Language of document : ECLI:EU:C:2022:702

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

20 ta’ Settembru 2022 (*)

[Test irrettifikat permezz ta’ Digriet tas‑27 ta’ Ottubru 2022]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet – Fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni – Direttiva 2002/58/KE – Artikolu 15(1) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 6, 7, 8 u 11 kif ukoll Artikolu 52(1) – Artikolu 4(2) TUE”

Fil-Kawżi magħquda C‑793/19 u C‑794/19,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrativa Federali, Il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑25 ta’ Settembru 2019, li wasslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Ottubru 2019, fil-proċeduri

Bundesrepublik Deutschland, irrappreżentata mill-Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen,

vs

SpaceNet AG (C‑793/19),

Telekom Deutschland GmbH (C‑794/19),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Arabadjiev, A. Prechal, S. Rodin, I. Jarukaitis u I. Ziemele, Presidenti tal-Awla, T. von Danwitz, M. Safjan, F. Biltgen, P. G. Xuereb (Relatur), N. Piçarra, L. S. Rossi u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑13 ta’ Settembru 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Bundesrepublik Deutschland, irrappreżentata mill-Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen, minn C. Mögelin, bħala aġent,

–        [kif irrettifikat bid-Digriet tas‑27 ta’ Ottubru 2022] għal SpaceNet AG, minn M. Bäcker, Universitätsprofessor,

–        għal Telekom Deutschland GmbH, minn T. Mayen, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, F. Halibi, M. Hellmann, D. Klebs u E. Lankenau, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn M. Jespersen, J. Nymann-Lindegren, V. Pasternak Jørgensen u M. Søndahl Wolff, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan, minn A. Kalbus u M. Kriisa, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn A. Joyce u J. Quaney, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, BL u minn P. Gallagher, SC,

–        għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn A. Daniel, D. Dubois, J. Illouz, E. de Moustier u T. Stéhelin, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċiprijott, minn I. Neophytou, bħala aġent,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman, A. Hanje u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, D. Lutostańska u J. Sawicka, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn A. Laine u M. Pere, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svediż, minn H. Eklinder, A. Falk, J. Lundberg, C. Meyer-Seitz, R. Shahsavan Eriksson u H. Shev, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, S. L. Kalėda, H. Kranenborg, M. Wasmeier u F. Wilman, bħala aġenti,

–        għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, minn A. Buchta, D. Nardi, N. Stolič u K. Ujazdowski, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑18 ta’ Novembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), fil-verżjoni emendata mid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 9) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2002/58”), moqri fid-dawl tal-Artikoli 6 sa 8 u l-Artikolu 11, kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikolu 4(2) TUE.

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, il-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), irrappreżentata mill-Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen (l-Aġenzija Federali tan-Networks tal-Elettriku, tal-Gass, tat-Telekomunikazzjonijiet, tal-Posta u tal-Ferroviji, il-Ġermanja), u, min-naħa l-oħra, SpaceNet AG (Kawża C‑793/19) u Telekom Deutschland GmbH (Kawża C‑794/19) dwar l-obbligu impost fuq dawn tal-aħħar li jżommu data dwar it-traffiku u data dwar il-lokalizzazzjoni relatata mat-telekomunikazzjonijiet tal-klijenti tagħhom.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 95/46/KE

3        Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355) tħassret, b’effett mill‑25 ta’ Mejju 2018, bir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2).

4        L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 kien jipprovdi:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali:

–        - fil-kors ta’ attività li ma tkunx skond il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità, bħalma huma dawk provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat (magħdud il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-operazzjoni ta’ l-ipproċessar tkun dwar materji ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali,

–        - minn persuna naturali meta fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika.”

 IdDirettiva 2002/58

5        Il-premessi 2, 6, 7 u 11 tad-Direttiva 2002/58 jipprovdu:

“(2)      Din id-Direttiva tfittex li tirrispetta d-drittijiet fondamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill- [Karta]. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet stipulati fl-Artikoli 7 u 8 tagħha].

[…]

(6)      L-Internet qed jaqleb l-istrutturi tas-suq tradizzjonali billi jipprovdi infrastruttura komuni u globali għat-twassil ta’ medda wiesgħa ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika. Servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament fuq l-Internet jiftħu possibiltajiet ġodda għal min jużahom iżda ukoll riskji ġodda għal data personali u privatezza tagħhom.

(7)      Fil-każ ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni, dispożizzjonijiet speċifiċi legali, regolatorji, u tekniċi għandhom jsiru sabiex ikunu protetti d-drittijiet u libertajiet fondamentali tal-persuni naturali u l-interessi leġittimi tal-persuni legali, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità li dejjem tiżdied tal-ħażna awtomatizzata u l-ipproċessar tad-data li għandha x’taqsam ma’ l-abbonati u l-utenti.

[…]

(11)       Bħad-Direttiva [95/46], din id-Direttiva ma tittrattax kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fondamentali relatati ma’ l-attivitajiet li mhumiex regolati mil-liġi Komunitarja. Għaldaqstant ma tbiddilx il-bilanċ eżistenti bejn id-dritt ta’ l-individwu għall-privatezza u l-possibbiltà għall-Istati Membri li jieħdu l-miżuri msemmijin fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-Direttiva, neċessarji għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, difiża, sigurta ta’ l-Istat (li tinkludi il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet huma ta’ materja ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-infurzar tal-liġi kriminali. Konsegwenetement, din id-Direttiva ma taffetwax l-abbiltà ta’ l-Istati Membri li jwettqu l-interċezzjoni legali ta’ komunikazzjoni elettronika, jew li jieħdu miżuri oħra, jekk neċessarji għal kwalunkwe wieħed minn dawn l-iskopijiet u skond il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali, hekk kif interpretati mid-deċi\jonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. [iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950], kif interpretata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fis-sentenzi tagħha. Dawn il-miżuri għandhom jkunu xierqa, strettament proporzjonali għall-iskop maħsub kif ukoll neċessarji fi ħdan soċjetà demokratika u għandhom ikunu suġġetti għal salvagwardji adegwati skond il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem.”

6        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u mira”, jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva tipprevedi l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza u l-kunfidenzjalità, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ tali data u tat-tagħmir u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità.

2.      Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jippartikularizzaw u jikkomplementaw id-Direttiva [95/46] għall-iskopijiet imsemmija fil-paragrafu 1. Minbarra hekk, jipprovdu għall-ħarsien ta’ l-interessi leġittimi ta’ l-abbonati li huma persuni legali.

3.      Din id-Direttiva ma tgħoddx għal attivitajiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-[Trattat FUE], bħal dawk koperti mit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-[UE], u f’ kull każ għal attivitajiet li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurta ta’ l-Istat (inkluż il-benessere ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet jirrigwardaw affarjiet ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat f’oqsma tal-liġi kriminali.”

7        Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Ħlief kif provdut mod ieħor, għandhom jgħoddu d-definizzjonijiet fid-Direttiva [95/46] u fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349)].

Għandhom jgħoddu wkoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)      ‘utent’ tfisser kull persuna naturali li tuża servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, għal skopijiet privati jew ta’ negozju, mingħajr ma tkun neċessarjament abbonat għal dan is-servizz;

b)      ‘Data dwar it-traffiku’ tfisser data pproċessata għall-iskopijiet li titntbagħat komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjoni elettonika jew biex isir il-kont għaliha;

c)      ‘data dwar is-sit [lokalizzazzjoni]’ tfisser data pproċessata f’network ta’ komunikazzjoni elettronika jew minn servizz ta’ komunikazzjoni elettronika, li tindika il-pożizzjoni ġeografika tat-tagħmir terminali ta’ utent ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament;

d)      ‘komunikazzjoni’ tfisser informazzjoni skambjata jew mibgħuta bejn numru finit ta’ partijiet permezz ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament. Dan ma jinkludix informazzjoni mibgħuta bħala parti minn servizz ta’ xandir lill-pubbliku fuq network ta’ komunikazzjoni elettronika, ħlief sa fejn l-informazzjoni tista’ tkun relatata ma’ l-abbonat jew utent identifikabbli li jirċievi l-informazzjoni;

[…]”

8        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Servizzi konċernati”, jipprevedi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali f’konnessjoni mal-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli f’networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi fil-Komunità, inklużi n-networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi li jsostnu l-ġbir tad-data u l-apparat ta’ identifikazzjoni.”

9        Skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku relatati permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, permezz ta’ liġijiet nazzjonali. Partikolarment għandhom jipprojbixxu s-smigħ, tapping, ħażna jew modi oħrajn ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti, mingħajr il-kunsens ta’ l-utenti konċernati, ħlief fejn legalment awtorizzati li jagħmlu dan skond l-Artikolu 15(1). Dan il-paragrafu m’għandux jipprevjeni l-ħażna teknika li hija meħtieġa biex tintbagħat komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-prinċijpju tal-kunfidenzjalità.

[…]

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħżin tal-informazzjoni, jew il-ksib tal-aċċess għall-informazzjoni diġà maħżuna, fit-tagħmir terminali ta’ abbonat jew utent huma permessi biss bil-kondizzjoni li l-abbonat jew l-utent ikkonċernati ikunu taw il-kunsens tagħhom, wara li jkunu ġew provduti b’informazzjoni ċara u komprensiva skont id-Direttiva [95/46], dwar inter alia l-għanijiet tal-ipproċessar mill-kontrollur tad-data. Dan ma jimpedixxi l-ebda ħżin jew aċċess tekniku għall-għan esklużiv ta’ implimentazzjoni tat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jew kif strettament meħtieġ sabiex il-fornitur ta’ servizz tal-informazzjoni tas-soċjetà espliċitament mitlub mill-abbonat jew l-utent biex jipprovdi s-servizz.”

10      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Data dwar it-traffiku”, jipprovdi:

“1.      Data dwar it-traffiku relatata ma’ abbonati u utenti ipproċessat u maħżun mill-provditur ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandhom jitħassru jew jiġu magħmula anonimi meta m’għadhomx aktar meħtieġa għall-iskop tat-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 5 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 15(1).

2.      Data dwar it-traffiku meħtieġa biex isiru l-kontijiet ta’ l-abbonati u ħlasijiet ta’ interkonnessjoni jistgħu jiġu proċessati. Tali proċessar huwa permissibbli biss sat-tmiem tal-perjodu li fih il-kont jista’ legalment jiġi kkontestat jew il-ħlas jiġi persegwit.

3.      Għall-iskopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jew għall-provvista ta’ servizzi bil-valur miżjud, il-fornitur ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament jista’ jipproċessa d-data msemmija fil-paragrafu 1 sa fejn u għaż-żmien meħtieġ għal dawn is-servizzi jew kummerċjalizzazzjoni, jekk l-abbonat jew l-utent li għalih tirrelata d-data jkun ta l-kunsens tiegħu/tagħha minn qabel. L-utenti jew abbonati għandhom jingħataw il-possibilità li jirtiraw il-kunsens tagħhom għall-ipproċessar tad-data dwar it-traffiku f’kull ħin.

[…]

5.      L-ipproċessar ta’ data dwar it-traffiku, skond il-paragrafi 1, 2, 3 u 4, għandu jiġi ristrett għal persuni li jaġixxu taħt l-awtorità ta’ provdituri ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament li jġestixxu l-kontijiet jew it-traffiku, talbiet tal-klijenti, skoperta tal-frodi, marketing ta’ komunikazzjoni elettronika kummerċjali jew il-provvista ta’ servizz bil-valur miżjud, u għandu jkun ristrett għal dak li huwa meħtieġ għall-iskop ta’ dawn l-attivitajiet.

[…]”

11      L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Data dwar is-sit [il-lokalizzazzjoni] li ma tkunx data dwar it-traffiku”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn id-data dwar is-sit li ma tkunx data dwar it-traffiku, relatata ma’ utenti jew abbonati ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni jew servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, tista tiġi pproċessata, din id-data tista’ tiġi pproċessata biss fejn tkun ġiet magħmula anonima, jew bil-kunsens ta’ l-utenti jew ta’ l-abbonati sa fejn u għaż-żmien meħtieġ għall-provvista ta’ servizz bil-valur miżjud. Il-provditur tas-servizz għandu jinforma lill-utenti jew abbonati, qabel ma jakkwista l-kunsens tagħhom, dwar it-tip ta’ data dwar is-sit li ma tkunx data dwar it-traffiku li ser tiġi pproċessata, dwar l-iskopijiet u ż-żmien ta’ l-ipproċessar u jekk id-data hix ser tiġi trasmessa lil xi terza persuna għall-iskop li jkunprovdut servizz bil-valur miżjud. […]”

12      L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Applikazzjoni ta’ xi disposizzjonijet tad-Direttiva [95/46]”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id- Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva [95/46]. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għarr-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-[TUE].”

 Iddritt Ġermaniż

 ItTKG

13      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 113a(1) tat-Telekommunikationsgesetz (il-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet), tat‑22 ta’ Ġunju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1190), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem, it-“TKG”), hija fformulata kif ġej:

“L-obbligi relatati maż-żamma, l-użu u s-sigurtà tad-data dwar it-traffiku ddefiniti fl-Artikoli 113b sa 113g jagħmlu riferiment għall-operaturi li jfornu lill-utenti finali b’servizzi tat-telekomunikazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku.”

