Language of document : ECLI:EU:C:2011:405

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

16 ta’ Ġunju 2011 (*)

“Appell – Trade mark Komunitarja – Regolament (KE) Nru 40/94 – Artikolu 8(1)(b) – Trade marks verbali UNIWEB u UniCredit Wealth Management – Oppożizzjoni mill-proprjetarju tat-trade marks verbali nazzjonali UNIFONDS u UNIRAK kif ukoll tat-trade mark figurattiva nazzjonali UNIZINS – Evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni – Probabbiltà ta’ assoċjazzjoni – Sensiela jew familja ta’ trade marks”

Fil-Kawża C‑317/10 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-1 ta’ Lulju 2010,

Union Investment Privatfonds GmbH, stabbilita fi Frankfurt am Main (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J. Zindel u C. Schmid, avukati,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża huma:

UniCredito Italiano SpA, stabbilita f’Genova (l-Italja), irrappreżentata minn G. Floridia, avukat,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn P. Bullock, bħala aġent,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader, A. Prechal u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Marzu 2011,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Union Investment Privatfonds GmbH qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-27 ta’ April 2010, UniCredito Italiano vs UASI – Union Ivestment Privatfonds (UNIWEB) (T-303/06 u T-337/06, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha dik il-qorti, minn naħa, annullat żewġ deċiżjonijiet tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tal-5 ta’ Settembru 2006 (Każijiet Magħquda R 196/2005-2 u R 211/2005‑2) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”), sa fejn dawk id-deċiżjonijiet laqgħu l-oppożizzjonijiet mressqa mill-appellanti fil-konfront tar-reġistrazzjoni minn UniCredito Italiano Spa (iktar ’il quddiem “UniCredito”), bħala trade marks Komunitarji, tas-sinjali verbali “UNIWEB” u “UniCredit Wealth Management” fir-rigward ta’ ċerti servizzi u, min-naħa l-oħra, ċaħdet it-talbiet tagħha intiżi għall-annullament tal-imsemmija deċiżjonijiet sa fejn jikkonċernaw lis-servizzi li jikkonċernaw affarijiet marbuta ma’ proprjetà immobbli.

 Il-kuntest ġuridiku

2        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p.146), ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1), li daħal fis‑seħħ fit-13 ta’ April 2009. Madankollu, fid‑dawl tad-data tal-fatti kkontestati quddiem il-Qorti Ġenerali, din il-kawża tibqa’ rregolata bir-Regolament Nru 40/94.

3        L-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi:

“Jekk issir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa:

[…]

b)      jekk minħabba identiċità jew xebħ bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabilta’ ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

4        Fid-29 ta’ Mejju u fis-7 ta’ Awwissu 2001, UniCredito ppreżentat quddiem l-UASI applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, bħala trade mark Komunitarji, tas-sinjali verbali “UNIWEB” u “UniCredit Wealth Management” fir-rigward ta’ ċerti servizzi li fosthom hemm inklużi dawk li jaqgħu fil-klassi 36 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Nice”), u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti:

–        “Affarijiet bankarji; affarijiet finanzjarji; affarijiet monetarji; assigurazzjonijiet; affarijiet marbuta ma’ proprjetà immobbli; informazzjoni u pariri f’affarijiet ta’ finanzi u ta’ assigurazzjonijiet; servizzi ta’ karti ta’ kreditu/debitu; servizzi bankarji u finanzjarji fuq l-internet”, għat-trade mark verbali UNIWEB;

–        “Affarijiet bankarji; affarijiet finanzjarji; affarijiet monetarji; assigurazzjonijiet; affarijiet marbuta ma’ proprjetà immobbli; informazzjoni finanzjarja”, għat-trade mark verbali UniCredit Wealth Management.

5        Fis-6 ta’ Marzu u fil-21 ta’ Ġunju 2002, l-appellanti, fuq il-bażi tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, ressqet oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade marks imsemmija fir-rigward tas-servizzi msemmija iktar ’il fuq.

6        Iż-żewġ oppożizzjonijiet kienu bbażati fuq it-trade marks Ġermaniżi verbali UNIFONDS u UNIRAK, ippreżentati fit-2 ta’ April 1979 u rreġistrati fis-17 ta’ Ottubru ta’ wara, kif ukoll fuq it-trade mark Ġermaniża figurattiva, ippreżentata fis-6 ta’ Marzu 1992 u rreġistrata fl-10 ta’ Lulju tal-istess sena, li tikkonċerna, l-istess bħaż-żewġ trade marks preċedenti, l-“investimenti” li jaqgħu fl-imsemmija klassi 36 u li hija rrappreżentata hawnhekk:

Image not found

7        Permezz ta’ deċiżjonijiet tas-17 ta’ Diċembru 2004 u tat-28 ta’ Frar 2005, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI laqgħet l-oppożizzjonijiet fir-rigward tas-servizzi koperti minnhom, ħlief fir-rigward tal-“affarijiet marbuta ma’ proprjetà immobbli”.

