Language of document : ECLI:EU:T:2013:444

Kawża T‑412/10

(pubblikazzjoni f’estratti)

Roca

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezz u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Multi — Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Kriżi ekonomika — Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 — Tnaqqis fl-ammont tal-multa — Valur miżjud sinifikanti”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla)
tas-16 ta’ Settembru 2013

1.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Kundizzjonijiet — Valur miżjud sinifikanti tal-provi ppreżentati mill-impriża kkonċernata — Portata — Teħid inkunsiderazzjoni tal-element kronoloġiku tal-kooperazzjoni pprovduta — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata

(Artikolu 101(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 18 u 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03, punti 20 sa 23)

2.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti fil-każ ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni — Tnaqqis fil-multa b’korrispettiv għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata, lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni — Kundizzjonijiet

(Artikolu 101(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni 2002/C 45/03, punt 1 u 2006/C 210/02, ir-raba’ inċiż tal-punt 29)

1.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni, fl-Avviż [Komunikazzjoni] dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell, iddefinixxiet il-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li jikkooperaw magħha matul l-investigazzjoni tagħha fuq akkordju jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis fl-ammont tal-multa li kellhom iħallsu.

Huwa inerenti għal-loġika tal-Komunikazzjoni msemmija li l-effett mixtieq huwa li tinħoloq klima ta’ inċertezza fi ħdan l-akkordji billi titħeġġeġ id-denunzja tagħhom lill-Kummissjoni. Din l-inċertezza tirriżulta preċiżament mill-fatt li l-parteċipanti fl-akkordju jafu li wieħed biss fosthom jista’ jibbenefika minn immunità tal-multa billi jiddenunzja lill-parteċipanti l-oħrajn fil-ksur, biex b’hekk ikunu esposti għar-riskju li jeħlu l-multi. Fil-kuntest ta’ din is-sistema, u skont l-istess loġika, l-impriżi li jipprovdu l-kooperazzjoni tagħhom l-iktar malajr jibbenefikaw minn tnaqqis ikbar tal-multi li kieku kienu jeħlu minn dawk mogħtija lill-impriżi li jikkooperaw inqas malajr. L-ordni kronoloġika u r-rapidità tal-kooperazzjoni offruta mill-membri tal-kartell jikkostitwixxu elementi fundamentali tas-sistema stabbilita mill-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

F’dan ir-rigward, għalkemm il-Kummissjoni għandha timmotiva r-raġunijiet li għalihom hija tqis li elementi pprovduti minn impriżi fil-kuntest tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni jikkostitwixxu kontribuzzjoni li tiġġustifika jew le tnaqqis tal-multa imposta, min-naħa l-oħra huma l-impriżi li jixtiequ jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward li għandhom juru li l-informazzjoni pprovduta volontarjament minn dawn l-impriżi kienet determinanti biex tippermetti lil din tipprova l-aspett essenzjali tal-ksur u għalhekk sabiex tadotta deċiżjoni li timponi multi. Fid-dawl tar-raġuni wara t-tnaqqis, il-Kummissjoni ma tistax tinjora l-utilità tal-informazzjoni mogħtija, li neċessarjament tiddependi mill-provi li jkollha diġà fil-pussess tagħha.

Meta impriża sempliċement tikkonferma, abbażi tal-kooperazzjoni, b’mod inqas preċiż u espliċitu, ċerta informazzjoni diġà pprovduta minn impriża oħra abbażi tal-kooperazzjoni, il-grad ta’ kooperazzjoni pprovdut minn din l-impriża, minkejja li tista’ xorta waħda tkun ta’ ċerta utilità għall-Kummissjoni, ma għandux jiġi kkunsidrat bħala paragunabbli għal dak ipprovdut mill-ewwel impriża li pprovdiet l-imsemmija informazzjoni. Dikjarazzjoni li sa ċertu punt tillimita ruħha li tikkorrobora dikjarazzjoni li l-Kummissjoni diġà kellha, effettivament, ma tiffaċilitax il-kompitu tagħha b’mod sinjifikattiv. Għaldaqstant, ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi tal-kooperazzjoni. Madankollu, id-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata li ħadet sehem f’akkordju, li l-eżattezza tiegħi hija kkontestata minn diversi impriżi oħra akkużati, ma tistax titqies li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur kommess minn dawn tal-aħħar mingħajr ma tiġi sostnuta minn elementi oħra ta’ prova.

Finalment, minkejja li għandu jitqies li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-valur miżjud sinjifikattiv ta’ informazzjoni li tingħatalha abbażi tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma’ tistax tibbaża ruħha fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni msemmija biex tirrinunzja milli teżerċita stħarriġ fil-fond kemm fid-dritt kif ukoll ta’ fatt tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

Għalkemm il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ma taffettwax l-evalwazzjoni tat-tnaqqis fl-ammont tal-multa mill-Qorti tal-Unjoni meta din tiddeċiedi abbażi tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali tista’ tqis li jkun xieraq li tispira ruħha minnu biex tikkalkola mill-ġdid l-ammont tal-multa, b’mod partikolari minħabba l-fatt li dan jippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti tal-każ u li jiġu imposti multi proporzjonati fuq l-impriżi kollha li pparteċipaw fil-ksur inkwistjoni.

(ara l-punti 176, 182-188, 233)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 221-223)