14      Skont l-Artikolu 113b tal-TKG:

“(1)      L-operaturi li jagħmel riferiment għalihom l-Artikolu 113a għandhom iżommu d-data fit-territorju nazzjonali b’dan il-mod:

1.      għal għaxar ġimgħat jekk tkun id-data li jagħmlu riferiment għaliha l-paragrafi 2 u 3;

2.      għal erba’ ġimgħat jekk tkun id-data ta’ lokalizzazzjoni li jagħmel riferiment għaliha l-paragrafu 4.

(2)      Il-fornituri tas-servizzi tat-telefon aċċessibbli għall-pubbliku għandhom iżommu:

1.      in-numru li jkun qiegħed iċempel jew identifikazzjoni oħra tal-linja li qiegħda ċċempel u ta’ dik li qiegħda tirċievi t-telefonata, kif ukoll ta’ kwalunkwe linja oħra użata fil-każ ta’ trasferiment tat-telefonata jew ta’ devjazzjoni tat-telefonata,

2.      id-data u l-ħin tal-bidu u tat-tmiem tal-komunikazzjoni, b’indikazzjoni taż-żona tal-ħin,

3.      l-indikazzjonijiet relatati mas-servizz użat meta jistgħu jintużaw servizzi differenti fil-kuntest tas-servizz telefoniku,

4.      barra minn hekk, fil-każ ta’ servizzi ta’ telefonija mobbli,

a)      l-identità internazzjonali tal-abbonat mobbli tal-persuna li qiegħda tagħmel it-telefonata u ta’ dik li qiegħda tirċievi t-telefonata,

b)      l-identità internazzjonali tat-tagħmir terminali li qiegħed jagħmel it-telefonata u li qiegħed jirċievi t-telefonata,

c)      id-data u l-ħin tal-ewwel attivazzjoni tas-servizz, b’indikazzjoni taż-żona tal-ħin meta s-servizzi jkunu tħallsu bil-quddiem,

5.      kif ukoll, fil-każ tas-servizzi tat-telefonija permezz tal-internet, l-indirizzi IP (protokoll tal-Internet) tal-linja tal-persuna li qiegħda tagħmel it-telefonata u ta’ dik li qiegħda tirċievi t-telefonata u n-numri ta’ identifikazzjoni attribwiti.

L-ewwel paragrafu jiġi applikat mutatis mutandis

1.      f’każ ta’ komunikazzjoni permezz ta’ SMS, messaġġi multimedia jew messaġġi simili; f’dan il-każ, l-indikazzjonijiet li jagħmel riferiment għalihom il-punt 2 tal-ewwel paragrafu, għandhom jiġu ssostitwiti bil-ħin ta’ meta jintbagħat u l-ħin tal-wasla tal-messaġġ;

2.      għat-telefonati mingħajr tweġiba jew li ma rnexxewx minħabba intervent mill-operatur tan-network […].

(3)      Il-fornituri tas-servizzi ta’ aċċess għall-internet aċċessibbli għall-pubbliku għandhom iżommu

1.      l-indirizz IP attribwit lill-abbonat għall-finijiet tal-użu tal-internet,

2.      l-identifikazzjoni ċara tal-konnessjoni li tippermetti l-aċċess għall-internet, kif ukoll in-numru ta’ identifikazzjoni attribwit,

3.      id-data u l-ħin tal-bidu u tat-tmiem tal-użu tal-internet mill-indirizz IP attribwit, b’indikazzjoni taż-żona tal-ħin.

(4)      F’każ ta’ użu tas-servizzi tat-telefonija mobbli, għandu jinżamm l-isem tal-mobiles użati fil-bidu tal-komunikazzjoni minn min jagħmel it-telefonata u minn min jirċievi t-telefonata. Fil-każ tas-servizzi ta’ aċċess għall-internet aċċessibbli għall-pubbliku, f’każ ta’ użu tal-mobile, għandu jinżamm l-isem tal-mobiles użati fil-bidu tal-konnessjoni għall-internet. Għandha tinżamm ukoll id-data li tippermetti l-għarfien tal-pożizzjoni ġeografika u d-direzzjonijiet ta’ radjazzjoni massima tal-antenni li huma utli għall-mobile kkonċernat.

(5)      Il-kontenut tal-komunikazzjoni, id-data relatata mas-siti tal-internet ikkonsultati u d-data mis-servizzi tal-posta elettronika ma jistgħux jinżammu skont din id-dispożizzjoni.

(6)      Id-data sottostanti għall-komunikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 99(2) ma tistax tinżamm skont din id-dispożizzjoni. Dan japplika mutatis mutandis għall-komunikazzjonijiet telefoniċi li jkunu ġejjin mill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 99(2). It-tieni sas-seba’ frażi tal-Artikolu 99(2) japplikaw mutatis mutandis.

[…]”

15      Il-komunikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 99(2) tat-TKG, li għalihom jirreferi l-Artikolu 113b(6) tat-TKG, huma komunikazzjonijiet ma’ persuni, awtoritajiet u organizzazzjonijiet ta’ natura soċjali jew reliġjuża li joffru biss jew essenzjalment lil persuni li jagħmlu t-telefonata, li normalment jibqgħu anonimi, servizzi ta’ assistenza telefonika fil-każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza psikoloġika jew soċjali u li huma stess huma suġġetti jew li l-kollaboraturi tagħhom huma suġġetti għal obbligi ta’ kunfidenzjalità partikolari f’dan ir-rigward. Id-deroga prevista fit-tieni u fir-raba’ sentenzi tal-Artikolu 99(2) tat-TKG hija suġġetta għall-inklużjoni tal-persuni msejħa, fuq talba tagħhom, f’lista stabbilita mill-Aġenzija Federali tan-Networks tal-Elettriku, tal-Gass, tat-Telekomunikazzjonijiet, tal-Posta u tal-Ferroviji, wara li d-detenturi tan-numri tat-telefon ikunu stabbilixxew il-missjoni tagħhom billi jipproduċu ċertifikat ta’ awtorità, ta’ organu, ta’ fondazzjoni jew ta’ stabbiliment irregolat mid-dritt pubbliku.

16      Skont l-Artikolu 113c(1) u (2) tal-TKG:

“(1)      Id-data miżmuma skont l-Artikolu 113b tista’

1.      tiġi trażmessa lil awtorità tal-infurzar tal-liġi meta hija titlob it-trażmissjoni abbażi ta’ dispożizzjoni legali li tawtorizza l-ġbir tad-data msemmija fl-Artikolu 113b għall-finijiet tar-repressjoni tar-reati kriminali partikolarment serji;

2.      tiġi trażmessa lil awtorità tas-sigurtà tal-Länder meta hija titlob it-trażmissjoni abbażi ta’ dispożizzjoni legali li tawtorizzaha tiġbor id-data msemmija fl-Artikolu 113b għall-finijiet tal-prevenzjoni ta’ riskju speċifiku għall-integrità fiżika, għall-ħajja jew għal-libertà ta’ persuna jew inkella għall-eżistenza tal-Istat Federali jew tal-Land;

[…]

(2)      Id-data miżmuma skont l-Artikolu 113b ma tistax tintuża minn dawk li jkunu suġġetti għall-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 113(1) għal finijiet oħra għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1.”

17      Skont l-Artikolu 113d tat-TKG:

“Id-destinatarju tal-obbligu previst fl-Artikolu 113a(1) għandu jiżgura li d-data miżmuma f’konformità mal-Artikolu 113b(1), fir-rigward tal-obbligu ta’ żamma, tkun protetta, permezz ta’ mezzi tekniċi u organizzattivi li jkunu konformi mal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, mill-kontroll u mill-użu mhux awtorizzati. Dawn il-miżuri, b’mod partikolari, jinkludu:

1.      l-użu ta’ proċedura ta’ kriptaġġ partikolarment sigura,

2.      il-ħżin f’infrastrutturi tal-ħżin differenti, separati minn dawk affettwati minn funzjonijiet operattivi ta’ rutina,

3.      il-ħżin, b’livell għoli ta’ protezzjoni kontra attakki ċibernetiċi, f’sistemi informatiċi tal-ipproċessar ta’ data offline,

4.      ir-restrizzjoni tal-aċċess għall-faċilitajiet użati għall-ipproċessar tad-data lil persuni li jkollhom awtorizzazzjoni speċjali mogħtija mill-persuna responsabbli għall-obbligu u

5.      l-obbligu li jiġu involuti, matul l-aċċess għad-data, mill-inqas żewġ persuni li jkollhom awtorizzazzjoni speċjali mill-persuna responsabbli għall-obbligu.”

18      L-Artikolu 113e tat-TKG huwa fformulat kif ġej:

“(1)      Il-persuna responsabbli għall-obbligu previst fl-Artikolu 113a(1) għandha tiżgura li, għall-finijiet tal-kontroll tal-protezzjoni tad-data, kull aċċess, u b’mod partikolari, il-qari, il-kopja, il-modifika, l-eliminazzjoni u l-għeluq, għad-data miżmuma f’konformità mal-Artikolu 113b(1) fir-rigward tal-obbligu għaż-żamma, jiġu rreġistrati. Għandu jiġi rreġistrat dan li ġej

1.      il-ħin tal-aċċess,

2.      il-persuni li jaċċedu għad-data,

3.      l-għan u n-natura tal-aċċess.

(2)      Id-data rreġistrata ma tistax tintuża għal finijiet oħra għajr dawk għall-kontroll tal-protezzjoni tad-data.

(3)      Il-persuna responsabbli għall-obbligu previst fl-Artikolu 113a(1) għandha tiżgura li d-data rreġistrata tiġi mħassra wara sena.”

19      Sabiex jiġi ggarantit livell ta’ sigurtà u ta’ kwalità tad-data partikolarment għolja, l-Aġenzija Federali tan-Networks tal-Elettriku, tal-Gass, tat-Telekomunikazzjonijiet, tal-Posta u tal-Ferroviji tistabbilixxi, skont l-Artikolu 113f(1) tat-TKG, sensiela ta’ rekwiżiti li, skont l-Artikolu 113f(2) tagħha, għandhom jiġu evalwati b’mod permanenti u adattati jekk ikun il-każ. L-Artikolu 113g tat-TKG jeżiġi li miżuri ta’ sigurtà speċifiċi jkunu integrati fl-espożizzjoni tal-politika fil-qasam tas-sigurtà li għandha tiġi ppreżentata mid-debitur.

 Is-StPO

20      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 100g(2) tal-iStrafprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem is-“StPO”) huwa fformulat kif ġej:

“Jekk ċerti fatti jwasslu għas-suspett li xi ħadd ikun wettaq, bħala awtur jew bħala kompliċi, wieħed mir-reati kriminali partikolarment serji msemmija fit-tieni frażi jew, fil-każijiet li fihom it-tentattiv li jitwettaq reat ikun punibbli, sar tentattiv li jitwettaq u jekk ir-reat ikun ukoll partikolarment serju fil-każ partikolari, id-data relatata mat-traffiku, miżmuma f’konformità mal-Artikolu 113b tat-[TKG], tista’ tinġabar fil-każ li l-investigazzjoni tal-fatti jew il-lokalizzazzjoni tal-persuna investigata jkunu eċċessivament diffiċli jew mhux prattiċi permezz ta’ mezzi oħra u jekk il-ġbir tad-data ikun proporzjonali għall-importanza tal-kawża.”

21      L-Artikolu 101a(1) jissuġġetta l-ġbir tad-data relatata mat-traffiku skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 100g tas-StPO għal awtorizzazzjoni ġudizzjarja. Skont l-Artikolu 101a(2) tas-StPO, ir-raġunijiet għad-deċiżjoni għandhom jinkludu l-kunsiderazzjonijiet essenzjali dwar in-natura neċessarja u xierqa tal-miżura fil-każ inkwistjoni. L-Artikolu 101a(6) tas-StPO jipprevedi obbligu li l-parteċipanti fit-telekomunikazzjoni kkonċernata jiġu informati.

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

22      SpaceNet u Telekom Deutschland jipprovdu, fil-Ġermanja, servizzi ta’ aċċess għall-internet aċċessibbli għall-pubbliku. It-tieni waħda tipprovdi, barra minn hekk, ukoll fil-Ġermanja, servizzi telefoniċi aċċessibbli għall-pubbliku.

23      Dawn il-fornituri ta’ servizzi kkontestaw quddiem il-Verwaltungsgericht Köln (il-Qorti Amministrattiva ta’ Köln, il-Ġermanja) l-obbligu impost fuqhom mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 113a(1) u tal-Artikolu 113b tat-TKG li jżommu data dwar it-traffiku u data dwar il-lokalizzazzjoni marbuta mat-telekomunikazzjonijiet tal-klijenti tagħhom mill‑1 ta’ Lulju 2017.