8        Fiż-żewġ każijiet, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni essenzjalment ikkunsidrat li l-appellanti kienet ressqet prova tal-użu ġenwin tat-trade marks preċedenti kif ukoll il-fatt li hija kienet il-proprjetarja ta’ trade marks li kollha jinkludu l-prefiss “UNI” u li jikkostitwixxu sensiela jew familja ta’ trade marks. Hija kkonkludiet li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni, li tinkludi l-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni, bejn it-trade marks li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u t-trade marks preċedenti, ħlief fir-rigward tal-“affarijiet marbuta ma’ proprjetà immobbli”, sa fejn ikkunsidrat li dawn is-servizzi u dawk koperti mir-reġistrazzjonijiet preċedenti ma kinux jixxiehbu.

9        Fis-17 ta’ Frar u fil-21 ta’ April 2005, UniCredito ppreżentat appell minn dawn id-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI u l-appellanti għamlet l-istess fil-11 ta’ Frar u fit-28 ta’ April 2005.

10      Permezz tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad dawn l-appelli. Filwaqt li qabel mal-analiżi magħmula mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, huwa kkunsidra b’mod partikolari, f’kull waħda minn dawn iż-żewġ deċiżjonijiet, li l-appellanti kienet ressqet prova tal-użu ġenwin ta’ trade marks li jikkostitwixxu sensiela ta’ trade marks kif ukoll prova li t-trade mark li tagħha ntalbet ir-reġistrazzjoni kellha karatteristiċi li setgħu jorbtuha ma’ din is-sensiela, b’tali mod li l-pubbliku rilevanti jkun jista’ jassoċja l-imsemmi prefiss mal-appellanti meta jintuża inkonnessjoni ma’ investimenti.

 Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

11      Permezz ta’ rikorsi rreġistrati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 u fit-28 ta’ Novembru 2006, UniCredito ppreżentat rikorsi intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi. Hija ppreċiżat, matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, li r-rikorsi tagħha kienu intiżi biss għall-annullament parzjali tagħhom, u dan sa fejn laqgħu l-oppożizzjonijiet magħmula kontra r-reġistrazzjoni bħala trade marks Komunitarji tas-sinjali verbali “UNIWEB” u “UniCredit Wealth Management”, fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 36 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice minbarra l-affarijiet marbuta ma’ proprjetà immobbli.

12      L-appellanti talbet, fiż-żewġ kawżi, li r-rikorsi jiġu miċħuda u li d-deċiżjonijiet kontenzjużi jiġu annullati parzjalment, filwaqt li talbet li l-oppożizzjonijiet tagħha kontra r-reġistrazzjoni tat-trade marks UNIWEB u UniCredit Wealth Management jintlaqgħu fl-intier tagħhom, jiġifieri anki fir-rigward tal-affarijiet marbuta ma’ proprjetà immobbli.

13      L-UASI talab li r-rikorsi jiġu miċħuda.

14      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali:

–        għaqdet iż-żewġ kawżi għall-finijiet tas-sentenza;

–        annullat id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tal-5 ta’ Settembru 2006 sa fejn din id-deċiżjoni ċaħdet l-appell ta’ UniCredito filwaqt li laqgħet l-oppożizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tat-trade mark UNIWEB, fir-rigward tal-“affarijiet bankarji; affarijiet finanzjarji, affarijiet monetarji; assigurazzjonijiet; informazzjoni u pariri f’affarijiet ta’ finanzi u ta’ assigurazzjonijiet; servizzi ta’ karti ta’ kreditu/debitu; servizzi bankarji u finanzjarji fuq l-internet”, li jaqgħu fil-klassi 36 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice;

–        annullat id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tal-25 ta’ Settembru 2006 sa fejn din id-deċiżjoni ċaħdet l-appell ta’ UniCredito filwaqt li laqgħet l-oppożizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tat-trade mark UniCredit Wealth Management, fir-rigward tal-“affarijiet bankarji; affarijiet finanzjarji; affarijiet monetarji; assigurazzjonijiet u informazzjoni finanzjarja”, li jaqgħu fil-klassi 36 fis-sens tal-ftehim imsemmi;

–        ċaħdet it-talbiet tal-appellanti, u

–        ikkundannat lil kull waħda mill-partijiet għall-ispejjeż rispettivi tagħha.

15      Sabiex waslet għad-deċiżjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-uniku motiv imqajjem minn UniCredito, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

16      Filwaqt li rreferiet, fil-punti 33, 34 u 37 sa 40 tas-sentenza appellata, għas-sentenza tagħha tat-23 ta’ Frar 2006, Il Ponte Finanziaria vs UASI – Marine Enterprise Projects (BAINBRIDGE) (T-194/03, Ġabra p. II-445, iktar ’il quddiem is-“sentenza BAINBRIDGE”), il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, li, f’dan il-każ, l-UASI ma kienx wettaq eżami approfondit tal-kundizzjoni ta’ rabta tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni mas-sensiela invokata, u dan sa fejn il-Bord tal-Appell kien sempliċement osserva li kull waħda mit-trade marks kienet komposta minn tagħqid ta’ żewġ elementi, jiġifieri l-element komuni “UNI” u espressjonijiet differenti, rispettivament “web” u “credit wealth management”, li ma għandhomx karattru distintiv fir-rigward tas-servizzi koperti minn dawn it-trade marks.

