Language of document : ECLI:EU:T:2010:418

Kawża T-85/09

Yassin Abdullah Kadi

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban — Regolament (KE) Nru 881/2002 — Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi ta’ persuna wara li din titniżżel f’lista stabbilita minn korp tan-Nazzjonijiet Uniti — Kumitat tas-sanzjonijiet — Inklużjoni sussegwenti fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002 — Rikors għal annullament — Drittijiet fundamentali — Dritt għal smigħ, dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv u dritt għar-rispett tal-proprjetà”

Sommarju tas-sentenza

1.      Proċedura — Tqassim tal-kompetenzi bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali — Kontestazzjoni mill-Qorti Ġenerali ta’ punti ta’ dritt deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt appell preċedenti

2.      Komunitajiet Ewropej — Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet — Regolament li jimponi miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban — Stħarriġ fir-rigward tad-drittijiet fundamentali — Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 881/2002; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1190/2008)

3.      Komunitajiet Ewropej — Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet — Regolament li jimponi miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban — Drittijiet tad-difiża

(Regolament tal-Kunsill Nru 881/2002; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1190/2008)

4.      Komunitajiet Ewropej — Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet — Regolament li jimponi miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban — Iffriżar ġenerali u persistenti tal-fondi, beni u riżorsi ekonomiċi oħra tal-imsemmija persuni u entitajiet mingħajr smigħ ta’ dawn tal-aħħar — Ksur tad-dritt għall-proprjetà

(Regolament tal-Kunsill Nru 881/2002; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1190/2008)

1.      F’ċirkustanzi jew fejn jiġi kkontestat att adottat mill-Kummissjoni sabiex jissostitwixxi att preċedenti li ġie annullat mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali li ċaħdet ir-rikors għal annullament fir-rigward tal-imsemmi att, l-istess prinċipju ta’ appell u l-istruttura ġudizzjarja ġerarkika li hija korollarju tiegħu jirrakkomanda lill-Qorti Ġenerali, fil-prinċipju, li ma tpoġġix f’dubju hija stess il-punti ta’ liġi stabbiliti permezz tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan huwa minnu b’mod partikolari meta l-Qorti tal Ġustizzja tkun iddeċidiet bħala Awla Manja u manifestament kellha fi ħsiebha li tagħti sentenza awtorevoli. Għaldaqstant, li kieku kellha tingħata tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-istituzzjonijiet, l-Istati Membri u l-isferi ġuridiċi kkonċernati, wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikun jaqbel li din tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja stess fil-kuntest ta’ kawżi futuri li jistgħu jitressqu quddiemha. Barra minn hekk, f’tali ċirkustanzi, huwa kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja, u mhux tal-Qorti Ġenerali, jekk ikun il-każ, li taqleb il-ġurisprudenza stabbilita, jekk dan ikun jidhrilha ġustifikat fir-rigward, b’mod partikolari, tal-inkonvenjenti gravi invokati mill-istituzzjonijiet u mill-Gvernijiet tal-Istati Membri.

(ara l-punti 121, 123)

2.      Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament li għandu bħala s-suġġett tiegħu r-Regolament Nru 1190/2008, li jemenda għall-101 darba r-Regolament Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiżgura stħarriġ, fil-prinċipju komplet, tal-legalità tal-imsemmi regolament fid-dawl tad-drittijiet fundamentali, mingħajr ma tagħti lill-imsemmi regolament ebda immunità ġudizzjarja abbażi tal-fatt li dan jipprevedi li jimplementa riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

Dan għandu għalhekk isir, tal-inqas sa kemm il-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid implementati mill-Kumitat tas-Sanzjonijet tan-Nazzjonijiet Uniti ma jkunux joffru b’mod manifest il-garanziji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. F’dan ir-rigward, peress li l-Kunsill tas-Sigurtà mhux minn dejjem ikkunsidra opportun li jistabbilixxi korp indipendenti u imparzjali li jkollu s-setgħa jiddeċiedi, fil-fatt u fid-dritt, fuq rikorsi intiżi kontra d-deċiżjonijiet individwali meħuda mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, l-istħarriġ eżerċitat mill-qorti Komunitarja fuq il-miżuri Komunitarji ta’ ffriżar ta’ fondi ma jistax jiġi kkassifikat bħala effettiv ħlief jekk huwa jirrigwarda, indirettament, l-evalwazzjonijet dwar il-mertu magħmula mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet innifsu, kif ukoll l-elementi li jsejsuhom.

Il-prinċipju ta’ stħarriġ ġudizzjarju komplet u rigoruż ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi huwa iktar ġġustifikat mill-miżuri li jaffettwaw b’mod sensittiv u għal tul ta’ żmien id-drittijiet fundamentali ta’ dawk ikkonċernati.

(ara l-punti 126-129, 151)

3.      Peress li r-Regolament Nru 1190/2008, li jemenda għall-101 darba r-Regolament Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al Qaida u t-Taliban, jimponi fuq persuna miżuri restrittivi minħabba l-inklużjoni tagħha fil-lista li tinsab fl-Anness I ta’ dan l-aħħar regolament, mingħajr ma jipprovdi lill-imsemmija persuna garanzija reali fir-rigward tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni u tal-provi meqjusa kontriha jew fir-rigward tal-possibbiltà tagħha li tinstema’ b’mod utli u effettiv f’dan ir-rigward, għandu jiġi konkluż li dan l-aħħar regolament ġie adottat skont proċedura li matulha d-drittijiet tad-difiża ma ġewx irrispettati.

Barra minn hekk, peress li ma kellha l-ebda aċċess utli għall-informazzjoni u għall-provi kontra tagħha u fid-dawl tar-relazzjonijiet li jeżistu bejn id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, din il-persuna lanqas ma setgħet tiddefendi d-drittijiet tagħha fir-rigward tal-imsemmija provi f’kundizzjonijiet sodisfaċenti quddiem il-qorti Komunitarja, b’tali mod li għandu wkoll jiġi kkonstatat ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

(ara l-punti 181, 184)

4.      L-impożizzjoni fir-rigward ta’ persuna ta’ miżuri restrittivi, bħall-iffriżar ta’ fondi, li jinkludi fih ir-Regolament Nru 1190/2008 li jemenda għall-101 darba r-Regolament Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al Qaida u t-Taliban, minħabba l-inklużjoni tagħha fil-lista li tinsab fl-Anness I tiegħu, tikkostitwixxi restrizzjoni mhux iġġustifikata tad-dritt għall-proprjetà tiegħu, peress li l-imsemmi Regolament Nru 1190/2008 ġie adottat mingħajr ma ngħataw garanziji reali li jippermettu lill-imsemmija persuna tesponi l-każ tagħha lill-awtoritajiet kompetenti, u dan f’sitwazzjoni li fiha r-restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà tagħha għandha tiġi kklassifikata bħala kunsiderevoli, fid-dawl tal-portata ġenerali u tal-persistenza tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi li għalihom hija suġġetta.

(ara l-punti 192, 193)