24      Permezz ta’ sentenzi tal‑20 ta’ April 2018, il-Verwaltungsgericht Köln (il-Qorti Amministrattiva ta’ Köln) iddeċidiet li SpaceNet u Telekom Deutschland ma kinux obbligati jżommu d-data dwar it-traffiku relatata mat-telekomunikazzjonijiet, imsemmija fl-Artikolu 113b(3) tat-TKG, tal-klijenti li lilhom huma jipprovdu aċċess għall-internet u li, barra minn hekk, Telekom Deutschland ma kinitx obbligata żżomm id-data dwar it-traffiku relatata mat-telekomunikazzjonijiet, imsemmija fl-ewwel u fit-tieni sentenza tal-Artikolu 113b(2) tat-TKG, tal-klijenti li lilhom hija tipprovdi servizzi telefoniċi aċċessibbli għall-pubbliku. Din il-qorti qieset, fil-fatt, fid-dawl tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970), li dan l-obbligu ta’ żamma kien kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni.

25      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat appelli għal “Reviżjoni” kontra dawn is-sentenzi quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju.

26      Din tal-aħħar tqis li l-kwistjoni dwar jekk l-obbligu ta’ żamma impost mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 113a(1) u tal-Artikolu 113b tat-TKG imurx kontra d-dritt tal-Unjoni tiddependi mill-interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/58.

27      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbilixxiet b’mod definittiv, fis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970), li l-leġiżlazzjonijiet li jirrigwardaw iż-żamma ta’ data dwar it-traffiku u data ta’ lokalizzazzjoni, kif ukoll fuq l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali jaqgħu, bħala prinċipju, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58.

28      Hija tirrileva wkoll li l-obbligu ta’ żamma inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn jillimita d-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 5(1), mill-Artikolu 6(1) u mill-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2002/58, jista’ jiġi ġġustifikat biss abbażi tal-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva.

29      F’dan ir-rigward, hija tfakkar li mis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970), jirriżulta li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11, kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità, żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data kollha dwar it-traffiku u tad-data dwar lokalizzazzjoni tal-abbonati u tal-utenti kollha tagħhom f’dak li jirrigwarda l-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi kollha.

30      Issa, skont il-qorti tar-rinviju, bħal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għall-imsemmija sentenza, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma teżiġi l-ebda raġuni għaż-żamma tad-data jew kwalunkwe rabta bejn id-data miżmuma u reat kriminali jew riskju għas-sigurtà pubblika. Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali timponi ż-żamma, mingħajr raġuni, iġġeneralizzata u indifferenzjata minn perspettiva personali, ratione temporis u ġeografika, tal-parti l-kbira tad-data rilevanti dwar it-traffiku tat-telekomunikazzjonijiet.

31      Il-qorti tar-rinviju tqis, madankollu, li ma huwiex eskluż li l-obbligu ta’ żamma inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jiġi ġġustifikat skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58.

32      Fl-ewwel lok, hija tqis li, kuntrarjament għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi li wasslu għas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970), il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma teżiġix iż-żamma tad-data dwar it-traffiku kollha marbuta mat-telekomunikazzjonijiet tal-abbonati u tal-utenti rreġistrati f’dak li jirrigwarda l-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi kollha. Mhux biss il-kontenut tal-komunikazzjonijiet huwa eskluż mill-obbligu ta’ żamma, iżda d-data dwar is-siti tal-internet ikkonsultati, id-data tas-servizzi ta’ posta elettronika u d-data sottostanti l-komunikazzjonijiet ta’ natura soċjali jew reliġjuża lejn jew minn ċerti linji ma tistax tinżamm, kif jirriżulta mill-Artikolu 113b(5) u (6) tat-TKG.

33      Fit-tieni lok, din il-qorti tindika li l-Artikolu 113b(1) tat-TKG jipprevedi tul ta’ żmien taż-żamma ta’ erba’ ġimgħat għad-data ta’ lokalizzazzjoni u ta’ għaxar ġimgħat għad-data dwar it-traffiku, filwaqt li d-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 dwar iż-żamma ta’ data ġġenerata jew ipproċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU 2006, L 105, p. 54), li fuqha kienu bbażati l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi li wasslu għas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970), kienet tipprevedi tul ta’ żmien taż-żamma inkluż bejn sitt xhur u sentejn.

34      Issa, skont il-qorti tar-rinviju, għalkemm l-esklużjoni ta’ ċerti mezzi ta’ komunikazzjoni jew ta’ ċerti kategoriji ta’ data u l-limitazzjoni tat-tul ta’ żmien taż-żamma ma humiex biżżejjed sabiex jiġi eliminat kull riskju ta’ stabbiliment ta’ profil sħiħ tal-persuni kkonċernati, dan ir-riskju huwa tal-inqas kunsiderevolment imnaqqas fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

35      Fit-tielet lok, din il-leġiżlazzjoni għandha limitazzjonijiet stretti f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tad-data miżmuma u l-aċċess għaliha. Għalhekk, minn naħa, hija tiggarantixxi protezzjoni effikaċi tad-data miżmuma kontra r-riskji ta’ abbuż, kif ukoll kontra kull aċċess illegali għal din id-data. Min-naħa l-oħra, id-data miżmuma tista’ tintuża biss għall-finijiet tal-ġlieda kontra r-reati kriminali serji jew għall-finijiet tal-prevenzjoni ta’ riskju konkret għall-integrità fiżika, għall-ħajja jew għal-libertà ta’ persuna jew saħansitra għall-eżistenza tal-Istat federali jew ta’ Land.

36      Fir-raba’ lok, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 fis-sens ta’ inkompatibbiltà ġenerali mad-dritt tal-Unjoni ta’ kull żamma ta’ data mingħajr raġuni tista’ tmur kontra l-obbligu tal-Istati Membri li jaġixxu, li jirriżulta mid-dritt għas-sigurtà stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta.

37      Fil-ħames lok, il-qorti tar-rinviju tqis li interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58 fis-sens li jipprekludi żamma ġġeneralizzata tad-data tirrestrinġi b’mod kunsiderevoli l-marġni ta’ manuvra tal-leġiżlatur nazzjonali f’qasam li jolqot ir-repressjoni tar-reati u s-sigurtà pubblika, li tibqa’, skont l-Artikolu 4(2) TUE, ir-responsabbiltà esklużiva ta’ kull Stat Membru.

38      Fis-sitt lok, il-qorti tar-rinviju tqis li hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tirrileva li din iddeċidiet li l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) ma jipprekludix dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu l-interċezzjoni massiva tal-flussi transkonfinali ta’ data, fid-dawl tat-theddid li attwalment jiffaċċjaw diversi Stati u tal-għodod teknoloġiċi li fuqhom jistgħu issa jibbażaw ruħhom t-terroristi u l-kriminali sabiex iwettqu atti kundannabbli.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 15 tad-Direttiva [2002/58], moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta […], minn naħa, u tal-Artikolu 6 tal- [Imsemmija Karta] kif ukoll tal-Artikolu 4 [TUE], min-naħa l-oħra, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku li jżommu d-data li tirrigwarda t-traffiku u d-data ta’ lokalizzazzjoni tal-utenti finali ta’ dawn is-servizzi meta

–        dan l-obbligu ma jkunx suġġett għall-eżistenza ta’ raġuni speċifika mil-lat ġeografiku, ta’ żmien jew territorjali,

–        fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi telefoniċi aċċessibbli għall-pubbliku – inkluża l-komunikazzjoni permezz tal-messaġġi qosra (SMS), messaġġi multimedia jew messaġġi simili u t-telefonati li ma jitweġbux jew mingħajr suċċess –, l-obbligu ta’ żamma jkopri d-data li ġejja:

–        in-numru tat-telefon jew identifikazzjoni oħra tal-linja li qed iċċempel u ta’ dik li qed tirċievi t-telefonata, kif ukoll ta’ kwalunkwe linja oħra użata fil-każ ta’ trasferiment tat-telefonata jew ta’ devjazzjoni tat-telefonata,

–        id-data u l-ħin tal-bidu u tat-tmiem tal-komunikazzjoni jew – fil-każ ta’ komunikazzjoni permezz tal-messaġġi qosra (SMS), messaġġi multimedia jew messaġġi simili – il-ħin li fih jintbagħat u jiġi rċevut il-messaġġ, u indikazzjoni taż-żona tal-ħin,

–        l-indikazzjonijiet rigward is-servizz użat meta servizzi differenti jistgħu jintużaw fil-kuntest tas-servizz telefoniku,

–        barra minn hekk, fil-każ ta’ servizzi ta’ telefonija mobbli,

–        l-identità internazzjonali ta’ abbonat mobbli tal-persuna li qed tagħmel it-telefonata u ta’ dik li qed tirċievi t-telefonata,

–        l-identità internazzjonali tat-tagħmir terminali li qed jagħmel it-telefonata u li qed jirċievi t-telefonata,

–        id-data u l-ħin tal-ewwel attivazzjoni tas-servizz, b’indikazzjoni taż-żona tal-ħin, meta servizzi jkunu tħallsu bil-quddiem,

–        l-isem taċ-ċelloli (“tower cell”) li ntużaw mill-persuna li qed tagħmel it-telefonata u minn dik li qed tirċievi t-telefonata fil-bidu tal-komunikazzjoni,

–        kif ukoll, fil-każ tas-servizzi ta’ telefonija permezz tal-internet, l-indirizzi IP (protokoll tal-internet) tal-persuna li qed tagħmel it-telefonata u ta’ dik li qed tirċievi t-telefonata u n-numri ta’ identifikazzjoni attribwiti,

–        fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet aċċessibbli għall-pubbliku, l-obbligu ta’ żamma jkopri d-data li ġejja:

–        l-indirizz IP attribwit lill-abbonat għall-finijiet tal-użu tal-internet,

–        l-identifikazzjoni ċara tal-konnessjoni li tippermetti l-aċċess għall-internet, kif ukoll in-numru ta’ identifikazzjoni attribwit,

–        id-data u l-ħin tal-bidu u tat-tmiem tal-użu tal-internet mill-indirizz IP attribwit, b’indikazzjoni taż-żona tal-ħin,

–        fil-każ ta’ użu mobbli, l-isem taċ-ċelloli li ntużaw fil-bidu tal-konnessjoni internet,

–        id-data li ġejja ma tistax tinżamm:

–        il-kontenut tal-komunikazzjoni,

–        id-data rigward is-siti tal-internet ikkonsultati,

–        id-data tas-servizzi ta’ posta elettronika,

–        id-data sottostanti l-komunikazzjonijiet lejn jew minn ċerti linji attribwiti lil persuni, awtoritajiet u organizzazzjonijiet ta’ natura soċjali jew reliġjuża,

–        it-tul ta’ żmien taż-żamma huwa ta’ erba’ ġimgħat għad-data ta’ lokalizzazzjoni, jiġifieri l-isem taċ-ċelloli użati, u ta’ għaxar ġimgħat għad-data l-oħra,

–        protezzjoni effettiva tad-data miżmuma mir-riskji ta’ abbuż kif ukoll minn kull aċċess illegali għal din id-data hija żgurata,

id-data miżmuma tista’ tintuża biss għall-finijiet tal-issanzjonar tal-ksur serju jew għall-finijiet tal-prevenzjoni ta’ riskju konkret għall-integrità fiżika, il-ħajja jew il-libertà ta’ persuna jew għall-eżistenza tar-Repubblika Federali jew ta’ Land, bl-eċċezzjoni f’dak li jirrigwarda l-indirizz IP attribwit lill-abbonat għall-użu tal-internet, li jista’ jintuża fil-kuntest tal-provvista ta’ informazzjoni dwar id-data marbuta mal-abbonat għall-finijiet tal-issanzjonar ta’ kwalunkwe ksur kriminali, tal-prevenzjoni ta’ riskju għas-sigurtà pubblika u l-ordni pubbliku kif ukoll għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-missjonijiet tas-servizzi ta’ informazzjoni?”

 Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

40      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑3 ta’ Diċembru 2019, il-Kawżi C‑793/19 u C‑794/19 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u tal-fażi orali tal-proċedura, kif ukoll tas-sentenza.

41      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Lulju 2020, il-proċedura fil-Kawżi magħquda C‑793/19 u C‑794/19 ġiet sospiża skont l-Artikolu 55(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, sal-għoti tas-sentenza fil-Kawża La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18).

42      Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis‑6 ta’ Ottubru 2020, tat is-sentenza tagħha fil-Kawża La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791), fit‑8 ta’ Ottubru 2020, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna t-tkomplija tal-proċedura fil-Kawżi magħquda C‑793/19 u C‑794/19.

43      Il-qorti tar-rinviju, li lilha r-Reġistru kien ikkomunika din is-sentenza, indikat li hija kienet ser iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.

44      F’dan ir-rigward, din il-qorti tar-rinviju, qabelxejn, osservat li l-obbligu ta’ żamma previst mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonċerna kwantità ta’ data iżgħar u tul ta’ żmien taż-żamma inqas minn dak li kienu jipprevedu l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi li wasslu għas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791). Dawn il-karatteristiċi jnaqqsu l-possibbiltà li d-data miżmuma tkun tista’ tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi ħafna dwar il-ħajja privata tal-persuni li d-data tagħhom tkun inżammet.