17      Fil-punt 42 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li la abbażi tal-kapaċità distintiva tal-prefiss “UNI” u lanqas abbażi tal-aspetti l-oħra tal-paragun bejn it-trade marks inkwistjoni ma seta’ jiġi konkluż li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni. Fir-rigward tal-kapaċità distintiva ta’ dan il-prefiss, dik il-qorti ddikjarat, fil-punt 43 tas-sentenza msemmija, li, fuq livell intrinsiku, tali prefiss ma kellux il-kapaċità li, fih innifsu, iwassal għall-assoċjazzjoni tat-trade marks li tagħhom intalbet ir-reġistrazzjoni mas-sensiela invokata. Barra minn hekk, fil-punt 44 tal-istess sentenza, hija kkunsidrat li l-użu effettiv tat-trade marks li jagħmlu parti minn sensiela fis-settur finanzjarju u l-pubblikazzjoni regolari ta’ informazzjoni dwar ir-rati tal-fondi ta’ investiment f’ordni alfabetiku ma kinux ta’ natura li jipprovaw il-kapaċità tal-prefiss “UNI” li jindika, fih innifsu, l-oriġini tal-fondi.

18      F’dan il-kuntest, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li l-estratti mill-istampa prodotti matul il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni jsemmu l-eżistenza ta’ fondi li jinkludu l-prefiss “UNI” u li ma jappartjenux lill-appellanti. Hija kkunsidrat li, għalkemm, f’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell kien ġustament ikkonstata li “fil-każ tal-fondi li l-ismijiet tagħhom jibdew b’‘united’ [...] u ‘universal’ [...], din hija kelma indiviżibbli li l-ewwel ittri tagħha, ‘uni’, jagħmlu parti integrali mill-istruttura tal-kelma”, ma kienx madankollu evidenti li dan seta’ jingħad ukoll fir-rigward tat-trade marks li jibdew b’“unico”, kelma din li l-pubbliku rilevanti fil-Ġermanja ma jassoċjahiex neċessarjament mal-kelma Taljana “unico” (uniku), iżda setgħet tinftiehem ukoll bħala taqsira mingħajr tifsira.

19      Barra minn hekk, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li, fl-estratti mill-istampa prodotti mill-appellanti, l-isem tal-kumpannija li tamministra l-fondi kien jidher fil-parti ta’ fuq tal-lista tal-fondi amministrati minnha, b’tali mod li kien diffiċli li wieħed jimmaġina li l-pubbliku kkonċernat, li għandu kapaċità ta’ attenzjoni relattivament għolja, jista’ jaħseb li l-fondi identifikati mit-trade marks li tagħhom intalbet ir-reġistrazzjoni huma amministrati minn kumpannija differenti minn dik li isimha jidher fil-parti ta’ fuq tal-grupp li minnu dawn il-fondi jagħmlu parti.

20      Fir-rigward tal-aspetti l-oħra tal-paragun, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, li, apparti mill-prefiss komuni “UNI”, l-appellanti ma kinitx ipprovat l-eżistenza ta’ xebh ieħor bejn it-trade marks inkwistjoni u li, għall-kuntrarju, kienet teżisti differenza semantika bejniethom, u dan sa fejn il-kliem marbut mal-prefiss “UNI” huwa espress bl-Ingliż fit-trade marks UNIWEB u UniCredit Wealth Management u bil-Ġermaniż fit-trade marks preċedenti invokati.

21      Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, li, minkejja l-użu effettiv tat-trade marks preċedenti u l-preżenza tal-imsemmi prefiss komuni, il-provi prodotti quddiem l-UASI ma kinux ta’ natura li juru l-kapaċità ta’ dan il-prefiss, waħdu jew flimkien ma’ fatturi oħra, li jassoċja t-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni mas-sensiela preċedenti.

22      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali, wara li laqgħet l-uniku motiv invokat minn UniCredito insostenn tar-rikorsi tagħha, ċaħdet il-motiv imqajjem mill-appellanti, ibbażat ukoll fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, u li kien intiż sabiex l-oppożizzjonijiet imressqa minnha jintlaqgħu wkoll fir-rigward tal-affarijiet marbuta mal-proprjetà immobbli.

 It-talbiet tal-partijiet

23      Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u tiċħad ir-rikori ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali minn UniCredito. Hija qiegħda titlob ukoll l-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi sa fejn ċaħdu l-oppożizzjonijiet tagħha kontra r-reġistrazzjoni tat-trade marks UNIWEB u UniCredit Wealth Management fir-rigward tal-affarijiet marbuta mal-proprjetà immobbli u li jintlaqgħu dawn l-oppożizzjonijiet.

24      L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell u tikkundanna lil UniCredito għall-ispejjeż.

25      UniCredito titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

 L-argumenti tal-partijiet

26      Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka l-ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Hija ssostni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatti kollha inkwistjoni, b’tali mod li s-sentenza appellata hija bbażata fuq sitwazzjoni fattwali li ma hijiex kompleta u li għalhekk hija żbaljata.

