Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta' Frar 2009 - Compagnie de Saint-Gobain vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-73/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Compagnie de Saint-Gobain (Courbevoie, Franza) (rappreżentanti: P. Hubert u E. Durand, avocats)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2008) 6815 finali dwar proċedura ta' implementazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.125 - Ħġieġ tal-vetturi); kif ukoll il-motivi wara d-dispożittiv, sa fejn il-Compagnie de Saint-Gobain kienet id-destinatarja ta' din id-deċiżjoni, u li tasal għall-konsegwenzi kollha dwar l-ammont tal-multa;

sussidjarjament, indipendentement mill-fatt li l-Compagnie de Saint-Gobain tkun jew ma tkunx id-destinatarja tad-deċiżjoni, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq il-kumpanniji tal-grupp Saint-Gobain;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors preżenti, ir-rikorrenti titlob l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 6815 finali, tat-12 ta' Novembru 2008, fil-Każ COMP/39.125 - Ħġieġ tal-vetturi, li permezz tagħha, il-Kummissjoni kienet ikkonstatat li ċerti impriżi, kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea billi qasmu kuntratti ta' provvista ta' ħġieġ għall-vetturi u billi kkoordinaw il-politika tagħhom tal-prezzijiet u strateġiji ta' provvista fis-suq Ewropew ta' ħġieġ tal-vetturi.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq erba' motivi bbażati:

fuq ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/20031 u tal-prinċipju tan-natura individwali tal-pieni peress li l-Compagnie de Saint-Gobain kienet id-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata bħala kumpannija parent tal-kumpannija Saint-Gobain Glass France SA mingħajr ma ħadet sehem personalment u direttament fil-ksur;

fuq nuqqas ta' motivazzjoni, ta' ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipju tan-natura individwali tal-pieni, peress li l-Kummissjoni ma wrietx li t-totalità tad-dħul mill-bejgħ kollu tal-grupp Saint-Gobain setgħa jservi ta' bażi għall-piena;

fuq ksur tal-prinċipji tal-aspettattiva leġittima u tan-non retroattività, meta l-Kummissjoni allegatament applikat linji gwida ġodda tal-2006 dwar il-kalkolu tal-multi2 b'mod retroattiv għal fatti li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom u li twettqu totalment qabel din id-data;

fuq ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipju ta' proporzjonalità, peress li l-ebda fattur ta' reċidiviżmu ma setgħa leġittimament jiġi kkunsidrat.

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU 2003, L 1, p. 1).

2 - Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2).