Language of document : ECLI:EU:T:2019:757

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

24 ta’ Ottubru 2019 (*)

“Politika soċjali – Djalogu bejn l-imsieħba soċjali fil-livell tal-Unjoni – Ftehim intitolat ‘Qafas ġenerali għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-uffiċjali u [tal-] impjegati tal-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali’ – Talba konġunta tal-partijiet firmatarji għall-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim fil-livell tal-Unjoni – Rifjut tal-Kummissjoni li tippereżenta proposta ta’ deċiżjoni lill-Kunsill – Rikors għal annullament – Att li jista’ jiġi kkontestat – Ammissibbiltà – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni – Awtonomija tal-imsieħba soċjali – Prinċipju ta’ sussidjarjetà – Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑310/18,

European Federation of Public Service Unions (EPSU), stabbilita fi Brussell (il-Belġju),

Jan Goudriaan, residenti fi Brussell,

irrappreżentati minn R. Arthur, solicitor, R. Palmer u K. Apps, barristers,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn I. Martínez del Peral, M. van Beek u M. Kellerbauer, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2018 li tirrifjuta li tippreżenta lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea proposta ta’ deċiżjoni għall-implimentazzjoni tal-ftehim intitolat “Qafas ġenerali għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-uffiċjali u [tal-] impjegati tal-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali”, iffirmat mid-Delegazzjoni tat-Trejdunjins Nazzjonali u l-Amministrazzjoni Ewropea (TUNED) u mill-Persuni li jimpjegaw tal-Amministrazzjoni Pubblika Ewropea (EAPE) fil-21 ta’ Diċembru 2015,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

Komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn S. Gervasoni, President, L. Madise, R. da Silva Passos, K. Kowalik-Bańczyk (Relatur) u C. Mac Eochaidh, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Mejju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz ta’ dokument ta’ konsultazzjoni C(2015) 2303 finali tal-10 ta’ April 2015, il-Kummissjoni Ewropea stiednet lill-imsieħba soċjali, fuq il-bażi tal-Artikolu 154(2) TFUE, sabiex jiddeċiedu dwar l-orjentazzjoni possibbli ta’ azzjoni tal-Unjoni Ewropea li tikkonċerna l-konsolidazzjoni tad-direttivi dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema. Din il-konsultazzjoni kienet tirrigwarda b’mod partikolari l-eventwali estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi għall-uffiċjali u għall-impjegati tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri.

2        Fit-2 ta’ Ġunju 2015, l-imsieħba soċjali fi ħdan il-kumitat ta’ djalogu soċjali għall-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali, jiġifieri, minn naħa, id-Delegazzjoni tat-Trejdunjins Nazzjonali u l-Amministrazzjoni Ewropea (TUNED) u, min-naħa l-oħra, il-Persuni li jimpjegaw tal-Amministrazzjoni Pubblika Ewropea (EAPE), abbażi tal-Artikolu 154(4) TFUE, informaw lill-Kummissjoni dwar ir-rieda tagħhom li jinnegozjaw u jikkonkludu ftehim fuq il-bażi tal-Artikolu 155(1) TFUE.

3        Fil-21 ta’ Diċembru 2015, it-TUNED u l-EAPE ffirmaw ftehim intitolat “Qafas ġenerali għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-uffiċjali u [tal-] impjegati tal-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali” (iktar ’il quddiem il-“Ftehim”).

4        Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Frar 2016, it-TUNED u L-EAPE talbu b’mod konġunt lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposta għall-implimentazzjoni tal-Ftehim fil-livell tal-Unjoni b’deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottata abbażi tal-Artikolu 155(2) TFUE.

5        Fil-5 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni informat lit-TUNED u lill-EAPE li hija kienet iddeċidiet li tirrifjuta li tippreżenta proposta ta’ deċiżjoni lill-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-Ftehim fil-livell tal-Unjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

6        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, essenzjalment, l-ewwel nett, li l-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali kienu suġġetti għall-awtorità tal-gvernijiet tal-Istati Membri, li huma kienu jeżerċitaw prerogattivi ta’ awtorità pubblika u li l-istruttura, l-organizzazzjoni u l-funzjonament tagħhom kienu jaqgħu kompletament fil-kompetenza tal-Istati Membri. It-tieni nett, il-Kummissjoni rrilevat li dispożizzjonijiet li jiżguraw ċertu livell ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-uffiċjali u tal-impjegati ta’ dawn l-amministrazzjonijiet kienu diġà jeżistu f’diversi Stati Membri. It-tielet nett, il-Kummissjoni kkonstatat li d-daqs tal-imsemmija amministrazzjonijiet kien jiddependi fuq il-livell ta’ ċentralizzazzjoni jew ta’ deċentralizzazzjoni tal-Istati Membri, b’tali mod li, fil-każ ta’ implimentazzjoni tal-Ftehim permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, il-livell ta’ protezzjoni tal-uffiċjali u tal-impjegati tal-amministrazzjonijiet pubbliċi jkun ivarja b’mod kunsiderevoli skont l-Istati Membri.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

7        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Mejju 2018, ir-rikorrenti, jiġifieri, minn naħa, il-European Federation of Public Service Unions (EPSU), assoċjazzjoni li tiġbor fi ħdanha organizzazzjonijiet sindakali Ewropej li jirrappreżentaw lill-ħaddiema tas-servizzi pubbliċi u li ħolqot it-TUNED flimkien mal-Konfederezzjoni Ewropea tat-Trade Unions Indipendenti (CESI), u, min-naħa l-oħra, Jan Goudrijaan, Segretarju Ġenerali tal-EPSU, ippreżentaw dan ir-rikors.

8        Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha fis-26 ta’ Lulju 2018.

9        Ir-rikorrenti ppreżentaw ir-replika fid-19 ta’ Settembru 2018.

10      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Ottubru 2018, ir-rikorrenti ressqu talba għal trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-pubbliku ta’ ċerta data li tinsab fl-annessi tar-rikors.

11      Il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika fl-14 ta’ Novembru 2018.

12      Permezz ta’ digriet tat-13 ta’ Diċembru 2018, EPSU u Willem Goudriaan vs Il-Kummissjoni (T‑310/18, mhux ippubblikat, EU:T:2018:1018), il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali ċaħad talba għal intervent insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti mressqa mill-European Transport Workers’ Federation (ETF).

13      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, adottata abbażi tal-Artikolu 89(3)(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet lill-partijiet mistoqsijiet bil-miktub sabiex tingħata tweġiba għalihom fis-seduta.

14      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-23 ta’ Mejju 2019. Fi tmiem is-seduta, il-President tad-Disa’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li ma jagħlaqx il-fażi orali tal-proċedura.

15      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata skont l-Artikolu 89(3)(b) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lir-rikorrenti jikkummentaw bil-miktub dwar argument żviluppat mill-Kummissjoni matul is-seduta. Ir-rikorrenti wieġbu għal din it-talba fit-terminu mogħti.

16      Il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet b’deċiżjoni tal-President tad-Disa’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Ġunju 2019.

17      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

18      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors, sa fejn dan ġie ppreżentat minn J. Goudrijaan, bħala inammissibbli;

–        tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

 Fuq l-eżistenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat

19      Qabel kollox, għandu jitfakkar li mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jirriżulta li l-qorti tal-Unjoni tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet “maħsuba li joħolqu effetti legali fir-rigward tat-terzi.”

20      Minn dan isegwi li r-rikors għal annullament jista’ jiġi eżerċitat fir-rigward tal-miżuri jew tad-dispożizzjonijiet kollha meħuda mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun in-natura jew il-forma, li huma intiżi li jipproduċu effetti ġuridiċi (sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 22/70, EU:C:1971:32, punti 39 u 42, u tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament, 294/83, EU:C:1986:166, punt 24).

21      F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, jekk id-deċiżjoni kkontestata tistax tiġi kklassifikata bħala att preparatorju u, it-tieni nett, jekk l-eżistenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tal-Kummissjoni jistax ikollu effett fuq l-ammissibbiltà tar-rikors.

–       Klassifikazzjoni eventwali ta’ att preparatorju

22      Skont ġurisprudenza stabbilita, bħala prinċipju jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati biss dawk il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni ta’ istituzzjoni fi tmiem proċedura amministrattiva u li jkunu intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti, bl-esklużjoni b’mod partikolari tal-miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali, li ma għandhomx tali effetti (sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 10, u tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 42).

23      Is-sitwazzjoni kienet tkun differenti biss jekk atti jew deċiżjonijiet meħuda matul il-proċedura preparatorja, minn naħa, jikkostitwixxu fihom infushom t-terminu finali ta’ proċedura speċjali distinta u, min-naħa l-oħra, jipproduċu fihom infushom effetti legali vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 11).

