Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta’ April 2024 – Kaili vs Il-Parlament

(Kawża T-212/24)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Eva Kaili (Ixelles, il-Belġju) (rappreżentanti: S. Pappas u A. Pappas, avukati)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tas-6 ta’ Frar 2024 li permezz tagħha l-Parlament neħħa l-immunità tar-rikorrenti;

tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka għaxar motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur ta’ formalità essenzjali. Fil-fatt, il-Presidenta tal-Parlament u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali naqsu mill-obbligu tagħhom li jeżaminaw il-legalità tat-talba għat-tneħħija tal-immunità tar-rikorrenti.

It-tieni motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali tat-talba mill-Kap tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 2022.

It-tielet motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kap tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku sabiex jitlob it-tneħħija tal-immunità tar-rikorrenti.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew tal-immunità tar-rikorrenti, kif prevista fl-Artikoli 7 u 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, C 202, p. 266) (iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet”).

Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) 2017/1939 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ĠU 2017, L 283, p. 1).

Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur mill-Kumitat għall-Affarijiet legali tal-Artikoli 7 sa 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet u tal-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti.

It-tmien motiv ibbażat fuq ksur mill-Parlament tal-Artikolu 9(1)(b) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet.

Id-disa’ motiv ibbażat, alternattivament, fuq ksur tal-Artikolu 9(2)(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet.

L-għaxar motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet sa fejn il-Parlament irrifjuta li jirrikonoxxi l-eżistenza ta’ fumus persecutionis.

____________