45      Sussegwentement, hija indikat mill-ġdid li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiżgura protezzjoni effikaċi tad-data miżmuma kontra r-riskji ta’ abbuż u ta’ aċċess illegali.

46      Fl-aħħar nett, hija enfasizzat li għad hemm inċertezzi fir-rigward tal-kwistjoni tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni taż-żamma tal-indirizzi IP, prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba inkoerenza bejn il-punti 155 u 168 tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791). Għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju, minn din is-sentenza tirriżulta inċertezza fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja teżiġix, għaż-żamma tal-indirizzi IP, raġuni ta’ żamma marbuta mal-għan ta’ salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja jew ta’ prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika, kif jirriżulta mill-punt 168 tal-imsemmija sentenza, jew jekk iż-żamma tal-indirizzi IP hijiex permessa anki fl-assenza ta’ raġuni konkreta, peress li huwa biss l-użu tad-data miżmuma li huwa limitat mill-imsemmija għanijiet, kif jirriżulta wkoll mill-punt 155 tal-istess sentenza.

 Fuq iddomanda preliminari

47      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 6 sa 8 u 11, kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta u tal-Artikolu 4(2) TUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżura leġiżlattiva nazzjonali li, minbarra ċerti eċċezzjonijiet, timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku, għall-finijiet elenkati fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva, u b’mod partikolari għall-finijiet tar-repressjoni tar-reati kriminali serji jew tal-prevenzjoni ta’ riskju konkret għas-sigurtà nazzjonali, iż-żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tal-parti l-kbira tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni tal-utenti finali ta’ dawn is-servizzi, billi tipprevedi tul ta’ żmien taż-żamma ta’ diversi ġimgħat, kif ukoll regoli intiżi li jiżguraw protezzjoni effikaċi tad-data miżmuma kontra r-riskji ta’ abbuż u kontra kwalunkwe aċċess illegali għal din id-data.

 Fuq lapplikabbiltà tadDirettiva 2002/58

48      Fir-rigward tal-argument tal-Irlanda kif ukoll tal-Gvern Franċiż, tal-Pajjiżi l-Baxxi, Pollakk u Svediż li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din ġiet adottata b’mod partikolari għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58, huwa biżżejjed li jitfakkar li leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi l-obbligu li jżommu data dwar it-traffiku u data dwar il-lokalizzazzjoni għall-finijiet b’mod partikolari tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u l-ġlieda kontra l-kriminalità, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58 (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 104).

 Fuq linterpretazzjoni talArtikolu 15(1) tadDirettiva 2002/58

 Tfakkira tal-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

49      Hija ġurisprudenza stabbilita li, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu mhux biss isir riferiment għall-kliem tagħha, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti kif ukoll li tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini ta’ din il-leġiżlazzjoni (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 32, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50      Mill-kliem stess tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jirriżulta li l-miżuri leġiżlattivi li din tawtorizza lill-Istati Membri jadottaw, taħt il-kundizzjonijiet li hija tistabbilixxi, jistgħu biss ikunu intiżi “biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni” tad-drittijiet u tal-obbligi previsti b’mod partikolari fl-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58 (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 33).

51      Fir-rigward tas-sistema stabbilita minn din id-direttiva u li fiha jinsab l-Artikolu 15(1) tagħha, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu, permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet imwettqa permezz ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjoni u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku, kif ukoll il-kunfidenzjalità tad-data dwar it-traffiku relatata magħhom. B’mod partikolari, għandhom l-obbligu li jipprojbixxu lil kull persuna oħra minbarra l-utenti li tisma’, tinterċetta jew taħżen il-komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatat, jew li tissuġġettahom għal kull mezz ieħor ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza, mingħajr il-kunsens tal-utenti kkonċernati, ħlief meta din il-persuna tkun legalment awtorizzata tagħmel dan skont l-Artikolu 15(1) tal-istess direttiva (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 34).

52      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58 jistabbilixxi l-prinċipju ta’ kunfidenzjalità kemm tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll tad-data dwar it-traffiku relatata magħhom u jimplika, b’mod partikolari, il-projbizzjoni applikabbli, bħala regola, għal kwalunkwe persuna oħra, minbarra l-utenti, li taħżen, mingħajr il-kunsens tagħhom, dawn il-komunikazzjonijiet u din id-data (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 107, kif ukoll tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 35).

53      Din id-dispożizzjoni tirrifletti l-għan intiż mil-leġiżlatur tal-Unjoni bl-adozzjoni tad-Direttiva 2002/58. Fil-fatt, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ipproċessar ta’ data personali u l-protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet elettroniċi [COM(2000) 385 final], li tat lok għad-Direttiva 2002/58, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni “jiżgura li livell għoli ta’ protezzjoni ta’ data personali u tal-ħajja privata jibqa’ ggarantit fir-rigward tas-servizzi kollha ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, irrispettivament mit-teknoloġija użata”. L-imsemmija direttiva għandha l-għan, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 6 u 7 tagħha, li tipproteġi lill-utenti ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kontra r-riskji għad-data personali tagħhom u għall-ħajja privata tagħhom li jirriżultaw minn teknoloġiji ġodda u, b’mod partikolari, mill-kapaċità li dejjem tiżdied tal-ħażna u l-ipproċessar awtomatizzati ta’ data. B’mod partikolari, kif tiddikjara l-premessa 2 tal-istess direttiva, ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni hija li jiggarantixxi r-rispett sħiħ tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, relatati, rispettivament, mal-protezzjoni tal-ħajja privata kif ukoll mal-protezzjoni tad-data personali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54      Bl-adozzjoni tad-Direttiva 2002/58, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkonkretizza għalhekk dawn id-drittijiet, b’tali mod li l-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi għandhom id-dritt li jippretendu, bħala prinċipju, li l-komunikazzjonijiet tagħhom u d-data relatata magħhom jibqgħu, fl-assenza tal-kunsens tagħhom, anonimi u li ma jkunux is-suġġett ta’ reġistrazzjoni (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, punt 109, kif ukoll tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 37).

55      Fir-rigward tal-ipproċessar u tal-ħażna mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tad-data dwar it-traffiku li tikkonċerna l-abbonati u l-utenti, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/58 jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li din id-data għandha titħassar jew issir anonima, meta ma tkunx iktar neċessarja għat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni, u jippreċiża, fil-paragrafu 2 tiegħu, li d-data dwar it-traffiku fuq l-internet li hija neċessarja sabiex isiru l-kontijiet tal-abbonati u l-ħlasijiet għal interkonnessjoni jistgħu jiġu pproċessati biss sat-tmiem tal-perijodu li matulu l-fattura tista’ tiġi legalment ikkontestata jew jistgħu jinbdew azzjonijiet għall-ħlas tagħhom. Fir-rigward tad-data ta’ lokalizzazzjoni li ma tkunx data dwar it-traffiku, l-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li din id-data tista’ tiġi pproċessata biss taħt ċerti kundizzjonijiet u wara li tkun ġiet anonimizzata jew wara li jkun inkiseb il-kunsens tal-utenti jew tal-abbonati.

56      Għaldaqstant, id-Direttiva 2002/58 mhux biss tillimita l-aċċess għal tali data permezz ta’ garanziji intiżi sabiex jipprevjenu l-abbużi, iżda tistabbilixxi wkoll, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-ħażna tagħha minn terzi (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 39).

57      Sa fejn l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jippermetti lill-Istati Membri jadottaw miżuri leġiżlattivi intiżi sabiex “jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni” tad-drittijiet u tal-obbligi previsti b’mod partikolari fl-Artikoli 5, 6 u 9 ta’ din id-direttiva, bħal dawk li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u mill-projbizzjoni tal-ħażna tad-data relatata magħhom, imfakkra fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali prevista b’mod partikolari f’dawn l-Artikoli 5, 6 u 9 u għandha għalhekk, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta. Tali dispożizzjoni, għalhekk, ma tistax tiġġustifika li d-deroga mill-obbligu fuq livell ta’ prinċipju li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u tad-data relatata magħhom u, b’mod partikolari, mill-projbizzjoni li tinħażen din id-data, prevista fl-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, issir ir-regola, mingħajr ma ċċaħħad din l-aħħar dispożizzjoni mill-portata tagħha (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Fir-rigward tal-għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw limitazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi previsti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-lista tal-għanijiet li tinsab fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva hija ta’ natura eżawrjenti, b’tali mod li miżura leġiżlattiva adottata bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni għandha effettivament u strettament tissodisfa wieħed minn dawn l-għanijiet (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Barra minn hekk, mit-tielet sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jirriżulta li l-miżuri meħuda mill-Istati Membri skont din id-dispożizzjoni għandhom josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fosthom il-prinċipju ta’ proporzjonalità, u jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-obbligu impost minn Stat Membru fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, li jżommu d-data dwar it-traffiku bil-għan li, jekk ikun il-każ, jingħata aċċess għaliha lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jqajjem kwistjonijiet dwar l-osservanza mhux biss tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, iżda wkoll dwar dik tal-Artikolu 11 tal-Karta, dwar il-libertà ta’ espressjoni, peress li din il-libertà tikkostitwixxi wieħed mill-pedamenti essenzjali ta’ soċjetà demokratika u pluralistika u huwa parti mill-valuri li fuqhom, skont l-Artikolu 2 TUE, hija bbażata l-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punti 42 u 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li ż-żamma ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni tikkostitwixxi, fiha nnifisha, minn naħa, deroga mill-projbizzjoni, prevista fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58, applikabbli għal kwalunkwe persuna oħra, għajr l-utenti, li taħżen din id-data u, min-naħa l-oħra, indħil fid-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, sanċiti bl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, irrispettivament minn jekk l-informazzjoni relatata mal-ħajja privata kkonċernata hijiex ta’ natura sensittiva jew le, jew jekk il-persuni kkonċernati jkunux sofrew eventwali inkonvenjenzi jew le minħabba dan l-indħil jew jekk id-data miżmuma tkunx intużat jew le sussegwentement (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punti 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Din il-konklużjoni tidher iktar u iktar iġġustifikata peress li d-data dwar it-traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni jistgħu jiżvelaw informazzjoni dwar numru sinjifikattiv ta’ aspetti tal-ħajja privata tal-persuni kkonċernati, inkluż informazzjoni sensittiva bħall-orjentazzjoni sesswali, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż, filosofiku, soċjali u oħrajn kif ukoll l-istat tas-saħħa, filwaqt li tali data tgawdi, fuq kollox, minn protezzjoni partikolari fid-dritt tal-Unjoni. Meħuda fl-intier tagħha, l-imsemmija data tista’ tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi ħafna dwar il-ħajja privata tal-persuni li d-data tagħhom tkun inżammet, bħalma huma l-użanzi tal-ħajja ta’ kuljum, il-postijiet ta’ residenza permanenti jew temporanji, iċ-ċaqliq ta’ kuljum jew oħrajn, l-attivitajiet eżerċitati, ir-relazzjonijiet soċjali ta’ dawn il-persuni u l-ambjenti soċjali ffrekwentati minnhom. B’mod partikolari, din id-data tipprovdi l-mezzi sabiex jiġi stabbilit il-profil tal-persuni kkonċernati, informazzjoni daqstant sensittiva, fid-dawl tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, bħall-kontenut stess tal-komunikazzjonijiet (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punti 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Għalhekk, minn naħa, iż-żamma ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni għal finijiet ta’ investigazzjoni tista’ tikkawża preġudizzju għad-dritt tar-rispett tal-komunikazzjonijiet, sanċit fl-Artikolu 7 tal-Karta, u twassal għal effetti dissważivi fuq l-eżerċizzju, mill-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi, tal-libertà ta’ espressjoni tagħhom, iggarantita fl-Artikolu 11 tagħha, effetti li huma iktar u iktar gravi meta n-numru u l-varjetà tad-data miżmuma huma għoljin. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-kwantità sinjifikattiva ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni li tista’ tinżamm b’mod kontinwu permezz ta’ miżura ta’ żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata kif ukoll tan-natura sensittiva tal-informazzjoni li din id-data tista’ tagħti, is-sempliċi żamma tal-imsemmija data mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tinvolvi riskji ta’ abbuż u ta’ aċċess illeċitu (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punti 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Madankollu, sa fejn jippermetti lill-Istati Membri jillimitaw id-drittijiet u l-obbligi msemmija fil-punti 51 sa 54 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jirrifletti l-fatt li d-drittijiet sanċiti fl-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta ma jidhirx li huma prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, din taċċetta limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet, sakemm dawn il-limitazzjonijiet huma previsti mil-liġi, jirrispettaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u, bl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji u effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn. Għalhekk, għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 fid-dawl tal-Karta għandha tiġi kkunsidrata wkoll l-importanza tad-drittijiet sanċiti fl-Artikoli 3, 4, 6 u 7 tal-Karta u tal-għanijiet ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja fil-kontribut għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ oħrajn (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punti 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Għalhekk, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ġlieda effettiva kontra r-reati kriminali li tagħhom huma vittmi, b’mod partikolari, il-minuri u l-persuni vulnerabbli l-oħra, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li obbligi pożittivi fuq l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jirriżultaw mill-Artikolu 7 tal-Karta, fid-dawl tal-adozzjoni ta’ miżuri legali intiżi sabiex jipproteġu l-ħajja privata u tal-familja. Obbligi simili jistgħu jirriżultaw ukoll mill-imsemmi Artikolu 7 fir-rigward tal-protezzjoni tad-domiċilju u tal-komunikazzjonijiet, kif ukoll mill-Artikoli 3 u 4 fir-rigward tal-protezzjoni tal-integrità fiżika u mentali tal-persuni u l-projbizzjoni tat-tortura u tat-trattamenti inumani u degradanti (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punti 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Huwa fl-isfond ta’ dawn l-obbligi pożittivi differenti li għandu jinstab il-bilanċ meħtieġ bejn l-interessi u d-drittijiet differenti inkwistjoni u għandu jiġi stabbilit qafas legali li jippermetti din ir-rikonċiljazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punti 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      F’dan il-kuntest, mill-istess kliem tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżura li tidderoga mill-prinċipju ta’ kunfidenzjalità evokata fil-punt 52 ta’ din is-sentenza meta tali miżura tkun “neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika”, peress li l-premessa 11 ta’ din id-direttiva tindika, f’dan is-sens, li miżura ta’ dan it-tip għandha tkun “strettament” proporzjonata mal-għan li għandu jintlaħaq.