24      Ir-riferiment għall-kunċett ta’ proposta jikkostitwixxi indikazzjoni ċara li l-kontenut ta’ att ma huwiex intiż li jipproduċi effetti legali u, għaldaqstant, li dan l-att ma jikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑301/03, EU:C:2005:727, punti 22 u 33). Dan huwa b’mod partikolari l-każ ta’ proposta ppreżentata mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura li tiżvolġi f’diversi fażijiet sa fejn tali proposta tikkostitwixxi att intermedju li ma jipproduċix effetti legali vinkolanti (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-15 ta’ Mejju 1997, Berthu vs Il-Kummissjoni, T‑175/96, EU:T:1997:72, punti 21 u 22).

25      Barra minn hekk, meta deċiżjoni għandha natura negattiva, għandha tiġi evalwata abbażi tan-natura tat-talba li għaliha hija tikkostitwixxi tweġiba (sentenzi tat-8 ta’ Marzu 1972, Nordgetreide vs Il-Kummissjoni, 42/71, EU:C:1972:16, punt 5, u tal-24 ta’ Novembru 1992, Buckl et vs Il-Kummissjoni, C‑15/91 u C‑108/91, EU:C:1992:454, punt 22). Konsegwentement, rifjut huwa att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, peress li l-att li l-istituzzjoni tirrifjuta li tieħu seta’ ġie kkontestat skont din id-dispożizzjoni (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1996, Salt Union vs Il-Kummissjoni, T‑330/94, EU:T:1996:154, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Minn dan isegwi li r-rikorsi għal annullament ippreżentati kontra rifjut ta’ proposta huma, bħala prinċipju, inammissibbli, bl-istess mod bħal dawk ippreżentati kontra proposta (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-13 ta’ Marzu 2007, Arizona Chemical et vs Il-Kummissjoni, C‑150/06 P, mhux ippubblikat, EU:C:2007:164, punti 23 u 24).

27      Madankollu, f’ċerti każijiet, meta test jistabbilixxi proċedura preliminari li tippermetti lil ċerti persuni jitolbu lill-Kummissjoni tippreżenta proposta ta’ att, ir-rifjut tal-Kummissjoni li tissottometti tali proposta jikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat. Fil-fatt, dan ir-rifjut, minn naħa, jittermina l-proċedura preliminari mibdija abbażi tal-imsemmi test u, min-naħa l-oħra, jeskludi l-ftuħ tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-att innifsu. Tali rifjut jesprimi l-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni u jipproduċi effetti legali vinkolanti u, għaldaqstant, jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Ġunju 1998, Lilly Industries vs IIl-Kummissjoni, T‑120/96, EU:T:1998:141, punti 53, 55, 56 u 58, u tat-23 ta’ April 2018, One of Us et vs Il-Kummissjoni, T‑561/14, taħt appell, EU:T:2018:210, punti 66, 77 u 101).

28      Issa, mill-kliem stess tal-Artikolu 155 TFUE, riprodott fil-punt 49 iktar ’il quddiem, jirriżulta li din id-dispożizzjoni tawtorizza lill-imsieħba soċjali sabiex jinnegozjaw ftehim fil-livell tal-Unjoni, u sussegwentement jitolbu b’mod konġunt lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposta intiża għall-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni tirrifjuta li tippreżenta proposta abbażi tal-Artikolu 155(2) TFUE ma tikkostitwixxix att purament preliminari jew preparatorju, iżda għall-kuntrarju tikkostitwixxi teħid ta’ pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni li għandha bħala effett, minn naħa, li ttemm proċedura preliminari prevista favur l-imsieħba soċjali u, min-naħa l-oħra, li ma tiftaħx il-proċedura ta’ adozzjoni tal-att innifsu. Konsegwentement, tali deċiżjoni tipproduċi effetti legali vinkolanti.

29      Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix att preparatorju.

–       Eventwali effett tal-eżistenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’

30      Ċertament, f’ċerti każijiet, l-eżistenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ twassal għall-inammissibbiltà tar-rikors għal annullament. Dan huwa l-każ meta jiġi ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tibdiex proċedura għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, peress li l-Kummissjoni għandha, f’dan ir-rigward, setgħa diskrezzjonali kompletament diskrezzjonali (sentenzi tas-17 ta’ Mejju 1990, Sonito et vs Il-Kummissjoni, C‑87/89, EU:C:1990:213, punt 6, u tal-20 ta’ Frar 1997, Bundesverband der Bilanzbuchhalter vs Il-Kummissjoni, C‑107/95 P, EU:C:1997:71, punti 10, 11 u 19). Dan huwa l-każ ukoll meta r-rikors għal annullament jirrigwarda d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-azzjoni li għandha tittieħed fir-rigward ta’ petizzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 227 TFUE, peress li l-Parlament għandu, f’dan ir-rigward, setgħa diskrezzjonali wiesgħa, ta’ natura politika (sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2014, Schönberger vs Il-Parlament, C‑261/13 P, EU:C:2014:2423, punt 24).

31      Madankollu, il-każijiet imsemmija fil-punt 30 iktar ’il fuq huma eċċezzjonali u speċifiċi ħafna.

32      Fil-fatt, l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta lil istituzzjoni għandha, bħala prinċipju, bħala unika konsegwenza l-limitazzjoni tal-portata u tal-intensità tal-istħarriġ eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni (ara l-punt 110 iktar ’il quddiem).

33      B’mod partikolari, meta tkun inkwistjoni s-setgħa ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni, li tikkonsisti fil-proposta tal-atti tal-Unjoni, il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ mogħti lil din l-istituzzjoni ma huwiex biżżejjed sabiex jipprekludi l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirtira proposta ta’ att leġiżlattiv kienet tikkostitwixxi att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament u, għaldaqstant, ta’ stħarriġ ġudizzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ April 2015, Il-Kunsill vs Il-Kummissjoni,C‑409/13, EU:C:2015:217, punti 76 sa 78). L-istess japplika għad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tirrifjuta li tippreżenta proposta ta’ att legali wara inizjattiva taċ-ċittadini Ewropew (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-23 ta’ April 2018, One of Us et vs Il-Kummissjoni, T‑561/14, taħt appell, EU:T:2018:210, punti 88 sa 101, 169 u 170).

34      Issa, id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tirrifjuta li tippreżenta proposta intiża għall-implimentazzjoni fil-livell tal-Unjoni ta’ ftehim konkluż mill-imsieħba soċjali hija marbuta mal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ inizjattiva tagħha (ara wkoll il-punt 73 iktar ’il quddiem).

35      Minn dan isegwi li, anki jekk jirriżulta, fl-istadju tal-eżami tal-mertu tar-rikors, li f’dan il-każ il-Kummissjoni kellha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, dan il-fatt ma jipprekludix l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors.

36      Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat.

 Fuq il-locus standi tar-rikorrenti

37      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors huwa inammissibbli sa fejn ġie ppreżentat minn J. Goudrijaan, peress li dan tal-aħħar ma għandux locus standi.

38      Għandu jitfakkar li, fil-każ fejn rikors ikun ippreżentat minn diversi rikorrenti, dan ir-rikors huwa ammissibbli jekk waħda mill-partijiet ikollha locus standi. F’tali każ, ma hemmx lok li jiġi eżaminat il-locus standi tal-partijiet rikorrenti l-oħra (ara s-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2018, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Il-Kummissjoni, T‑364/16, EU:T:2018:696, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-locus standi tal-EPSU. F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li d-deċiżjoni kkontestata għandha b’mod partikolari bħala destinatarju t-TUNED, li ma għandhiex personalità ġuridika u awtonoma, peress li r-riżultati tad-djalogu soċjali li hija tipparteċipa fih għandhom jiġu approvati mill-korpi deċiżjonali tal-EPSU u taċ-CESI. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn tal-aħħar għandhom jiġu kkunsidrati li huma d-destinatarji tad-deciżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Marzu 2010, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑50/05, EU:T:2010:101, punt 40, u tat-22 ta’ Mejju 2012, Sviluppo Globale vs Il-Kummissjoni, T‑6/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:245, punt 19). Minn dan isegwi li l-EPSU għandu locus standi abbażi tal-ewwel parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 38 iktar ’il fuq, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-fatt li J. Goudrijaan ma għandux locus standi.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-Anness C.3

41      Il-Kummissjoni ssostni li l-Anness C.3 tar-replika, li jinkludi l-opinjoni legali ta’ professur tal-liġi, huwa inammissibbli skont il-prinċipju ta’ iura novit curia. Fil-fatt, l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali u ma jistgħux jikkonsistu f’pariri legali dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

42      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ iura novit curia ma jistax ifisser li l-annessi tar-rikors relatati mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni huma bħala prinċipju inammissibbli (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2018, Servier et vs Il-Kummissjoni, T‑691/14, taħt appell, EU:T:2018:922, punt 102).

