Language of document :

Appell ippreżentat fil-25 ta' Frar 2009 mill-Parlament Ewropew mis-sentenza mogħtija fil-11 ta' Diċembru 2008 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F-148/06, Collée vs Il-Parlament

(Kawża T-78/09 P)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Appellant : Il-Parlament Ewropew (rappreżentant: C. Burgos u A. Lukošiūtė, aġenti)

Appellat : Laurent Collée (Lussemburgu, Il-Lussemburgu)

Talbiet tal-appellant

tannulla kompletament is-sentenza appellata tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ;

tiddeċiedi definitivament fuq il-kawża billi tiċħad ir-rikors ta' L. Collée bħala infondat;

tiddeċiedi fuq l-ispejjeż skont id-dritt.

Aggravji u argumenti prinċipali

Bl-appell preżenti, il-Parlament qiegħed jitlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) tal-11 ta' Diċembru 2008, mogħtija fil-kawża Collée vs Il-Parlament, F-148/06, li fiha t-TSP annulla d-deċiżjoni tal-Parlament li tattribwixxi żewġ punti ta' mertu lil L. Collée fil-kuntest tal-proċedura ta' promozzjoni 2004.

Insostenn tal-appell tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba' aggravji li jirrigwardaw:

żnaturament tal-fatti u tal-provi, billi t-TSP ddeċieda li L. Collée ma rċeviex it-tielet punt ta' mertu għar-raġuni biss li l-merti tiegħu ma kinux superjuri għal dawk tal-uffiċjali li kisbu tliet punti, meta fil-fatt l-eżami komparattiv magħmul sabiex titwieġeb it-talba amministrattiva ta' L. Collée jindika fir-rapport ta' evalwazzjoni tiegħu li huwa ma kienx fl-istess livell bħal dak tal-uffiċjali li kisbu tliet punti;

nuqqas ta' motivazzjoni, billi t-TSP ma spjegax ir-raġunijiet għaliex huwa injora l-ġurisprudenza preċedenti, kif ukoll kontradizzjoni fil-motivazzjoni, min-naħa, fil-punti 42 u 46 fil-konfront tal-punt 18 tas-sentenza appellata u, min-naħa l-oħra, fil-punti 43 u 46 fil-konfront tal-punti 44 u 45 tal-imsemmija sentenza;

ksur tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u tal-ġurisprudenza relattiva għalih, sa fejn ir-rekwiżit ta' superjorità tal-merti applikat mill-Parlament fl-għoti tat-tielet punt ma jikkontradixxix l-Artikolu 45 tar-Regolament; b'hekk uffiċjal ikun irid ikun superjuri fl-ordni nieżel ta' mertu fil-konfront tal-aħħar uffiċjal li jkun kiseb it-tliet punti;

ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali billi l-Parlament qed jiġi kkritikat talli kiser dan il-prinċipju, meta fil-fatt L. Collée ma kienx jinsab f'sitwazzjoni paragunabbli ma' dik ta' uffiċjali li kisbu tliet punti ta' mertu.

____________