Language of document : ECLI:EU:T:2021:818

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla)

24 ta’ Novembru 2021 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi – Żbalji ta’ evalwazzjoni – Proporzjonalità – Dritt għall-proprjetà – Dritt li tiġi eżerċitata attività ekonomika – Użu ħażin ta’ poter – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal smigħ xieraq”

Fil-Kawża T‑256/19,

Bashar Assi, residenti f’Damasku (is-Sirja), irrappreżentat minn L. Cloquet, avukata,

rikorrent

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Kyriakopoulou u V. Piessevaux, bħala aġenti,

konvenut

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/87 tal‑21 ta’ Jannar 2019 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2019, L 18 I, p. 13), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/85 tal‑21 ta’ Jannar 2019 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2019, L 18 I, p. 4), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/806 tas‑17 ta’ Mejju 2019 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2019, L 132, p. 36, rettifika fil-ĠU 2019, L 234, p. 31), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/798 tas‑17 ta’ Mejju 2019 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2019, L 132, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 234, p. 31), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/719 tat‑28 ta’ Mejju 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2020, L 168, p. 66), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/716 tat‑28 ta’ Mejju 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2020, L 168, p. 1), inkwantu dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrent,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir‑Raba’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President, L. Madise u J. Martín y Pérez de Nanclares (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑22 ta’ Ottubru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

 Ilfatti li wasslu għallkawża u lfatti sussegwenti għallpreżentata tarrikors

[omissis]

12      Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/87 tal‑21 ta’ Jannar 2019 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2019, L 18 I, p. 13), u permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/85 tal‑21 ta’ Jannar 2019 li jimplimenta r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU 2019, L 18 I, p. 4) (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, l-“atti inizjali”), isem ir-rikorrent ġie inkluż fil-linja 270 tat-Taqsima A tal-listi tal-ismijiet tal-persuni, entitajiet u organi suġġetti għall-miżuri restrittivi li jinsabu fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/255 u fl-Anness II tar-Regolament Nru 36/2012 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“listi inkwistjoni”), bl-indikazzjoni tar-raġunijiet sussegwenti:

“Negozjant prominenti li jopera fis-Sirja, b’interessi u attivitajiet f’bosta setturi tal-ekonomija tas-Sirja, inkluż ir-rwoli tiegħu bħala sieħeb fundatur tal-linja tal-ajru Fly Aman u President tal-Bord tad-Diretturi ta’ ‘Aman [Dimashq]’; impriża konġunta involuta fl-iżvilupp ta’ Marota City, żvilupp residenzjali u kummerċjali ta’ lussu appoġġat mir-reġim. Assi jibbenefika mir-reġim u/jew jappoġġah permezz tal-pożizzjoni tiegħu bħala President tal-Bord tad-Diretturi ta’ ‘Aman [Dimashq]’.”

[omissis]

16      Fis‑17 ta’ Mejju 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/806 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2019, L 132, p. 36, rettifika fil-ĠU 2019, L 234, p. 31), li estendiet l-applikazzjoni ta’ din l-aħħar deċiżjoni sal‑1 ta’ Ġunju 2020; fl-istess jum, il-Kunsill adotta wkoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/798 li jimplimenta r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU 2019, L 132, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 234, p. 31), (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, l-“atti ta’ żamma tal‑2019”). Isem ir-rikorrent inżamm fil-linja 270 tat-Taqsima A tal-listi inkwistjoni abbażi ta’ raġunijiet identiċi għal dawk li jinsabu fl-atti inizjali (iktar ’il quddiem ir-“raġunijiet tal‑2019”).

[omissis]

21      Fit‑28 ta’ Mejju 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/719 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2020, L 168, p. 66), li estendiet l-applikazzjoni ta’ din l-aħħar deċiżjoni sal‑1 ta’ Ġunju 2021, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/716 li jimplimenta r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU 2020, L 168, p. 1) (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, l-“atti ta’ żamma tal‑2020”). Isem ir-rikorrent inżamm fil-linja 270 tat-Taqsima A tal-listi inkwistjoni taħt raġunijiet parzjalment differenti minn dawk imsemmija fl-atti ta’ żamma tal‑2019 (iktar ’il quddiem ir-“raġunijiet tal‑2020”). Il-Kunsill iġġustifika l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu billi indika r-raġunijiet sussegwenti:

“Negozjant prominenti li jopera fis-Sirja, b’interessi u attivitajiet f’bosta setturi tal-ekonomija tas-Sirja, inkluż ir-rwoli tiegħu bħala sieħeb fundatur tal-linja tal-ajru Fly Aman u, sa Mejju 2019, President tal-Bord tad-Diretturi ta’ “Aman [Dimashq]”; impriża konġunta involuta fl-iżvilupp ta’ Marota City, żvilupp residenzjali u kummerċjali ta’ lussu appoġġat mir-reġim. Assi jgawdi mir-reġim Sirjan u/jew jagħtih appoġġ permezz tal-attivitajiet kummerċjali tiegħu. Fit‑[30 ta’ Jannar 2020], huwa waqqaf il-kumpanija Aman Facilities ma’ u f’isem Samer Foz.”

[omissis]

 Ilproċedura u ttalbiet talpartijiet

23      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ April 2019, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors intiż għall-annullament tal-atti inizjali, inkwantu dawn l-atti jikkonċernawh.

24      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Lulju 2019, ir-rikorrent, abbażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, adatta r-rikors, b’mod illi dan huwa intiż ukoll għall-annullament tal-atti ta’ żamma tal‑2019, inkwantu dawn l-atti jikkonċernawh. Ir-rikorrent tenna wkoll it-talbiet li kienu jinsabu fir-rikors.

25      Fit‑8 ta’ Awwissu 2019, il-Kunsill ippreżenta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali r-risposta u l-osservazzjonijiet dwar l-ewwel nota ta’ adattament.

