Language of document : ECLI:EU:T:2021:716

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

20 ta’ Ottubru 2021 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Proċeduri dixxiplinari – Artikolu 266 TFUE – Investigazzjonijiet amministrattivi – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Prinċipju ta’ imparzjalità – Rikors għal annullament u għad-danni”

Fil-Kawża T‑220/20,

Petrus Kerstens, residenti f’La Forclaz (l-Isvizzera), irrappreżentat minn C. Mourato, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Mongin u A.‑C. Simon, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tan-nota tal-Kummissjoni tas‑27 ta’ Marzu 2017 li tinforma lir-rikorrent bit-tkomplija ta’ proċeduri dixxiplinari u tad-deċiżjoni tal‑11 ta’ Lulju 2019 li tindirizzalu twissija u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens għad-dannu li huwa ġarrab minħabba l-iżvolġiment u t-tul ta’ tliet proċeduri dixxiplinari,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn R. da Silva Passos, President, V. Valančius (Relatur) u L. Truchot, Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑22 ta’ April 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, Petrus Kerstens, huwa ex uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea. Huwa ħadem mal-Uffiċċju “Amministrazzjoni u Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” (PMO), fejn kien kap ta’ diviżjoni bejn l‑2003 u l‑2011, sussegwentement konsulent mad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Riżorsi Umani u Sigurtà”. Huwa rtira b’effett mill‑1 ta’ April 2016.

2        Fl-ewwel lok, fl‑20 ta’ Lulju 2012, fil-kuntest tar-riżoluzzjoni ta’ kawża tiegħu kontra l-Kummissjoni, ir-rikorrent kiteb nota interna, li insegwitu tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura dixxiplinari bir-referenza CMS 12/063, minħabba li din in-nota kienet tinkludi kummenti meqjusa bħala insolenti. Din il-proċedura wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑15 ta’ April 2014 li timponi twiddiba lir-rikorrent (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑15 ta’ April 2014”).

3        Permezz tas-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2016, Kerstens vs Il-Kummissjoni (F‑23/15, EU:F:2016:65), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea ċaħad ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal‑15 ta’ April 2014.

4        Ir-rikorrent ippreżenta appell minn din is-sentenza, li l-Qorti Ġenerali laqgħet permezz tas-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2017, Kerstens vs Il-Kummissjoni (T‑270/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:74).

5        F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 62 sa 70 tas-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2017, Kerstens vs Il-Kummissjoni (T‑270/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:74), li l-proċedura dixxiplinari CMS 12/063 kienet infetħet mingħajr ma kienet inbdiet investigazzjoni amministrattiva minn qabel, mingħajr ma r-rikorrent instema’ minn qabel u mingħajr ma ġie debitament stabbilit rapport ta’ investigazzjoni wara tali investigazzjoni, bi ksur tal-obbligi tal-Kummissjoni. Fil-punti 88 u 89 tal-imsemmija sentenza, hija ddeduċiet minn dan li l-proċedura dixxiplinari, li kellha tinbeda mill-Awtorità tal-Ħatra abbażi ta’ tali investigazzjoni u ta’ rapport li kien jagħlaq u wara s-smigħ tar-rikorrent, kienet sostanzjalment ivvizzjata minn dawn in-nuqqasijiet, b’tali mod li ma setax jiġi eskluż li din il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti li kieku r-regoli applikabbli għaliha kienu ġew osservati u li kieku nstema’ r-rikorrent. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal‑15 ta’ April 2014.

6        Permezz ta’ nota tas‑6 ta’ April 2017, l-Awtorità tal-Ħatra informat lir-rikorrent li, skont l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2017, Kerstens vs Il-Kummissjoni (T‑270/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:74), hija kienet tat istruzzjonijiet lill-Uffiċċju ta’ Investigazzjoni u Dixxiplina (IDOC) tal-Kummissjoni, minn naħa, li jkompli l-proċedura dixxiplinari CMS 12/063 ab initio u taħt numru CMS ġdid u, min-naħa l-oħra, li jirtira mill-fajl personali tar-rikorrent is-sanzjoni ta’ ċanfira imposta fuq dan tal-aħħar bid-deċiżjoni tal‑15 ta’ April 2014.

