Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-11 ta' Ottubru 2007 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Hanseatisches Oberlandesgericht - Il-Ġermanja) - Lämmerzahl GmbH vs Freie Hansestadt Bremen

(Kawża C-241/06)1

(Kuntratti pubbliċi - Direttiva 89/665/KEE - Proċeduri ta' reviżjoni fl-għoti ta' kuntratti pubbliċi -Terminu perentorju - Prinċipju ta' effettività)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Hanseatisches Oberlandesgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Lämmerzahl GmbH

Konvenut: Freie Hansestadt Bremen

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Hanseatisches Oberlandesgericht - Interpretazzjoni ta' l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta' reviżjoni għall-għoti ta' kuntratti ta' provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 395, p. 33), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta' Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU L 209, p. 1) - Nuqqas ta' dritt għal rikors kontra deċiżjoni ta' l-awtorità kontraenti li tagħti kuntratt ta' ammont stmat inqas minn EUR 200,000 - L-ilmenti kollha esklużi abbażi ta' terminu perentorju riżultat ta' stima żbaljata ta' l-ammont tal-kuntratt fil-mument tal-pubblikazzjoni ta' l-avviz tas-sejħa għal offerti

Dispożittiv

B'mod konformi ma' l-Artikolu 9(4) u ma' l-Anness IV tad-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, ta' l-14 ta' Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi ta' provvista, kif emendata mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/78/KE, tat-13 ta' Settembru 2001, l-avviż tas-sejħa għal offerti li jirrigwarda kuntratt li jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva għandu jsemmi l-kwantità jew l-iskop globali ta' dan il-kuntratt. In-nuqqas ta' din l-informazzjoni għandu jkun jista' jiġi suġġett għal reviżjoni bis-saħħa ta' l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta' reviżjoni għall-għoti ta' kuntratti ta' provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta' Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi].

Id-Direttiva 89/665, kif emendata mid-Direttiva 92/50, b'mod partikolari l-Artikolu 1(1) u (3) tagħha, tipprekludi li regola ta' terminu perentorju stabbilita mid-dritt nazzjonali tkun applikata b'mod li l-aċċess ta' offerent għal rikors dwar l-għażla tal-proċedura għall-għoti ta' kuntratt pubbliku jew dwar l-istima tal-valur ta' dan il-kuntratt tiġi miċħuda, meta l-awtorità kontraenti ma tkunx indikat, b'mod ċar, il-kwantità jew l-iskop globali ta' l-imsemmi kuntratt lill-persuna kkonċernata. L-istess dispożizzjonijiet ta' l-imsemmija Direttiva jipprekludu wkoll li tali regola tiġi estiża, b'mod ġenerali, għar-rikorsi li jirrigwardaw id-deċiżjonijiet ta' l-awtorità kontraenti, inkluż dawk li jkunu seħħew waqt il-fażijiet tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt wara li jkun skada t-terminu stabbilit minn din ir-regola ta' terminu perentorju.

____________

1 - ĠU C 212, 02.09.2006.