26      Ir-replika ġiet ippreżentata fl‑1 ta’ Ottubru 2019.

27      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Ottubru 2019, il-President tal-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(3) tar-Regoli tal-Proċedura, assenja mill-ġdid il-kawża lil Imħallef Relatur ġdid, assenjat lir-Raba’ Awla.

28      Il-kontroreplika ġiet ippreżentata fit‑8 ta’ Jannar 2020.

29      Il-fażi bil-miktub tal-proċedura ngħalqet fit‑8 ta’ Jannar 2020.

30      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89(3)(a) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali, fit‑22 ta’ Lulju 2020, talbet lill-Kunsill iwieġeb għal sensiela ta’ mistoqsijiet Il-Kunsill wieġeb għall-mistoqsijiet fit-terminu mogħti.

31      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ Awwissu 2020, ir-rikorrent, abbażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura, adatta r-rikors għat-tieni dabra, b’mod li dan huwa intiż ukoll għall-annullament tal-atti ta’ żamma tal‑2020, inkwantu dawn l-atti jikkonċernawh. Ir-rikorrent tenna wkoll it-talbiet li kienu jinsabu fir-rikors kif ukoll fl-ewwel nota ta’ adattament u ressaq argumenti ġodda.

32      Fit‑2 ta’ Ottubru 2020, il-Kunsill ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar it-tieni nota ta’ adattament.

33      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat‑22 ta’ Ottubru 2020.

34      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-atti inizjali, l-atti ta’ żamma tal‑2019 u l-atti ta’ żamma tal‑2020 (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, l-“atti kkontestati”) inkwantu dawn jikkonċernawh;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

35      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż;

–        sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tannulla l-atti kkontestati inkwantu dawn jikkonċernaw lir-rikorrent, tordna ż-żamma tal-effetti tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2019/87 kif ukoll tad-Deċiżjonijiet 2019/806 u 2020/719 inkwantu dawn jikkonċernaw lir-rikorrent, sad-dħul fis-seħħ tal-annullament tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2019/85, 2019/798 u 2020/716 inkwantu dawn jikkonċernaw lir-rikorrent.

 Iddritt

[omissis]

 Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni

82      Fl-ewwel lok, ir-rikorrent jikkontesta li huwa negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja. F’dan ir-rigward, huwa jikkontesta l-elementi meqjusa mill-Kunsill sabiex jinkludi ismu fil-listi inkwistjoni. B’mod partikolari, ir-rikorrent isostni li huwa sempliċi impjegat, impjegat minn Aman Holding JSC. Huwa jirrikonoxxi li, fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu, huwa kien inkarigat jirrappreżenta lil Aman Holding fil-Bord tad-Diretturi ta’ Aman Damascus JSC (iktar ’il quddiem “Aman Dimashq”) u wettaq il-funzjoni ta’ President tal-Bord tad-Diretturi ta’ din l-aħħar kumpannija. Madankollu, huwa jsostni li rriżenja mill-pożizzjoni tiegħu fi ħdan Aman Holding u li, konsegwentement, fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu, huwa ma jirrappreżentax iktar lil din il-kumpannija bħala membru tal-Bord tad-Diretturi ta’ Aman Dimashq. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li Aman Dimashq ma hijiex impriża konġunta li tibbenefika mill-appoġġ tar-reġim u li, fil-kuntest tal-proġett Marota City, huwa ma żviluppax artijiet esproprjati li jappartjenu lil persuni spostati minħabba l-kunflitt fis-Sirja, fatt li pprekludihom milli jerġgħu lura d-dar tagħhom. Fir-replika, huwa jsostni li l-artijiet li fuqhom il-proġett Marota City ser jiġi żviluppat ma kinux is-suġġett ta’ ġlied bejn il-forzi tal-oppożizzjoni u r-reġim Sirjan u li l-kwartieri ta’ Damasku (is-Sirja) li jinsabu f’din iż-żona qatt ma ġew meqruda fil-kunflitt armat li kien hemm fis-Sirja. Fl-aħħar nett, huwa jiċħad li għandu xi sehem fl-impriża konġunta Aman Dimashq. Barra minn hekk, ir-rikorrent jikkontesta, minn naħa, li għandu sehem fi Fly Aman u, min-naħa l-oħra, li huwa sieħeb fundatur ta’ din il-kumpannija peress li, qabel ma t-twaqqif ta’ Fly Aman ipproduċa l-effetti tiegħu, huwa ġie ssostitwit bħala fundatur u azzjonist.

83      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-atti ta’ żamma tal‑2020, ir-rikorrent jikkontesta r-raġuni l-ġdida għall-inklużjoni ta’ ismu u jsostni, f’dan ir-rigward, li l-kwalità tiegħu fi ħdan Aman Facilities OPLLC ma hijiex ta’ natura li tagħtih il-kwalità ta’ negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja, peress li din il-kumpannija għandha kapital żgħir u topera f’qasam ta’ attività limitat. Barra minn hekk, Aman Facilities ma tikkostitwixxix fergħa jew sussidjarja ta’ Aman Holding u ma hijiex appoġġjata minn din tal-aħħar jew minn S. Foz.

84      Fit-tielet lok, ir-rikorrent jikkontesta li għandu rabta mar-reġim Sirjan.

85      Fir-raba’ lok, ir-rikorrent isostni li ebda wieħed mid-dokumenti tad-Dokument WK 50/2019 INIT ma jirreferi għar-rabta preżunta tiegħu mar-reġim Sirjan, iżda li dawn id-dokumenti jikkonċernaw prinċipalment lil S. Foz.