7        Fit‑18 ta’ April 2017, ir-rikorrent ressaq ilment kontra n-nota tal-Awtorità tal‑Ħatra tas‑6 ta’ April 2017.

8        Fil‑25 ta’ Lulju 2017, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-imsemmi lment.

9        Fit-tieni lok, fis‑7 ta’ Settembru 2015, minħabba suspetti ta’ żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali lil destinatarju estern għall-istituzzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra ddeċidiet li tiftaħ proċedura dixxiplinari oħra kontra r-rikorrent, bir-referenza CMS 15/017. Il-Bord Dixxiplinari ta opinjoni motivata fis‑7 ta’ April 2016, li fiha qies li r-rikorrent ma kienx osserva d-dmir tiegħu ta’ lealtà u li sanzjoni dixxiplinari li twassal għal konsegwenzi pekunjarji kienet iġġustifikata. Madankollu, minħabba l-appell ippreżentat mir-rikorrent kontra s-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2016, Kerstens vs Il-Kummissjoni (F‑23/15, EU:F:2016:65), l-Awtorità tal-Ħatra ddeċidiet li tissospendi dawn il-proċeduri dixxiplinari sa tmiem dan l-appell u informat b’dan lir-rikorrent permezz ta’ nota tad‑19 ta’ Settembru 2016.

10      Permezz ta’ nota tas‑27 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni informat lir-rikorrent li, wara s-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2017, Kerstens vs Il-Kummissjoni (T‑270/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:74), il-proċedura dixxiplinari CMS 15/017 kienet issoktat u li, fid-dawl tal-fatt li l-IDOC ma kienx wettaq investigazzjoni amministrattiva qabel is-smigħ tar-rikorrent skont l-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), hija kienet tat istruzzjonijiet lill-IDOC sabiex jissokta b’din il-proċedura dixxiplinari fl-istadju fejn kienet seħħet din l-irregolarità, tal-istess tip bħal dik li ġiet ikkonstatata mill-Qorti Ġenerali fil-proċedura CMS 12/063. L-ilment imressaq fit‑18 ta’ April 2017 mir-rikorrent kontra din in-nota ġie miċħud mill-Awtorità tal-Ħatra fil‑25 ta’ Lulju 2017.

11      Fl‑10 ta’ Novembru 2017, ir-rikorrent ippreżenta rikors għal annullament kontra l-imsemmija nota tas‑27 ta’ Marzu 2017 kif ukoll kontra dik tas‑6 ta’ April 2017 imsemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq. Permezz tad-digriet tas‑26 ta’ Ġunju 2018, Kerstens vs Il-Kummissjoni (T‑757/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:391), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li n-noti kkontestati ma kinux jikkostitwixxu atti li jikkawżaw preġudizzju sa fejn dawn kellhom jiġu kklassifikati bħala atti preparatorji fil-kuntest ta’ proċeduri dixxiplinari pendenti. Dan id-digriet ġie kkonfermat fl-appell mid-digriet tat‑22 ta’ Jannar 2019, Kerstens vs Il-Kummissjoni (C‑577/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:129).

12      Fit-tielet lok, fis‑27 ta’ Settembru 2016, l-Awtorità tal-Ħatra fetħet proċedura dixxiplinari distinta kontra r-rikorrent, bir-referenza CMS 16/009, dwar “aġir mhux inkluż fir-Regolamenti tal-Persunal” adottata minnu fir-rigward ta’ membri tal-amministrazzjoni fil-kuntest tal-proċedura dixxiplinari CMS 15/017.

