Language of document : ECLI:EU:F:2011:90

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

22 ta’ Ġunju 2011

Kawża F-33/10

Giorgio Lebedef

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Proċedura ta’ evalwazzjoni 2005 — Rapport tal-iżvilupp tal-karriera — DĠE tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal — Rapport redatt wara s-sentenza mogħtija fil-Kawża F-36/07 — Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu G. Lebedef jitlob l-annullament tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2005, kif ġie redatt mill-Kummissjoni wara l-annullament tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera preċedenti tiegħu, fir-rigward tal-istess perijodu, permezz tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-7 ta’ Mejju 2008, Lebedef vs Il‑Kummissjoni (F‑36/07).

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport tal-iżvilupp tal-karriera — Redazzjoni — Firma “għal konklużjoni ta’ ftehim” — Konsegwenzi — Għeluq

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

2.      Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Termini — Bidu tad-dekorrenza — Notifika — Kunċett — Notifika tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera fis-sistema informatika interna tal-istituzzjoni — Konsultazzjoni mill-uffiċjal attestata mid-data preċedenti maħżuna fis-sistema msemmija

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

1.      Il-fatt li uffiċjal jiffirma “għal konklużjoni ta’ ftehim” fuq ir-rapport tal-iżvilupp tal-karriera tiegħu għandu neċessarjament l-effett li jagħlaq il-proċedura ta’ redazzjoni tar-rapport imsemmi.

Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni jistabbilixxu diversi każijiet ta’ għeluq tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera. L-għeluq jista’ jirriżulta kemm, b’mod immedjat, wara li jiġi aċċettat ir-rapport mill-persuna li tokkupa l-impjieg, kif ukoll minn nuqqas ta’ reazzjoni mill-persuna msemmija fit-terminu stabbilit ta’ għaxart ijiem. F’dan ir-rigward, jekk uffiċjal iqis li r-rapport tal-iżvilupp tal-karriera tiegħu ma huwiex aċċettabbli, iżda ma jindikax b’mod ċar, fit-terminu ta’ għaxart ijiem, jekk jirrifjutahx, huwa jkun jinsab f’sitwazzjoni mhux prevista mid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni.

(ara l-punti 29, 30, 32 u 33)

2.      Sabiex deċiżjoni tkun debitament innotifikata fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, mhux biss hemm bżonn li din tkun ġiet ikkomunikata lid-destinatarju tagħha, iżda anki li dan kien f’pożizzjoni li jsir jaf bil-kontenut tagħha b’mod utli.

Minn dan isegwi li l-konsultazzjoni ta’ rapport tal-iżvilupp tal-karriera minn uffiċjal fis-sistema informatika interna tal-istituzzjoni, attestata mid-data preċedenti maħżuna tal-konsultazzjonijiet ta’ dan ir-rapport fis-sistema msemmija, tippermetti li jiġi stabbilit li r-rapport tal-iżvilupp tal-karriera kien effettivament ġie nnotifikat lill-persuna kkonċernata. L-istess japplika a fortiori meta l-konsultazzjoni tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera fis-sistema informatika interna jkollha proprju bħala suġġett il-firma tiegħu sabiex dan jingħalaq b’mod formali.

F’dan ir-rigward, peress li s-sistema informatika interna hija sistema protetta, li l-uffiċjal jaċċedi għaliha permezz ta’ password personali, l-affidabbiltà tagħha ma tistax tiġi ddubitata fuq il-bażi ta’ sempliċi allegazzjonijiet fir-rigward tal-eżistenza ta’ riskju ta’ manipulazzjoni tad-data.

(ara l-punti 38, 40 u 41)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 15 ta’ Ġunju 1976, Jänsch vs Il‑Kummissjoni, 5/76, punt 10; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 23 ta’ Novembru 2005, Ruiz Bravo-Villasante vs Il‑Kummissjoni, T‑507/04, punt 29; 19 ta’ Ottubru 2006, Buendía Sierra vs Il‑Kummissjoni, T‑311/04, punt 121; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 25 ta’ April 2007, Kerstens vs Il‑Kummissjoni, F‑59/06, punti 34 sa 36