27      Fil-fatt, skont l-appellanti, sabiex tevalwa l-probabbiltà ta’ konfużjoni mill-perspettiva tal-pubbliku Ġermaniż, il-Qorti Ġenerali kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni diversi deċiżjonijiet tal-qrati Ġermaniżi u tad-Deutsche Patent-und Markenamt (Uffiċċju Ġermaniż tal-privattivi u tat-trade marks) prodotti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, li juru l-eżistenza ta’ din il-probabbiltà. Hija tqis li, li kieku l-perspettiva tal-pubbliku Ġermaniż ittieħdet verament inkunsiderazzjoni, il-Qorti Ġenerali ma kinitx tasal għall-konklużjoni żbaljata li l-element “web” huwa kelma Ingliża u li l-kliem li hija torbot mal-prefiss “UNI” huma fil-każijiet kollha kliem Ġermaniżi.

28      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni biss it-tliet trade marks preċedenti li fuqhom kienu bbażati l-oppożizzjonijiet tagħha, filwaqt li l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni kien imissha saret fuq il-bażi ta’ analiżi tas-sensiela kollha ta’ trade marks li hija l-proprjetarja tagħhom. Li kieku dawn it-trade marks ittieħdu inkunsiderazzjoni, kien jiġi kkonstatat li anki kliem Ingliżi huma marbuta mal-prefiss “UNI” u li l-istruttura tat-trade marks irreġistrati ma għandha ebda differenza li tista’ twaqqaf lill-pubbliku rilevanti milli jassoċja kemm it-trade mark UNIWEB u kif ukoll it-trade mark UniCredit Wealth Management mas-sensiela ta’ trade marks tagħha.

29      Skontha, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta, filwaqt li assumiet li l-pubbliku rilevanti jsib l-ismijiet tal-fondi fil-paġni tal-ġurnali ddedikati għall-finanzi biss, ikkonstatat li dan l-isem ikun dejjem akkumpanjat mill-indikazzjoni tal-ismijiet tal-operaturi jew tal-kumpanniji li jamministraw il-fondi. F’dan ir-rigward, numru ta’ elementi esposti matul is-seduta ma ttieħdux inkunsiderazzjoni.

30      L-appellanti tenfasizza li hija l-proprjetarja ta’ madwar 90 trade mark li jinkludu l-prefiss “UNI” marbut ma’ diversi elementi u li dan il-prefiss, li barra minn hekk huwa, bħala tali, wieħed minn dawn it-trade marks, jikkostitwixxi element distintiv. F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li s-sinjali verbali “UNIWEB” u “UniCredit Wealth Management” għandhom l-istess struttura, ma jistax jiġi nnegat li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni, li tirriżulta minn assoċjazzjoni, mill-pubbliku rilevanti, ta’ dawn it-trade marks mat-trade marks li tagħhom hija l-proprjetarja, u dan minkejja li operaturi oħra jamministraw fondi li l-isem tagħhom jinkludi l-element “united”, “universal” jew “unico”.

31      Fir-rigward tat-talba tagħha fir-rigward tal-affarijiet marbuta mal-proprjetà immobbli, li ġiet miċħuda mill-Qorti Ġenerali, l-appellanti ssostni li hemm qrubija bejn servizzi ta’ dan it-tip u l-operazzjonijiet ta’ investiment.

32      L-UASI, l-istess bħall-appellanti, iqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

33      Filwaqt li jirreferi għas-sentenza BAINBRIDGE, l-UASI jqis li huwa ċar li t-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandhom karatteristiċi li jistgħu jorbtuhom mas-sensiela ta’ trade marks invokata mill-appellanti. Huwa josserva, f’dan ir-rigward, li l-element “UNI” jintuża, fit-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, fl-istess pożizzjoni bħal dik li fiha jintuża fit-trade marks li jikkomponu s-sensiela msemmija, li dan l-element ma għandux kontenut semantiku differenti u li l-karattru distintiv tiegħu huwa enfasizzat mill-fatt li huwa segwit minn elementi verbali oħra bħal “web” u “Credit Wealth Management” li, fis-settur finanzjarju, għandhom karattru deskrittiv u mhux distintiv, u dan anki f’għajnejn il-pubbliku Ġermaniż ta’ referenza.

34      Skont l-UASI, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar il-karattru distintiv intrinsiku tal-prefiss “UNI” u b’hekk kisret il-prinċipju li, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ ineżami u, b’mod partikolari, il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali ma speċifikatx ir-raġuni għalfejn il-prefiss “UNI” ma għandux il-kapaċità li, fih innifsu, iwassal għall-assoċjazzjoni tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni mas-sensiela invokata mill-appellanti.

35      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx evalwazzjoni konkreta tal-perċezzjoni tat-trade marks min-naħa tal-pubbliku Ġermaniż. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ma tat ebda importanza lid-diversi deċiżjonijiet tad-Deutsche Patent- und Markenamt, minkejja li dawn jirriflettu manifestament il-perċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat u jikkostitwixxu fattur li kien imissu ttieħed inkunsiderazzjoni, u dan anki fid-dawl tal-fatt li dawn id-deċiżjonijiet la jorbtu lill-UASI u lanqas lill-Qorti Ġenerali.

