Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta' Novembru 2010 - Cosepuri vs EFSA

(Kawża T-532/10)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Cosepuri Soc. coop. p.a. (Bologna, l-Italja) (rappreżentant: F. Fiorenza, avukat)

Konvenuta: Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla ċ-ċaħda, tal-15 ta' Settembru 2010, ta' awtorizzazzjoni għall-aċċess ta' dokumenti minn Cosepuri.

tordna l-EFSA tesebixxi d-dokumenti kklassifikati.

tikkundanna l-EFSA għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti fil-kawża preżenti, li hija l-istess bħal dik fil-Kawża T-336/10 1, Cosepuri vs EFSA, topponi d-deċiżjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), tal-15 ta' Settembru 2010, dwar il-proċedura ta' sejħa għal offerti CFT/EFSA/FIN/2010/01 (avviż ta' kuntratt 2010/S 51-074689) li għandha bħala suġġett l-għoti ta' servizz mekkuk ta' trasport fl-Italja u fl-Ewropa, fejn il-kuntratt ingħata lil kumpannija oħra.

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata l-EFSA rrifjutat l-aċċess għal ċerti dokumenti tas-sejħa għal offerti, b'mod partikolari dokumenti dwar id-dħul u l-għażla tal-offerta l-iktar vantaġġuża mill-perspettiva ekonomika.

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tallega ksur tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1605/2002, tal-25 ta' Ġunju 2002 2, u tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001 3, u l-ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni, tal-prinċipju ta' trasparenza u tad-dritt ta' aċċess għad-dokumenti. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tallega abbuż ta' poter.

Ir-rikorrenti tilmenta, b'mod partikolari, li l-konvenuta naqset milli tindika d-dannu attwali li l-offerent magħżul kien ser iġarrab li kieku ngħata l-aċċess għad-dokumenti mitluba, u li ma ngħatawx raġunijiet adegwati għar-rifjut parzjali tat-talba, peress illi fil-kuntest ta' sejħa għal offerta l-informazzjoni inkwistjoni kienet ta' natura komparattiva, inkluża fid-dokumenti tal-offerta mill-offerenti u, għalhekk, ma taqax fl-ambitu ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob li dawn il-proċeduri jingħaqdu ma' dawk tal-Kawża T-339/10 li għadha pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

____________

1 - ĠU C 288, p. 47.

2 - Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25, tal-25 ta' Gunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1,Vol. 4, p. 74)

3 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1,Vol. , p. 331)