86      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

[omissis]

94      Għandu jitfakkar, hekk kif jirriżulta mill-punti 50 u 51 iktar ’il fuq, li l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent hija bbażata, minn naħa, fuq il-kriterju ddefinit fl-Artikolu 27(2)(a) u fl-Artikolu 28(2)(a) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, u fl-Artikolu 15(1a)(a) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828 (kriterju ta’ negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja) u, min-naħa l-oħra, fuq il-kriterju ddefinit fl-Artikolu 27(1) u fl-Artikolu 28(1) tal-imsemmija deċiżjoni u fl-Artikolu 15(1)(a) tal-imsemmi regolament (kriterju ta’ assoċjazzjoni mar-reġim).

[omissis]

 Fuq listatus ta’ negozjant prominenti li jeżerċita lattivitajiet tiegħu fisSirja

115    Għandu jiġi vverifikat jekk il-provi kollha prodotti mill-Kunsill jissodisfawx l-oneru tal-prova impost fuqu bis-saħħa tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 89 iktar ’il fuq u jikkostitwixxu għalhekk sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti sabiex tiġi ssostanzjata l-ewwel raġuni għal inklużjoni.

116    F’dan ir-rigward, il-Kunsill qies li r-rikorrent huwa negozjant prominenti li jeżerċita l‑attivitajiet tiegħu fis‑Sirja minħabba l-interessi u l-attivitajiet li huwa għandu f’bosta setturi tal-ekonomija Sirjana. Fir-rigward tal-atti inizjali u tal-atti ta’ żamma tal‑2019, il-provi prodotti mill-Kunsill fid-Dokument WK 50/2019 INIT jirrigwardaw tliet attivitajiet, jiġifieri, l-istatus tiegħu ta’ sieħeb fundatur tal-kumpannija tal-ajru Fly Aman, sussegwentement l-istatus tiegħu ta’ President tal-Bord tad-Diretturi ta’ Aman Dimashq, impriża konġunta attiva fil-proġett Marota City u fl-aħħar, il-funzjonijiet tiegħu fi ħdan Aman Holding li huma marbuta mal-istatus tiegħu ta’ President tal-Bord tad-Diretturi ċċitat iktar ’il fuq. Fir-rigward tal-atti ta’ żamma tal‑2020, minbarra l-attivitajiet imsemmija iktar ’il fuq, il-provi addizzjonali prodotti mill-Kunsill fid-Dokument WK 3599/2020 REV 1 isemmu l-istabbiliment mir-rikorrent ta’ Aman Facilities ma’ S. Foz u f’isem dan tal-aħħar.

117    Għaldaqstant, huwa neċessarju li jiġi eżaminat kull wieħed minn dawn l-elementi.

–       Fuq listatus ta’ sieħeb fundatur ta’ Fly Aman

118    Fir-rigward tar-raġuni li tinsab fl-atti kkontestati dwar l-istatus ta’ sieħeb fundatur ta’ Fly Aman, mill-provi li joriġinaw mis-siti internet “Aliqtisadi”, “Eqtsad News” u “7al.net” jirriżulta li r-rikorrent huwa sieħeb fundatur ta’ Fly Aman. Barra minn hekk, is-sit internet “7al.net” jippreċiża li l-Ministeru għall-Kummerċ Intern u għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi Sirjan irratifika l-istatuti ta’ Fly Aman, li 10 % tal-ishma tagħha jappartjenu lir-rikorrent.

119    F’dan ir-rigward, minn naħa, ir-rikorrent jikkontesta li għandu sehem fi Fly Aman u jsostni li, fi kwalunkwe każ, dan huwa minoritarju. Insostenn tal-allegazzjoni tiegħu, huwa jipproduċi l-ewwel verżjoni tal-istatuti ta’ Fly Aman, tat‑22 ta’ Frar 2018 u ffirmata mid-Direttorat tal-Impriżi Sirjan, u ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ Fly Aman tat‑28 ta’ Mejju 2018. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent jikkontesta li huwa fundatur ta’ Fly Aman u jsostni li, qabel ma t-twaqqif ta’ Fly Aman ipproduċa l-effetti tiegħu, il-kumpannija B kienet issostitwixxietu bħala soċju fundatur.

120    Għandu jiġi rrilevat li ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ Fly Aman, tat‑28 ta’ Mejju 2018, jindika li l-fundaturi tal-impriża huma K. Al Zoubi u l-kumpannija B. Barra minn hekk, minn dan jirriżulta li l-kumpannija B hija azzjonista ta’ Fly Aman flimkien ma’ K. Al Zoubi. Għall-kuntrarju, isem ir-rikorrent ma jissemmiex fih. Madankollu, l-ewwel verżjoni tal-istatuti ta’ Fly Aman, tat‑22 ta’ Frar 2018 u ffirmata mid-Direttorat tal-Impriżi Sirjan, tindika lir-rikorrent bħala fundatur u sieħeb ta’ Fly Aman u tindika li dan tal-aħħar għandu 10 % mill-kapital tal-impriża. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rikorrent ma weriex li l-istatuti tat‑22 ta’ Frar 2018 ta’ Fly Aman ma kinux ipproduċew effetti legali bejn id-data tagħhom u d-data taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tat‑28 ta’ Mejju 2018, fid-dawl tal-fatt li l-kumpannija ma kinitx twaqqfet filwaqt li l-istatuti tagħha kienu ġew irratifikati mid-Direttorat tal-Impriżi Sirjan. Waqt is-seduta, huwa għall-kuntrarju kkonferma li din ma kinitx l-ewwel verżjoni, iżda tassew l-istatuti definittivi ta’ Fly Aman, sakemm jiġu rreġistrati mad-Direttorat tal-Impriżi Sirjan. Fl-aħħar, ir-rikorrent jirrikonoxxi li ma pproduċiex prova dwar it-trasferiment tat-titolu tiegħu lill-kumpannija B, indikata bħala msieħba fundatriċi fiċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tat‑28 ta’ Mejju 2018. Issa, għandu jitfakkar li isem ir-rikorrent ġie inkluż fil-listi inkwistjoni minħabba l-istatus tiegħu ta’ sieħeb fundatur tal-kumpannija tal-ajru Fly Aman u mhux inkwantu sempliċi azzjonist. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrent jikkontradixxi lilu nnifsu fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, peress li, filwaqt li jikkontesta li huwa azzjonist, huwa jirrikonoxxi li huwa wieħed billi jsostni li huwa biss azzjonist minoritarju. Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll, fir-rigward tal-atti ta’ żamma tal‑2020, li l-provi li jirriżultaw mis-siti internet “Aliqtisadi” u “Eqtsad News”, li jirriżultaw mid-Dokument WK 3599/2020 REV 1, jindikaw li r-rikorrent huwa sieħeb fundatur ta’ Fly Aman.