13      Permezz ta’ nota tal‑21 ta’ Ġunju 2017, l-IDOC bagħat lir-rikorrent il-mandati ta’ investigazzjoni fil-proċeduri CMS 15/017 (li saret CMS 17/009) u CMS 12/063 (li saret CMS 17/010). Fuq talba tar-rikorrent, is-smigħ tiegħu fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri u fil-kuntest tal-proċedura CMS 16/009 ġie pospost diversi drabi. Fl‑4 ta’ April 2018, l-IDOC innotifika lir-rikorrent nota dwar il-fatti allegati fejn stiednu jibgħat l-osservazzjonijiet tiegħu f’terminu ta’ għaxart ijiem. Ir-rapport ta’ investigazzjoni amministrattiva ntbagħat lid-DĠ “Riżorsi Umani u Sigurtà” fl‑1 ta’ Awwissu 2018. Is-smigħ tar-rikorrent inżamm fit‑28 ta’ Jannar 2019.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Lulju 2019 (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”), li għalqet il-proċeduri CMS 16/009, CMS 17/009 u CMS 17/010, l-Awtorità tal-Ħatra kkonstatat li l-aġir tar-rikorrent kien jikkostitwixxi ksur tal-Artikoli 11, 12 u 17 tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, hija ddeċidiet li ma tiftaħx proċedura dixxiplinari fil-konfront tiegħu u li tindirizzalu twissija skont l-Artikolu 3(1)(b) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal.

15      Fid‑29 ta’ Awwissu 2019, ir-rikorrent ressaq ilment kontra din id-deċiżjoni. Dan l-ilment ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra fid-19 ta’ Diċembru 2019.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ April 2020, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

17      Il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet fl‑4 ta’ Novembru 2020.

18      Fit‑30 ta’ Novembru 2020, ir-rikorrent talab li tinżamm seduta skont l-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

19      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) laqgħet it-talba tar-rikorrent u fetħet il-fażi orali tal-proċedura.

20      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat‑22 ta’ April 2021.

21      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata kif ukoll in-nota tas‑27 ta’ Marzu 2017 tal-Awtorità tal-Ħatra li tinformah bit-tkomplija tal-proċedura CMS 15/017 (li saret CMS 17/009);

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tħallsu s-somma ta’ EUR 30 000 għad-dannu morali allegatament subit;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

22      Il-Kummissjoni titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq it-talbiet għal annullament

23      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, permezz tad-digriet tas‑26 ta’ Ġunju 2018, Kerstens vs Il-Kummissjoni (T‑757/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:391), il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li n-nota tas‑27 ta’ Marzu 2017 ma kinitx tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għall-annullament ta’ din in-nota hija inammissibbli.

24      Insostenn tat-talbiet għal annullament tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi. Fl-ewwel motiv, huwa jinvoka ksur tal-Artikolu 266 TFUE minħabba li l-Kummissjoni adottat miżuri mhux xierqa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2017, Kerstens vs Il-Kummissjoni (T‑270/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:74), dwar id-deċiżjoni tal‑15 ta’ April 2014 li imponietlu ċanfira fil-kuntest tal-proċedura dixxiplinari CMS 12/063 (li saret CMS 17/010) u kisret il-prinċipju ta’ ne bis in idem. Fit-tieni motiv, huwa jinvoka ksur tal-Artikolu 266 TFUE, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba li jinkludi l-obbligu ta’ trattament imparzjali u ġust tal-kawżi, tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u tad-drittijiet tad-difiża. Fl-aħħar, fit-tielet motiv, huwa jinvoka ksur tal-Artikolu 266 TFUE, tar-regoli tal-proċedura applikabbli għall-investigazzjonijiet amministrattivi u għall-proċeduri dixxiplinari, tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