43      Fil-fatt, il-parti prinċipali ta’ rikors jista’ jiġi sostnut u kkompletat fir-rigward ta’ punti speċifiċi b’riferimenti għal siltiet speċifiċi minn dokumenti li jkunu annessi miegħu, sakemm l-elementi essenzjali tal-argumenti legali jinsabu fir-rikors innifsu (ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2006, FNCBV et vs Il-Kummissjoni, T‑217/03 u T‑245/03, EU:T:2006:391, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      F’dan il-każ, ir-rikorrenti żviluppaw suffiċjentement, fir-rikors tagħhom, u sussegwentement fir-replika, l-argument tagħhom dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 155(2) TFUE. Konsegwentement, il-parir legali prodott fl-anness C.3 tar-replika jservi biss sabiex isostni u jikkompleta din it-teżi. Għaldaqstant, dan l-anness huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

45      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-portata tas-setgħat tal-Kummissjoni u, it-tieni wieħed, fuq in-natura insuffiċjenti u manifestament żbaljata tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-portata tas-setgħat tal-Kummissjoni

46      Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta użat setgħa ta’ rifjut li hija ma kellhiex fil-kuntest tal-Artikolu 155(2) TFUE. Huma jsostnu li, sakemm ma tiġix ikkonstatata r-rappreżentattività tal-partijiet firmatarji ta’ ftehim jew l-illegalità tal-klawżoli ta’ dan il-ftehim, il-Kummissjoni hija obbligata li tilqa’ talba konġunta tal-partijiet firmatarji intiża għall-implimentazzjoni tal-imsemmi ftehim fil-livell tal-Unjoni u għall-preżentazzjoni għal dan il-għan ta’ proposta ta’ deċiżjoni lill-Kunsill. Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni rrifjutat li tilqa’ t-talba konġunta tal-partijiet firmatarji tal-Ftehim peress li bbażat ruħha fuq raġunijiet oħra marbuta man-natura mhux xierqa ta’ tali azzjoni.

47      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. B’mod partikolari, hija ssostni li hija biss għandha tiddeċiedi jekk huwiex opportun li tuża s-setgħa ta’ inizjattiva tagħha, inkluż fil-kuntest tal-Artikolu 155(2) TFUE.

48      L-Artikolu 155(2) TFUE għandu jiġi interpretat fid-dawl mhux biss tal-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tal-10 ta’ Marzu 2005, easyCar, C‑336/03, EU:C:2005:150, punt 21).

–       Interpretazzjoni letterali

49      Skont l-Artikolu 155 TFUE, huwa previst dan li ġej:

“1. Jekk min imexxi u l-ħaddiema hekk jixtiequ, id-djalogu bejniethom fil-livell ta’ l-Unjoni jista’ jwassal għal relazzjonijiet kontrattwali, inkluż ftehim.

2. Il-Ftehim konklużi fil-livell ta’ l-Unjoni għandhom jkunu implementati skond il-proċeduri u prattiċi speċifiċi għal min imexxi u l-ħaddiema u l-Istati Membri, jew, f’materji li huma koperti mill-Artikolu 153, fuq talba konġunta mill-partijiet firmatarji, b’deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-Parlament […] għandu jiġi informat.

[…]”

50      Għalhekk, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 155(2) TFUE jirriżulta li ftehim konkluż fil-livell tal-Unjoni mill-imsieħba soċjali jista’ jiġi implimentat b’żewġ modi differenti, jiġifieri jew skont il-proċeduri u l-prattiki stess tal-imsieħba soċjali u tal-Istati Membri, jew, fl-oqsma li jaqgħu taħt l-Artikolu 153 TFUE, fil-livell tal-Unjoni skont proċedura speċifika li twassal għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1998, UEAPME vs Il-Kunsill, T‑135/96, EU:T:1998:128, punt 73).

51      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-proċedura li tippermetti l-implimentazzjoni ta’ ftehim fil-livell tal-Unjoni, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 155(2) TFUE sempliċement jindika li din l-implimentazzjoni tieħu l-forma ta’ deċiżjoni tal-Kunsill meħuda fuq talba konġunta tal-partijiet firmatarji u fuq proposta tal-Kummissjoni u li l-Parlament għandu jiġi informat.

52      Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 155(2) TFUE ma jispeċifikax, b’mod espliċitu, jekk, meta titressaq quddiemha talba konġunta tal-partijiet firmatarji intiża għall-implimentazzjoni ta’ ftehim fil-livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni hijiex obbligata li tippreżenta lill-Kunsill proposta ta’ deċiżjoni f’dan is-sens jew jekk, għall-kuntrarju, hija tistax tirrifjuta li tippreżenta tali proposta lill-Kunsill.

53      Madankollu, ir-rikorrenti jsostnu li l-kliem “shall be implemented” u “intervient” użati, rispettivament, fil-verżjonijiet bl-Ingliż u bil-Franċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 155(2) TFUE joħolqu obbligu ta’ azzjoni għall-Kummissjoni. Huma jirreferu wkoll għall-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni u jsostnu li, waqt in-negozjati tat-Trattat ta’ Maastricht, formulazzjoni inizjali li tħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni ġiet issostitwita, f’kull waħda minn dawn iż-żewġ verżjonijiet lingwistiċi, minn formulazzjoni imperattiva li teskludi kull marġni ta’ diskrezzjoni.

54      F’dan ir-rigward, għandhom jitfakkru l-oriġini tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 155(2) TFUE attwali, fejn il-formulazzjoni tiegħu ġiet iffinalizzata matul in-negozjati tat-Trattat ta’ Maastricht.

55      Inizjalment, il-Presidenza Lussemburgiża ppreżentat, fit-18 ta’ Ġunju 1991, abbozz ta’ trattat dwar l-Unjoni (CONF-UP-UEM 2008/91) bil-ħolqien ta’ artikolu ġdid, l-Artikolu 118 B(2) tat-Trattat KE. Il-verżjoni Franċiża oriġinali ta’ din id-dispożizzjoni kienet ifformulata kif ġej: “[J]ekk l-imsieħba soċjali jixtiequ, il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposti għat-traspożizzjoni fil-livell Komunitarju tal-ftehimiet [konklużi mill-imsieħba soċjali].”

56      Sussegwentement, fil-kuntest ta’ grupp ad hoc tad-djalogu soċjali, l-Unjoni tal-Konfederazzjonijiet tal-Industrija u ta’ min iħaddem fl-Ewropa (UNICE), il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC) u ċ-Ċentru Ewropew tal-Intrapriżi Pubbliċi (CEEP) innegozjaw u ffirmaw, fil-31 ta’ Ottubru 1991, ftehim dwar proposti ta’ formulazzjoni ta’ ċerti artikoli tat-Trattat matul in-negozjati (iktar ’il quddiem il-“Ftehim tal-31 ta’ Ottubru 1991”). Dan il-ftehim kien jemenda l-formulazzjoni tal-Artikolu 118 B(2) tat-Trattat KE kkunsidrata mill-Presidenza Lussemburgiża, billi ppreveda, għall-ewwel darba, żewġ proċeduri distinti u alternattivi ta’ implimentazzjoni tal-ftehimiet konklużi mill-imsieħba soċjali. Sabiex tiġi invokata l-implimentazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet skont waħda miż-żewġ proċeduri msemmija fil-punt 50 iktar ’il fuq, il-verżjoni Ingliża u dik Franċiża tal-Ftehim tal-31 ta’ Ottubru 1991 kienu jużaw, rispettivament, il-kliem “[the] agreements […] may be realized” u “la mise en œuvre des accords […] interviendra”.

57      Fl-aħħar nett, il-proposta li tinsab fil-Ftehim tal-31 ta’ Ottubru 1991 ġiet riprodotta, essenzjalment, fl-Artikolu 4 tal-Ftehim dwar il-politika soċjali konkluż mill-Istati Membri tal-Komunità Ewropea bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU 1992 C 191, p. 1), iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-politika soċjali”), anness mal-Protokoll (Nru 14) dwar il-politika soċjali, li huwa anness mat-Trattat KE. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tal-Ftehim dwar il-politika soċjali kien jipprovdi li l-implimentazzjoni tal-ftehimiet konklużi mill-imsieħba soċjali għandha titwettaq skont waħda miż-żewġ proċeduri msemmija fil-punt 50 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, il-verżjoni Ingliża u dik Franċiża ta’ din id-dispożizzjoni kienu jinkludu, rispettivament, il-kliem “[the a]greements […] shall be implemented” u “la mise en œuvre des accords […] intervient”. Dawn it-termini ġew sussegwentement riprodotti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 155(2) TFUE.