121    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrent ma rnexxilux jikkontesta r-raġuni li huwa kien sieħeb fundatur ta’ Fly Aman fil-mument tat-twaqqif tagħha fit‑22 ta’ Frar 2018. Għalhekk, ir-raġuni għal inklużjoni relatata mal-fatt li r-rikorrent huwa sieħeb fundatur tal-kumpannija tal-ajru Fly Aman, preżenti fl-atti kkontestati, hija fondata.

–       Fuq listatus ta’ President talBord tadDiretturi ta’ Aman Dimashq

[omissis]

127    It-tieni nett, fir-rigward tal-atti ta’ żamma tal‑2020, għandu jiġi osservat li, f’dak li jirrigwarda r-raġuni relatata mal-istatus tar-rikorrent bħala President tal-Bord tad-Diretturi ta’ Aman Dimashq, il-Kunsill żamm isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni billi ċċita preċiżament id-data ta’ riżenja allegata mill-persuna kkonċernata, jiġifieri Mejju 2019. Dan ifisser li l-Kunsill irrikonoxxa bħala pprovat il-fatt li r-rikorrent ma kienx għadu, minn Mejju 2019, President tal-Bord tad-Diretturi ta’ Aman Dimashq.

128    Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li persuna tkun waqfet milli teżerċita l-funzjonijiet tagħha fi ħdan struttura ma jimplikax, fih innifsu, li dawn il-funzjonijiet preċedenti huma irrilevanti, inkwantu l-attivitajiet passati tagħha jistgħu jinfluwenzaw l-aġir tagħha. Madankollu, il-ġurisprudenza ppreċiżat li, ikkunsidrati waħedhom, il-funzjonijiet preċedenti ta’ persuna ma jistgħux jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ isem din tal-aħħar fil-listi inkwistjoni. Jekk il-Kunsill ikun jixtieq jibbaża ruħu fuq l-attivitajiet passati tal-imsemmija persuna, huwa għandu fil-fatt jipproduċi indizji serji u konkordanti li jippermettu raġonevolment li jitqies li din tal-aħħar iżżomm rabtiet mal-istruttura li kienet timpjegaha fid-data tal-adozzjoni tal-att ikkontestat, li jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi, wara t-tmiem tal-attivitajiet tagħha fi ħdan din l-istruttura (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2013, Bateni vs Il‑Kunsill, T‑42/12 u T‑181/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:409, punti 64 u 65, u tat‑18 ta’ Frar 2016, Jannatian vs Il‑Kunsill, T‑328/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:86, punt 40).

129    F’dan il-każ, mid-Dokument WK 3599/2020 REV1 ma jirriżultax li l-Kunsill ipproduċa indizji serji u konkordanti, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 128 iktar ’il fuq, li jippermettu raġonevolment li jitqies li r-rikorrent żamm rabtiet mal-istruttura li kienet timpjegah fid-data tal-adozzjoni tal-att ikkontestat. Għalhekk, id-Dokument WK 3599/2020 REV1 ma jinkludi ebda prova ta’ natura li tiġġustifika li, minkejja r-riżenja tar-rikorrent f’Mejju 2019, din l-indikazzjoni għandha tinżamm fir-raġunijiet għal inklużjoni. B’mod partikolari, il-Kunsill ma jispjegax u ma weriex kif il-fatt li r-rikorrent kien President tal-Bord tad-Diretturi ta’ Aman Dimashq sa Mejju 2019 jiġġustifika, fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ żamma tal‑2020, li jintuża dan l-element sabiex jiġi stabbilit l-istatus tiegħu ta’ negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja. F’dan ir-rigward, huwa ma weriex li r-rikorrent żamm rabtiet partikolari ma’ Aman Dimashq. Għandu jiġi rrilevat ukoll li, waqt is-seduta, il-Kunsill irrikonoxxa li r-rikorrent kien abbanduna l-funzjonijiet tiegħu meta rriżenja, iżda rrefera biss għall-attivitajiet kummerċjali l-oħra tiegħu sabiex jiġġustifika, minħabba l-importanza tagħhom, il-klassifikazzjoni tar-rikorrent bħala negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja.

130    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li, fir-rigward tal-atti ta’ żamma tal‑2020, il-Kunsill ma setax jibbaża ruħu fuq ir-raġuni relatata mal-istatus ta’ President tal-Bord tad-Diretturi ta’ Aman Dimashq sa Mejju 2019 tar-rikorrent sabiex juri l-istatus tiegħu ta’ negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja.

–       Fuq ilparteċipazzjoni tar-rikorrent, bħala President talBord tadDiretturi ta’ Aman Dimashq, impriża konġunta attiva filkostruzzjoni talproġett Marota City, fi proġett residenzjali u kummerċjali ta’ lussu appoġġjat mir-reġim

[omissis]

135    It-tieni, fir-rigward tar-raġunijiet li jinsabu fl-atti ta’ żamma tal‑2020, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, peress li ġie stabbilit, fil-punt 130 iktar ’il fuq, li, sabiex juri l-istatus ta’ negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja tar-rikorrent, il-Kunsill ma setax jibbaża ruħu fuq ir-raġuni relatata mal-kwalità tiegħu ta’ President tal-Bord tad-Diretturi ta’ Aman Dimashq sa Mejju 2019, huwa ma jistax, a fortiori, iqis il-parteċipazzjoni tiegħu fil-proġett Marota City f’din il-kapaċità sabiex juri l-imsemmi status.

