Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Jannar 2022 – CIMV vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-26/22)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Compagnie industrielle de la matière végétale (CIMV) (Neuilly-sur-Seine, Franza) (rappreżentanti: B. Le Bret, R. Rard u P. Renié, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan jipprevedi l-użu tal-eżekuzzjoni forzata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors kontra d-Deċiżjoni C(2021) 7932 final tal-Kummissjoni Ewropea tat-28 ta’ Ottubru 2021 dwar l-irkupru ta’ ammont ta’ EUR 5 888 214.59 flimkien ma’ interessi, dovut miċ-CIMV, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq żball materjali manifest li jirriżulta min-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-iskeda proposta miċ-CIMV u l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt għal smigħ u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-għan ta’ protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

____________