36      Fis-sentenza BAINBRIDGE, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li tista’ teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni meta jkun hemm l-istess element distintiv, anki jekk it-trade marks ikunu differenti minħabba ż-żieda ta’ elementi verbali jew grafiċi. Għaldaqstant, ma tistax tinftiehem ir-raġuni għalfejn, f’dan il-każ, it-tifsira tad-diversi kelmiet “web”, “credit”, “wealth management”, “zins”, “fonds” u “rak” kienet tippermetti, skont il-Qorti Ġenerali, li jiġi kkunsidrat li d-distinzjoni semantika li tirriżulta minn dawn il-kelmiet teskludi l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni. Barra minn hekk, tali kunsiderazzjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn il-kelmiet, li huma direttament deskrittivi u li daħlu fl-użu komuni fil-lingwa marbuta mal-finanzji fil-Ġermanja, ma jippermettux li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxihom bħala indikazzjoni ta’ servizzi jew prodotti finanzjarji ta’ impriżi differenti, u dan sa fejn l-użu ta’ kliem Ingliż huwa komuni fis-settur finanzjarju.

37      Fir-rigward taċ-ċirkustanzi li fihom ikun jinsab il-pubbliku rilevanti fil-preżenza tat-trade marks inkwistjoni, għandu jiġi osservat li, anki li kieku dawn tal-aħħar ikollhom dejjem qabilhom l-isem tal-kumpannija li tamministra l-fondi kkonċernati, dan fih innifsu ma jeskludix l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni sa fejn il-konsumatur Ġermaniż, li diġà jaf bil-fondi offruti mill-appellanti, jista’ jaħseb li l-fondi l-oħra li jkollhom ukoll il-prefiss “UNI” joriġinaw minn impriżi ekonomikament marbuta magħha.

38      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali bidlet il-forma u n-natura tal-analiżi mwettqa mill-Bord tal-Appell meta osservat li l-imsemmi bord ma wettaqx eżami fil-fond tar-rekwiżit tar-rabta tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni mas-sensiela ta’ trade marks invokata mill-appellanti u li dan il-bord ma stabbilixxiex l-eżistenza ta’ xebh minbarra x-xehb tal-element komuni “UNI” sabiex wasal għall-konklużjoni li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni.

39      Meta titlob li jiġi miċħud l-appell, UniCredito ssostni, l-ewwel nett, li l-aggravji invokati insostenn tiegħu huma inammissibbli sa fejn l-appellanti tinvoka difetti fis-sentenza appellata li huma marbuta ma’ żbalji ta’ evalwazzjoni tal-fatti.

40      It-tieni nett, UniCredito ssostni li l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali kkritikati mill-appellanti, kemm dawk marbuta mal-eżistenza ta’ ismijiet ta’ fondi li jinkludu l-prefiss “UNI” iżda li ma humiex tal-appellanti, kemm dawk marbuta mal-fatt li dawn l-ismijiet huma marbuta fil-ġurnali mal-ismijiet tal-kumpanniji li jamministraw dawn il-fondi u kemm dawk li jikkonċernaw l-assoċjazzjoni ta’ dan il-prefiss ma’ kliem Ingliżi jew Ġermaniżi, huma komplementari u marġinali fil-konfront tal-evalwazzjoni globali u fattwali tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tan-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni u għalhekk ma jistgħux jintużaw sabiex tiġi invalidata din l-evalwazzjoni.

41      Barra minn hekk, UniCredito topponi għall-argumenti tal-appellanti dwar l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji nazzjonali, sa fejn is-sistemi nazzjonali u s-sistema Komunitarja għall-protezzjoni tat-trade mark huma awtonomi u indipendenti minn xulxin.

42      Skont UniCredito, lanqas ma huwa fondat l-ilment li l-appellanti tinvoka fil-konfront tal-Qorti Ġenerali fis-sens li din tal-aħħar ikkunsidrat biss, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, it-tliet trade marks preċedenti li fuqhom kienu bbażati l-oppożizzjoni u ma ħaditx inkunsiderazzjoni t-trade marks kollha inklużi fis-sensiela invokata minnha. Dan l-ilment huwa kontradittorju sa fejn l-imsemmija oppożizzjonijiet kienu bbażati fuq dawn it-tliet trade marks u ma huwiex fondat fid-dawl tas-sentenza BAINBRIDGE. Dik is-sentenza, li hija bbażata fuq il-prinċipju li, fil-preżenza ta’ sensiela ta’ trade marks, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-probabbiltà li l-pubbliku jipperċepixxi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark li tagħmel parti mis-sensiela, b’ebda mod ma teżiġi li din it-trade mark għandha titqabbel ma’ kull waħda mit-trade marks, ikkunsidrata separatament tas-sensiela.