67      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-protezzjoni tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata tirrikjedi, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li d-derogi mill-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet għaliha għandhom japplikaw fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju. Barra minn hekk, għan ta’ interess ġenerali ma jistax jintlaħaq mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa għandu jkun irrikonċiljat mad-drittijiet fundamentali kkonċernati mill-miżura, u dan billi jinstab bilanċ bejn, minn naħa, l-għan ta’ interess ġenerali u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet inkwistjoni (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punti 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      B’mod iktar partikolari, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-possibbiltà għall-Istati Membri li jiġġustifikaw limitazzjoni għad-drittijiet u għall-obbligi previsti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58 għandha tkun evalwata billi titqies il-gravità tal-indħil li tali limitazzjoni ġġib magħha u billi jiġi vverifikat li l-importanza tal-għan ta’ interess ġenerali li għandu jintlaħaq minn din il-limitazzjoni hija proporzjonata ma’ din il-gravità (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punti 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Sabiex tissodisfa r-rekwiżit ta’ proporzjonalità, leġiżlazzjoni għandha tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni u li jimponu minimu ta’ rekwiżiti, b’tali mod li l-persuni, li tagħhom tkun inżammet id-data personali, ikollhom garanziji suffiċjenti li jippermettu li din id-data tiġi protetta b’mod effettiv kontra r-riskji ta’ abbuż. Din il-leġiżlazzjoni għandha tkun legalment vinkolanti fid-dritt intern u, b’mod partikolari, hija għandha tindika f’liema ċirkustanzi u taħt liema kundizzjonijiet tista’ tittieħed miżura li tipprevedi l-ipproċessar ta’ tali data, u b’hekk jiġi ggarantit li l-indħil ikun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju. In-neċessità li jkun hemm tali garanziji hija iktar u iktar importanti meta d-data personali tkun suġġetta għal ipproċessar awtomatizzat, b’mod partikolari meta jkun hemm riskju sinjifikattiv ta’ aċċess illeċitu għal din id-data. Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw b’mod partikolari meta tkun involuta l-protezzjoni tal-kategorija partikolari ta’ data personali li hija d-data sensittiva (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punti 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Għalhekk, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi żamma ta’ data personali għandha dejjem tissodisfa kriterji oġġettivi, li jistabbilixxu relazzjoni bejn id-data li għandha tinżamm u l-għan intiż (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punti 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Fir-rigward tal-għanijiet ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw miżura meħuda abbażi tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, b’mod partikolari mis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791), li b’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, teżisti ġerarkija bejn dawn l-għanijiet skont l-importanza rispettiva tagħhom u li l-importanza tal-għan intiż minn tali miżura għandha tkun f’relazzjoni mal-gravità tal-indħil li jirriżulta minnha (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punti 56).

72      Għalhekk, fir-rigward tal-għan tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, li l-importanza tiegħu jeċċedi dik tal-għanijiet l-oħra indikati fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11, kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, ma tipprekludix miżuri leġiżlattivi li jippermettu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, l-għoti ta’ ordni lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex jipproċedu b’żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, f’sitwazzjonijiet fejn l-Istat Membru kkonċernat jaffaċċja theddida serja għas-sigurtà nazzjonali li tirriżulta li hija reali u attwali jew prevedibbli, fejn id-deċiżjoni li tipprevedi din l-ordni tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ effettiv, jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti, li jagħtu deċiżjoni vinkolanti, bil-għan li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet kif ukoll l-osservanza tal-kundizzjonijiet u tal-garanziji li għandhom jiġu previsti, u fejn l-imsemmija ordni għandha tingħata biss għal perijodu limitat għal dak li huwa strettament neċessarju, iżda li jista’ jiġġedded jekk din it-theddida tippersisti (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punti 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Fir-rigward tal-għan ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, huma biss il-ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika li jistgħu jiġġustifikaw indħil serju fid-drittijiet fundamentali sanċiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, bħal dak li timplika ż-żamma ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni. Għalhekk, huwa biss indħil fl-imsemmija drittijiet fundamentali li ma jkunx serju li jista’ jiġi ġġustifikat minn għan ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali b’mod ġenerali (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punti 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Fir-rigward tal-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għal dan il-għan, iż-żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni teċċedi l-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju u ma tistax titqies li hija ġġustifikata f’soċjetà demokratika. Fil-fatt, fid-dawl tan-natura sensittiva tal-informazzjoni li d-data dwar it-traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni tista’ tagħti, il-kunfidenzjalità ta’ din tal-aħħar hija essenzjali għad-dritt tar-rispett tal-ħajja privata. B’hekk, u wara li jiġu kkunsidrati, minn naħa, effetti dissważivi fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali sanċiti fl-Artikoli 7 u 11 tal-Karta, imsemmija fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, li jistgħu jirriżultaw miż-żamma ta’ din id-data u, min-naħa l-oħra, il-gravità tal-indħil li tinvolvi tali żamma, huwa neċessarju, f’soċjetà demokratika, li ż-żamma tkun, kif tipprevedi s-sistema stabbilita bid-Direttiva 2002/58, l-eċċezzjoni u mhux ir-regola u li din id-data ma tkunx tista’ tinżamm b’mod sistematiku u kontinwu. Din il-konklużjoni tapplika wkoll fir-rigward tal-għanijiet tal-ġlieda kontra l-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika kif ukoll tal-importanza li għandhom jingħataw (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punti 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, ma jipprekludix miżuri leġiżlattivi li jipprevedu, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika,

–        żamma mmirata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni li tkun limitata, abbażi ta’ elementi oġġettivi u nondiskriminatorji, skont il-kategoriji ta’ persuni kkonċernati jew permezz ta’ kriterju ġeografiku, għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju, iżda li jista’ jiġġedded;

–        żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tal-indirizzi IP assenjati lis-sors ta’ konnessjoni, għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju;

–        żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata ta’ data relatata mal‑identità ċivili tal-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi, u

–        l-għoti ta’ ordni lill‑fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità kompetenti suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, sabiex jipproċedu, għal perijodu stabbilit, biż-żamma rapida (“quick freeze”) ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il‑lokalizzazzjoni li dawn il‑fornituri ta’ servizzi għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom,

sa fejn dawn il-miżuri jiżguraw, permezz ta’ regoli ċari u preċiżi, li ż‑żamma tad-data inkwistjoni hija suġġetta għall-osservanza tal‑kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali applikabbli u li l-persuni kkonċernati għandhom garanziji effettivi kontra r-riskji ta’ abbuż (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 168, kif ukoll tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 67).


 Fuq miżura li tipprevedi, għal perijodu ta’ diversi ġimgħat, żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tal-parti l-kbira tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni

76      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ta’ prinċipju li għandhom jiġu eżaminati l-karatteristiċi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, enfasizzati mill-qorti tar-rinviju.

77      Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-portata tad-data miżmuma, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi telefoniċi, l-obbligu ta’ żamma stabbilit minn din il-leġiżlazzjoni jirrigwarda, b’mod partikolari, id-data neċessarja sabiex jiġi identifikat is-sors ta’ komunikazzjoni u d-destinazzjoni tagħha, id-data u l-ħin tal-bidu u tat-tmiem tal-komunikazzjoni jew, fil-każ ta’ komunikazzjoni permezz ta’ SMS, messaġġ multimedia jew messaġġ simili, il-mument li fih intbagħat u ġie rċevut il-messaġġ, kif ukoll fil-każ ta’ użu mobbli, l-isem taċ-ċelloli li ntużaw mill-persuna li qiegħda tagħmel it-telefonata u ta’ dik li qiegħda tirċievi t-telefonata fil-bidu tal-komunikazzjoni. Fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet, l-obbligu ta’ żamma jirrigwarda, fost l-oħrajn, l-indirizz IP attribwit lill-abbonat, id-data u l-ħin tal-bidu u tat-tmiem tal-użu tal-internet mill-indirizz IP attribwit u, fil-każ ta’ użu mobbli, l-isem taċ-ċelloli li ntużaw fil-bidu tal-konnessjoni internet. Għandha tinżamm ukoll id-data li tippermetti l-għarfien tal-pożizzjoni ġeografika u d-direzzjonijiet ta’ radjazzjoni massima tal-antenni li jservu ċ-ċellola kkonċernata.

78      Għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali teskludi mill-obbligu ta’ żamma l-kontenut tal-komunikazzjoni u d-data dwar is-siti tal-internet ikkonsultati u timponi ż-żamma tal-identifikatur ċellulari biss fil-bidu tal-komunikazzjoni, għandu jiġi osservat li l-istess japplika, essenzjalment, għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2006/24 li kienu inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791). Issa, minkejja dawn il-limitazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’din is-sentenza li l-kategoriji ta’ data miżmuma skont l-imsemmija direttiva u dawn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali setgħu jippermettu li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi ħafna dwar il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati, bħalma huma l-użanzi tal-ħajja ta’ kuljum, il-postijiet ta’ residenza permanenti jew temporanji, iċ-ċaqliq ta’ kuljum jew oħrajn, l-attivitajiet eżerċitati, ir-relazzjonijiet soċjali ta’ dawn il-persuni u l-ambjenti soċjali ffrekwentati minnhom u, b’mod partikolari, billi jipprovdu l-mezzi sabiex jistabbilixxu l-profil ta’ dawn il-persuni.

79      Għandu, barra minn hekk, jiġi kkonstatat li, għalkemm il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tkoprix id-data dwar is-siti internet ikkonsultati, din tipprevedi madankollu ż-żamma tal-indirizzi IP. Madankollu, peress li l-indirizzi IP jistgħu jintużaw b’mod partikolari sabiex jiġi ttraċċat b’mod eżawrjenti l-proċess ta’ navigazzjoni ta’ utent tal-internet u, konsegwentement, l-attività online tiegħu, din id-data tippermetti li jiġi stabbilit il-profil iddettaljat ta’ dan tal-aħħar. B’hekk, iż-żamma u l-analiżi tal-imsemmija indirizzi IP li huma neċessarji sabiex isir tali traċċar jikkostitwixxu ndħil serju fid-drittijiet fundamentali tal-utent tal-internet sanċiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 153).

80      Barra minn hekk, u kif irrilevat SpaceNet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, id-data relatata mas-servizzi ta’ posta elettronika, minkejja li ma hijiex koperta mill-obbligu ta’ żamma previst mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tirrappreżenta biss parti żgħira ħafna tad-data inkwistjoni.

81      Għalhekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-obbligu ta’ żamma previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jestendi għal ġabra wiesgħa ħafna ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, li jikkorrispondi, essenzjalment, għal dik li wasslet għall-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 78 ta’ din is-sentenza.

82      Barra minn hekk, b’risposta għal domanda magħmula waqt is-seduta, il-Gvern Ġermaniż ippreċiża li 1 300 entità biss kienu inklużi fil-lista ta’ persuni, ta’ awtoritajiet jew ta’ organizzazzjonijiet ta’ natura soċjali jew reliġjuża li d-data relatata mal-komunikazzjonijiet elettroniċi ma hijiex miżmuma skont l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 113b(6) tat-TKG, li jirrappreżenta manifestament parti żgħira mill-utenti kollha tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni fil-Ġermanja li d-data tagħhom taqa’ taħt l-obbligu ta’ żamma previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. B’hekk tinżamm, b’mod partikolari, id-data tal-utenti suġġetti għas-sigriet professjonali, bħall-avukati, it-tobba u l-ġurnalisti.