25      Il-Qorti Ġenerali tqis li l-ewwel għandu jiġi eżaminat it-tieni motiv.

26      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li kull proċedura dixxiplinari ġdida għandha toffri garanziji ta’ imparzjalità u ta’ ekwità, kif jeżiġi l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Huwa jenfasizza li l-prinċipju ta’ imparzjalità għandu dimensjoni doppja, kemm suġġettiva kif ukoll oġġettiva, li timponi fuq l-awtorità dixxiplinari, minn naħa, li ma timmanifestax suġġettività permezz tal-aġir tagħha jew ta’ preġudizzju personali u, min-naħa l-oħra, li tkun oġġettivament imparzjali billi toffri l-garanziji kollha suffiċjenti sabiex teskludi kull dubju leġittimu dwar dan is-suġġett.

27      Skont ir-rikorrent, it-tkomplija tal-proċeduri dixxiplinari f’dan il-każ kellha bħala konsegwenza li, bi ksur tal-prinċipji msemmija fil-punt 26 iktar ’il fuq, l-istess awtoritajiet amministrattivi u l-istess persuni responsabbli kellhom jeżaminaw mill-ġdid fajls li huma kien diġà pproċessaw.

28      Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li, billi ġabret flimkien għall-finijiet ta’ investigazzjoni unika t-tliet proċeduri dixxiplinari CMS 12/063 (li saret CMS 17/010), CMS 15/017 (li saret CMS 17/009) u CMS 16/009, l-Awtorità tal-Ħatra naqset mid-dmir tagħha ta’ imparzjalità oġġettiva. Fil-fatt, dan ir-raggruppament jirrifletti r-rieda tal-Awtorità tal-Ħatra li ttaqqal il-piżijiet fir-rigward tar-rikorrent u li tissuġġetta l-proċedura CMS 12/063 (li saret CMS 17/010) għal eżami minn bord dixxiplinari. Skont ir-rikorrent, it-tliet investigazzjonijiet amministrattivi saru b’mod distint u kien biss fl-istadju tal-konklużjoni ta’ dawn l-investigazzjonijiet li t-tliet rapporti ġew mehmuża bħala annessi mar-rapport finali uniku tal-IDOC.

29      Fl-aħħar, ir-rikorrent jirrileva li l-persuna responsabbli għall-investigazzjonijiet fi ħdan l-IDOC għaż-żewġ proċeduri dixxiplinari CMS 12/063 (li saret CMS 17/010) u CMS 15/017 (li saret CMS 17/009) hija d-denunzjatriċi tal-fatti eżaminati fil-kuntest ta’ din l-aħħar proċedura. Huwa jikkontesta l-imparzjalità suġġettiva tagħha kif ukoll dik tad-Direttriċi Ġenerali tad-DĠ “Riżorsi Umani u Sigurtà”, involuta f’diversi proċeduri li jikkonċernawh. Huwa jikkontesta wkoll l-imparzjalità oġġettiva tal-proċedura ta’ investigazzjoni unika minħabba l-parteċipazzjoni f’din l-investigazzjoni, bħala persuna responsabbli għall-iżvolġiment tagħha, tal-imsemmija dinunzjatriċi.

30      Il-Kummissjoni ssostni li t-tliet proċeduri dixxiplinari li jikkonċernaw lir-rikorrent ġew miġbura flimkien għall-finijiet tal-ekonomija tal-ġudizzju. Skont il-Kummissjoni, billi pproċedew b’dan il-mod, l-IDOC u l-Awtorità tal-Ħatra ma fittxewx li jaggravaw is-sitwazzjoni tar-rikorrent jew li jaġixxu għad-detriment tiegħu, iżda ppermettew, għall-kuntrarju, li dan ikun suġġett għal twissija waħda fir-rigward tal-fatti kollha li wasslu għal dawn it-tliet proċeduri.

