Language of document : ECLI:EU:T:2020:548

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

18 ta’ Novembru 2020 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Membru tal-persunal nazzjonali kkollokat mal-EUPM fil-Bosnja-Ħerzegovina – Deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid – Użu ħażin ta’ poter – Interess tas-servizz – Fastidju psikoloġiku – Natura punittiva tal-assenjazzjoni mill-ġdid – Responsabbiltà – Dannu morali”

Fil-Kawża T‑271/10 RENV II,

H, irrappreżentata minn L. Levi, avukata,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Vitro u A. de Elera‑San Miguel Hurtado, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett, fl-ewwel lok, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010, iffirmata mill-Kap tal-Persunal tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja-Ħerzegovina, li permezz tagħha r-rikorrenti ġiet assenjata mill-ġdid fil-pożizzjoni ta’ Criminal Justice Adviser – Prosecutor mal-uffiċċju reġjonali ta’ Banja Luka (il-Bosnja-Ħerzegovina), u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni tat‑30 ta’ April 2010, iffirmata mill-Kap tal-EUPM imsemmi fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/906/PESK tat‑8 ta’ Diċembru 2009, dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja u Ħerzegovina (BiH) (ĠU 2009, L 322, p. 22), li tispjega r-raġuni operattiva tal-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha, u, fit-tieni lok, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża għall-ksib ta’ kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament ġarrbet,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn A. M. Collins, President, V. Kreuschitz u Z. Csehi (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Artemiou, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑1 ta’ Lulju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2002/210/PESK tal-11 ta’ Marzu 2002 fuq il-Missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU Edizzjoni speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 278), ġiet stabbilita l-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) bil-għan li tiġi żgurata l-kontinwità tat-Task Force Internazzjonali tal-Pulizija tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Bosnja-Ħerzegovina.

2        L-EUPM, li bdiet fl‑1 ta’ Jannar 2003, ġiet estiża diversi drabi, b’mod partikolari permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/906/PESK, tat‑8 ta’ Diċembru 2009 dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja u Ħerzegovina (BiH) (ĠU 2009, L 322, p. 22).

3        Ir-rikorrenti, H hija membru tal-ġudikatura Taljana li ġiet ikkollokata mal-EUPM f’Sarajevo (il-Bosnja-Ħerzegovina) permezz ta’ digriet tal-Ministru għall-Ġustizzja Taljan tas‑16 ta’ Ottubru 2008, sabiex hemmhekk teżerċita l-funzjonijiet ta’ Criminal Justice Unit Adviser, b’effett mill‑14 ta’ Novembru 2008.

4        Permezz ta’ digrieti tal-Ministru għall-Ġustizzja Taljan tas‑7 ta’ April 2009 u tad‑9 ta’ Diċembru 2009, il-kollokament tar-rikorrenti ġie estiż, sabiex teżerċita l-funzjonijiet ta’ Chief of Legal Office, sal‑31 ta’ Diċembru 2009, u sussegwentement sal‑31 ta’ Diċembru 2010.

5        Wara r-ristrutturar tal-EUPM fl‑1 ta’ Jannar 2010, il-pożizzjoni ta’ Chief of Legal Office okkupata mir-rikorrenti ngħata l-isem ġdid ta’ Senior Legal Advisor/Legal Counsel.

6        Permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Marzu 2010, ir-rikorrenti kif ukoll waħda mill-kollegi tagħha, A, konsulent ġuridiku mal-EUPM, informaw il-ġerarkija tagħhom dwar allegati irregolaritajiet imwettqa fil-ġestjoni tal-EUPM (iktar ’il quddiem l-“ittra tas‑17 ta’ Marzu 2010”). Fis‑17 ta’ Marzu 2010 din l-ittra ġiet mgħoddija lis-superjur ġerarkiku tar-rikorrenti, id-Direttur tal-Unità Politika tal-EUPM. Fis‑26 ta’ Marzu 2010, lista tal-allegati irregolaritajiet imsemmija mill-ittra tas‑17 ta’ Marzu 2010 ġiet trażmessa lill-uffiċċju tal-Kap tal-EUPM, fil-perspettiva ta’ laqgħa ma’ dan tal-aħħar.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ April 2010, iffirmata mill-Kap tal-Persunal tal-EUPM, ir-rikorrenti ġiet assenjata mill-ġdid “għal raġunijiet operattivi” fil-pożizzjoni ta’ Criminal Justice Adviser – Prosecutor (ROBL‑04) fi ħdan l-uffiċċju reġjonali ta’ Banja Luka (il-Bosnja-Ħerzegovina) b’effett mid‑19 ta’ April 2010 (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010”).