58      Għalhekk jidher li, fil-formulazzjoni kkunsidrata fil-bidu tan-negozjati tat-Trattat ta’ Maastricht, il-preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta’ proposta intiża għall-implimentazzjoni ta’ ftehim fil-livell tal-Unjoni kienet b’mod ċar ta’ natura fakultattiva minħabba l-użu tal-verb “may” fil-verżjoni Ingliża u “pouvoir” fil-verżjoni Franċiża. Għall-kuntrarju, fil-formulazzjoni finalment adottata fi tmiem dawn in-negozjati, dawn il-verbi sparixxew favur formulazzjoni li tippreżenta, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi, natura imperattiva minħabba l-użu tal-preżent indikattiv, b’mod partikolari fil-verżjoni Franċiża (“intervient”), jew tal-futur indikattiv, b’mod partikolari fil-verżjoni Ingliża (“shall be implemented”).

59      Issa, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, il-formulazzjoni imperattiva invokata fil-punt 58 iktar ’il fuq ħarġet fit-tfassil tal-ftehim dwar il-politika soċjali, jiġifieri fil-mument meta, skont il-proposta magħmula mill-imsieħba soċjali fil-ftehim tal-31 ta’ Ottubru 1991, iż-żewġ proċeduri ta’ implimentazzjoni tal-ftehimiet konklużi mill-imsieħba soċjali msemmija fil-punt 50 iktar ’il fuq ġew integrati fl-istess sentenza. F’din l-okkażjoni, il-verb tas-sentenza ma baqax jirreferi għall-preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta’ proposti ta’ implimentazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet fil-livell tal-Unjoni u, għaldaqstant, kien relatat mal-implimentazzjoni tal-imsemmija ftehimiet skont waħda miż-żewġ proċeduri msemmija fil-punt 50 iktar ’il fuq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-formulazzjoni imperattiva msemmija iktar ’il fuq jista’ jkollha l-funzjoni li tesprimi n-natura esklużiva ta’ dawn iż-żewġ proċeduri.

60      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 155(2) TFUE ma jippermettux, waħedhom, li jiġi konkluż li l-Kummissjoni hija obbligata li tressaq proposta ta’ deċiżjoni quddiem il-Kunsill meta titressaq quddiemha talba konġunta f’dan is-sens mill-partijiet firmatarji.

61      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-interpretazzjoni letterali ssuġġerita mir-rikorrenti timplika li l-formulazzjoni imperattiva msemmija fil-punt 58 iktar ’il fuq tirrigwarda l-implimentazzjoni tal-ftehimiet konklużi mill-imsieħba soċjali. Issa, jekk din l-interpretazzjoni tiġi aċċettata, hija jkollha konsegwenza doppja.

62      L-ewwel nett, l-interpretazzjoni ssuġġerita mir-rikorrenti timplika li, meta l-imsieħba soċjali jressqu talba konġunta intiża għall-implimentazzjoni ta’ ftehim fil-livell tal-Unjoni, kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Kunsill ikunu obbligati, fi kwalunkwe ċirkustanza, li jilqgħu din it-talba, tal-ewwel bil-preżentazzjoni lill-Kunsill ta’ proposta ta’ deċiżjoni intiża għall-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim u t-tieni bl-adozzjoni ta’ din il-proposta. Issa, tali interpretazzjoni tmur kontra l-pożizzjoni kondiviża, ġustament, mill-partijiet li, minn naħa, il-Kummissjoni tista’, tal-inqas f’ċerti każijiet, tirrifjuta li tippreżenta proposta ta’ deċiżjoni lill-Kunsill intiża għall-implimentazzjoni ta’ ftehim (ara l-punt 75 iktar ’il quddiem) u, min-naħa l-oħra, il-Kunsill qatt ma huwa obbligat li jadotta tali proposta tal-Kummissjoni (ara l-punt 76 iktar’ il quddiem).

63      It-tieni nett, l-interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrenti timplika li, meta l-imsieħba soċjali ma jressqux talba konġunta intiża għall-implimentazzjoni ta’ ftehim fil-livell tal-Unjoni, l-imsieħba soċjali u l-Istati Membri jkunu obbligati jimplimentaw dan il-ftehim fil-livell tagħhom skont il-proċeduri tagħhom u skont il-prattiki tagħhom stess. Issa, tali konsegwenza, li barra minn hekk ma hijiex invokata mir-rikorrenti, tmur kontra l-intenzjoni tal-ħdax-il Stat Membru firmatarji tal-Ftehim dwar il-politika soċjali. Fil-fatt, mid-Dikjarazzjoni Nru 2 annessa ma’ dan il-ftehim jirriżulta li, bil-konklużjoni tal-imsemmi ftehim, l-Istati Membri kkonċernati ma kellhomx l-intenzjoni li jobbligaw ruħhom li japplikaw b’mod dirett il-ftehimiet konklużi bejn imsieħba soċjali fil-livell tal-Unjoni jew li jfasslu regoli ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija ftehimiet.

–       Interpretazzjoni kuntestwali

64      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar, b’mod ġenerali, ir-rwol tal-Kummissjoni fit-tfassil tal-atti tal-Unjoni.

65      Skont l-Artikolu 17(1) TUE, il-Kummissjoni “għandha tippromwovi l-interess ġenerali ta’ l-Unjoni u tieħu l-inizjattivi xierqa għal dan il-għan”, “tissorvelja l-applikazzjoni tat-Trattati kif ukoll tal-miżuri adottati mill-Istituzzjonijiet skond dawn it-Trattati” u “tissorvelja l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea”. Skont l-Artikolu 17(2) TUE, “atti leġiżlattivi ta’ l-Unjoni ma jistgħux jiġu adottati ħlief fuq proposta tal-Kummissjoni, ħlief fejn it-Trattati jipprovdu mod ieħor”, filwaqt li “[l]-atti l-oħrajn għandhom jiġu adottati fuq proposta tal-Kummissjoni meta t-Trattati jipprovdu hekk”. Barra minn hekk, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(3) TUE jipprevedi li l-Kummissjoni “għandha twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha b’indipendenza totali” u li l-membri tagħha “la għandhom ifittxu u lanqas għandhom jaċċettaw istruzzjonijiet minn xi gvern, xi istituzzjoni, korp jew organu.”

66      Is-setgħa ta’ inizjattiva mogħtija lill-Kummissjoni permezz tal-Artikolu 17(2) TUE, f’dak li jirrigwarda atti leġiżlattivi, jew minn dispożizzjoni partikolari tat-Trattati, f’dak li jirrigwarda atti mhux leġiżlattivi, timplika li hija l-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi dwar jekk għandhiex tiġi ppreżentata, jew le, proposta ta’ att, minbarra l-każ fejn hija tkun obbligata, skont id-dritt tal-Unjoni, tippreżenta tali proposta (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-14 ta’ April 2015, Il-Kunsill vs Il-Kummissjoni, C‑409/13, EU:C:2015:217, punt 70, u tat-23 ta’ April 2018, One of Us et vs Il-Kummissjoni, T-561/14, taħt appell, EU:T:2018:210, punt 109).

67      Is-setgħa ta’ inizjattiva mogħtija lill-Kummissjoni mit-Trattati hija spjegata mill-funzjoni ta’ din l-istituzzjoni, skont l-Artikolu 17(1) TUE li huwa b’mod partikolari l-promozzjoni tal-interess ġenerali tal-Unjoni u li tiżgura l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll mill-indipendenza li hija tgwadi minnha, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(3) fl-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-23 ta’ April 2018, One of Us et vs Il-Kummissjoni, T‑561/14, taħt appell, EU:T:2018:210, punt 110).

68      Fit-tieni lok, għandhom jiġu speċifikati ċerti karatteristiċi tal-proċedura prevista fl-Artikolu 155(2) TFUE.

69      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 155(2) TFUE ma jinkludi ebda riferiment espliċitu għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja jew għall-proċedura leġiżlattiva speċjali. Minn dan isegwi li l-proċedura ta’ implimentazzjoni, fil-livell tal-Unjoni, tal-ftehimiet konklużi mill-imsieħba soċjali ma tikkostitwixxix proċedura leġiżlattiva fis-sens tal-Artikolu 289(1) u (2) TFUE u li l-miżuri adottati fi tmiem din il-proċedura ma jikkostitwixxux atti leġiżlattivi fis-sens tal-Artikolu 289(3) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punti 60 sa 62 u 65 sa 67).

70      Għandu jitfakkar ukoll li l-proċedura ta’ konklużjoni u ta’ implimentazzjoni, fil-livell tal-Unjoni, tal-ftehimiet koperti mill-Artikolu 155 TFUE tinkludi diversi fażijiet li matulhom l-imsieħba soċjali u l-istituzzjonijiet, u b’mod partikolari l-Kummissjoni u l-Kunsill, jiġu assenjati, kull wieħed minnhom rwoli distinti u speċifiċi.

