Language of document : ECLI:EU:T:2010:95

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

17 ta’ Marzu 2010

Kawża T-78/09 P

Il-Parlament Ewropew

vs

Laurent Collée

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Promozzjoni — Proċedura ta’ promozzjoni 2004 — Proċedura għall-attribuzzjoni ta’ punti ta’ mertu — Żnaturament tal-provi — Motivazzjoni — Valur tal-opinjoni tal-Kumitat tar-Rapporti — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”

Suġġett: Appell mis‑sentenza tat‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku tal‑Unjoni Ewropea (It‑Tielet Awla) tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Collée vs Il‑Parlament (F‑148/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑455 u II‑A‑1‑2527) u intiża għall‑annullament ta’ din is‑sentenza.

Deċiżjoni: L‑appell huwa miċħud. Il‑Parlament Ewropew għandu jbati l‑ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti minn L. Collée fil‑kuntest ta’ din l‑istanza.

Sommarju tas‑sentenza

1.      Appell — Aggravji — Sempliċi repetizzjoni tal-motivi u l-argumenti mressqa quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Inammissibbiltà — Kontestazzjoni tal-interpretazzjoni jew tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula minn dan it-tribunal — Ammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1); Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 138(1))

2.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

1.      Mill-Artikolu 11(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod partikolari li l-appell quddiem il-Qorti Ġenerali għandu jkun limitat għal kwistjonijiet ta’ dritt u għandu jiġi bbażat fuq aggravji bbażati fuq l-inkompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fuq ksur tal-proċedura quddiemu li jista’ jagħmel ħsara lill-interessi tar-rikorrent jew fuq ksur tad-dritt minn dan tal-aħħar. Barra minn hekk, l-Artikolu 138(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jistabbilixxi li l-appell għandu jispeċifika l-aggravji u l-argumenti invokati.

Isegwi li l-appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li l-annullament tagħha qiegħed jintalab kif ukoll l-argumenti legali invokati insostenn b’mod partikolari ta’ din it-talba.

Appell li sempliċement jirrepeti jew jirriproduċi testwalment il-motivi u l‑argumenti li kienu diġà ġew ippreżentati quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, inklużi dawk ibbażati fuq fatti espressament injorati minn din il-qorti, ma jissodisfax dan ir-rekwiżit; fil-fatt, dan l-appell jikkostitwixxi, fil-verità, talba intiża li tikseb is-sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem it‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fatt li jmur lil hinn mill-kompetenza tal-Qorti Ġenerali. Madankollu, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l‑applikazzjoni tad-dritt magħmula mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-punti ta’ dritt eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi mill-ġdid matul l-appell. Fil-fatt, jekk l-appellanti ma jistax jibbaża l-appell tiegħu fuq aggravji u argumenti diġà użati quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, din il-proċedura titneħħielha parti mis-sens tagħha.

(ara l-punti 20 sa 22)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 17 ta’ Settembru 1996, San Marco vs Il‑Kummissjoni, C‑19/95 P, Ġabra p. I‑4435, punti 37 u 38; Il-Qorti tal‑Ġustizzja 6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il‑Kummissjoni, C‑41/00 P, Ġabra p. I‑2125, punt 17; Il-Qorti tal-Ġustizzja 22 ta’ Jannar 2004, Mattila vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑353/01 P, Ġabra p. I‑1073, punt 27

2.      Il-qorti Komunitarja ma għandhiex is-setgħa tevalwa l-merti tal-uffiċjali varji li jistgħu jieħdu promozzjoni. Hija għandha sempliċement, peress illi l-Awtorità tal‑Ħatra għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tevalwa l-merti li jridu jiġu kkunsidrati, tistħarreġ li l-imsemmija awtorità tkun aġixxiet fi ħdan il-limiti aċċettabbli kritiki u ma tkunx użat is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat.

(ara l-punt 61)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 3 ta’ April 2003, Il‑Parlament vs Samper, C‑277/01 P, Ġabra p. I‑3019, punt 35; Il-Qorti Ġenerali 6 ta’ Ġunju 1996, Baiwir vs Il‑Kummissjoni, T‑262/94, ĠabraSP p. I‑A‑257 u II‑739, punt 66; Il-Qorti Ġenerali 13 ta’ April 2005, Nielsen vs Il-Kunsill, T‑353/03, ĠabraSP p. I‑A‑95 u II‑443, punt 58