8        Permezz ta’ ittra elettronika tal‑15 ta’ April 2010, uffiċjal tar-Rappreżentanza Permanenti tar-Repubblika Taljana fi ħdan l-Unjoni informa lir-rikorrenti li d-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2010 kienet ġiet sospiża.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ April 2010, iffirmata mill-Kap tal-EUPM imsemmi fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2009/906, l-imsemmi kap ikkonferma d-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010. F’din l-okkażjoni, huwa ppreċiża li d-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010 kienet ittieħdet minnu stess u li r-raġuni operattiva tal-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti kienet imsejsa fuq il-ħtieġa li l-uffiċċju ta’ Banja Luka jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu il-konsulenza ta’ prosekutur (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat‑30 ta’ April 2010”).

10      Permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Mejju 2010, il-Kap tal-EUPM xolja l-kuntratt ta’ A minħabba telf ta’ fiduċja.

11      Fl-4 ta’ Ġunju 2010, ir-rikorrenti adixxiet it-Tribunale amministrativo regionale del Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio, l-Italja), b’rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010 u għall-kumpens għad-dannu allegatament imġarrab. Ir-rikorrenti adixxiet ukoll lill-imsemmija qorti b’talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010.

12      Ir-rikorrenti tqiegħdet fuq leave tal-mard mix-xahar ta’ Awwissu 2010, u dan sa tmiem il-kollokament tagħha mal-EUPM.

13      Fil‑31 ta’ Diċembru 2010, il-kollokament tar-rikorrenti fi ħdan l-EUPM ġie fi tmiemu.

14      L-EUPM temmet l-operazzjonijiet tagħha matul is-sena 2012.

15      B’segwitu għall-ilment ta’ A, l-Ombudsman Ewropew ikkonkluda, fid-deċiżjoni tiegħu tal‑4 ta’ Ġunju 2015, li kien hemm preżenza ta’ amministrazzjoni ħażina. L-Ombudsman ikkritika b’mod partikolari l-assenza ta’ qafas iddeterminat minn qabel sabiex jiġu pproċessati d-disfunzjonijiet irrapportati mill-informaturi (whistleblowers) u biex tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16      Permezz ta’ talba fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Ġunju 2010, ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni u l-EUPM u li hija intiża għall-annullament tad-deċiżjonijiet tas‑7 u tat‑30 ta’ April 2010 (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).

17      Fis‑17 ta’ Ġunju 2010, ir-rikorrenti ressqet ukoll talba għal miżuri provviżorji intiża b’mod partikolari biex tikseb sospensjoni mill-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Permezz ta’ digriet tat‑22 ta’ Lulju 2010, H vs Il‑Kunsill et (T‑271/10 R, mhux ippubblikat, EU:T:2010:315), il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad din it-talba minħabba nuqqas ta’ urġenza u rriżerva l-ispejjeż.

18      Permezz ta’ digriet tal‑10 ta’ Lulju 2014, H vs Il‑Kunsill et (T-271/10, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet inizjali”, EU:T:2014:702), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli, inkwantu qieset li ma kellhiex kompetenza biex tieħu konjizzjoni tiegħu.

19      Ir-rikorrenti ppreżentat appell kontra d-digriet inizjali, fejn sostniet, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żbalji ta’ liġi meta ddikjarat li ma kinitx kompetenti biex tiddeċiedi dwar ir-rikors..

20      Permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, H vs Il‑Kunsill et (C‑455/14 P, iktar ’il quddiem l-“ewwel sentenza fl-appell”, EU:C:2016:569), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-digriet inizjali, ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli sa fejn dan kien indirizzat kontra l-Kummissjoni u l-EUPM u rrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-mertu tar-rikors sa fejn dan kien indirizzat kontra l-Kunsill u rriżervat l-ispejjeż.

21      Permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ April 2018, H vs Il‑Kunsill (T‑271/10 RENV, iktar ’il quddiem is-“sentenza ta’ wara r-rinviju”, EU:T:2018:180), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala infondat.