–       Fuq listatus ta’ impjegat ta’ Aman Holding

[omissis]

138    It-tieni, fil-kuntest tal-eżami tal-legalità tal-atti ta’ żamma tal‑2020, għandu jitfakkar li r-rikorrent ma kienx għadu President tal-Bord tad-Diretturi ta’ Aman Dimashq, hekk kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 130 iktar ’il fuq.

139    Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrent inżamm fil-pożizzjoni tiegħu fi ħdan Aman Holding għal madwar sena wara d-data tar-riżenja tiegħu. Barra minn hekk, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali magħmula waqt is-seduta, ir-rikorrent ippreċiża li s-salarju tiegħu tnaqqas bin-nofs. B’mod partikolari, il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu konkluż ma’ Aman Holding kien jindika li huwa kien jitħallas SYP 1 250 000 (madwar EUR 2 526.60) fix-xahar. Barra minn hekk, huwa jsostni li ma huwiex daqshekk involut fil-proġetti ta’ Aman Holding, fid-dawl tal-fatt li huwa jissupervizza inqas proġetti. Barra minn hekk, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu u hekk kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, ir-rikorrent talab lil Aman Holding l-awtorizzazzjoni sabiex jistabbilixxi Aman Facilities, minħabba l-fatt li huwa kien jirċievi remunerazzjoni mingħand Aman Holding u kellu l-intenzjoni li jadotta isem kummerċjali simili għal dak ta’ Aman Holding, fatt li jindika li huwa ma kellux il-libertà kollha sabiex imexxi kif kien irid il-proġett ta’ impriża tiegħu. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent sostna li Aman Holding kienet għenitu sabiex isib avukat li jirrappreżentah u kienet assumiet ir-responsabbiltà għall-ispejjeż legali li huwa kien ser isostni fil-kuntest ta’ rikors kontra l-miżuri restrittivi kontenzjużi.

140    Minn dan jirriżulta li r-rikorrent għandu tassew rabtiet ma’ Aman Holding, iżda li dawn inbidlu b’mod sinjifikattiv meta mqabbla ma’ dawk eżistenti fil-mument tal-adozzjoni tal-atti inizjali u tal-atti ta’ żamma tal‑2019. Fil-fatt, ir-rikorrent isostni, mingħajr ma ġie kontradett mill-Kunsill, li huwa ma jissupervizzax iktar proġetti u li Aman Holding awtorizzatu jżomm dan l-impjieg sakemm isib sors ieħor ta’ dħul. Barra minn hekk, peress li r-rikorrent ma huwiex iktar mandatarju tal-kumpannija, iżda sempliċi impjegat ta’ Aman Holding, ma jistax jiġi affermat li l-attivitajiet tiegħu fi ħdan din il-kumpannija jirrenduh negozjant prominenti. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, fir-rigward tal-atti ta’ żamma tal‑2020, il-Kunsill ma setax jibbaża ruħu, sabiex juri l-istatus ta’ negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja tar-rikorrent, fuq l-istatus tiegħu ta’ impjegat fi ħdan Aman Holding.

–       Fuq listatus ta’ membru fundatur ta’ Aman Facilities ma’ u f’isem S. Foz

141    Fir-rigward tar-raġuni l-ġdida li tinsab fl-atti ta’ żamma tal‑2020, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent jammetti li stabbilixxa l-kumpannija Aman Facilities u jiġġustifika dan billi jirreferi għad-diffikultajiet sabiex isib impjieg wara l-adozzjoni mill-Kunsill tal-atti inizjali u tal-atti ta’ żamma tal‑2019.

142    L-ewwel, għandu jiġi nnotat li d-data ta’ stabbiliment ta’ Aman Facilities indikata fir-raġunijiet li fuqhom huma bbażati l-atti ta’ żamma tal‑2020 ma tikkorrispondix għal dik imsemmija mir-rikorrent fit-tieni nota ta’ adattament. Fil-fatt, l-imsemmija raġunijiet jippreċiżaw li l-kumpannija ġiet stabbilita fit‑30 ta’ Jannar 2020, fatt li huwa kkonfermat mill-artiklu tas-sit internet “Aliqtisadi”. Għall-kuntrarju, ir-rikorrent jindika li l-kumpannija twaqqfet f’Mejju 2019, ftit jiem biss qabel ir-riżenja effettiva tiegħu mill-pożizzjoni tiegħu ta’ mandatarju tal-kumpannija ta’ Aman Holding, jiġifieri fit‑28 ta’ Mejju 2019. Barra minn hekk, skont iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ Aman Facilities, prodott mir-rikorrent, il-kumpannija ġiet stabbilita fit‑23 ta’ Mejju 2019. Fl-aħħar nett, id-dikjarazzjoni ta’ Syria International Islamic Bank tikkonferma wkoll stabbiliment qabel it‑30 ta’ Jannar 2020, peress li r-rimbors tas-self mogħti għat-twaqqif ta’ din il-kumpannija beda fl‑10 ta’ Novembru 2019. Madankollu, din id-differenza fid-data ma hijiex ta’ natura li taffettwa l-legalità tal-atti ta’ żamma tal‑2020 għaliex, anki jekk jitqies li l-Kunsill ħa inkunsiderazzjoni data żbaljata, xorta jibqa’ l-fatt li r-rikorrent jirrikonoxxi li stabbilixxa din il-kumpannija qabel l-adozzjoni tal-imsemmija atti.

