, solicitor u F. Campbell, barrister, kif ukoll minn J. Mulryne u E. Amos, solicitors,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-proċedura li hija:

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), irrappreżentata minn T. Jabłoński, S. Drosos, R. Pita, S. Marino u H. Kerr, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn N. Piçarra, President tal-Awla, M. Vilaras (Relatur), President tar-Raba’ Awla, u S. Rodin, Imħallef,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħhom, Intercept Pharma Ltd u Intercept Pharmaceuticals Inc. jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑28 ta’ Ġunju 2019, Intercept Pharma u Intercept Pharmaceuticals vs EMA (T‑377/18, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2019:456), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament tad-deċiżjoni ASK‑40399 tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) tal‑15 ta’ Mejju 2018 li tagħti lil terz, bis-saħħa tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), l-aċċess għal dokument li fih data ppreżentata lill-EMA fil-kuntest ta’ applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem bl-isem “Ocaliva” (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Skont l-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1049/2001:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa:

(a)      li jfisser il-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, li jirregolaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa ‘l-istituzzjonijiet’) previsti fl-Artikolu 255 [KE] sabiex jiġi żgurat l-akbar aċċess għal dokumenti”.

3        Intitolat “Benefiċjarji u skop”, l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament.

2. L-istituzzjonijiet jistgħu, soġġetti għall-istess prinċipji, kondizzjonijiet u limiti, jagħtu aċċess għad-dokumenti lil kull persuna naturali jew legali li m’hijiex residenti jew li m’għandhiex l-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru.”

4        L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Eċċezzjonijiet”, jiddisponi, fil-paragrafi 2, 6 u 7 tiegħu:

“2. L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

–        interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali,

–        proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

[…]

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

[…]

6.      Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.

7.      L-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 sa’ 3 għandhom japplikaw biss għaż-żmien li fih il-ħarsien huwa ġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument. L-eċċezzjonijiet jistgħu japplikaw għal perjodu mhux itwal minn 30 sena. Fil-każ ta’ dokumenti koperti mill-eċċeżżjonijiet dwar privatezza jew interessi kummerċjali u fil-każ ta’ dokumenti sensittivi, l-eċċeżżjonijiet jistgħu, jekk meħtieġ, jibqgħu japplikaw wara dan il-perjodu.”

5        L-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Applikazzjonijiet għall-aċċess għal dokument għandhom isiru f’xi forma miktuba, inkluża l-forma elettronika, f’waħda mill-ilsna msemmija fl-Artikolu 314 tat-Trattat tal-KE u b’mod preċiż biżżejjed sabiex tgħin lill-istituzzjoni issib id-dokument. L-applikant mhux obbligat li jagħti r-raġunijiet għall-applikazzjoni.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6        Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża huma esposti fil-punti 1 sa 9 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

7        L-appellanti jikkummerċjalizzaw, taħt l-isem “Ocaliva”, prodott mediċinali orfni għat-trattament tal-kolanġite biljari primittiva flimkien mal-aċidu ursodeossikoliku (iktar ’il quddiem l-“AUDK”) fost l-adulti li jkollhom rispons insuffiċjenti għall-AUDK jew waħdu fost l-adulti li ma jittollerawx l-AUDK. Dan il-prodott mediċinali ġie awtorizzat fl-Istati Uniti fis‑27 ta’ Mejju 2016.

8        Fit‑12 ta’ Diċembru 2016, dan il-prodott mediċinali kien is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq (ATS) kundizzjonata fl-Unjoni Ewropea.

9        Fit‑3 ta’ April 2018, l-EMA informat lil Intercept Pharma li uffiċċju tal-avukati kien, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, indirizza talba għal aċċess għal diversi dokumenti fir-rigward tal-imsemmi prodott mediċinali. Wara li qasmet dawn id-dokumenti f’żewġ lottijiet, l-EMA stiednet lil Intercept Pharma tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar din it-talba għal aċċess.