83      Għaldaqstant, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li ż-żamma tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni prevista minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tikkonċerna kważi l-persuni kollha li jifformaw il-popolazzjoni mingħajr ma dawn jinsabu, anki jekk indirettament, f’sitwazzjoni li tista’ tagħti lok għal proċeduri kriminali. Bl-istess mod, din timponi ż-żamma, mingħajr raġuni, iġġeneralizzata u indifferenzjata minn perspettiva personali, ratione temporis u ġeografika, tal-parti l-kbira tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni li l-portata tagħha tikkorrispondi, essenzjalment, għal dik tad-data miżmuma fil-kawżi li wasslu għall-ġurisprudenza msemmija fil-punt 78 ta’ din is-sentenza.

84      Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, obbligu li tinżamm id-data bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jitqies li huwa żamma mmirata tad-data, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Ġermaniż.

85      Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tul ta’ żamma tad-data, mit-tieni sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jirriżulta li t-tul ta’ żmien taż-żamma previst minn miżura nazzjonali li timponi obbligu ta’ żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata huwa, ċertament, fattur rilevanti, fost oħrajn, sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix tali miżura, peress li l-imsemmija sentenza teżiġi li dan it-tul ikun “limitat”.

86      Issa, f’dan il-każ, ċertament dan it-tul li jestendi, skont l-Artikolu 113b(1) tat-TKG għal erba’ ġimgħat għad-data dwar il-lokalizzazzjoni u għal għaxar ġimgħat għad-data l-oħra, huwa manifestament iqsar minn dak previst mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jimponu obbligu ta’ żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tal‑21 ta’ Diċembru 2016 Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970), tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791), kif ukoll tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et (C‑140/20, EU:C:2022:258).

87      Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, il-gravità tal-indħil tirriżulta mir-riskju, b’mod partikolari fir-rigward tan-numru u tal-varjetà tagħha, li d-data miżmuma, meħuda fit-totalità tagħha, tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi ħafna dwar il-ħajja privata tal-persuna jew tal-persuni li d-data tagħhom tkun inżammet u, b’mod partikolari, jipprovdu l-mezzi sabiex jiġi stabbilit il-profil tal-persuna jew tal-persuni kkonċernati, li hija informazzjoni daqstant sensittiva, fir-rigward tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, bħall-kontenut innifsu tal-komunikazzjonijiet.

88      Għaldaqstant, iż-żamma tad-data dwar it-traffiku jew tad-data dwar il-lokalizzazzjoni, li tista’ tipprovdi informazzjoni dwar il-komunikazzjonijiet magħmula minn utent ta’ mezz ta’ komunikazzjoni elettronika jew dwar il-lokalizzazzjoni tat-tagħmir terminali li huwa juża, tippreżenta fi kwalunkwe każ natura serja indipendentement mit-tul tal-perijodu ta’ żamma, mill-kwantità jew min-natura tad-data miżmuma, meta l-imsemmija ġabra ta’ data tista’ tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi ħafna dwar il-ħajja privata tal-persuna jew tal-persuni kkonċernati (ara, f’dan is-sens, f’dak li jirrigwarda l-aċċess għal tali data, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021 Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi), C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 39).

89      F’dan ir-rigward, anki ż-żamma ta’ kwantità limitata ta’ data dwar it-traffiku jew ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni jew iż-żamma ta’ din id-data għal perijodu qasir jistgħu jipprovdu informazzjoni preċiża ħafna dwar il-ħajja privata ta’ utent ta’ mezz ta’ komunikazzjoni elettronika. Barra minn hekk, il-kwantità tad-data disponibbli u l-informazzjoni preċiża ħafna dwar il-ħajja privata tal-persuna kkonċernata li tirriżulta minnha jistgħu jiġu evalwati biss wara l-konsultazzjoni tal-imsemmija data. Issa, l-indħil li jirriżulta miż-żamma tal-imsemmija data jseħħ neċessarjament qabel ma d-data u l-informazzjoni li tirriżulta minnha jkunu jistgħu jiġu kkonsultati. B’hekk, l-evalwazzjoni tal-gravità tal-indħil li tikkostitwixxi ż-żamma ssir neċessarjament skont ir-riskju ġeneralment relatat mal-kategorija ta’ data miżmuma għall-ħajja privata tal-persuni kkonċernati, mingħajr ma huwa meħtieġ, barra minn hekk, li jsir magħruf jekk l-informazzjoni relatata mal-ħajja privata li tirriżulta minnha għandhiex jew le, konkretament, natura sensittiva (ara, f’dan is-sens, f’dak li jirrigwarda l-aċċess għal tali data, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021 Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi), C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 40).

90      F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 77 ta’ din is-sentenza u kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, ġabra ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni miżmuma għal, għaxar u erba’ ġimgħat, rispettivament, tista’ tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi ħafna dwar il-ħajja privata tal-persuni li tinżamm id-data tagħhom, bħall-użanzi tal-ħajja ta’ kuljum, il-postijiet ta’ residenza permanenti jew temporanji, iċ-ċaqliq ta’ kuljum jew ieħor, l-attivitajiet eżerċitati, ir-relazzjonijiet soċjali ta’ dawn il-persuni u l-ambjenti soċjali ffrekwentati minnhom u, b’mod partikolari, li jiġi stabbilit profil tal-imsemmija persuni.

91      Fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda l-garanziji previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, intiżi li jipproteġu d-data miżmuma kontra r-riskji ta’ abbuż u kontra kwalunkwe aċċess illeċitu, għandu jiġi rrilevat li ż-żamma ta’ din id-data u l-aċċess għaliha jikkostitwixxu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, indħil distint fid-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 11 tal-Karta, li jeħtieġ ġustifikazzjoni distinta, skont l-Artikolu 52(1) tagħha. Minn dan jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li tiżgura l-osservanza sħiħa tal-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza li interpretat id-Direttiva 2002/58 fil-qasam tal-aċċess għad-data miżmuma ma tistax, min-natura tagħha, tillimita jew tirrimedja għall-indħil serju, li jirriżulta miż-żamma ġġeneralizzata ta’ din id-data prevista minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-direttiva u mid-drittijiet fundamentali li dawn l-artikoli jikkostitwixxu l-konkretizzazzjoni tagħhom (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 47).

92      Fir-raba’ u l-aħħar lok, f’dak li jirrigwarda l-argument tal-Kummissjoni Ewropea li l-kriminalità partikolarment serja tista’ tiġi assimilata ma’ theddida għas-sigurtà nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-għan tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali jikkorrispondi mal-interess primordjali ta’ protezzjoni tal-funzjonijiet essenzjali tal-Istat u tal-interessi fundamentali tas-soċjetà bil-prevenzjoni u r-repressjoni ta’ attivitajiet li jistgħu jiddestabilizzaw b’mod serju l-istrutturi kostituzzjonali, politiċi, ekonomiċi jew soċjali fundamentali ta’ pajjiż, u b’mod partikolari li jheddu direttament is-soċjetà, il-popolazzjoni jew l-Istat bħala tali, bħal b’mod partikolari attivitajiet terroristiċi (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      B’differenza mill-kriminalità, anki partikolarment serja, theddida għas-sigurtà nazzjonali għandha tkun reali u attwali jew, tal-inqas, prevedibbli, li jippreżupponi l-okkorrenza ta’ ċirkustanzi suffiċjentement konkreti, sabiex tkun tista’ tiġi ġġustifikata miżura ta’ żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni, għal tul limitat. Tali theddida hija għalhekk differenti, min-natura, il-gravità u n-natura speċifika tagħha, miċ-ċirkustanzi li jikkostitwixxuha, mir-riskju ġenerali u permanenti li huwa dak ta’ tensjoni jew inkwiet, anki gravi, għas-sigurtà pubblika jew dak ta’ reati kriminali serji (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      Għalhekk, il-kriminalità, anki partikolarment serja, ma tistax tiġi assimilata għal theddida għas-sigurtà nazzjonali. Fil-fatt, tali assimilazzjoni tista’ tintroduċi kategorija intermedja bejn is-sigurtà nazzjonali u s-sigurtà pubblika, għall-finijiet tal-applikazzjoni għat-tieni waħda tar-rekwiżiti inerenti għall-ewwel waħda (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 63).

 Fuq il-miżuri li jipprevedu żamma mmirata, żamma rapida jew żamma tal-indirizzi IP

95      Diversi gvernijiet, inkluż il-Gvern Franċiż, jenfasizzaw li hija biss żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata li tippermetti t-twettiq effikaċi tal-għanijiet imfittxija mill-miżuri ta’ żamma, filwaqt li l-Gvern Ġermaniż jippreċiża, essenzjalment, li tali konklużjoni ma hijiex invalidata mill-fatt li l-Istati Membri jistgħu jirrikorru għall-miżuri ta’ żamma mmirata u ta’ żamma rapida indikati fil-punt 75 ta’ din is-sentenza.

96      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-effikaċja tal-proċeduri kriminali tiddependi ġeneralment mhux minn strument ta’ investigazzjoni wieħed, iżda mill-istrumenti kollha ta’ investigazzjoni li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għal dan il-għan (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 69).

97      Fit-tieni lok, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kif interpretat mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, jippermetti lill-Istati Membri jadottaw, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika, mhux biss miżuri li jistabbilixxu żamma mmirata u żamma rapida, iżda wkoll miżuri li jipprevedu żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata, minn naħa, tad-data relatata mal-identità ċivili tal-utenti tal-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi u, min-naħa l-oħra, tal-indirizzi IP attribwiti lis-sors ta’ konnessjoni (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 70).

98      F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li ż-żamma tad-data dwar l-identità ċivili tal-utenti tal-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi tista’ tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja, sa fejn din id-data tippermetti li jiġu identifikati l-persuni li użaw tali mezzi fil-kuntest tal-preparazzjoni jew tat-twettiq ta’ att li jaqa’ taħt il-kriminalità serja (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 71).

99      Issa, id-Direttiva 2002/58 ma tipprekludix, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità b’mod ġenerali, iż-żamma ġġeneralizzata tad-data relatata mal-identità ċivili. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ppreċiżat li la din id-direttiva u lanqas ebda att ieħor tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha bħala suġġett il-ġlieda kontra l-kriminalità serja, li skontha l-akkwist ta’ mezz ta’ komunikazzjoni elettronika, bħal kard SIM imħallsa minn qabel, huwa suġġett għall-verifika ta’ dokumenti uffiċjali li jistabbilixxu l-identità tax-xerrej u għar-reġistrazzjoni, mill-bejjiegħ, tal-informazzjoni li tirriżulta minn dan, peress li l-bejjiegħ huwa, skont il-każ, obbligat jagħti aċċess għal din l-informazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 72).

100    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li ż-żamma ġġeneralizzata tal-indirizzi IP tas-sors tal-konnessjoni tikkostitwixxi ndħil serju fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta peress li dawn l-indirizzi IP jistgħu jippermettu li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-utent mill-mezz ta’ komunikazzjoni elettronika kkonċernat u jista’ jkollhom effetti dissważivi fuq l-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni ggarantita fl-Artikolu 11 tagħha. Madankollu, fir-rigward ta’ tali żamma, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li hemm lok, għall-finijiet tar-rikonċiljazzjoni neċessarja tad-drittijiet u tal-interessi leġittimi inkwistjoni meħtieġa mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 65 sa 68 ta’ din is-sentenza, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-każ ta’ reat imwettaq online u, b’mod partikolari, fil-każ tal-akkwist, ix-xandir, it-trażmissjoni jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni online ta’ pedopornografija, fis-sens tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (ĠU 2011, L 335, p. 1, rettifika fil-ĠU 2012, L 18, p. 7), l-indirizz IP jista’ jkun l-uniku mezz ta’ investigazzjoni li jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna li lilha kien attribwit dan l-indirizz fil-mument tat-twettiq ta’ dan ir-reat (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 73).

101    F’dawn iċ-ċirkustanzi, filwaqt li huwa veru li miżura leġiżlattiva li tipprevedi ż-żamma tal-indirizzi IP tal-persuni fiżiċi kollha li għandhom tagħmir terminali li jippermetti aċċess għall-internet tkopri persuni li mal-ewwel daqqa ta’ għajn ma għandhom l-ebda rabta, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu u li l-utenti tal-internet, skont dak li ġie kkonstatat fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, għandhom dritt jippretendu, bis-saħħa tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, li l-identità tagħhom ma tkunx, bħala regola, żvelata, miżura leġiżlattiva li tipprevedi ż-żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata ta’ indirizzi IP assenjati lis-sors ta’ komunikazzjoni biss, ma tidhirx, bħala regola, li tikser l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, sakemm din il-possibbiltà tkun suġġetta għall-osservanza stretta tal-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li għandhom jirregolaw l-użu ta’ din id-data (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 155).

102    Minħabba n-natura serja tal-indħil fid-drittijiet fundamentali sanċiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li jirriżulta minn din iż-żamma, huma biss il-ġlieda kontra l-kriminalità serja, il-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika u s-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, li jistgħu jiġġustifikaw dan l-indħil. Barra minn hekk, it-tul ta’ żmien taż-żamma ma għandux jeċċedi dak li huwa strettament neċessarju fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq. Fl-aħħar nett, miżura ta’ dan it-tip għandha tipprevedi kundizzjonijiet u garanziji stretti dwar l-użu ta’ din id-data, b’mod partikolari permezz tal-intraċċar, fir-rigward tal-komunikazzjonijiet u ta’ attivitajiet imwettqa online mill-persuni kkonċernati (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 156).

