Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' April 2007 - L-Irlanda vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-129/07)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: L-Irlanda (rappreżentanti: D. O'Hagan, E. Alkin, Aġenti, u P. McGarry, Barrister)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla, bis-saħħa ta' l-Artikolu 230 tat-Trattat, parzjalment jew kompletament, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 286 finali tas-7 ta' Frar 2007, li tikkonċerna l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq żejt minerali li jintuża bħala karburanti għall-produzzjoni ta' l-allumina f'Gardanne, fir-Reġjun ta' Shannon u f'Sardenja, rispettivament implementata minn Franza, l-Irlanda u l-Italja safejn dan jirrigwarda l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq żejt minerali li jintuża bħala karburanti għall-produzzjoni ta' l-allumina fir-reġjun ta' Shannon, implementata mill-Irlanda;

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007)286 finali tas-7 ta' Frar 2007, li biha l-Kummissjoni kkonstatat li l-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa mogħtija minn Franza, l-Irlanda u l-Italja fir-rigward ta' żejt tqil karburanti li jintuża għall-produzzjoni ta' l-allumina mill-1 ta' Jannar 2004 jikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat skond it-tifsira ta' l-Artikolu 87(1) KE u li parti minn din l-għajnuna kienet inkompatibbli mas-suq komuni.

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkonkludiet li l-Irlanda ma pprovatx li l-eżenzjonijiet jaqgħu fin-natura u l-loġika tas-sistema ta' tassazzjoni nazzjonali.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli twettaq analiżi kif suppost tal-kompetizzjoni in sostenn tal-konklużjoni tagħha li l-miżura Irlandiża tista' titiqies li teffettwa l-kummerċ fil-Komunità u tkun ta' distorsjoni jew thedded li tkun ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni.

It-tielet nett, ir-rikorrenti tallega li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta' ċertezza legali f'ċirkustanzi fejn il-Kunsill diġà kien awtorizza d-deroga speċifika sa l-aħħar ta' l-2006.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball fid-dritt meta kkonkludiet li l-għajnuna mogħtija mill-Istat tikkostitwixxi għajnuna ġdida, meta mqabbla ma' l-għajnuna eżistenti.

____________