Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta' Lulju 2011 - SRF vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża T-407/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: SRF Ltd (New Delhi, l-Indja) (rappreżentanti: F. Graafsma u J. Cornelis, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 469/2011, tat-13 ta' Mejju 2011, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1292/2007 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li joriġinaw fl-Indja (ĠU L 129, 17.5.2011, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament ikkontestat"); u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka raġuni waħda prinċipali fondata fid-dritt, li tallega li r-Regolament ikkontestat jikser l-Artikolu 9(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta' Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea1, li tgħid li:

L-ewwel nett, l-imsemmi artikolu jistipula li d-dazju antidumping għall-esportaturi jew produtturi li għamlu lilhom infushom magħrufa imma ma kinux inklużi fil-kampjun ma għandux jaqbeż il-marġini ta' dumping medju peżat stabbilit għall-partijiet magħżula fil-kampjun, fejn il-marġni żero u de minimis għandhom jiġu injorati. Billi jimponi dazju antidumping ta' 15.5 % fuq SRF, ir-Regolament ikkontestat jikser din ir-regola peress li l-marġni ta' dumping medju peżat għall-partijiet magħżula fil-kampjun, li l-marġni tad-dumping tagħhom ma humiex żero jew de minimis huwa anqas minn 15.5 %; u

It-tieni nett, billi jobbliga lill-produttur esportatur jitlob reviżjoni interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 għall-applikazzjoni tal-Artikolu 9(6), f'sitwazzjoni li fiha r-rati tad-dazju antidumping eżistenti jiġu aġġustati wara l-iskadenza tal-miżuri kumpensatorji simultanji, ir-Regolament ikkontestat idaħħal kundizzjoni fl-Artikolu 9(6) li hija assenti fit-test espliċitu ta' din id-dispożizzjoni, ħaġa li tammonta għall-interpretazzjoni mhux permessa mill-Kunsill.

____________

1 - ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51 (test ikkonsolidat)