103    Għalhekk, kuntrarjament għal dak li enfasizzat il-qorti tar-rinviju, ma teżistix tensjoni bejn il-punti 155 u 168 tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791). Fil-fatt, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 81 u 82 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn dan il-punt 155, moqri flimkien mal-punt 156 u mal-punt 168 ta’ din is-sentenza, jirriżulta b’mod ċar li hija biss il-ġlieda kontra l-kriminalità serja, il-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika u s-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, li jiġġustifikaw iż-żamma ġġeneralizzata tal-indirizzi IP attribwiti għas-sors ta’ konnessjoni, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-persuni kkonċernati jistgħux tal-inqas ikollhom rabta, tal-inqas indiretta, mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu.

104    Fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda l-miżuri leġiżlattivi li jiprevedu żamma mmirata u żamma rapida tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni, ċerti osservazzjonijiet imwettqa mill-Istati Membri fir-rigward ta’ tali miżuri jirriflettu għarfien iktar strett tal-portata ta’ dawn il-miżuri minn dak rifless mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 75 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, għalkemm, konformement ma’ dak li tfakkar fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, dawn il-miżuri ta’ żamma għandhom ikunu ta’ natura derogatorja fis-sistema implimentata mid-Direttiva 2002/58, din, moqrija fid-dawl tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, ma tissuġġettax il-possibbiltà li tinħareġ ordni li timponi żamma mmirata għall-kundizzjoni li jkunu magħrufa, minn qabel, il-postijiet li jistgħu jkunu x-xena ta’ att ta’ kriminalità serja u lanqas il-persuni ssuspettati li jkunu involuti f’tali att. Bl-istess mod, l-imsemmija direttiva ma teżiġix li l-ordni li timponi żamma rapida tkun limitata għal persuni ssuspettati identifikati qabel tali ordni (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 75).

105    Fir-rigward, l-ewwel, taż-żamma mmirata, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bbażata fuq elementi oġġettivi, li jippermettu li jiġu koperti, minn naħa, il-persuni li d-data dwar it-traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni tagħhom tista’ tiżvela rabta, mill-inqas indiretta, ma’ atti ta’ kriminalità serja, li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja jew li jiġi evitat riskju gravi għas-sigurtà pubblika jew anki riskju għas-sigurtà nazzjonali (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li għalkemm dawn l-elementi oġġettivi jistgħu jvarjaw skont miżuri meħuda għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tal-iskoperta u tal-prosekuzzjoni tal-kriminalità serja, il-persuni hekk koperti jistgħu b’mod partikolari jkunu dawk li ġew identifikati minn qabel, fil-qafas tal-proċeduri nazzjonali applikabbli u abbażi ta’ elementi oġġettivi, bħala li jippreżentaw theddida għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 77).

107    L-Istati Membri b’hekk għandhom b’mod partikolari l-possibbiltà li jieħdu miżuri ta’ żamma fir-rigward ta’ persuni li, fir-rigward ta’ tali identifikazzjoni, ikunu s-suġġett ta’ investigazzjoni jew ta’ miżuri oħra ta’ sorveljanza attwali jew ta’ reġistrazzjoni fil-kondotta kriminali nazzjonali li ssemmi kundanna preċedenti għal atti ta’ kriminalità serja li jistgħu jimplikaw riskju għoli ta’ reċidiva. Issa, meta tali identifikazzjoni hija bbażata fuq elementi oġġettivi u mhux diskriminatorji, iddefiniti mid-dritt nazzjonali, iż-żamma mmirata fil-konfront ta’ persuni identifikati hija ġġustifikata (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 78).

108    Min-naħa l-oħra, miżura ta’ żamma mmirata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni tista’, skont l-għażla tal-leġiżlatur nazzjonali u fl-osservanza stretta tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tkun ibbażata wkoll fuq kriterju ġeografiku meta l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jikkunsidraw, abbażi ta’ elementi oġġettivi u mhux diskriminatorji, li teżisti, f’żona ġeografika waħda jew iktar, sitwazzjoni kkaratterizzata minn riskju għoli ta’ preparazzjoni jew ta’ twettiq ta’ atti ta’ kriminalità serja. Dawn iż-żoni jistgħu jkunu, b’mod partikolari, postijiet ikkaratterizzati minn numru għoli ta’ atti ta’ kriminalità serja, postijiet partikolarment esposti għat-twettiq ta’ atti ta’ kriminalità serja, bħal postijiet jew infrastrutturi ffrekwentati regolarment minn numru għoli ferm ta’ persuni, jew inkella postijiet strateġiċi, bħal ajruporti, stazzjonijiet tal-ferrovija jew żoni ta’ pedaġġi (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    Għandu jiġi enfasizzat li, skont din il-ġurisprudenza, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jieħdu, għaż-żoni msemmija fil-punt preċedenti, miżura ta’ żamma mmirata bbażata fuq kriterju ġeografiku, bħalma hija b’mod partikolari r-rata medja ta’ kriminalità f’żona ġeografika, mingħajr ma jkollhom neċessarjament indizji konkreti dwar il-preparazzjoni jew it-twettiq, fiż-żoni kkonċernati, ta’ atti ta’ kriminalità serja. Sa fejn żamma mmirata bbażata fuq tali kriterju tista’ taffettwa, skont ir-reati kriminali serji msemmija u s-sitwazzjoni tal-Istati Membri rispettivi, kemm postijiet ikkaratterizzati minn numru għoli ta’ atti ta’ kriminalità serja kif ukoll il-postijiet partikolarment esposti għat-twettiq ta’ tali atti, din lanqas ma hija, bħala prinċipju, ta’ natura li tagħti lok għal diskriminazzjonijiet, peress li l-kriterju bbażat fuq ir-rata medja ta’ kriminalità serja ma għandu, fih innifsu, ebda rabta ma’ elementi potenzjalment diskriminatorji (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 80).

110    Barra minn hekk u fuq kollox, miżura ta’ żamma mmirata lejn postijiet jew infrastrutturi ffrekwentati regolarment minn numru għoli ħafna ta’ persuni jew postijiet strateġiċi, bħal ajruporti, stazzjonijiet tal-ferrovija, portijiet marittimi jew żoni ta’ pedaġġi, tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jiġbru data dwar it-traffiku u, b’mod partikolari, data dwar il-lokalizzazzjoni tal-persuni kollha li jużaw, f’mument partikolari, mezz ta’ komunikazzjoni elettronika f’wieħed minn dawn il-postijiet. Għalhekk, tali miżura ta’ żamma mmirata tista’ tippermetti lill-imsemmija awtoritajiet jiksbu, permezz tal-aċċess għad-data hekk miżmuma, informazzjoni dwar il-preżenza ta’ dawn il-persuni fil-postijiet jew fiż-żoni ġeografiċi koperti minn din il-miżura kif ukoll dwar iċ-ċaqliq tagħhom bejn jew ġewwa dawn tal-aħħar u li minnhom tislet, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja, konklużjonijiet dwar il-preżenza u l-attività tagħhom f’dawn il-postijiet jew dawn iż-żoni ġeografiċi f’mument partikolari matul il-perijodu taż-żamma (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 81).

111    Għandu jiġi rrilevat ukoll li ż-żoni ġeografiċi kkonċernati minn tali żamma mmirata jistgħu u, jekk ikun il-każ, għandhom jiġu emendati skont l-evoluzzjoni tal-kundizzjonijiet li ġġustifikaw l-għażla tagħhom, u b’hekk jippermettu b’mod partikolari li jirreaġixxu għall-iżviluppi tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-tul tal-miżuri ta’ żamma mmirati deskritti fil-punti 105 sa 110 ta’ din is-sentenza ma għandux jaqbeż dak li huwa strettament neċessarju kemm fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq kif ukoll taċ-ċirkustanzi li jiġġustifikawhom, mingħajr preġudizzju għat-tiġdid eventwali tagħhom jekk iż-żamma tkompli tkun neċessarja (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 151, kif ukoll tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 82).

112    Fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu previsti kriterji distintivi minbarra kriterju personali jew ġeografiku sabiex tiġi implimentata żamma mmirata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni, ma jistax jiġi eskluż li kriterji oħra, oġġettivi u mhux diskriminatorji, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi żgurat li l-portata ta’ żamma mmirata tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju u li tiġi stabbilita rabta, għall-inqas indiretta, bejn l-atti ta’ kriminalità serja u l-persuni li d-data tagħhom tinżamm. Madankollu, peress li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jirrigwarda miżuri leġiżlattivi tal-Istati Membri, huma dawn tal-aħħar u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja li għandhom jidentifikaw tali kriterji, peress li ma jistax ikun hemm kwistjoni li tiġi stabbilita mill-ġdid, permezz ta’ dan, żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 83).

113    Fi kwalunkwe każ, u kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet, l-eżistenza eventwali ta’ diffikultajiet sabiex jiġu ddefiniti preċiżament l-ipoteżijiet u l-kundizzjonijiet li fihom tista’ ssir żamma mmirata ma tistax tiġġustifika li Stati Membri, billi jrendu eċċezzjoni regola, jipprevedu żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 84).

114    Fir-rigward, it-tieni, taż-żamma rapida tad-data dwar it-traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni pproċessata u maħżuna mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi abbażi tal-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58, jew abbażi ta’ miżuri leġiżlattivi meħuda skont l-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi rrilevat li tali data għandha, bħala regola, titħassar jew issir anonima, skont il-każ, fi tmiem it-termini statutorji li fihom għandhom jitwettqu, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-imsemmija direttiva, l-ipproċessar u l-ħażna tagħhom. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, matul dak l-ipproċessar u dik il-ħażna, jistgħu jinqalgħu sitwazzjonijiet li fihom ikun neċessarju li l-imsemmija data tinżamm lil hinn minn dawn it-termini sabiex jintefa’ dawl fuq reati kriminali serji jew attentati kontra s-sigurtà nazzjonali, u dan kemm fis-sitwazzjoni fejn dawn ir-reati jew dawn l-attentati diġà setgħu jiġu kkonstatati kif ukoll fejn l-eżistenza tagħhom tista’, wara eżami oġġettiv taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, tkun raġonevolment issuspettata (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 85).

115    F’tali sitwazzjoni, l-Istati Membri jistgħu, fid-dawl tal-bilanċ li għandu jinstab bejn id-drittijiet u l-interessi leġittimi inkwistjoni msemmija fil-punti 65 sa 68 ta’ din is-sentenza, jipprevedu, f’leġiżlazzjoni adottata bis-saħħa tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, il-possibbiltà ta’ ordni, permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità kompetenti suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, lil fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex jipproċedu, għal perijodu stabbilit, biż-żamma rapida tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 163, kif ukoll tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 86).

116    Sa fejn l-iskop ta’ tali żamma rapida ma jibqax jikkorrispondi ma’ dawk li għalihom id-data inizjalment inġabret u nżammet u peress li kull ipproċessar ta’ data għandu, skont l-Artikolu 8(2) tal-Karta, jissodisfa għanijiet determinati, l-Istati Membri għandhom jippreċiżaw, fil-leġiżlazzjoni tagħhom, l-iskop li għalih iż-żamma rapida tad-data tista’ sseħħ. Fid-dawl tan-natura gravi tal-indħil fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li tista’ tinvolvi tali żamma, huma biss il-ġlieda kontra l-kriminalità serja u, a fortiori, is-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali li tista’ tiġġustifika dan l-indħil, bil-kundizzjoni li din il-miżura kif ukoll l-aċċess għad-data miżmuma b’dan il-mod josservaw il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju, kif stabbiliti fil-punti 164 sa 167 tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791) (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 87).

117    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li miżura ta’ żamma ta’ din in-natura ma għandhiex tkun limitata għad-data tal-persuni identifikati minn qabel bħala li jippreżentaw theddida għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat jew ta’ persuni ssuspettati b’mod konkret li wettqu att ta’ kriminalità serja jew preġudizzju għas-sigurtà nazzjonali. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li għandha tkun konformi mal-qafas stabbilit mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, tali miżura tista’, skont l-għażla tal-leġiżlatur u skont il-limiti ta’ dak li huwa strettament meħtieġ, tiġi estiża għad-data dwar it-traffiku u għad-data dwar il-lokalizzazzjoni ta’ persuni oħra differenti minn dawk li huma ssuspettati li ppjanaw jew wettqu reat kriminali serju jew attentat kontra s-sigurtà nazzjonali, sakemm dik id-data tista’, abbażi ta’ elementi oġġettivi u nondiskriminatorji, tikkontribwixxi sabiex jintefa’ dawl fuq tali reat jew fuq tali attentat kontra s-sigurtà nazzjonali, bħad-data li tirrigwarda l-vittma, jew iċ-ċirku soċjali jew professjonali tagħha (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 165, kif ukoll tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 88).