43      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-affarijiet marbuta mal-proprjetà immobbli, UniCredito ssostni, minn naħa, li dawn ma humiex relatati mas-servizzi finanzjarji u, min-naħa l-oħra, li ma hemmx probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, lanqas fir-rigward tas-servizzi finanzjarji kkunsidrati f’sens limitat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

44      UniCredito ssostni li l-appell huwa inammissibbli sa fejn huwa intiż li jikkontesta l-evalwazzjonijiet ta’ natura fattwali magħmula fis-sentenza appellata. F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali naqset milli tosserva l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 meta naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u, b’mod partikolari, meta naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-perspettiva tal-pubbliku Ġermaniż fir-rigward tal-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni mas-sensiela jew mal-familja ta’ trade marks invokati minnha.

45      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku għandha tiġi evalwata b’mod globali filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ ineżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 22; tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 18; tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C-334/05 P, Ġabra p. I-4529, punt 34, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, C-193/06 P, punt 33). Għalkemm l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatturi hija kwistjoni ta’ fatt li ma taqax taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-nuqqas li jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn il-fatturi kollha jikkostitwixxi, għall-kuntrarju, żball ta’ liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2010, Becker vs Harman International Industries, C-51/09 P, Ġabra p. I‑5805, punt 40) u jista’, bħala tali, jitqajjem quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

46      L-istess jista’ jingħad għall-ilment, imqajjem mill-UASI, fis-sens li l-Qorti Ġenerali żnaturat l-analiżi magħmula mill-Bord tal-Appell, sa fejn l-iżnaturament tal-kontenut ta’ att jikkostitwixxi wkoll żball ta’ liġi (ara s-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2000, DIR International Film et vs Il-Kummissjoni, C-164/98 P, Ġabra p. I‑447, punt 48).

47      Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn UniCredito għandha tiġi miċħuda.

48      Fir-rigward tal-mertu, għandu jiġi osservat li, sabiex tannulla d-deċiżjonijiet kontenzjużi, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 35, 36 u 41 tas-sentenza appellata, qalet dan li ġej:

“35      F’dan il-każ, l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, fis-sens li t-trade marks preċedenti UNIFONDS, UNIRAK u UNIZINS invokati [mill-appellanti] jikkostitwixxu ‘sensiela’ fis-sens tas-setnenza BAINBRIDGE, [...] hija essenzjalment ibbażata fuq il-kunsiderazzjonijiet li l-prefiss ‘UNI’, li huwa komuni għal dawn it-tliet trade marks, għandu karattru distintiv fil-kuntest tas-servizz finanzjarji u li l-użu effettiv ta’ dawn it-trade marks ġie pprovat [mill-appellanti].

36      Wara li kkonstata l-eżistenza ta’ ‘senisela’ ta’ trade marks, il-Bord tal-Appell ikkonkluda, fuq il-bażi ta’ din il-konstatazzjoni u b’mod kważi awtomatiku, li l-pubbliku rilevanti jassoċja l-prefiss ‘UNI’ [mal-appellanti] meta dan il-prefiss jintuża inkonnessjoni ma’ fondi ta’ investiment u li għalhekk teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti.

[…]

41      F’dan il-każ, l-UASI ma wettaqx eżami fil-fond tal-kundizzjoni ta’ rabta tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni mas-sensiela invokata fl-oppożizzjoni. Il-Bord tal-Appell sempliċement osserva li kull waħda mit-trade marks hija komposta minn tagħqid ta’ żewġ elementi individwali, jiġifieri l-element komuni ‘UNI’ u espressjonijiet differenti, rispettivament ‘web’ u ‘credit wealth management’, li ma għandhomx karattru distintiv fir-rigward tas-servizzi li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni.”

49      Fir-rigward tal-ilment li l-Qorti Ġenerali b’hekk żnaturat l-analiżi magħmula mill-Bord tal-Appell, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punti 36 u 37 tad-deċiżjoni tiegħu tal-5 ta’ Settembru 2006, il-Bord tal-Appell qal dan li ġej:

“36      F’dan il-każ, it-trade mark [ta’ UniCredito] u t-trade marks [tal-appellanti] għandhom l-istess struttura. Dawn huma komposti minn tagħqid ta’ żewġ elementi individwali, jiġifieri l-element komuni ‘UNI’, li huwa l-parti inizjali tat-trade marks kollha, segwit minn kelma li kull darba hija differenti. Madankollu, dan ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li t-trade mark UNIWEB għandha karatteristiċi li jippermettu l-assoċjazzjoni tagħha mat-trade marks ‘UNI-’ [tal-appellanti]. L-element komuni jista’ jkun esklużivament deskrittiv jew mingħajr karattru distintiv, f’liema każ [l-appellanti] ma tkunx tista’ tinvoka b’suċċess l-argument tal-‘familja ta’ trade marks’.

