Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Ottubru 2020 – Validity vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-640/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Validity Foundation - Mental Disability Advocacy Centre (Budapest, l-Ungerija) (rappreżentant: B. Van Vooren, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 5540 final tas-6 ta’ Awwissu 2020 indirizzata lid-Direttur Ko-Eżekuttiv tal-Validity Foundation, skont ir-Regolament 1049/2001; 1

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-dritt għall-parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika, flimkien mad-dritt għal għajxien indipendenti u integrazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà (Artikolu 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqrija flimkien mal-Artikoli 29 u 19 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità).

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament 1049/2001, kif moqri fid-dawl tal-Artikolu 15(3) TFUE u l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

____________

1 Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).