71      Qabel kollox, matul il-fażi ta’ konsultazzjoni mibdija mill-Kummissjoni u rregolata mill-Artikolu 154(2) u (3) TFUE, l-imsieħba soċjali jistgħu jinformaw lill-Kummissjoni bir-rieda tagħhom li jibdew il-proċess previst mill-Artikolu 155 TFUE.

72      Sussegwentement, matul il-fażi ta’ negozjati nnifisha, l-imsieħba soċjali jistgħu, kif previst mill-Artikolu 155(1) TFUE, jistabbilixxu relazzjonijiet kuntrattwali, inkluż bil-konklużjoni ta’ ftehim.

73      Fl-aħħar nett, tinfetaħ il-fażi ta’ implimentazzjoni tal-ftehim skont waħda miż-żewġ proċeduri previsti mill-Artikolu 155(2) TFUE (ara l-punt 50 iktar ’il fuq). Fir-rigward tal-proċedura li tippermetti l-implimentazzjoni tal-ftehim fil-livell tal-Unjoni, din id-dispożizzjoni tipprevedi espliċitament li d-deċiżjoni tal-Kunsill tittieħed “fuq proposta mill-Kummissjoni”. Għalhekk, l-imsemmija dispożizzjoni tikkonkretizza, fil-kuntest tal-proċedura mhux leġiżlattiva li hija tistabbilixxi, is-setgħa ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 17(2) TUE.

74      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm l-inizjattiva tal-fażi ta’ negozjati kif ukoll il-konklużjoni ta’ ftehim jaqgħu esklużivament fil-kompetenza tal-imsieħba soċjali kkonċernati, xorta jibqa’ l-fatt li, matul il-fażi ta’ implimentazzjoni tal-ftehim, il-Kunsill jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni. Huwa għalhekk li, meta l-imsieħba soċjali jkunu kkonkludew ftehim u jitolbu b’mod konġunt l-implimentazzjoni tiegħu fil-livell tal-Unjoni, huma għandhom jindirizzaw it-talba konġunta tagħhom lill-Kummissjoni. F’dan il-każ, din tal-aħħar ikollha mill-ġdid dritt li tintervjeni u tirkupra mill-ġdid il-kontroll tal-proċedura. Hija għalhekk għandha teżamina jekk hemmx lok li hija tippreżenta lill-Kunsill proposta ta’ deċiżjoni li timplimenta l-ftehim fil-livell tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1998, UEAPME vs Il-Kunsill, T‑135/96, EU:T:1998:128, punti 75, 76, 79 u 84).

75      Il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-intervent tal-Kummissjoni kellu jkun konformi mal-prinċipji li jirregolaw l-azzjoni tagħha fil-qasam tal-politika soċjali. Kif indikaw, ġustament, kemm ir-rikorrenti kif ukoll il-Kummissjoni, hija b’mod partikolari din tal-aħħar li għandha tiżgura r-rappreżentattività tal-partijiet firmatarji tal-ftehim (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1998, UEAPME vs Il-Kunsill, T‑135/96, EU:T:1998:128, punti 85 u 88). Bl-istess mod, il-partijiet jaqblu, ġustament, fuq il-fatt li l-Kummissjoni tista’ u għandha tiżgura l-legalità tal-klawżoli ta’ ftehim konkluż mill-imsieħba soċjali qabel ma tipproponi l-implimentazzjoni tagħha permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill.

76      Il-Kunsill għandu, min-naħa tiegħu, jivverifika jekk il-Kummissjoni ssodisfatx l-obbligi tagħha b’applikazzjoni tat-Trattati u b’mod partikolari tat-Titolu X tat-tielet parti tat-Trattat FUE dwar il-politika soċjali, li fil-każ kuntrarju jkun hemm ir-riskju li tiġi approvata irregolarità li tista’ taffettwa l-legalità tal-att li huwa jkun finalment adotta (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1998, UEAPME vs Il-Kunsill, T‑135/96, EU:T:1998:128, punt 87). Barra minn hekk, kemm ir-rikorrenti kif ukoll il-Kummissjoni jammettu li l-Kunsill għandu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeċiedi dwar jekk hemmx lok għalih li jadotta deċiżjoni intiża għall-implimentazzjoni ta’ ftehim u jista’ ma jkunx f’pożizzjoni li jadotta tali deċiżjoni fl-assenza ta’ ftehim, skont il-każ, b’maġġoranza kkwalifikata jew b’mod unanimu fi ħdanu.

77      Madankollu, ir-rikorrenti jsostnu li, minbarra ż-żewġ każijiet imsemmija fil-punt 75 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kunsill proposta ta’ deċiżjoni li timplimenta ftehim konkluż mill-imsieħba soċjali.

78      Issa, l-ewwel nett, tali interpretazzjoni tqiegħed inkwistjoni l-prinċipju, espress fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(3) TUE, li l-Kummissjoni teżerċita s-setgħat tagħha b’mod indipendenti u mingħajr ma taċċetta ebda struzzjoni minn kwalunkwe persuna.

79      It-tieni nett, tali interpretazzjoni tipprekludi lill-Kummissjoni milli tissodisfa b’mod sħiħ ir-rwol tagħha li jikkonsisti, skont l-Artikolu 17(1) TUE, fil-promozzjoni tal-interess ġenerali tal-Unjoni u fit-teħid, jekk ikun il-każ, tal-inizjattivi xierqa għal dan il-għan. Fil-fatt, ir-rwol mogħti lill-Kummissjoni mill-Artikolu 17(1) TUE jimplika li, qabel ma tuża s-setgħa ta’ inizjattiva tagħha, hija għandha tevalwa, fid-dawl tal-interess ġenerali tal-Unjoni, in-natura xierqa tal-inizjattiva prevista. Għaldaqstant, meta titressaq quddiemha talba ta’ implimentazzjoni, fil-livell tal-Unjoni, ta’ ftehim konkluż mill-imsieħba soċjali, il-Kummissjoni għandha mhux biss tivverifika l-legalità stretta tal-klawżoli ta’ dan il-ftehim, iżda għandha tevalwa wkoll l-opportunità, inkluż fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, tal-eventwali implimentazzjoni, fil-livell tal-Unjoni, tal-imsemmi ftehim.

80      Għandu jingħad ukoll li, kif issostni l-Kummissjoni, il-funzjoni ta’ promozzjoni tal-interess ġenerali tal-Unjoni ta’ din l-istituzzjoni ma tistax, b’mod awtomatiku, tiġi ssodisfatta biss mill-imsieħba soċjali firmatarji ta’ ftehim. Fil-fatt, l-imsemmija imsieħba soċjali, anki meta huma suffiċjentement rappreżentattivi u jaġixxu flimkien, jirrappreżentaw biss parti mid-diversi interessi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-elaborazzjoni tal-politika soċjali tal-Unjoni.

81      It-tielet nett, l-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti tbiddel l-ekwilibriju istituzzjonali għad-detriment tal-Kummissjoni u favur l-imsieħba soċjali filwaqt li dawn ma humiex fost l-istituzzjonijiet elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 13(1) TUE.

82      Barra minn hekk, li kieku l-interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrenti kellha tiġi aċċettata, l-imsieħba soċjali kien ikollhom setgħa ta’ infurzar fil-konfront tal-Kummissjoni li la l-Parlament u lanqas il-Kunsill ma għandhom. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Artikoli 225 u 241 TFUE jippermettu, rispettivament, lill-Parlament u lill-Kunsill jitolbu lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta lilhom kwalunkwe proposta xierqa, filwaqt li tipprevedi li l-Kummissjoni tista’ ma tippreżenta l-ebda proposta, sakemm tikkomunika r-raġunijiet għar-rifjut tagħha.

–       Interpretazzjoni teleoloġika

83      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 151 TFUE, id-djalogu soċjali jikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 152 TFUE jispeċifika li l-Unjoni “tirrikonoxxi u tippromwovi r-rwol ta’ l-imsieħba soċjali fil-livell tagħha, filwaqt li tqis id-diversità tas-sistemi nazzjonali” u li hija “tiffaċilita d-djalogu bejn is-sħab soċjali, waqt li tirrispetta l-awtonomija tagħhom”. L-Artikolu 154(1) TFUE jipprevedi li l-Kummissjoni “għandha jkollha d-dmir li tippromwovi l-konsultazzjoni ta’ min imexxu u tal-ħaddiema fil-livell tal-Unjoni” u li hija “tieħu l-miżuri rilevanti sabiex tiffaċilita id-djalogu ta’ bejniethom billi tassigura sostenn bilanċjat għal dawn il-partijiet”.

