Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta' Frar 2009 - Franza vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-74/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Franċiża (rappreżentanti: G. de Bergues u B. Cabouat, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/960/KE, tat-8 ta' Diċembru 2008, li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċerti spejjeż imġarrba mill-Istati Membri taħt it-Taqsima ta' Garanzija ta' Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) u l-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) sa fejn hija teskludi ċerti spejjeż imġarrba mir-Repubblika ta' Franza favur xi organizzazzjonijiet ta' produtturi ta' frott u ħaxix fir-rigward tas-snin finanzjarji 2005 u 2006;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti qed titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/960/KE tat-8 ta' Diċembru 2008, li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċerti spejjeż imġarrba mill-Istati Membri taħt it-Taqsima ta' Garanzija ta' Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) u l-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG), sa fejn hija teskludi ċerti spejjeż imġarrba mir-Repubblika ta' Franza matul is-snin 2005 u 2006.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq żewġ motivi bbażati fuq:

interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 11(2)(d) tar-Regolament Nru 2200/961 sa fejn, bil-kontra ta' dak li kkonkludiet il-Kummissjoni, il-Gvern Franċiż jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbliliti minn din id-dispożizzjoni, peress li kull produttur għandu l-mezzi meħtieġa u peress li, b'mod konformi mal-għan ta' dan ir-Regolament ta' effikaċja ekonomika, il-fatt li kull produttur ikollu l-mezzi meħtieġa, jista' f'ċerti ċirkustanzi, ikun aktar adattat mill-użu ta' ċentru waħdieni għall-klassifikazzjoni, ħażna u imballaġġ ipprovdut mill-organizzazzjoni tal-produtturi;

interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 11(1)(ċ)(3) tar-Regolament Nru 2200/96 sa fejn il-Kummissjoni, b'mod żbaljat, ikkunsidrat li l-Gvern Franċiż ma osservax il-kundizzjonijiet ta' din id-dispożizzjoni li tgħid li l-istatut tal-organizzazzjonijiet ta' produtturi għandu jobbliga lill-membri produtturi sabiex ibigħu l-produzzjoni kollha tagħhom permezz tal-organizzazzjoni ta' produtturi, filwaqt li l-leġiżlazzjoni Franċiża tipprevedi rwol attiv għall-organizzazzjoni ta' produtturi fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti u fl-iffissar tal-prezz tal-bejgħ.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 tat-28 ta' Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħxejjex (ĠU L 297, p. 1).