10      Intercept Pharma pproponiet li jinħbew ċerti partijiet mir-rapport perijodiku ta’ evalwazzjoni tal-benefiċċji u tar-riskji għall-perijodu bejn it‑12 ta’ Diċembru 2016 u l‑11 ta’ Ġunju 2017 dwar il-prodott mediċinali Ocaliva (iktar ’il quddiem ir-“rapport kontenzjuż), li kien jifforma l-ewwel lott. Dawn il-partijiet kienu jikkonċernaw informazzjoni dwar is-sigurtà ta’ dan il-prodott mediċinali. Hija indikat li kien probabbli li l-imsemmija talba għal aċċess kienet saret f’isem il-partijiet involuti f’tilwima mal-kumpannija omm tagħha fl-Istati Uniti. Hija ppreċiżat li, jekk dan ir-rapport jiġi żvelat, b’evażjoni tar-regoli proċedurali tal-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-investigazzjoni minn qabel, mingħajr ma l-iżvelar ikun iġġustifikat minn interess pubbliku superjuri, ikun ta’ ħsara serja għall-interess ekonomiku ta’ din il-kumpannija.

11      Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-EMA tat l-aċċess għad-dokumenti mitluba, billi kkunsidrat li l-ġustifikazzjoni mressqa minn Intercept Pharma ma kinitx tikkostitwixxi bażi legali suffiċjenti sabiex tali aċċess jiġi rrifjutat, peress li d-dokumenti inkwistjoni ma kinux ġew stabbiliti għall-finijiet ta’ proċedura ġudizzjarja. Wara talba f’dan is-sens tal-appellanti, hija madankollu aċċettat li ma tiżvelax ir-rapport kontenzjuż sas-sentenza tal-Qorti Ġenerali dwar l-eventwali rikors ippreżentat minn Intercept Pharma u li tinterrompi t-trattament tat-talba għal aċċess fir-rigward tat-tieni lott.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

12      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza ppreżentaw rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

13      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti qajmu żewġ motivi.

14      Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 16 sa 48 tas-sentenza appellata, l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, intiż għall-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji.

15      Fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset, fid-dawl tal-ġurisprudenza tagħha, li, jekk il-proċeduri ġudizzjarji inkwistjoni f’din id-dispożizzjoni ma jirrigwardawx biss proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha, id-dokumenti li jistgħu jaqgħu taħt din l-eċċezzjoni huma jew dawk imfassla fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja speċifika pendenti, jew, b’mod eċċezzjonali, dawk li ma kinux ġew imfassla fil-kuntest ta’ tali proċedura, iżda li jinkludu pożizzjonijiet legali li minn dak iż-żmien saru s-suġġett ta’ tali proċedura.

16      Fil-punti 40 sa 42 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma kinitx applikabbli għar-rapport kontenzjuż, li ma kienx ġie mfassal fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja speċifika u li ma kienx jinkludi pożizzjonijiet interni ta’ natura legali, li jistgħu jikkompromettu d-difiża tal-awtur tiegħu fil-kuntest ta’ eventwali proċedura ġudizzjarja.

17      Fil-punti 43 sa 47 tal-istess sentenza, hija ċaħdet id-diversi argumenti tar-rikorrenti insostenn tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji.

18      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 49 sa 62 tas-sentenza appellata, it-tieni motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq l-assenza ta’ bbilanċjar xieraq tal-interessi inkwistjoni, skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li kellu jwassal għan-nuqqas ta’ żvelar tar-rapport kontenzjuż.

19      Fil-punti 53 u 54 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali fakkret il-ġurisprudenza tagħha, li tgħid li, minn naħa, kwalunkwe informazzjoni dwar kumpannija u r-relazzjonijiet kummerċjali tagħha ma tistax titqies li taqa’ taħt il-protezzjoni li għandha tiġi żgurata għall-interessi kummerċjali konformement mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sabiex ma tiġix ippreġudikata l-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali li jikkonsisti fl-għoti lill-pubbliku tal-ikbar aċċess possibbli għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet, u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġi kkunsidrat li l-iżvelar tiegħu jkun jista’ jippreġudika tali interessi kummerċjali, dokument mitlub għandu jinkludi informazzjoni kummerċjali sensittiva relatata, b’mod partikolari, mal-istrateġiji kummerċjali tal-impriżi kkonċernati jew mar-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom, jew data speċifika għall-impriża li tenfasizza l-għarfien espert tagħha.

20      Fil-punti 55 sa 57 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, peress li r-rikorrenti ma wrewx liema parti mir-rapport kontenzjuż kien fiha informazzjoni kummerċjali sensittiva, l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma kinitx applikabbli.

21      Fil-punti 58 sa 61 tal-istess sentenza, hija ċaħdet diversi argumenti mressqa mir-rikorrenti.

22      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali, permezz tal-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, ċaħdet ir-rikors.

 It-talbiet tal-partijiet

23      L-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża, u

–        tikkundanna lill-EMA għall-ispejjeż.

