Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Settembru 2019 – Dehousse vs Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

(Kawża T-433/17) 1

(“Aċċess għal dokumenti – Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Dokumenti miżmuma mill-istituzzjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet amministrattivi tagħha – Talba għal aċċess ippreżentata minn ex Imħallef tal-Qorti Ġenerali – Rifjut parzjali għal aċċess – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni”)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Franklin Dehousse (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: L. Levi u S. Rodrigues, avukati)

Konvenuta: Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Inghelram, Á. Almendros Manzano u V. Hanley-Emilsson, aġenti)

Suġġett

Minn naħa, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjonijiet tat-18 u 22 ta’ Mejju 2017 li permezz tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rrifjutat li tilqa’ t-talbiet għal aċċess għal ċerti dokumenti mressqa mir-rikorrent fis-27 ta’ Jannar 2017 u fl-14 ta’ Diċembru 2016 rispettivament u min-naħa l-oħra, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża għal kumpens għad-dannu morali li r-rikorrent allegatament subixxa minħabba l-aġir żbaljat tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta hija rrifjutat li tilqa’ t-talbiet tiegħu għal informazzjoni mressqa bejn il-15 ta’ Lulju u l-10 ta’ Awwissu 2016.

Dispożittiv

Id-deċiżjoni tat-18 ta’ Mejju 2017 li tiċħad it-tieni talba konfermatorja ta’ aċċess għal ċerti dokumenti ta’ Franklin Dehousse hija annullata sa fejn din irrifjutat l-aċċess għal “skambji, fiż-żewġ sensi, bejn il-President Skouris jew il-Kap tal-Kabinett tiegħu, mal-awtoritajiet pubbliċi Ġermaniżi kollha bejn l-2011 u l-2015 inklużi”.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

____________

1     ĠU C 300, 11.9.2017.