Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Ottubru 2021 – TL vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-677/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: TL (rappreżentant): L. Levi u N. Flandin, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

Tannulla r-rapport tal-iżvilupp tal-karriera (iktar ’il quddiem ir-“RŻK”) tal-2019;

Sussidjarjament, tannulla r-RŻK sa fejn jinkludi kummenti kkontestati;

Fl-istess waqt, u sa fejn meħtieġ, tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta tat-8 ta’ Lulju 2021 li tiċħad l-ilment imressaq mir-rikorrenti kontra r-RŻK;

Tordna l-kumpens għad-dannu morali mġarrab mir-rikorrenti; u

Tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li peress li ebda objettiv ma kien stabbilit għas-sena 2019, il-konvenuta ma setgħetx tagħmel evalwazzjoni korretta u ġusta tal-prestazzjoni tar-rikorrenti fl-2019. Huwa allegat li dan in-nuqqas ta’ objettivi wassal għal żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, għal ksur tad-dmir ta’ premura u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur min-naħa tal-konvenuta tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Guidance for Reporting Officers (il-Linji Gwida intiża għall-Evalwaturi). Huwa wkoll allegat li l-konvenuta wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u abbużat mis-setgħat tagħha. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-konvenuta kisret id-dmir tagħha ta’ premura u d-dmir tagħha ta’ amministrazzjoni tajba.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur mill-konvenuta tal-Artikolu 292(2) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 25(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

____________