24      L-EMA titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell bħala infondat fl-intier tiegħu, u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

25      L-appellanti jinvokaw żewġ aggravji kontra s-sentenza appellata. Minn naħa, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, stabbilit fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u bbażat fuq il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, ma setgħetx tiġġustifika n-nuqqas ta’ żvelar tar-rapport kontenzjuż. Min-naħa l-oħra, huma jqisu li l-Qorti Ġenerali wettqet it-tieni żball ta’ liġi meta kkunsidrat li huma ma kinux urew liema parti mir-rapport kontenzjuż kien fiha informazzjoni kummerċjali sensittiva u li, għaldaqstant, l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma kinitx applikabbli.

26      Preliminarjament, għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-EMA, li permezz tagħha hija ssostni li l-interess li jitkompla l-appell ma baqax jeżisti peress li l-azzjoni kollettiva ppreżentata fl-Istati Uniti kontra Intercept Pharmaceuticals, imsemmija fil-punt 10 ta’ din is-sentenza, kienet ġiet konkluża favuriha.

27      Fil-fatt, l-EMA sempliċement tindika, fil-kontroreplika tagħha, li l-“proċeduri ġudizzjarji fl-Istati Uniti jidhru li ntemmu”, u għalhekk ma tipproduċi l-ebda prova li turi li d-deċiżjoni ġudizzjarja Amerikana li ddeċidiet din l-azzjoni, fis‑27 ta’ Marzu 2020, saret definittiva.

28      Konsegwentement, dan l-appell huwa ammissibbli.

 Fuq l-ewwel aggravju

29      Għandu jiġi enfasizzat li r-Regolament Nru 1049/2001 jagħti dritt ta’ aċċess wiesa’ ħafna għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet ikkonċernati, billi t-tgawdija ta’ dan id-dritt ma hijiex suġġetta, skont l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir‑regolament, għal ġustifikazzjoni tat-talba. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(7) tal-imsemmi regolament, l-eċċezzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu 4 jistgħu japplikaw biss matul il-perijodu li matulu l-protezzjoni tkun iġġustifikata fid-dawl tal-kontenut tad-dokument (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punt 56).

30      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li n-noti ppreżentati minn istituzzjoni tal-Unjoni fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja quddiem qorti tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2010, L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 94), kif ukoll in-noti ppreżentati minn Stat Membru fil-kuntest ta’ tali proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs Breyer, C‑213/15 P, EU:C:2017:563, punt 41), jistgħu jaqgħu taħt din l-eċċezzjoni.

31      Fil-fatt, dawn in-noti ġew redatti esklużivament għall-finijiet tal-imsemmija proċedura ġudizzjarja u jikkostitwixxu l-element essenzjali tagħha (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 78).

32      Permezz tal-argumenti tagħhom, l-appellanti jikkritikaw, essenzjalment, ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali fil-punt 39 tas-sentenza appellata. F’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, imsemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, hija rilevanti biss meta d-dokumenti jkunu ġew imfassla fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja speċifika jew meta jkunu jinkludu pożizzjonijiet legali li huma s-suġġett ta’ tali proċeduri.

33      Huma jqisu li l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandha tkopri dokumenti li, jekk tintlaqa’ t-talba għal aċċess għalihom, ifformulata minn terz, jistgħu jiġu prodotti fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja pendenti, bħal f’dan il-każ.

34      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 40 tas-sentenza appellata, li r-rapport kontenzjuż huwa “dokument xjentifiku ppreżentat lill-EMA għall-finijiet ta’ proċedura amministrattiva intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-relazzjoni bejn il-benefiċċji u r-riskji tal-prodott mediċinali Ocaliva baqgħetx l-istess”.

35      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, ġustament, li dan ir-rapport la kien nota mfassla għall-finijiet ta’ proċedura ġudizzjarja speċifika u lanqas ma kien is-suġġett ta’ tali proċedura u minn dan iddeduċiet, fil-punt 42 ta’ dik is-sentenza, li l-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma tistax tapplika fir-rigward tal-imsemmi rapport.

36      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001 u mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 29 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk dokument jaqax taħt waħda mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti previsti fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-artikolu, huwa importanti biss il-kontenut tad-dokument mitlub.

37      Mill-banda l-oħra, la l-identità ta’ min jitlob u lanqas l-użu li għandu l-intenzjoni jagħmel minn dan id-dokument, jekk jikseb l-iżvelar tiegħu, ma jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet.