31      Il-Kummissjoni ssostni, fir-rigward tal-kontestazzjoni tal-imparzjalità tal-persuna responsabbli mill-investigazzjonijiet kif ukoll dik tad-Direttriċi Ġenerali tad-DĠ “Riżorsi Umani u Sigurtà”, li r-rikorrent isemmi biss insinwazzjonijiet jew biżgħat mhux verifikabbli. Skont il-Kummissjoni, l-istess japplika, fir-rigward tal-kontestazzjoni tal-imparzjalità tal-proċedura ta’ investigazzjoni minħabba l-parteċipazzjoni fl-investigazzjoni, fil-kwalità tagħha ta’ persuna responsabbli għal din l-investigazzjoni, għad-denunzjatriċi tal-fatti li wasslu għall-proċedura CMS 15/017 (li saret CMS 17/009).

32      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 41 tal-Karta, li, skont l-Artikolu 6(1) TUE, għandha l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati, jistabbilixxi d-dritt għal amministrazzjoni tajba. L-Artikolu 41(1) tal-Karta jipprovdi b’mod partikolari li kull persuna għandha d-dritt li l-kwistjonijiet tagħha jiġu ttrattati b’mod imparzjali mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni.

33      Skont il-ġurisprudenza, l-amministrazzjoni hija marbuta, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li teżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ li jkollha quddiemha u li tiġbor il-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha kif ukoll li tiżgura l-iżvolġiment tajjeb u l-effettività tal-proċeduri li hija timplimenta (ara sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2014, B&S Europe vs Il-Kummissjoni, T‑222/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:837, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Għandu jitfakkar ukoll li r-rekwiżit tal-imparzjalità jkopri, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata li jkun responsabbli mill-każ ma għandu juri li ħa pożizzjoni jew li għandu preġudizzju personali u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li l-istituzzjoni għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex, f’dan ir-rigward, jiġi eskluż kull dubju leġittimu (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, ADDE vs Il-Parlament, T‑48/17, EU:T:2019:780, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-kuntest tal-eżami tal-imparzjalità ta’ proċedura kulleġġjali, il-fatt li dubji dwar l-apparenzi ta’ imparzjalità jaffettwaw biss persuna waħda fi ħdan korp kulleġġjali ma huwiex neċessarjament determinanti, fid-dawl tal-fatt li din il-persuna setgħet teżerċita influwenza deċiżiva waqt id-deliberazzjonijiet (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, ADDE vs Il-Parlament, T‑48/17, EU:T:2019:780, punt 58).

35      Fir-rigward tal-imparzjalità suġġettiva, mill-ġurisprudenza jirriżulta li din l-imparzjalità hija preżunta sakemm ikun hemm prova kuntrarja (ara sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2018, Mouvement pour une Europe des nations et des libertés vs Il-Parlament, T‑829/16, EU:T:2018:840, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, f’dan il-każ, ir-rikorrent ma pproduċiex provi li jwasslu għal dubju dwar l-imparzjalità suġġettiva tal-proċedura ta’ investigazzjoni.

37      Fir-rigward tal-imparzjalità oġġettiva ta’ investigazzjoni, il-Qorti Ġenerali diġà rrikonoxxiet li din kienet nieqsa peress li kien intwera li, qabel il-ftuħ tal-investigazzjoni, wieħed mill-investigaturi kien jaf bil-fatti li kienu s-suġġett tagħha, billi ġie kkonsultat personalment minn lanjant, filwaqt li l-istituzzjoni kkonċernata setgħet taħtar bħala investigatur persuna li ma kellha ebda għarfien minn qabel tal-fatti u għalhekk ma kienet tqajjem ebda dubju leġittimu dwar l-imparzjalità tagħha fir-rigward tal-parti l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2019, UZ vs Il-Parlament, T‑47/18, taħt appell, EU:T:2019:650, punti 51 sa 56).

38      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-persuna responsabbli għall-iżvolġiment tal-investigazzjoni unika miftuħa għat-tliet proċeduri CMS 16/009, CMS 15/017 (li saret CMS 17/009) u CMS 12/063 (li saret CMS 17/010) hija dik li kienet iddenunzjat il-fatti li kienu s-suġġett tal-proċedura CMS 15/017 (li saret CMS 17/009), jiġifieri l-kap tal-unità “HR IDOC 1”.