37      Il-karattru distintiv tal-element komuni ‘UNI’ għandu jiġi evalwat skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti jkollu tas-sinjali u tas-servizzi inkwistjoni. Ma humiex biss il-kwalitajiet intrinsiċi tal-element ‘UNI’ li huma rilevanti għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, iżda huw rilevanti wkoll l-użu li jsir minn dan l-element. Fil-Ġermanja, fejn jinsab il-konsumatur medju kkonċernat, il-kelma ‘uni’ hija relatata ma’ ‘uni’, li tfisser b’kulur wieħed, u ma’ Uni, qasir għal università (fil-lingwa ta’ kuljum). Fir-rigward tas-servizzi inkwistjoni, din il-kelma ma jidhirx li għandha tifsira ċara u immedjata. Barra minn hekk, fil-każ ineżami, [l-appellanti] uriet, b’mod partikolari permezz tar-rapport amministrattiv tagħha u tar-rapport ta’ kull sitt xhur tat-30 ta’ Settembru 2001 u permezz ta’ siltiet meħuda mill-istampa, li hija tuża t-tliet trade marks li jinkludu l-prefiss ‘UNI-’ għal ‘investimenti’ fil-Ġermanja.”

50      Il-punti 40 u 41 tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Settembru 2006 huma fformulati f’termini simili, għalkemm fil-punt 40 l-Bord tal-Appell ikkonstata wkoll dan li ġej:

“Huwa meħtieġ li jiġi enfasizzat li l-kliem ‘Wealth Management’ marbuta mat-trade mark [ta’ UniCredito] huma kelmiet Ingliżi użati ta’ spiss fil-qasam finanzjarju fit-territorju rilevanti, jiġifieri fil-Ġermanja, fir-rigward ta’ servizzi li jinkorporaw il-funzjoni ta’ pariri fil-qasam finanzjaru/investimenti, is-servizzi ta’ kontabbiltà/tassazzjoni u l-ippjanar fil-qasam legali u finanzjarju. Għaldaqstant, l-assoċjazzjoni tal-kliem ‘Wealth Management’ ma għandux karattru distintiv inkonnessjoni mas-servizzi li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni.”

51      Għalhekk, jidher li l-Qorti Ġenerali, meta kkonstatat li l-Bord tal-Appell, “b’mod kważi awtomatiku” u mingħajr “eżami fil-fond” tal-kundizzjonijiet ta’ rabta tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni mas-sensiela invokata mill-appellanti, kien ikkonkluda li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni billi kkonstata sempliċement l-eżistenza ta’ din is-sensiela u l-fatt li t-trade marks imsemmija huma komposti mill-element komuni “UNI” flimkien ma’ diversi espressjonijiet mingħajr karattru distintiv, żnaturat il-kontenut tad-deċiżjonijiet kontenzjużi.

52      Minħabba f’hekk, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-aspetti li fir-rigward tagħhom il-Bord tal-Appell kien għamel evalwazzjonijiet, kif imfakkra fil-punti 49 u 50 ta’ din is-sentenza. Dan jgħodd, b’mod partikolari, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar l-istruttura identika tat-trade marks imqabbla, dwar il-karattru distintiv, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, tal-element ‘UNI’ komuni għalihom u dwar in-nuqqas ta’ karattru distintiv tal-kliem “Wealth Management”. Minħabba f’hekk, il-Qorti Ġenerali ma mmotivatx suffiċjentement is-sentenza tagħha.

53      Fir-rigward tal-ilment li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew, skont il-każ, minn impriżi relatati ekonomikament, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 29; is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Lloyd Schuhfabrik Meyer, punt 17; UASI vs Shaker, punt 33, u Nestlé vs UASI, punt 32).

54      Fil-każ li l-oppożizzjoni tkun ibbażata fuq l-eżistenza ta’ diversi trade marks li jkollhom karatteristiċi komuni li abbażi tagħhom ikunu jistgħu jitqiesu li jagħmlu parti mill-istess familja jew sensiela, huwa meħtieġ, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, meta jkun hemm familja jew sensiela ta’ trade marks, tali probabbiltà tirriżulta mill-fatt li l-konsumatur jista’ jitfixkel dwar il-provenjenza jew l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha tkun saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u jista’ jqis, b’mod żbaljat, li din it-trade mark tagħmel parti minn din il-familja jew minn din is-sensiela (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Finanziaria vs UASI, C‑234/06 P, Ġabra p. I‑7333, punti 62 u 63, kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2008, Les Éditions Albert René vs UASI, C-16/06 P, Ġabra p. I‑10053, punt 101).

55      Kif ġie mfakkar fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku għandha tiġi evalwata b’mod globali, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ ineżami.

56      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali eliminat l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha sabiex jiġi vverifikat b’mod konkret jekk teżistix il-probabbiltà li l-pubbliku rilevanti jista’ jaħseb li t-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jagħmlu parti mis-sensiela ta’ trade marks invokata mill-appellanti u li b’hekk jitfixkel dwar l-oriġini tas-servizzi inkwistjoni billi jaħseb li joriġinaw mill-istess impriża jew minn impriżi relatati ekonomikament.

57      Fil-fatt, kif isostnu l-appellanti u l-UASI, fis-sentenza appellata ma hemmx, l-ewwel nett, analiżi tal-istruttura tat-trade marks li għandhom jitqabblu u tal-influwenza tal-pożizzjoni tal-element komuni għalihom, jiġifieri tal-prefiss ‘UNI’, fuq il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti jista’ jkollu ta’ dawn it-trade marks.