118    Għalhekk, miżura leġiżlattiva tista’ tawtorizza l-użu ta’ ordni magħmula lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex jipproċedu għaż-żamma rapida tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni, b’mod partikolari, tal-persuni li magħhom, qabel ma seħħet theddida serja għas-sigurtà pubblika jew għat-twettiq ta’ att ta’ kriminalità serja, vittma kienet f’kuntatt bl-użu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi tagħha (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 89).

119    Tali żamma rapida tista’, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 117 ta’ din is-sentenza u taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk imsemmija f’dan il-punt, tiġi estiża wkoll għal żoni ġeografiċi speċifiċi, bħall-postijiet tat-twettiq u tal-preparazzjoni tar-reat jew tal-attakk fuq is-sigurtà nazzjonali inkwistjoni. Għandu jiġi ppreċiżat li d-data dwar it-traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni li tirrigwarda l-post fejn persuna, potenzjalment vittma ta’ att ta’ kriminalità serja, tkun sparixxiet, bil-kundizzjoni li din il-miżura kif ukoll l-aċċess għad-data hekk miżmuma josservaw il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja jew tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, kif stabbiliti fil-punti 164 sa 167 tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, (C511/18, C512/18 u C520/18, EU:C:2020:791) (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 90).

120    Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 ma jipprekludix li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jordnaw miżura ta’ żamma rapida mill-ewwel stadju tal-investigazzjoni dwar theddida serja għas-sigurtà pubblika jew dwar eventwali att ta’ kriminalità serja, jiġifieri mill-mument li fih dawn l-awtoritajiet jistgħu, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali, jiftħu tali investigazzjoni (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 91).

121    Fir-rigward tal-varjetà ta’ miżuri ta’ żamma tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni msemmija fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi ppreċiżat li dawn id-diversi miżuri jistgħu, skont l-għażla tal-leġiżlatur nazzjonali u filwaqt li josservaw il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju, japplikaw b’mod konġunt. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kif interpretat mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791), ma jipprekludix kombinazzjoni ta’ dawn il-miżuri  (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 92).

122    Fir-raba’ u fl-aħħar lok, għandu jiġi enfasizzat li l-proporzjonalità tal-miżuri adottati abbażi tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 teħtieġ, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja kif rikapitolata fis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791), l-osservanza mhux biss tar-rekwiżiti ta’ adegwatezza u ta’ bżonn, iżda wkoll ta’ dik relatata man-natura proporzjonata ta’ dawn il-miżuri meta mqabbla mal-għan intiż  (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 93).

123    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, fil-punt 51 tas-sentenza tagħha tat‑8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm il-ġlieda kontra l-kriminalità serja hija ta’ importanza primordjali sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà pubblika u għalkemm l-effikaċja tagħha tista’ tiddependi fil-parti l-kbira mill-użu tat-tekniki moderni ta’ investigazzjoni, tali għan ta’ interess ġenerali, minkejja li huwa fundamentali, ma jistax, waħdu, jiġġustifika li miżura ta’ żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data ta’ lokalizzazzjoni, bħal dik stabbilita mid-Direttiva 2006/24, tiġi kkunsidrata bħala neċessarja.(sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 94).

124    Fl-istess ordni ta’ ideat, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punt 145 tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791), li anki l-obbligi pożittivi tal-Istati Membri li jistgħu jirriżultaw, skont il-każ, mill-Artikoli 3, 4 u 7 tal-Karta u li jirrigwardaw, kif ġie rrilevat fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, l-introduzzjoni ta’ regoli li jiffaċilitaw il-ġlieda effettiva kontra r-reati kriminali, ma jistax ikollhom l-effett li jiġġustifikaw indħil serju daqs dak li jirriżulta minn leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi żamma ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni fid-drittijiet fundamentali sanċiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ta’ kważi l-popolazzjoni kollha mingħajr ma jkun hemm rabta, mill-inqas b’mod indirett, mal-għan li għandu jintlaħaq (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 95).

125    Barra minn hekk, is-sentenzi tal-Qorti EDB tal‑25 ta’ Mejju 2021, Big Brother Watch et vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2021:0525JUD:005817013), u tal‑25 ta’ Mejju 2021, Centrum för Rättvisa vs L-Isvezja (CE:ECHR:2021:0525JUD:003525208), invokati minn ċerti gvernijiet waqt is-seduta sabiex isostnu li l-KEDB ma tipprekludix leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jipprevedu, essenzjalment, żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni, ma jistgħux jikkontestaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 li tirriżulta mill-argumenti preċedenti. Fil-fatt, f’dawn is-sentenzi kien hemm inkwistjoni interċezzjonijiet fuq skala kbira ta’ data relatata ma’ komunikazzjonijiet internazzjonali. Għalhekk, u kif irrilevat il-Kummissjoni waqt is-seduta, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma ddeċidietx, fl-imsemmija sentenzi, dwar il-konformità mal-KEDB ta’ żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni fit-territorju nazzjonali u lanqas dwar interċezzjoni ta’ portata kbira ta’ din id-data għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-iskoperta u tal-investigazzjoni ta’ reati kriminali serji. Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li l-Artikolu 52(3) tal-Karta huwa intiż li jiżgura l-koerenza neċessarja bejn id-drittijiet inklużi f’din tal-aħħar u d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB, mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’tali mod li huwa biss bħala limitu ta’ protezzjoni minima li hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni drittijiet korrispondenti tal-KEDB għall-interpretazzjoni tal-Karta (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Centraal Israëlitisch Consistorie van België et, C‑336/19, EU:C:2020:1031, punt 56).

 Fuq l-aċċess għad-data li nżammet b’mod iġġeneralizzat u indifferenzjat

126    Waqt is-seduta, il-Gvern Daniż sostna li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom ikunu jistgħu jaċċedu, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja, għad-data dwar it-traffiku u għad-data dwar il-lokalizzazzjoni li tkun inżammet b’mod iġġeneralizzat u indifferenzjat, konformement mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 135 sa 139), sabiex tiġi indirizzata theddida serja għas-sigurtà nazzjonali li tkun reali u attwali, jew prevedibbli.

127    Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li jiġi awtorizzat l-aċċess, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja, għal data dwar it-traffiku u għal data dwar il-lokalizzazzjoni li nżammet b’mod iġġeneralizzat u indifferenzjat, jagħmel dan l-aċċess dipendenti fuq ċirkustanzi estranji għal dan il-għan, skont l-eżistenza jew le, fl-Istat Membru kkonċernat, ta’ theddida serja għas-sigurtà nazzjonali kif imsemmija fil-punt preċedenti, filwaqt li, fid-dawl biss tal-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja li għandha tiġġustifika ż-żamma ta’ din id-data u l-aċċess għaliha, xejn ma jiġġustifika differenza ta’ trattament, b’mod partikolari, bejn l-Istati Membri (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 97).

128    Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-aċċess għal data dwar it-traffiku u għal data dwar il-lokalizzazzjoni miżmuma minn fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi skont miżura meħuda skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, li għandu jitwettaq b’osservanza sħiħa tal-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza li interpretat din id-direttiva, bħala prinċipju jista’ jiġi ġġustifikat biss mill-għan ta’ interess ġenerali li għalih din iż-żamma ġiet imposta fuq dawn il-fornituri. Ikun differenti biss jekk l-importanza tal-għan intiż mill-aċċess hija ikbar minn dik tal-għan li ġġustifika ż-żamma (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 98).

129    Issa, l-argument tal-Gvern Daniż jirrigwarda sitwazzjoni li fiha l-għan tat-talba għal aċċess prevista, jiġifieri l-ġlieda kontra l-kriminalità serja, huwa ta’ importanza iżgħar, fil-ġerarkija tal-għanijiet ta’ interess ġenerali, minn dak li ġġustifika ż-żamma, jiġifieri s-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali. Li jiġi awtorizzat, f’tali sitwazzjoni, aċċess għad-data miżmuma jmur kontra din il-ġerarkija tal-għanijiet ta’ interess ġenerali mfakkra fil-punt preċedenti kif ukoll fil-punti 68, 71, 72 u 73 ta’ din is-sentenza (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 99).

130    Barra minn hekk u fuq kollox, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, id-data dwar it-traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u, għaldaqstant, aċċess għal din id-data ma jistax jiġi ġġustifikat għal dawn l-istess finijiet. Issa, meta din id-data tkun inżammet b’mod eċċezzjonali b’mod iġġeneralizzat u indifferenzjat għall-finijiet ta’ salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali kontra theddida li tirriżulta reali u attwali jew prevedibbli, taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-investigazzjonijiet kriminali ma jistgħux jaċċedu għall-imsemmija data fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, taħt piena li jitneħħa kull effett utli tal-projbizzjoni li ssir tali żamma għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja, imfakkra fl-imsemmi punt 74 (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 100).

131    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(l) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżuri leġiżlattivi nazzjonali li jipprevedu, bħala prevenzjoni, għall-finijiet ta’ ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika, żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni. Għall-kuntrarju, l-imsemmi Artikolu 15(1) moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix miżuri leġiżlattivi:

–        li jippermettu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, l-għoti ta’ ordni lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex jipproċedu b’żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni, f’sitwazzjonijiet fejn l-Istat Membru kkonċernat jaffaċċja theddida serja għas-sigurtà nazzjonali li tirriżulta li hija reali u attwali jew prevedibbli, fejn id-deċiżjoni li tipprevedi din l-ordni tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ effettiv, jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti, li jagħtu deċiżjoni vinkolanti, bil-għan li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet kif ukoll l-osservanza tal-kundizzjonijiet u tal-garanziji li għandhom jiġu previsti, u fejn l-imsemmija ordni għandha tingħata biss għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju, iżda li jista’ jiġġedded jekk din it-theddida tippersisti;

–        li jipprevedu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u tal-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika, żamma mmirata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni li tkun limitata, abbażi ta’ elementi oġġettivi u nondiskriminatorji, skont il-kategoriji ta’ persuni kkonċernati jew abbażi ta’ kriterju ġeografiku, għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju, iżda li jista’ jiġġedded;

–        li jipprevedu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u tal-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika, żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tal-indirizzi IP attribwiti lis-sors ta’ konnessjoni, għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju;

–        li jipprevedu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tal-ġlieda kontra l-kriminalità u tas-salvagwardja tas-sigurtà pubblika, żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data relatata mal-identità ċivili tal-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi; u

–        li jippermettu, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u, a fortiori, tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, l-għoti ta’ ordni lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità kompetenti suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, sabiex jipproċedu, għal perijodu stabbilit, biż-żamma rapida tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni li dawn il-fornituri ta’ servizzi għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom,

sa fejn dawn il-miżuri jiżguraw, permezz ta’ regoli ċari u preċiżi, li ż-żamma tad-data inkwistjoni tkun suġġetta għall-osservanza tal-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali applikabbli u li l-persuni kkonċernati jkollhom garanziji effettivi kontra r-riskji ta’ abbuż.

 Fuq lispejjeż

132    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika(Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal25 ta’ Novembru 2009, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(l) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi miżuri leġiżlattivi nazzjonali li jipprevedu, bħala prevenzjoni, għall-finijiet ta’ ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika, żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni;

ma jipprekludix miżuri leġiżlattivi:

–        li jippermettu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, l-għoti ta’ ordni lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex jipproċedu b’żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni, f’sitwazzjonijiet fejn l-Istat Membru kkonċernat jaffaċċja theddida serja għas-sigurtà nazzjonali li tirriżulta li hija reali u attwali jew prevedibbli, fejn id-deċiżjoni li tipprevedi din l-ordni tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ effettiv, jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti, li jagħtu deċiżjoni vinkolanti, bil-għan li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet kif ukoll l-osservanza tal-kundizzjonijiet u tal-garanziji li għandhom jiġu previsti, u fejn l-imsemmija ordni għandha tingħata biss għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju, iżda li jista’ jiġġedded jekk din it-theddida tippersisti;

–        li jipprevedu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u tal-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika, żamma mmirata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni li tkun limitata, abbażi ta’ elementi oġġettivi u nondiskriminatorji, skont il-kategoriji ta’ persuni kkonċernati jew abbażi ta’ kriterju ġeografiku, għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju, iżda li jista’ jiġġedded;

–        li jipprevedu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u tal-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika, żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tal-indirizzi IP attribwiti lis-sors ta’ konnessjoni, għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju;

–        li jipprevedu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tal-ġlieda kontra l-kriminalità u tas-salvagwardja tas-sigurtà pubblika, żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data relatata mal-identità ċivili tal-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi; u

–        li jippermettu, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u, a fortiori, tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, l-għoti ta’ ordni lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità kompetenti suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, sabiex jipproċedu, għal perijodu stabbilit, biż-żamma rapida tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni li dawn il-fornituri ta’ servizzi għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom,

sa fejn dawn il-miżuri jiżguraw, permezz ta’ regoli ċari u preċiżi, li ż-żamma tad-data inkwistjoni hija suġġetta għall-osservanza tal-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali applikabbli u li l-persuni kkonċernati għandhom garanziji effettivi kontra r-riskji ta’ abbuż.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.