39      Barra minn hekk, huwa stabbilit li l-imsemmija akkuża seta’ kellha rwol attiv ulterjuri fl-iżvolġiment tal-investigazzjoni mwettqa fil-kuntest tal-proċedura CMS 15/017 (li saret CMS 17/009), fil-kwalità tagħha ta’ persuna inkarigata li tmexxi l-investigazzjoni unika għat-tliet proċeduri dixxiplinari. Fil-fatt, minn naħa, permezz ta’ nota tal‑21 ta’ Ġunju 2017, din il-persuna indikat lir-rikorrent li kienet irċeviet mandat fl-1 ta’ Ġunju 2017 sabiex tmexxi l-imsemmija investigazzjoni u għal dan il-għan ħatret żewġ investigaturi. Min-naħa l-oħra, ir-rapport finali tal-investigazzjoni ġie ffirmat bl-idejn, u dan juri l-parteċipazzjoni effettiva tagħha fl-investigazzjoni.

40      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrikonoxxiet waqt is-seduta li, anki jekk ir-rwol attiv ta’ din il-persuna ma kienx stabbilit b’mod preċiż, fil-kwalità tagħha ta’ persuna responsabbli mis-segwitu, mill-kwalità u min-natura kompleta tal-investigazzjoni inkwistjoni, hija kellha l-possibbiltà li tintervjeni meta rċeviet l-abbozz ta’ investigazzjoni.

41      Fl-istess sens, diġà ġie deċiż li investigatur jeżerċita s-setgħat tiegħu ta’ investigazzjoni taħt l-awtorità tal-persuna responsabbli mill-investigazzjoni amministrattiva, li tista’ tindirizzalu istruzzjonijiet (sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2020, Broughton vs Eurojust, T‑87/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:464, punt 70). Minn dan jirriżulta li l-funzjoni ta’ persuna responsabbli għal investigazzjoni amministrattiva ma hijiex limitata għal sitwazzjoni passiva u tagħti dejjem lil din tal-aħħar il-possibbiltà li tintervjeni fil-kuntest ta’ investigazzjoni pendenti.

42      Għalhekk, għandu jitqies li s-sitwazzjoni inkwistjoni, ikkaratterizzata mill-identità ta’ persuni kkonstatata fil-punt 38 iktar ’il fuq, kienet tippreżenta r-riskju oġġettiv li l-persuna responsabbli mit-tmexxija tal-investigazzjoni unika seta’ kellha idea ppreġudikata jew preġudizzju dwar l-involviment tar-rikorrent fil-fatti li huwa akkużat bihom fil-kuntest tal-proċedura CMS 15/017 (li saret CMS 17/009) anki qabel ma kienet saret l-investigazzjoni. Fid-dawl, b’mod partikolari, tar-rwol tal-imsemmija persuna fl-iżvolġiment tal-investigazzjoni u tal-influwenza li hija seta’ kellha fuq il-kontenut tar-rapport finali tagħha, għandu jitqies li tali sitwazzjoni tista’ toħloq f’moħħ ir-rikorrent dubji leġittimi dwar l-imparzjalità oġġettiva ta’ din l-investigazzjoni. F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali ma hijiex obbligata tivverifika jekk il-persuna responsabbli mit-tmexxija tal-investigazzjoni unika kellhiex effettivament preġudizzju fir-rigward tar-rikorrent, peress li huwa suffiċjenti li jeżisti dubju leġittimu u ma jistax jiġi eliminat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2019, August Wolff u Remedia vs Il-Kummissjoni, C‑680/16 P, EU:C:2019:257, punt 37).