38      Minn naħa, mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li kull ċittadin tal-Unjoni u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha s-sede tagħha fi Stat Membru għandha dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, għall-kundizzjonijiet u għal-limiti ddefiniti minn dan ir-regolament. Barra minn hekk, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, l-istituzzjonijiet jistgħu, bla ħsara għall-istess prinċipji, kundizzjonijiet u limiti, jawtorizzaw l-aċċess għad-dokumenti lil kull persuna fiżika jew ġuridika li ma tkunx iddomiċiljata jew li ma jkollhiex is-sede tagħha fi Stat Membru.

39      Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 1049/2001 ma jipprevedi l-ebda limitu għall-użu li jista’ jsir minn dokument miżmum minn istituzzjoni, li din tal-aħħar tkun tat l-aċċess għalih.

40      Issa, li l-applikazzjoni, b’mod partikolari, tal-eċċezzjoni bbażata fuq proċeduri ġudizzjarji tkun tiddependi fuq il-fatt li d-dokument mitlub jista’ jintuża għall-finijiet ta’ tali proċedura jwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni b’mod inaċċettabbli, peress li, teoretikament, kull dokument, jekk jiġi żvelat, jista’, xi darba, jiġi invokat fil-kuntest ta’ tali proċedura, anki minn persuna differenti minn dik li, wara li tkun talbet dan, tkun kisbet l-aċċess għal dan id-dokument.

41      Fil-fatt, ladarba jingħata l-aċċess lil persuna għal dokument miżmum minn istituzzjoni, din il-persuna bl-ebda mod ma hija pprojbita la milli tiżvela dan id-dokument lil persuna oħra u lanqas, jekk ikun il-każ, milli tagħmlu pubbliku.

42      Fit-tielet lok, la mis-sentenza appellata u lanqas mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-appellanti ma jirriżulta li dawn invokaw argumenti bbażati fuq il-kontenut tar-rapport kontenzjuż, li jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, imsemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

43      L-appellanti pjuttost ibbażaw ruħhom fuq l-identità tal-awtur tat-talba għal aċċess għar-rapport kontenzjuż, jiġifieri uffiċċju tal-avukati li jirrappreżenta l-parti lanjanti prinċipali fi proċeduri ġudizzjarji fl-Istati Uniti mressqa kontra t-tieni waħda minnhom, kif ukoll fuq il-fatt li, permezz ta’ din it-talba, din il-parti lanjanti kisbet l-aċċess għal informazzjoni li hija ma setgħetx taċċedi għaliha abbażi biss tar-regoli proċedurali Amerikani li jirregolaw din il-proċedura ġudizzjarja.

44      Issa, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 38 sa 41 ta’ din is-sentenza, tali argumenti ma jistgħux jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji.

45      B’mod partikolari, il-fatt li talba għal aċċess għal dokumenti hija intiża sabiex tagħti lil parti fi proċedura ġudizzjarja l-aċċess għal informazzjoni li għaliha din ma setax ikollha aċċess billi tirrikorri għall-mezzi previsti mir-regoli proċedurali li jirregolaw din il-proċedura ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

46      Fil-fatt, is-sempliċi fatt li dokument jew informazzjoni ma setgħux jinkisbu b’mezzi proċedurali mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-partijiet fi proċedura ġudizzjarja partikolari ma jfissirx li dan id-dokument jew din l-informazzjoni, meta jinkisbu permezz ta’ talba għal aċċess għad-dokumenti bis-saħħa tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1049/2001, ma jistgħux jiġu invokati fil-kuntest ta’ dik il-proċedura.

47      Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti adita bl-imsemmija proċedura li għandha tiddeċiedi, abbażi tar-regoli proċedurali tagħha stess, dwar l-ammissibbiltà tad-dokumenti jew tal-informazzjoni invokati fil-kuntest tal-istess proċedura.

48      Minn dak li ntqal jirriżulta li, tkun xi tkun l-identità tal-persuna li titlob l-aċċess għal dokument, dan jista’ jiġi protett abbażi tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 biss jekk ikun ġie mfassal fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja speċifika quddiem qorti tal-Unjoni, ta’ Stat Membru, ta’ organizzazzjoni internazzjonali jew ta’ Stat terz, jew, jekk dan ma jkunx il-każ, jekk, fid-data li fiha tingħata risposta għal din it-talba, ikun ġie prodott fil-kuntest ta’ tali proċedura ġudizzjarja.

