Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Ġunju 2013 – SACE u SACE BT vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-305/13)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: SACE SpA (Ruma, l-Italja), SACE BT SpA (Ruma, l-Italja) (rappreżentanti: M. Siragusa, avukat, G. Rizza, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni kollha kemm hi jew, sussidjarment, parzjalment;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

tordna kwalunkwe miżura oħra li hija tqies xierqa, inkluż kull miżura proċedurali.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi:

Dan ir-rikors huwa ippreżentat kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013)1501 finali, tal-20 ta’ Marzu 2013, li ordnat l-irkupru parzjali tal-għajnuna li ngħatat lill-kumpannija ta’ assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni għal żmien qasir SACE BT. B’mod partikolari dan jirrigwarda kontribuzzjonijiet fil-kapital magħmula fl-2009 mill-kumpannija parent li tappartjeni lill-Istat (SACE SpA) u l-kopertura ta’ riassigurazzjoni li SACE BT kienet ibbenefikat minnha. Skont il-Kummissjoni, f’dawn iż-żewġ każijiet, SACE ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-profil ta’ riskju tal-investimenti u għaldaqstant ma aġixxietx bħala investitur li jopera f’ekonomija ta’ suq.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-miżuri kkontestati ma kinux imputabbli għall-Istat Taljan.

Ir-rikorrenti jsostnu f’dan ir-rigward li l-miżuri kkontestati ġew adottati mill-bord tad-diretturi ta’ SACE SpA, mhux b’riżultat ta’ struzzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi jew sabiex jiġu sodisfatti rekwiżiti tas-setgħat pubbliċi, iżda fl-eżerċiżju tal-awtonomija kummerċjali u strateġika sħiħa tagħha, skont il-loġika tas-suq, bl-istess mod bħad-deċiżjonijiet kollha meħuda mill-impriża, u bl-esklużjoni ta’ kull rapport ta’ kontroll, ta’ sorveljanza, ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ direzzjoni min-naħa tal-azzjonist uniku ta’ dak iż-żmien, il-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li t-tieni miżura kkonferiet vantaġġ lil SACE BT

Ir-rikorrenti jsostnu f’dan ir-rigward li d-deċiżjoni ta’ SACE SpA li toffri kapaċità ta’ riassigurazzjoni, billi tapprofitta mill-possibbiltajiet offruti minn fażi ta’ ċiklu ekonomiku fejn il-primjums ta’ assigurazzjoni kienu għoljin, ġiet adottata mingħajr ebda intenzjoni li tipprovdi lil SACE BT għajnuna jew appoġġ. Għall-bqija, il-kumpannija parent biss siltet vantaġġ ekonomiku mir-relazzjoni ta’ riassigurazzjoni. Barra minn hekk, l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq il-korrelazzjoni pożittiva bejn il-volum tar-riskju sostnut u r-rata mitluba ma humiex ikkonfermati la mil-letteratura ta’ riferiment u lanqas mill-prattika fuq is-suq, u lanqas għal dak li jikkonċerna SACE BT b’mod partikolari. Fl-aħħar nett, it-tentattiv tal-Kummissjoni li “tesporta” għal kuntesti u għal miżuri differenti l-allegata regola ta’ rule of thumb li hija applikat, mingħajr motivazzjoni dettaljata, fil-każ tar-reġim Portugiż ta’ assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni għal żmien qasir, sabiex jiġi stabbilit li l-ammont tal-kummissjoni mħallsa lil SACE SpA kellu jkun ogħla għall-inqas b’10 % minn dak tal-kummissjoni applikata mir-riassiguraturi privati għall- ammont inqas ta’ riassigurazzjoni u riskju li huma jassumu, ma kienx konvinċenti.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li t-tielet u r-raba’ miżuri ma kkonferixxewx vantaġġ lil SACE BT

Billi pproċediet għaż-żewġ rikapitalizzazzjonijiet tal-2009, minkejja fin-nuqqas ta’ previżjonjiet dwar il-flussi futuri ta’ flus ta’ SACE BT li jsostnu l-perspettiva ta’ qligħ adegwat, għall-inqas għal żmien twil, SACE SpA pproteġiet il-valur tal-investiment kunsiderevoli li hija kienet wettqet fil-mument tal-kostituzzjoni tal-kumpannija biss ħames snin qabel. Barra minn hekk, SACE SpA qieset li l-likwidazzjoni tas-sussidjara tagħha kienet esponiet il-grupp SACE kollu għal riskju ta’ dannu potenzjali, f’termini ta’ distruzzjoni ta’ valur jew ta’ detorjament tas-solvenza tagħha, għal ammont ħafna ogħla minn dak tal-bqija tal-kapital li kellu jiġi stmat fl-aħħar tal-2009. Il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa li għandu l-investitur pubbliku, billi ssostitwiet il-ġudizzju tagħha għal dak ta’ SACE SpA, fuq il-bażi biss ta’ rikostituzzjoni teoretika żbaljata tal-għażla li, fl-istess ċirkustanzi, kien iwettaq ipotetiku investitur privat, prudenti u informat.