84      Mid-dispożizzjonijiet imfakkra fil-punt 83 iktar ’il fuq jirriżulta li t-Titolu X tat-tielet parti tat-Trattat FUE għandu b’mod partikolari l-għan li jippromwovi r-rwol tal-imsieħba soċjali u li jiffaċilita d-djalogu bejniethom, fl-osservanza tal-awtonomija tagħhom.

85      Huwa għalhekk li mhux biss huwa previst, fl-Artikolu 154(2) u (3) TFUE li l-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-imsieħba soċjali, iżda huwa wkoll speċifikat, fl-Artikolu 155 TFUE, li dawn tal-aħħar jistgħu jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet li jistgħu sussegwentement jiġu implimentati skont waħda miż-żewġ proċeduri msemmija fil-punt 50 iktar ’il fuq.

86      L-awtonomija tal-imsieħba soċjali rrikonoxxuta fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 152 TFUE timplika li, matul il-fażi ta’ negozjati u ta’ konklużjoni ta’ ftehim, li taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-imsieħba soċjali (ara l-punt 74 iktar ’il fuq), dawn tal-aħħar jistgħu jiddjalogaw u jaġixxu liberament, mingħajr ma jirċievu ordni jew struzzjoni minn kwalunkwe persuna, u b’mod partikolari mill-Istati Membri jew mill-istituzzjonijiet. Minn dan isegwi li l-istituzzjonijiet, u b’mod partikolari l-Kummissjoni, għandhom jastjenu minn kull aġir intiż sabiex jinfluwenza direttament l-iżvolġiment tan-negozjati u li jimponu fuq l-imsieħba soċjali l-prinċipju jew il-kontenut ta’ ftehim.

87      Għall-kuntrarju, ladarba l-imsieħba soċjali jkunu liberament innegozjaw u kkonkludew ftehim u li l-partijiet firmatarji jkunu talbu b’mod konġunt l-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim fil-livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha mill-ġdid dritt li tintervjeni u tirkupra l-kontroll tal-proċedura (ara l-punt 74 iktar ’il fuq).

88      Ċertament, ir-rikorrenti jsostnu li, jekk il-Kummissjoni kienet awtorizzata li tirrifjuta, għal raġunijiet ta’ opportunità, li tippreżenta proposta ta’ deċiżjoni li timplimenta ftehim konkluż mill-imsieħba soċjali, dawn tal-aħħar ikunu, fil-prattika, imwassla sabiex jinnegozjaw minn qabel il-kontenut ta’ dan il-ftehim mal-Kummissjoni sabiex jippermetti l-implimentazzjoni ulterjuri tiegħu, li jnaqqas il-portata tal-awtonomija tagħhom.

89      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 155 TFUE sempliċement jinvolvi l-imsieħba soċjali fil-proċess ta’ adozzjoni ta’ ċerti atti mhux leġiżlattivi, mingħajr ma jagħtihom l-ebda setgħa deċiżjonali. Fil-fatt, l-imsieħba soċjali huma biss awtorizzati sabiex jikkonkludu ftehim, u wara li jitolbu lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposta intiża għall-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim fil-livell tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, l-imsieħba soċjali la jingħataw is-setgħa ta’ adozzjoni huma stess tal-atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti fil-konfront ta’ terzi, u lanqas is-setgħa li jippreżentaw direttament lill-Kunsill proposta ta’ deċiżjoni għall-implimentazzjoni ta’ ftehim.

90      Konsegwentement, l-għan ta’ promozzjoni tar-rwol tal-imsieħba soċjali u tad-djalogu bejn dawn tal-aħħar, fl-osservanza tal-awtonomija tagħhom, ma jimplikax li l-istituzzjonijiet, jiġifieri l-Kummissjoni, u sussegwentement il-Kunsill, għandhom l-obbligu li jilqgħu talba konġunta mressqa mill-partijiet firmatarji ta’ ftehim u intiża għall-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim fil-livell tal-Unjoni.

–       Argumenti oħra tar-rikorrenti

91      Ir-rikorrenti jinvokaw ukoll diversi regoli, prinċipji u għanijiet oħra tal-Unjoni insostenn tal-interpretazzjoni tagħhom tal-Artikolu 155(2) TFUE.

92      L-ewwel nett, ir-rikorrenti jinvokaw il-prinċipju, espress fl-Artikolu 13(2) TUE, li abbażi tiegħu kull istituzzjoni taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha fit-Trattati.

93      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, fl-evalwazzjoni tal-opportunità ta’ implimentazzjoni, fil-livell tal-Unjoni, ta’ ftehim konkluż mill-imsieħba soċjali, il-Kummissjoni sempliċement teżerċita l-prerogattivi mogħtija lilha permezz tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 155(2) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 17(1) u (3) TUE (ara l-punti 66, 67 u 79 iktar ’il fuq).

94      It-tieni nett, ir-rikorrenti jinvokaw il-prinċipju tad-demokrazija, irrikonoxxut fl-Artikolu 10(1) u (2) TUE.

95      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju tad-demokrazija huwa rifless, prinċipalment, mill-parteċipazzjoni tal-Parlament fil-proċess deċiżjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1998, UEAPME vs Il-Kunsill, T‑135/96, EU:T:1998:128, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, il-Parlament ma jistax jobbliga lill-Kummissjoni tuża s-setgħa ta’ inizjattiva tagħha (ara l-punt 82 iktar ’il fuq). Huwa biss b’mod sussidjarju li, fin-nuqqas ta’ intervent tal-Parlament, l-osservanza tal-prinċipju tad-demokrazija tista’ tiġi żgurata, b’mod alternattiv, permezz tal-intervent tal-imsieħba soċjali, sakemm dawn ikunu suffiċjentement rappreżentattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1998, UEAPME vs Il-Kunsill, T‑135/96, EU:T:1998:128, punt 89).

96      Issa, għandu jiġi rrilevat li, billi tobbliga, f’ċerti każijiet, lill-Kummissjoni tipproponi l-implimentazzjoni ta’ ftehim permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill meħuda abbażi tal-Artikolu 155(2) TFUE, l-interpretazzjoni ssuġġerita mir-rikorrenti fil-prattika tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tippreżenta, abbażi tal-Artikolu 153(2) TFUE, proposta li għandha l-istess suġġett u, jekk ikun il-każ, l-istess kontenut. Għaldaqstant, din l-interpretazzjoni tagħti prijorità, b’mod sistematiku, lil proċedura mhux leġiżlattiva, li fil-kuntest tagħha l-Parlament huwa biss informat dwar proċedura leġiżlattiva, li fil-kuntest tagħha l-Parlament għandu, bħala prinċipju, setgħa ta’ kodeċiżjoni.

97      It-tielet nett, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq prinċipju ta’ “sussidjarjetà orizzontali”, li jimplika li l-imsieħba soċjali huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwaw jekk għandux jiġi implimentat ftehim fil-livell tal-imsieħba soċjali nazzjonali u tal-Istati Membri jew fil-livell tal-Unjoni.

98      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif stabbilit fl-Artikolu 5(3) TUE, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà jirregola l-eżerċizzju, mill-Unjoni, tal-kompetenzi li hija taqsam mal-Istati Membri. Għaldaqstant, l-imsemmi prinċipju huwa intiż f’dimensjoni “vertikali”, fis-sens li jirregola r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni, minn naħa, u l-Istati Membri, min-naħa l-oħra. Mill-banda l-oħra, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxu r-rikorrenti, dan il-prinċipju ma għandux, fid-dritt tal-Unjoni, dimensjoni “orizzontali”, peress li ma huwiex intiż sabiex jirregola r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni, minn naħa, u l-imsieħba soċjali fil-livell tal-Unjoni, min-naħa l-oħra. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà ma jistax jiġi invokat għall-finijiet ta’ modifika tal-ekwilibriju istituzzjonali.

99      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jinvokaw id-dritt li jinnegozjaw u li jikkonkludu ftehimiet kollettivi, stabbilit fl-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-libertà ta’ assoċjazzjoni, irrikonoxxuta, b’mod partikolari fil-qasam sindakali, mill-Artikolu 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll l-għanijiet segwiti mill-Unjoni u li jinsabu fl-Artikolu 3(3) TUE u fl-Artikolu 9 TFUE, bħal “ekonomija soċjali tas-suq [intiża] li twassal għal livell massimu ta’ mpjieg u progress soċjali” u għal “protezzjoni soċjali xierqa”.

100    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 99 iktar ’il fuq ma timplika li l-imsieħba soċjali firmatarji ta’ ftehim jistgħu jġiegħlu lill-istituzzjonijiet jimplimentaw tali ftehim fil-livell tal-Unjoni.