143    It-tieni, mill-artiklu li jirriżulta mis-sit internet “Aliqtisadi” jirriżulta li Aman Facilities topera fis-settur tat-turiżmu u tipprovdi servizzi ta’ lukandi. Skont dan l-artiklu, l-oqsma ta’ attivitajiet tal-kumpannija huma s-sussegwenti: it-tmexxija ta’ lukandi, ta’ faċilitajiet privati u ta’ stabbilimenti ddedikati għat-turiżmu, għas-servizzi jew għall-amministrazzjoni u l-attivitajiet ta’ konsulenza fil-qasam tat-turiżmu u tas-servizzi. Ir-rikorrent isostni li Aman Facilities tipprovdi servizzi ta’ tindif u ta’ sterilizzazzjoni lil ċerti impriżi u faċilitajiet, fatt li jista’ jinkludi l-lukandi, iżda għall-kuntrarju huwa jikkontesta li din il-kumpannija topera jew tiżviluppa attivitajiet ta’ lukandi u turistiċi. Insostenn tal-argument tiegħu, huwa jipproduċi żewġ kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi li l-għan tagħhom jikkonferma li Aman Facilities tipprovdi servizzi ta’ tindif u ta’ sterilizzazzjoni f’lukanda. Ir-rikorrent jipproduċi wkoll iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ Aman Facilities, tat‑22 ta’ Jannar 2020, li madankollu jikkonferma d-deskrizzjoni tal-għan ta’ Aman Facilities kif riprodott fl-artiklu “Aliqtisadi”. Għaldaqstant, iż-żewġ kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi u ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ Aman Facilities ma jikkontestawx il-lista tal-oqsma ta’ attivitajiet iċċitati fl-artiklu “Aliqtisadi” u, għaldaqstant, ir-rilevanza tal-imsemmi artiklu.

144    It-tielet, fir-rigward tal-parti tar-raġunijiet tal‑2020 li tindika li r-rikorrent stabbilixxa l-kumpannija Aman Facilities ma’ S. Foz u f’isem dan tal-aħħar, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill ipproduċa biss artiklu wieħed intiż li jissostanzjaha, jiġifieri l-artiklu bit-titolu “Bashar Assi, l-id il-leminija l-ġdida ta’ S. Foz għall-investimenti”, li rriżulta mis-sit internet “Eqtsad News”, li jsemmi r-rabtiet eżistenti bejn S. Foz u r-rikorrent. Skont dan l-artikolu, S. Foz juża isem ir-rikorrent sabiex jistabbilixxi kumpanniji ġodda. Huwa fil-kuntest ta’ din il-kollaborazzjoni li r-rikorrent kiseb l-awtorizzazzjoni tal-Ministeru għall-Kummerċ Intern u għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi Sirjan għat-twaqqif ta’ Aman Facilities.

145    Għandu jiġi rrilevat li, fuq dan il-punt, ir-rikorrent ippreżenta dikjarazzjoni ġuramentata, redatta minn persuna responsabbli tas-Syria International Islamic Bank u ddatata t‑13 ta’ Awwissu 2020, li turi l-eżistenza ta’ self, ta’ ammont ta’ SYP 20 miljun (madwar EUR 26 000), mogħti lir-rikorrent kif ukoll l-iskeda tar-rimbors ta’ dan il-kreditu, b’dekorrenza mill‑10 ta’ Novembru 2019. Skont ir-rikorrent, dan is-self bankarju serva sabiex tiġi ffinanzjata parti mill-istabbiliment ta’ Aman Facilities, filwaqt li l-parti l-oħra kienet iffinanzjata permezz ta’ fondi privati. F’dan ir-rigward, waqt is-seduta, il-Kunsill indika li ma setax jiġi eskluż li r-rikorrent kellu sorsi oħra ta’ finanzjament, permezz ta’ S. Foz jew bank ieħor, anki jekk huwa rrikonoxxa li ma kellu l-ebda prova sabiex jikkorrobora l-affermazzjoni tiegħu.

146    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrent wera, mingħajr ma ġie kontradett b’mod utli mill-Kunsill, li huwa ħa self f’ismu personali sabiex iwaqqaf il-kumpannija Aman Facilities. Bl-istess mod, mill-artiklu li rriżulta mis-sit internet “Eqtsad News” jirriżulta li l-awtorizzazzjoni għall-istabbiliment tal-imsemmija kumpannija ngħatat lir-rikorrent mill-Ministeru għall-Kummerċ Intern u għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi Sirjan. Għall-kuntrarju, minn dan ma jirriżultax li Aman Facilities ġiet uffiċjalment stabbilita mir-rikorrent u minn S. Foz.

147    Ir-raba’, matul is-seduta, il-Kunsill invoka x-xebh eżistenti bejn l-ismijiet Aman Holding u Aman Facilities sabiex jenfasizza r-rabta eżistenti bejn S. Foz u r-rikorrent u b’hekk juri li, fir-realtà, Aman Facilities ġiet stabbilita f’isem S. Foz. Ir-rikorrent, min-naħa tiegħu, jiġġustifika din l-għażla bħala vantaġġ għal finijiet ta’ marketing, sabiex jikseb vantaġġ f’termini ta’ viżibbiltà u jiżviluppa l-attivitajiet tiegħu, billi jibbenefika mill-prestiġju ta’ Aman Holding.

148    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-fatt li l-ismijiet ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji għandhom komuni l-kelma “Aman” ma jistax jikkostitwixxi prova suffiċjenti fiha nfisha sabiex jiġi muri li Aman Facilities ġiet stabbilita ma’ u f’isem S. Foz. Bl-istess mod, anki jekk ir-rikorrent indika li għażel l-isem Aman Facilities sabiex jikseb vantaġġ mir-reputazzjoni ta’ Aman Holding, minn ebda prova inkluża fid-Dokument WK 3599/2020 REV 1 ma jirriżulta li Aman Facilities ġiet imsemmija hekk minħabba r-rabta tagħha ma’ Aman Holding u lanqas li S. Foz approva tali inizjattiva.