43      F’tali ċirkustanzi, ir-rikorrent huwa ġġustifikat li jsostni li l-Kummissjoni ma organizzatx il-proċedura ta’ investigazzjoni mwettqa waqt it-tkomplija tat-tliet proċeduri dixxiplinari b’mod li toffrilu garanziji suffiċjenti fir-rigward tal-imparzjalità oġġettiva ta’ din il-proċedura. Din iċ-ċirkustanza hija ta’ natura li tivvizzja l-proċedura dixxiplinari fl-intier tagħha.

44      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex irregolarità proċedurali tkun tista’ tiġġustifika l-annullament ta’ att, hemm lok li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2017, Kerstens vs Il-Kummissjoni, T‑270/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:74, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, ġie deċiż li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u, b’mod partikolari, in-natura tal-ilmenti u l-portata tal-irregolaritajiet proċedurali mwettqa fir-rigward tal-garanziji li l-uffiċjal seta’ jibbenefika minnhom (ara s-sentenza tal‑15 ta’ April 2015, Pipiliagkas vs Il-Kummissjoni, F‑96/13, EU:F:2015:29, punt 65).

46      Il-proċedura dixxiplinari stabbilita mill-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tipprovdi żewġ fażijiet distinti. L-ewwel fażi hija kkostitwita mit-twettiq ta’ investigazzjoni amministrattiva imparzjali, mibdija b’deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, segwita b’redazzjoni ta’ rapport ta’ investigazzjoni, u magħluqa, wara li l-persuna kkonċernata tinstema’ dwar il-fatti allegati fil-konfront tagħha, permezz ta’ konklużjonijiet ibbażati fuq l-imsemmi rapport. It-tieni fażi hija kkostitwita mill-proċedura dixxiplinari nnifisha, mibdija mill-Awtorità tal-Ħatra abbażi ta’ dan ir-rapport ta’ investigazzjoni, u li tikkonsisti jew fil-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari mingħajr konsultazzjoni mal-Bord Dixxiplinari, jew fit-tressiq tal-każ quddiem l-imsemmi Bord, abbażi ta’ rapport stabbilit mill-Awtorità tal-Ħatra skont il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni u l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-persuna kkonċernata fir-rigward tagħhom.

47      Minn dan isegwi li l-investigazzjoni amministrattiva għandha rwol importanti u hija ta’ natura li tinfluwenza l-proċedura dixxiplinari. Fil-fatt, huwa abbażi ta’ din l-investigazzjoni u tas-smigħ tal-membru tal-persunal ikkonċernat li l-Awtorità tal-Ħatra tevalwa, l-ewwel, jekk hemmx lok jew le li tinfetaħ proċedura dixxiplinari, it-tieni, jekk din għandhiex, skont il-każ, tikkonsisti fit-tressiq tal-każ quddiem il-Bord Dixxiplinari jew le u, it-tielet, meta tibda l-proċedura quddiem il-Bord Dixxiplinari, il-fatti li għandhom jiġu ppreżentati quddiem l-imsemmi Bord.

48      Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li, minkejja li l-investigazzjoni amministrattiva twettqet bil-garanziji kollha tal-imparzjalità, l-imsemmija investigazzjoni setgħet twassal għal evalwazzjoni oħra tal-fatti, u għalhekk tirriżulta f’konsegwenzi differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2017, Kerstens vs Il-Kummissjoni, T‑270/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:74, punt 82).

49      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrent seta’ jkollu dubji leġittimi dwar l-imparzjalità oġġettiva tal-investigazzjoni u, għaldaqstant, tal-proċeduri dixxiplinari li kien is-suġġett tagħhom.

50      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jintlaqa’ t-tieni motiv u, konsegwentement, li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra invokati mir-rikorrent.