101    Il-ħames nett, ir-rikorrenti jsemmu l-pożizzjonijiet li l-Kummissjoni ħadet f’diversi komunikazzjonijiet u b’mod partikolari fil-komunikazzjonijiet tagħha COM(93) 600 finali, tal-14 ta’ Diċembru 1993, dwar l-implimentazzjoni tal-Protokoll dwar il-politika soċjali, COM(1998) 322 finali, tal-20 ta’ Mejju 1998, “Adattament u promozzjoni tad-djalogu soċjali fuq livell Komunitarju”, u COM(2002) 341 finali, tas-26 ta’ Ġunju 2002, “Id-djalogu soċjali Ewropew, il-modernizzazzjoni u l-bdil”.

102    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-komunikazzjonijiet imsemmija fil-punt 101 iktar ’il fuq huma nieqsa minn kwalunkwe forza legali vinkolanti. Konsegwentement, l-imsemmija komunikazzjonijiet ma jistgħux jiġu invokati b’mod utli sabiex jipprekludu l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tat-Trattati li tirriżulta mill-kliem, mill-kuntest u mill-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni.

103    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, meta l-imsieħba soċjali jkunu nnegozjaw u kkonkludew ftehim fuq il-bażi tal-Artikolu 155(1) TFUE u meta l-partijiet firmatarji jippreżentaw talba konġunta intiża għall-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim fil-livell tal-Unjoni permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill adottata abbażi tal-Artikolu 155(2) TFUE, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tilqa’ din it-talba u hija għandha tevalwa jekk hemmx lok li hija tippreżenta proposta f’dan is-sens lill-Kunsill.

104    Minn dan isegwi li, bir-rifjut li tippreżenta proposta ta’ deċiżjoni li timplimenta l-Ftehim, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi fir-rigward tal-portata tas-setgħat tagħha.

105    Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-natura insuffiċjenti u manifestament żbaljata tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata

106    Ir-rikorrenti jsostnu li l-motivi li għalihom il-Kummissjoni rrifjutat li tippreżenta lill-Kunsill proposta ta’ deċiżjoni għall-implimentazzjoni tal-Ftehim fil-livell tal-Unjoni huma insuffiċjenti u manifestament żbaljati. Fil-fatt, it-tliet motivi li jidhru fid-deċiżjoni kkontestata ma jippermettux li jiġi ġġustifikat tali rifjut.

107    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

108    Qabelxejn, għandu jitfakkar li, meta titressaq quddiemha talba għall-implimentazzjoni, fil-livell tal-Unjoni, ta’ ftehim konkluż mill-imsieħba soċjali, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-interess ġenerali tal-Unjoni u tevalwa n-natura xierqa ta’ tali implimentazzjoni, inkluż fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali (ara l-punt 79 iktar ’il fuq).

109    Minn dan isegwi li, meta tevalwa jekk hemmx lok li hija tippreżenta lill-Kunsill proposta ta’ deċiżjoni intiża għall-implimentazzjoni, fil-livell tal-Unjoni, ta’ ftehim konkluż mill-imsieħba soċjali, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-23 ta’ April 2018, One of Us et vs Il-Kummissjoni, T‑561/14, taħt appell, EU:T:2018:210, punt 169).

110    Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta istituzzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jkun limitat, bħala prinċipju, għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-preċiżjoni materjali tal-fatti, tal-assenza ta’ żball ta’ liġi, ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti jew ta’ użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 143 u l-ġurisprudenza stabbilita).

111    Din il-limitazzjoni tal-intensità tal-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni hija meħtieġa b’mod partikolari meta, bħal fil-każ preżenti, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom jilħqu kompromess bejn interessi diverġenti u għalhekk jagħmlu għażliet fil-kuntest tal-għażliet politiċi li huma parti mir-responsabbiltajiet partikolari tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C‑280/93, EU:C:1994:367, punt 91, u tal-14 ta’ Lulju 2005, Rica Foods vs Il-Kummissjoni, C‑40/03 P, EU:C:2005:455, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

112    F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni kkontestata għandha tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ristrett min-naħa tal-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2018, One of Us et Il-Kummissjoni, T‑561/14, taħt appell, EU:T:2018:210, punt 170).

113    Għandha tiġi eżaminata separatament, minn naħa, il-kwistjoni tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE, li jikkostitwixxi formalità sostanzjali, u, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità fil-mertu tal-att kontenzjuż (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67, u tat-18 ta’ Ġunju 2015, Ipatau vs Il-Kunsill, C‑535/14 P, EU:C:2015:407, punt 37).

–       Fuq l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni

114    Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw “motivazzjoni insuffiċjenti”.

115    Jekk jiġi preżunt li r-rikorrenti għandhom l-intenzjoni jinvokaw motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni mitluba minn din id-dispożizzjoni għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, l-awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra direttament jew individwalment ikkonċernati bl-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fil-kuntest tiegħu u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-kwistjoni kkonċernata (sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63, u tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 88).

116    F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq it-tliet motivi elenkati fil-punt 6 iktar ’il fuq. Dawn il-motivi huma bbażati, essenzjalment, l-ewwel nett, fuq in-natura speċifika tal-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali u, b’mod partikolari, il-fatt li huma jeżerċitaw prerogattivi ta’ setgħa pubblika, it-tieni nett, fuq l-eżistenza, fil-liġijiet nazzjonali ta’ diversi Stati Membri, ta’ dispożizzjonijiet dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-uffiċjali u tal-impjegati ta’ dawn l-amministrazzjonijiet u, it-tielet nett, fuq l-eżistenza ta’ differenzi sinjifikattivi bejn l-Istati Membri fir-rigward tad-definizzjoni u tal-perimetru tal-imsemmija amministrazzjonijiet, b’tali mod li deċiżjoni eventwali tal-Kunsill li timplimenta l-Ftehim ikollha kamp ta’ applikazzjoni usa’ jew idjaq skont l-Istati Membri.

117    Għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni kkonsultat l-imsieħba soċjali fir-rigward tal-possibbiltà ta’ azzjoni tal-Unjoni dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-uffiċjali u tal-impjegati tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u li kien preċiżament wara din il-konsultazzjoni li l-imsieħba soċjali nnegozjaw u ffirmaw il-Ftehim (ara l-punti 1 sa 3 iktar ’il fuq). It-tieni nett, il-Kummissjoni ħadet iktar minn sentejn sabiex twieġeb għat-talba mressqa mill-imsieħba soċjali fuq il-bażi tal-Artikolu 155(2) TFUE (ara l-punti 4 u 5 iktar ’il fuq). F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-attitudni tal-Kummissjoni, id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata setgħu jistennew li din l-istituzzjoni tadotta motivazzjoni iktar żviluppata minn dik, relattivament qasira, li hija miġbura fil-qosor fil-punti 6 u 116 iktar ’il fuq.

118    Madankollu, minkejja li dan il-mod ta’ proċedura tal-Kummissjoni jista’ jkun sorprendenti, xorta jibqa’ l-fatt li d-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri t-TUNED u l-EAPE, ingħataw l-opportunità li jkunu jafu t-tliet ġustifikazzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni u li l-Qorti Ġenerali hija f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jallegawx li huma ġew preklużi milli jikkontestaw il-fondatezza tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata minħabba l-qosor jew minħabba l-oskurità tal-imsemmija motivi.

119    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jitqies li d-deċiżjoni kkontestata tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE.

–       Fuq il-fondatezza tal-motivazzjoni

120    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw il-fondatezza tat-tliet motivi tad-deċiżjoni kkontestata, imsemmija fil-punti 6 u 116 iktar ’il fuq.

121    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li t-tliet motivi tad-deċiżjoni kkontestata ma humiex fost dawk li abbażi tagħhom il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta li tilqa’ talba konġunta tal-partijiet firmatarji ta’ ftehim intiża għall-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim fil-livell tal-Unjoni, jiġifieri, minn naħa, in-nuqqas ta’ rappreżentattività tal-imsemmija partijiet u, min-naħa l-oħra, l-illegalità tal-klawżoli ta’ dan il-ftehim.

122    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li mir-risposta mogħtija għall-ewwel motiv jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura mhux leġiżlattiva prevista fl-Artikolu 155(2) TFUE, il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta li tuża s-setgħa ta’ inizjattiva tagħha billi tibbaża ruħha fuq raġunijiet differenti minn dawk marbuta man-nuqqas ta’ rappreżentattività tal-partijiet firmatarji ta’ ftehim jew mal-illegalità tal-klawżoli ta’ dan il-ftehim.

123    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jikkunsidraw li t-tliet motivi tad-deċiżjoni kkontestata huma żbaljati, irrilevanti u insuffiċjenti sabiex jiġġustifikaw din id-deċiżjoni.