149    Il-ħames, ebda prova inkluża fid-Dokument WK 3599/2020 REV 1 ma turi li l-attività ta’ Aman Facilities tibbenefika lil S. Foz, jew saħansitra lil Aman Holding.

150    Fl-aħħar nett, is-sitt, anki jekk mill-proċess jirriżulta li S. Foz huwa l-proprjetarju ta’ Aman Holding, għandu jiġi osservat li r-raġunijiet għal inklużjoni tal-atti ta’ żamma tal‑2020 jirrigwardaw ir-rabta eżistenti bejn Aman Facilities u S. Foz u ma jsemmux ir-rabta bejn Aman Holding u Aman Facilities.

151    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, għalkemm ir-rikorrent jammetti li stabbilixxa lil Aman Facilities, ma huwiex possibbli li jiġi affermat li huwa aġixxa f’isem S. Foz meta stabbilixxa l-imsemmija kumpannija. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, il-Kunsill jissodisfa l-oneru tal-prova impost fuqu jekk huwa jipproduċi quddiem il-qorti tal-Unjoni sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti bejn il-persuna suġġetta għal miżura ta’ ffriżar tal-fondi tagħha u r-reġim li kontrih tkun qiegħda tittieħed azzjoni (sentenza tal‑21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il‑Kunsill, C‑605/13 P, EU:C:2015:248, punt 52). F’dan is-sens, l-unika prova prodotta mill-Kunsill intiża li turi l-fondatezza tar-raġuni l-ġdida għal inklużjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn din il-ġurisprudenza, fid-dawl b’mod partikolari tal-produzzjoni mir-rikorrent ta’ provi u ta’ argumenti kuntrarji.

–       Konklużjoni dwar listatus ta’ negozjant prominenti li jeżerċita lattivitajiet tiegħu fisSirja tarrikorrent

[omissis]

170    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-atti ta’ żamma tal‑2020, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kunsill ipproduċa sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li jiġi stabbilit li r-rikorrent kien is-sieħeb fundatur ta’ Fly Aman u kien waqqaf il-kumpannija Aman Facilities. Għall-kuntrarju, huwa ma pproduċiex prova tar-rwol preponderanti li r-rikorrent kellu f’Aman Holding, hekk kif jirriżulta mill-punti 139 u 140 iktar ’il fuq. Bl-istess mod, il-Kunsill ma jipproduċix il-prova li Aman Facilities twaqqfet ma’ u f’isem S. Foz. Fl-aħħar nett, il-Kunsill ibbaża ruħu, b’mod żbaljat, fuq l-istatus ta’ President tal-Bord tad-Diretturi ta’ Aman Dimashq sa Mejju 2019 tar-rikorrent u fuq il-parteċipazzjoni tiegħu f’dan ir-rigward fil-proġett Marota City.

171    Issa, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-artiklu tas-sit internet “Eqtsad News”, Fly Aman għadha ma ġietx stabbilita. Ir-rikorrent sostna wkoll, mingħajr ma ġie kkontestat mill-Kunsill fuq dan il-punt, li Fly Aman ma kinitx operattiva. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent jikkonferma li stabbilixxa l-kumpannija Aman Facilities. Madankollu, t-twaqqif ta’ Aman Facilities, li l-għan soċjali tagħha huwa deskritt fil-punt 143 iktar’ il fuq, ma huwiex element suffiċjenti sabiex fuqu jiġi bbażat, waħdu, l-istatus ta’ negozjant prominenti li jeżerċita l‑attivitajiet tiegħu fis‑Sirja. Barra minn hekk, ir-rikorrent ippreċiża waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, li din il-kumpannija kienet timpjega numru żgħir ħafna ta’ impjegati, mhux iktar minn ħamsa, fatt li l-Kunsill ma kkontestax. F’tali ċirkustanzi, il-Kunsill ma jistax jitqies li wera, b’mod suffiċjenti, l-istatus ta’ negozjant prominenti li jeżerċita l‑attivitajiet tiegħu fis‑Sirja tar-rikorrent fil-mument tal-adozzjoni tal-atti ta’ żamma tal‑2020.

172    Għaldaqstant, fir-rigward tal-atti ta’ żamma tal‑2020, l-ewwel raġuni għal inklużjoni ma hijiex suffiċjentement issostanzjata; għaldaqstant, huwa neċessarju li tiġi eżaminata t-tieni raġuni għal inklużjoni.

 Fuq lassoċjazzjoni marreġim Sirjan

173    Għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-atti ta’ żamma tal‑2020, it-tieni raġuni għal inklużjoni tirrigwarda l-appoġġ lir-reġim Sirjan u l-vantaġġ li r-rikorrent jikseb mill-imsemmi reġim minħabba l-attivitajiet kummerċjali tiegħu.

174    Għaldaqstant, huwa neċessarju li jiġu identifikati l-attivitajiet kummerċjali kkonċernati.

175    Għandu jiġi kkonstatat li l-attivitajiet kummerċjali li għalihom ir-rikorrent huwa meqjus, mill-Kunsill, bħala li jappoġġja lir-reġim Sirjan u bħala li jikseb vantaġġ minnu huma l-istess bħal dawk li wassluh iqisu bħala negozjant prominenti li jeżerċita l‑attivitajiet tiegħu fis‑Sirja.