 Fuq it-talbiet għad-danni

51      Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-Kummissjoni tħallsu somma totali ta’ EUR 30 000 bħala kumpens għad-dannu morali li huwa jqis li ġarrab. Huwa jsostni li t-tliet proċeduri dixxiplinari inkwistjoni, li damu madwar tmien snin, sitt snin u erba’ snin, ikkawżawlu stress kif ukoll problemi ta’ saħħa. Barra minn hekk, huwa jsostni li huma ppreġudikaw ir-reputazzjoni u l-onorabbiltà tiegħu, meta l-karriera tiegħu kienet eċċezzjonali sal-okkorrenza tagħhom.

52      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent u titlob li t-talba għad-danni tiġi miċħuda.

53      Hemm lok li jitqies li, skont ġurisprudenza stabbilta fil-qasam tas-servizz pubbliku, l-Unjoni tista’ tinżamm responsabbli biss jekk jiġu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjoni kkonċernata, l-effettività tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C‑136/92 P, EU:C:1994:211, punt 42, u tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs Petrilli, T‑143/09 P, EU:T:2010:531, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi, li jfisser li jekk waħda minnhom ma tkunx issodisfatta, ma tistax tiġi kkonstatata r-responsabbiltà tal-Unjoni (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Paraskevaidis vs Cedefop, T‑601/16, EU:T:2017:757, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Minn dan isegwi li, anki fil-każ li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni, ir-responsabbiltà tal-Unjoni tista’ titnissel biss jekk ir-rikorrent jirnexxielu jistabbilixxi l-effettività tad-dannu tiegħu (ara sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Paraskevaidis vs Cedefop, T‑601/16, EU:T:2017:757, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità jista’ jikkostitwixxu fih innifsu kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li jista’ jikkawża dan l-att (ara, f’dan is-sens, sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 1987, Hochbaum u Rawes vs Il-Kummissjoni, 44/85, 77/85, 294/85 u 295/85, EU:C:1987:348, punt 22, u tad‑9 ta’ Novembru 2004, Montalto vs Il-Kunsill, T‑116/03, EU:T:2004:325, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Madankollu, l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu kumpens adegwat meta r-rikorrent juri li ġarrab dannu morali distint mill-illegalità li fuqha huwa bbażat l-annullament u li ma jistax jiġi rrimedjat kompletament b’dan l-annullament (ara sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Michail vs Il-Kummissjoni, T‑49/08 P, EU:T:2009:456, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-dannu morali allegat mir-rikorrent jirriżulta direttament mill-illegalità li tivvizzja l-proċedura ta’ investigazzjoni mibdija waqt it-tkomplija tat-tliet proċeduri dixxiplinari inkwistjoni.

58      Madankollu, jekk ir-rikorrent jallega li l-imsemmija proċeduri, minħabba t-tul tagħhom, ikkawżawlu stress kif ukoll problemi ta’ saħħa u li huma ppreġudikaw ir-reputazzjoni u l-onorabbiltà tiegħu, huwa ma jinvoka ebda prova preċiża insostenn tal-allegazzjonijiet tiegħu li tista’ tistabbilixxi l-effettività ta’ tali dannu.

59      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tqis li kull dannu morali li seta’ ġarrab ir-rikorrent ser jiġi kkumpensat b’mod adegwat u suffiċjenti permezz tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

60      Għaldaqstant, it-talbiet għad-danni għandhom jiġu miċħuda.

61      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikors għandu jintlaqa’ sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u l-kumplament għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

62      Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher iġġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

63      Peress li r-rikors ntlaqa’ parzjalment, iċ-ċirkustanzi tal-kawża jiġu evalwati b’mod ġust jekk jiġi deċiż li r-rikorrent għandu jbati terz tal-ispejjeż tiegħu u li l-Kummissjoni għandha tbati l-kumplament tal-ispejjeż tagħha, filwaqt li din tal-aħħar għandha barra minn hekk tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal11 ta’ Lulju 2019 li tindirizza twissija lil P. Kerstens hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, żewġ terzi tal-ispejjeż ta’ P. Kerstens.

da Silva Passos

Valančius

Truchot

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑20 ta’ Ottubru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.