124    Fir-rigward tal-ewwel motiv tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti jsostnu li l-Unjoni hija kompetenti sabiex tipproteġi d-drittijiet soċjali tal-uffiċjali u tal-impjegati tal-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-Ftehim fil-livell tal-Unjoni ma tikkontestax il-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jistabbilixxu l-istruttura, l-organizzazzjoni u l-funzjonament ta’ dawn l-amministrazzjonijiet. Barra minn hekk, hija inqas u inqas iġġustifikata l-esklużjoni mill-benefiċċju tad-dritt soċjali tal-Unjoni tal-uffiċjali u tal-impjegati kollha tal-imsemmija amministrazzjonijiet, b’mod partikolari meta l-funzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar ma humiex marbuta mas-sigurtà nazzjonali jew mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

125    Fir-rigward tat-tieni motiv tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti jispjegaw li l-implimentazzjoni tal-Ftehim fil-livell tal-Unjoni għandha utilità, peress li tiżgura livell minimu ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni lill-uffiċjali u lill-impjegati tal-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali fl-Istati Membri kollha, u b’mod partikolari dawk li fihom dan il-livell minimu għadu ma ntlaħaqx.

126    Fir-rigward tat-tielet motiv tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti jqisu li l-implimentazzjoni tal-Ftehim fil-livell tal-Unjoni għandha bħala konsegwenza t-tnaqqis tad-differenzi fil-livell ta’ protezzjoni eżistenti attwalment bejn ħaddiema. Fil-fatt, tali implimentazzjoni tqarreb is-sitwazzjoni tal-uffiċjali u tal-impjegati tal-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali għal dik tal-ħaddiema li jidħlu fil-kamp tad-direttivi tal-Unjoni li jirregolaw id-dritt għal informazzjoni u għal konsultazzjoni.

127    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq raġunijiet li hija kienet neċessarjament diġà skartat meta hija nediet, fl-2015, konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali.

128    Għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti tar-rikorrenti miġbura fil-punti 123 sa 127 iktar ’il fuq.

129    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ma jurux li l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni skont it-tliet motivi tad-deċiżjoni kkontestata huma materjalment ineżatti jew irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura xierqa tal-implimentazzjoni tal-Ftehim fil-livell tal-Unjoni.

130    Fil-fatt, fir-rigward tal-ewwel motiv tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kkontestatx l-eżistenza ta’ kompetenza tal-Unjoni sabiex tadotta atti relatati mad-drittijiet soċjali tal-uffiċjali u tal-impjegati tal-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni indikat il-partikolaritajiet ta’ dawn l-amministrazzjonijiet. Issa, ir-rikorrenti ma jikkontestawx b’mod serju dawn il-partikolaritajiet, u b’mod partikolari l-fatt li ċerti uffiċjali u ċerti impjegati tal-imsemmija amministrazzjonijiet jeżerċitaw prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-implimentazzjoni tal-Ftehim jista’ jkollha effett fuq il-funzjonament tal-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali billi tbiddel ir-relazzjonijiet li dawn tal-aħħar għandhom mal-uffiċjali tagħhom u mal-impjegati tagħhom.

131    Fir-rigward tat-tieni motiv tad-deċiżjoni kkontestata, kien possibbli għall-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-livell ta’ protezzjoni li kien diġà ggarantit f’ċerti Stati Membri, u dan anki fil-preżenza ta’ lakuni eventwali fi Stati Membri oħra. Issa, matul is-seduta, ir-rikorrenti ma kkontestawx id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li 22-il Stat Membru kellhom diġà, fl-2014, regoli dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-uffiċjali u tal-impjegati tal-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali.

132    Fir-rigward tat-tielet motiv tad-deċiżjoni kkontestata, l-argument tar-rikorrenti li l-implimentazzjoni tal-Ftehim fil-livell tal-Unjoni tqarreb is-sitwazzjoni tal-uffiċjali u tal-impjegati tal-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali għal dik tal-ħaddiema fis-settur privat ma jikkontestax il-fatt li, fl-istess ħin, din l-implimentazzjoni taffettwa b’mod varjabbli ħafna lill-Istati Membri skont il-grad ta’ ċentralizzazzjoni jew ta’ deċentralizzazzjoni tagħhom. Issa, xejn ma kien jipprekludi lill-Kummissjoni milli tieħu inkunsiderazzjoni dan l-aħħar fatt, bħala konsegwenza mhux mixtieqa tal-implimentazzjoni tal-Ftehim fil-livell tal-Unjoni.

133    It-tieni nett, għandha titfakkar il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li kellha l-Kummissjoni (ara l-punt 109 iktar ’il fuq), inkluż għall-finijiet li jiġi ddeterminat, minn naħa, jekk kienx neċessarju li jimtela’ lakuna fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi tal-Unjoni li jirregolaw id-dritt għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni tal-ħaddiema u, min-naħa l-oħra, jekk l-implimentazzjoni tal-Ftehim kinitx tikkostitwixxi mezz xieraq sabiex tiġi rrimedjata din il-lakuna. Issa, sabiex tiġi kkontestata l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti sempliċement jinvokaw l-eżistenza ta’ kompetenza tal-Unjoni u l-utilità li jista’ jkollu f’dan il-każ l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-elementi kollha meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-tliet motivi tad-deċiżjoni kkontestata, ma jidhirx li, bir-rifjut tagħha li tippreżenta lill-Kunsill proposta ta’ deċiżjoni għall-implimentazzjoni tal-Ftehim, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

134    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba l-fatt li l-Kummissjoni kienet bdiet fl-2015 konsultazzjoni dwar, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni tal-uffiċjali u tal-impjegati tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema. Fil-fatt, f’din l-okkażjoni, il-Kummissjoni kienet sempliċement bdiet dibattitu, bla ħsara għall-forma u għall-kontenut tal-eventwali azzjonijiet li kellhom jittieħdu.

135    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li xejn f’dan il-każ ma kien jiġġustifika li l-Kummissjoni teskludi l-implimentazzjoni tal-Ftehim fuq il-bażi tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità. Huma jallegaw b’mod partikolari li l-Kummissjoni ma wettqitx analiżi ta’ impatt fid-dawl tal-imsemmija prinċipji.

136    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-formulazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni kkontestata fuq motiv ibbażat fuq il-fatt li l-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità, kif stabbiliti fl-Artikolu 5(3) u (4) TUE, kienu legalment jostakolaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim fil-livell tal-Unjoni minħabba deċiżjoni tal-Kunsill meħuda abbażi tal-Artikolu 155(2) TFUE.

137    Madankollu, mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-implimentazzjoni tal-Ftehim fil-livell tal-Unjoni ma kinitx neċessarja jew xierqa sa fejn, b’mod partikolari, l-Istati Membri kienu kompetenti fir-rigward tal-funzjonament tal-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali u fejn uħud minnhom kienu diġà implimentaw dispożizzjonijiet li jiżguraw ċertu livell ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-uffiċjali u tal-impjegati tal-imsemmija amministrazzjonijiet. Barra minn hekk, matul laqgħa mal-imsieħba soċjali li saret fis-17 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni ħabbret is-sens tad-deċiżjoni kkontestata billi indikat li hija kienet “b’saħħitha fil-qasam tas-sussidjarjetà” u li hija qieset li kien preferibbli li l-Ftehim jiġi implimentat mill-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset kunsiderazzjonijiet marbuta mas-sussidjarjetà u mal-proporzjonalità fil-mument tal-evalwazzjoni, mhux tal-possibbiltà ta’ azzjoni tal-Unjoni, iżda tan-natura xierqa ta’ tali azzjoni. Issa, mill-kunsiderazzjonijiet tal-punt 133 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li ma kienx xieraq li jiġi implimentat il-Ftehim fil-livell tal-Unjoni.

138    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-assenza ta’ analiżi tal-impatt, ir-rikorrenti ma jispeċifikawx taħt liema dispożizzjoni l-Kummissjoni kienet obbligata twettaq tali analiżi qabel ma tirrifjuta li tuża s-setgħa ta’ inizjattiva tagħha.

139    Minn dan isegwi, anki jekk jitqies li motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà jista’ jkun effettiv f’ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ, li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità għandu jiġi miċħud bħala infondat.

140    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

141    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

142    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-Artikolu 135(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li, għal raġunijiet ta’ ekwità, il-parti li titlef għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, biss frazzjoni mill-ispejjeż tal-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

143    F’dan il-każ, ir-rikorrenti tilfet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet espressament li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż. Madankollu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, u b’mod partikolari tal-attitudni tal-Kummissjoni (ara l-punti 117 u 118 iktar ’il fuq), l-ekwità teżiġi, skont l-Artikolu 135(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li kull parti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-European Federation of Public Service Unions (EPSU) u Jan Goudriaan, minn naħa, u l-Kummissjoni Ewropea, min-naħa l-oħra, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Gervasoni

Madiseda

Silva Passos

Kowalik-Bańczyk

 

Mac Eochaidh

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Ottubru 2019.

Firem


Werrej




Werrej


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.