49      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament ċaħdet l-argument tal-appellanti, ibbażat fuq il-fatt li r-rapport kontenzjuż kellu jiġi protett minn kull żvelar abbażi tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

50      Konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni aggravju

51      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni li quddiemu titressaq talba għal aċċess għal dokument jiddeċiedi li jiċħad din it-talba abbażi ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 għall-prinċipju fundamentali ta’ ftuħ, din għandha, bħala prinċipju, tipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni ta’ kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett minn din l-eċċezzjoni u r-riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2020, PTC Therapeutics International vs EMA, C‑175/18 P, EU:C:2020:30, punt 94, kif ukoll MSD Animal Health Innovation u Intervet international vs EMA, C‑178/18 P, EU:C:2020:24, punt 93).

52      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, bl-istess mod, hija l-persuna li titlob l-applikazzjoni ta’ waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet li għandha tipprovdi, fi żmien utli, spjegazzjonijiet ekwivalenti lill-istituzzjoni, lill-korp jew lill-organu tal-Unjoni inkwistjoni (sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2020, PTC Therapeutics International vs EMA, C‑175/18 P, EU:C:2020:30, punt 95, kif ukoll MSD Animal Health Innovation u Intervet international vs EMA, C‑178/18 P, EU:C:2020:24, punt 94).

53      Hija ddeċidiet ukoll li, ċertament, ir-riskju ta’ użu abbużiv tad-data li tinsab f’dokument li jkun intalab l-aċċess għalih jista’ jippreġudika l-interessi kummerċjali ta’ impriżi f’ċerti ċirkustanzi. Għaldaqstant, fid-dawl tar-rekwiżit li jiġu pprovduti spjegazzjonijiet bħal dawk imsemmija fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza ta’ tali riskju għandha tiġi stabbilita. F’dan ir-rigward, sempliċi allegazzjoni mhux issostanzjata dwar riskju ġenerali ta’ użu abbużiv ma tistax twassal sabiex din id-data tiġi kkunsidrata li taqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, fl-assenza ta’ kwalunkwe preċiżazzjoni oħra, magħmula mill-persuna li titlob l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni quddiem l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu inkwistjoni qabel ma dan jieħu deċiżjoni f’dan ir-rigward, dwar in-natura, is-suġġett u l-portata tal-imsemmija data, li tista’ tillumina lill-qorti tal-Unjoni dwar il-mod kif l-iżvelar tagħha jista’ konkretament jippreġudika b’mod raġonevolment prevedibbli l-interessi kummerċjali tal-persuni kkonċernati minn din l-istess data (sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2020, PTC Therapeutics International vs EMA, C‑175/18 P, EU:C:2020:30, punt 96, kif ukoll MSD Animal Health Innovation u Intervet international vs EMA, C‑178/18 P, EU:C:2020:24, punt 95).

54      Insostenn tal-aggravju tagħhom, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta kkunsidrat li l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, ma kinitx applikabbli, l-appellanti jsostnu li r-rapport kontenzjuż kollu kellu jitqies bħala kunfidenzjali.

55      Madankollu, kuntrarjament għar-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 51 sa 53 ta’ din is-sentenza, l-appellanti ma jurux, fl-appell tagħhom, kif il-Qorti Ġenerali wettqet tali żball, billi ma ddeċidietx li l-EMA kellha taħbi ċerti partijiet tar-rapport kontenzjuż li l-iżvelar tagħhom konkretament jista’ jippreġudika l-interessi kummerċjali tagħhom.

56      Barra minn hekk, jidher li l-appellanti, la quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas fl-appell, ma identifikawx il-partijiet tar-rapport kontenzjuż, li, kieku kellhom jiġu żvelati, jistgħu jippreġudikaw l-interessi tal-appellanti, peress li l-uniku argument imressaq f’dan ir-rigward quddiem il-Qorti Ġenerali kien dwar l-investiment addizzjonali li dawn kien ikollhom jagħmlu minħabba l-proċeduri ġudizzjarji mibdija fl-Istati Uniti marbuta mal-prodott mediċinali Ocaliva.

57      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma kinitx applikabbli għar-rapport kontenzjuż.

58      Konsegwentement, it-tieni aggravju u, miegħu, l-appell fl-intier tiegħu għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

59      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

60      Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

61      Peress li l-EMA kienet talbet li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż u peress li dawn tal-aħħar tilfu l-aggravji tagħhom, huma għandhom jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-EMA.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Intercept Pharma Ltd u Intercept Pharmaceuticals Inc. huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA).

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l‑Ingliż.