58      It-tieni nett, fir-rigward tal-karattru eventwalment distintiv tal-element komuni, il-Qorti Ġenerali sostniet, fil-punt 43 tas-sentenza appellata, li, fuq livell intrinsiku, dan l-element ma kellux il-kapaċità li jwassal, waħdu, għall-assoċjazzjoni tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni mas-sensiela ta’ trade marks invokata mill-appellanti. Madankollu, kif essenzjalment sostnew l-appellanti, matul is-seduta, u l-UASI, il-Qorti Ġenerali ma ssostanzjatx din l-affermazzjoni u, għaldaqstant, ma analizzatx f’dan ir-rigward l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Bord tal-Appell fir-rigward tal-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti seta’ jkollu ta’ dan l-element u lanqas ma mmotivat is-sentenza appellata fuq dan il-punt.

59      Barra minn hekk, fil-punti 44 sa 46 tas-sentenza appellata, meta eżaminat l-użu magħmul mill-appellanti tas-sensiela ta’ trade marks invokata minnha, il-Qorti Ġenerali, minħabba raġunijiet marbuta ma’ evalwazzjoni fattwali li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistħarreġ, ikkunsidrat b’mod partikolari li kien diffiċli li wieħed jimmaġina li l-pubbliku kkonċernat seta’ jaħseb li l-fondi indikati bit-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienu amministrati minn kumpannija differenti minn dik li isimha kien jidher fl-estratti mill-istampa fil-parti ta’ fuq tal-lista tal-imsemmija fondi. Madankollu, fid-dawl tal-prinċipju indikat fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma setgħatx, mingħajr ma tivvizzja s-sentenza tagħha bi żball ta’ liġi, tastjeni milli tistħarreġ jekk, minn tal-inqas, dan il-pubbliku setax jaħseb li dawn il-fondi kienu jikkorrispondu għal servizzi offruti minn impriżi relatati ekonomikament.

60      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-elementi l-oħra li jikkomponu t-trade marks li għandhom jitqabblu, il-Qorti Ġenerali sempliċement osservat, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, li l-kliem marbut mal-prefiss “UNI” huwa espress bl-Ingliż fit-trade marks kollha li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u bil-Ġermaniż f’kull waħda mit-trade marks preċedenti invokati insostenn tal-oppożizzjonijiet. Minbarra li ma eżaminatx jekk din id-differenza kinitx, fir-rigward tas-servizzi finanzjarji inkwistjoni u tal-pubbliku rilevanti, ta’ natura li teskludi l-probabbiltà li l-pubbliku rilevanti jista’ jaħseb li t-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jagħmlu parti mis-sensiela ta’ trade marks invokata mill-appellanti, il-Qorti Ġenerali lanqas ma evalwat jekk dawn l-elementi kellhomx jew le karattru deskrittiv u mhux distintiv.

61      Għalhekk, fid-dawl ta’ dak li ntqal fil-punti 52 u 57 sa 60 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkonkludi b’mod validu, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, li, “minkejja l-użu effettiv tat-trade marks preċedenti u l-preżenza tal-prefiss ‘UNI’ komuni għal dawn it-trade marks kollha u għat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, il-provi prodotti quddiem l-UASI ma humiex ta’ natura li juru l-kapaċità ta’ dan il-prefiss, waħdu jew flimkien ma’ fatturi oħra, li jassoċja t-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni mas-sensiela preċedenti” u, fil-punt 49 tal-istess sentenza, li l-Bord tal-Appell żbalja meta kkunsidra li s-sinjali inkwistjoni kienu jippreżentaw probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

62      Minn dan isegwi li, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-bqija tal-argumenti tal-appellanti u, b’mod partikolari, li tingħata deċiżjoni dwar l-argumenti li jikkonċernaw iċ-ċaħda tal-oppożizzjonijiet tagħha fir-rigward tal-affarijiet marbuta mal-proprjetà immobbli, għandu jintlaqa’ l-aggravju uniku mressaq u, għalhekk, is-sentenza appellata għandha tiġi anullata.

63      Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din il-qorti tista’, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwarha.

64      F’dan il-każ, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika evalwazzjonijiet fattwali kumplessi intiżi li jiġi vverifikat jekk, kif ikkonstata l-Bord tal-Appell tal-UASI, teżistix il-probabbiltà li l-pubbliku rilevanti jista’ jaħseb li t-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jagħmlu parti mis-sensiela ta’ trade marks invokata mill-appellanti. Għaldaqstant, hemm lok li l-kawża tintbagħat quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tingħata deċiżjoni ġdida dwar ir-rikorsi ppreżentati quddiemha minn UniCredito kif ukoll dwar it-talbiet għall-annullament parzjali tad-deċiżjonijiet kontenzjużi mressqa mill-appellanti u li l-ispejjeż tal-appell jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-27 ta’ April 2010, UniCredito Italiano vs UASI – Union Investment Privatfonds (UNIWEB) (T-303/06 u T-337/06), hija annullata.

2)      Il-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.