176    F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi eskluż li, għal persuna speċifika, ir-raġunijiet għal inklużjoni jikkoinċidu sa ċertu punt, fis-sens li persuna tista’ tiġi kklassifikata bħala negozjanta prominenti li teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-Sirja u titqies bħala li tibbenefika, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha, mir-reġim Sirjan jew bħala li tappoġġjah permezz ta’ dawn l-istess attivitajiet. Dan jirriżulta preċiżament mill-fatt li, hekk kif huwa stabbilit fil-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2015/1836, ir-rabtiet mill-qrib mar-reġim Sirjan u l-appoġġ lilu mogħti minn din il-kategorija ta’ persuni huma waħda mir-raġunijiet li għalihom il-Kunsill iddeċieda li joħloq din il-kategorija. Xorta waħda jibqa’ l-fatt li dawn huma, anki f’dan il-każ, kriterji differenti (sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2020, Kaddour vs Il‑Kunsill, T‑510/18, EU:T:2020:436, punt 77).

177    Issa, l-ewwel, mill-konklużjonijiet misluta fil-punti 130 u 135 iktar ’il fuq għandu jiġi dedott li, peress li r-rikorrent ma kienx President tal-Bord tad-Diretturi ta’ Aman Dimashq fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ żamma tal‑2020, huwa ma jistax jitqies bħala li jibbenefika mir-reġim Sirjan f’dan ir-rigward, u lanqas li jappoġġjah minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu fil-proġett Marota City.

178    It-tieni, ġie stabbilit, fil-punt 121 iktar ’il fuq, li r-rikorrent huwa s-sieħeb fundatur ta’ Fly Aman. Madankollu, ir-rikorrent jallega li Fly Aman ma hijiex operattiva. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mill-artiklu li jirriżulta mis-sit internet “Eqtsad News” jirriżulta li Fly Aman għadha ma ġietx stabbilita. Ebda prova inkluża fid-Dokumenti WK 50/2019 INIT u WK 3599/2020 REV 1 ma turi li r-rikorrent jibbenefika, fil-kwalità tiegħu ta’ sieħeb fundatur tal-imsemmija kumpannija, mir-reġim Sirjan u lanqas li jappoġġjah. Ċertament, skont is-sit internet “7al.net”, fis-Sirja, is-settur tal-avjazzjoni ċivili jbati minn diffikultajiet kbar fid-dawl tal-operazzjonijiet militari li jsiru hemmhekk u li għandhom bħala konsegwenza l-waqfien tat-traffiku turistiku u tas-servizzi fi ħdan ċerti ajruporti. Madankollu, il-Kunsill ma invokax din il-kunsiderazzjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu sabiex jiġġustifika eventwali rabta bejn it-twaqqif tal-kumpannija u r-reġim Sirjan.

179    It-tielet, għalkemm mill-punt 139 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrent għandu rabtiet ma’ Aman Holding, minn ebda waħda mill-provi inklużi fid-Dokumenti WK 50/2019 INIT u WK 3599/2020 REV 1 ma jirriżulta li r-rikorrent jibbenefika, f’din il-kwalità, mir-reġim Sirjan u lanqas li jappoġġjah. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent sostna li huwa ma kienx jissupervizza iktar proġetti fi ħdan Aman Holding. B’mod partikolari, huwa pproduċa l-prova li huwa kien ġie ssostitwit fil-kuntest tal-funzjoni tiegħu ta’ mandatarju ta’ Aman Holding u ta’ President elett fil-Bord tad-Diretturi ta’ Aman Dimashq. Huwa ġġustifika li żamm b’mod temporanju status ta’ impjegat, fl-istennija li jsib sors ieħor ta’ dħul. Barra minn hekk, l-appoġġ u l-benefiċċju li r-rikorrent jirċievi mill-persuna li kienet timpjegah ma jikkostitwixxux prova diretta li turi li huwa jappoġġja jew jibbenefika mir-reġim Sirjan.

180    Fl-aħħar nett, ir-raba’, fir-rigward ta’ Aman Facilities, għalkemm mill-punt 146 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrent kiseb awtorizzazzjoni mill-Ministeru għall-Kummerċ Intern u għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi Sirjan għat-twaqqif tagħha, is-sempliċi fatt li titwaqqaf kumpannija, li timpjega numru limitat ta’ impjegati, ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jitqies li r-rikorrent jikseb vantaġġ mir-reġim Sirjan u jappoġġjah. F’dan ir-rigward, is-sit internet “Eqtsad News” jirreferi għar-rabtiet eżistenti bejn ir-rikorrent u S. Foz, inkwantu dan tal-aħħar juża isem ir-rikorrent sabiex jistabbilixxi kumpanniji ġodda, fosthom Aman Facilities. Madankollu, dan l-element ma huwiex ikkorroborat minn provi oħra inklużi fid-Dokument WK 3599/2020 REV 1. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li ebda element tad-Dokument WK 3599/2020 REV 1 ma jippermetti li jiġi konkluż li r-rikorrent jappoġġja, preċiżament, lir-reġim Sirjan permezz ta’ Aman Facilities.

181    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni raġuni għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni minħabba l-assoċjazzjoni tiegħu mar-reġim Sirjan ma hijiex suffiċjentement issostanzjata, b’mod li ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent ma hijiex fondata.

182    Għaldaqstant, fir-rigward tal-atti ta’ żamma tal‑2020, l-ewwel motiv tar-rikors għandu jiġi milqugħ u, għaldaqstant, dawn għandhom jiġu annullati, inkwantu dawn jikkonċernaw lir-rikorrent, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati r-raba’, it-tieni u t-tielet motiv imressqa insostenn tar-rikors fir-rigward ta’ dawn l-atti.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir‑Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/719 tat28 ta’ Mejju 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/716 tat28 ta’ Mejju 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, huma annullati inkwantu dawn jikkonċernaw lil Bashar Assi.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, nofs dawk ta’ B. Assi.

4)      B. Assi għandu jbati nofs l-ispejjeż tiegħu.

Gervasoni

Madise

Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑24 ta’ Novembru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Qed jiġu rriprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.