22      Ir-rikorrenti ppreżentat appell kontra s-sentenza ta’ wara r-rinviju. Permezz ta’ sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2019, H vs Il‑Kunsill (C‑413/18 P, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem it-“tieni sentenza fl-appell”, EU:C:2019:1044), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza ta’ wara r-rinviju, irrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar it-tielet u l-ħames motivi tat-talba għal annullament kif ukoll fuq it-talba għal kumpens u rriżervat l-ispejjeż.

23      Permezz ta’ ittri tad‑9 ta’ Diċembru 2019, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali stieden lill-partijiet iressqu l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, konformement mal-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fir-rigward tas-segwitu li għandu jingħata lit-tieni sentenza fl-appell f’din il-proċedura. Ir-rikorrenti u l-Kunsill ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom fit-terminu stabbilit.

24      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tas‑27 ta’ Frar 2020, din il-kawża ġiet assenjata lit-Tielet Awla.

25      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur u permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Awla tal‑5 ta’ Marzu 2020, ġie deċiż li din il-kawża tiġi pproċessata bi prijorità.

26      Permezz ta’ ittri tad‑9 ta’ Marzu 2020, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali stieden lill-partijiet sabiex jissottomettu noti komplementari ta’ osservazzjonijiet bil-miktub, konformement mal-Artikolu 217(3) tar-Regoli tal-Proċedura. Il-partijiet issottomettew l-osservazzjonijiet komplementari tagħhom fit-terminu stabbilit, jiġifieri l‑25 ta’ Marzu 2020.

27      Wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, ir-rikorrenti ressqet, fit‑8 ta’ April 2020, talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali.

28      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lill-partijiet iwieġbu bil-miktub għal ċerti mistoqsijiet kif ukoll lill-Kunsill jissottometti dokument. Il-partijiet ikkonformaw ma’ dawn il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-terminu stabbilit.

29      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu waqt is-seduta tal‑1 ta’ Lulju 2020.

 It-talbiet tal-partijiet

30      Fir-rikors, ir-rikorrenti talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010 u, jekk ikun neċessarju, id-deċiżjoni tat‑30 ta’ April 2010;

–        tikkundanna lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-EUPM iħallsulha danni bħala kumpens għad-dannu mġarrab, evalwat ex aequo et bono għas-somma ta’ EUR 30 000;

–        Tikkundanna lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-EUPM għall-ispejjeż miżjuda b’interessi ta’ 8 %.

31      Fir-replika, ir-rikorrenti emendat it-talbiet tagħha b’mod li żiedet mal-ammont totali tad-danni mitluba fir-rikors l-ammont ta’ EUR 8 000 u rrinunzjat li tidderieġi r-rikors tagħha kontra l-EUPM.

32      Fl-osservazzjonijiet tagħha wara l-ewwel rinviju, ir-rikorrenti adattat it-talbiet tagħha, sabiex ir-rikors ikun indirizzat biss kontra l-Kunsill. Fl-istess waqt, hija emendathom sabiex, minn naħa, ir-rikors ma jkunx iżjed intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, iżda biss sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-illegalità tagħhom, u, min-naħa l-oħra, sabiex id-danni jkopru wkoll id-dannu mġarrab minħabba l-impossibbiltà li jiġu annullati d-deċiżjonijiet ikkontestati. Waqt il-proċedura wara l-ewwel rinviju r-rikorrenti spjegat li t-talbiet tagħha kienu intiżi sabiex jinkiseb, b’mod prinċipali, l-annullament tad-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010 u, jekk ikun neċessarju, tad-deċiżjoni tat‑30 ta’ April 2010, il-kisba tad-danni skont kif ġie spjegat u, sussidjarjament, id-dikjarazzjoni tal-illegalità tal-imsemmija deċiżjonijiet għas-sempliċi finijiet ta’ kumpens.

33      Fl-osservazzjonijiet tagħha wara t-tieni rinviju, ir-rikorrenti reġgħet tenniet it-talbiet tagħha intiżi sabiex jinkiseb, b’mod prinċipali, l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati u, sussidjarjament, id-dikjarazzjoni tal-illegalità tal-imsemmija deċiżjonijiet għas-sempliċi finijiet ta’ kumpens. Barra minn hekk hija reġgħet tenniet it-talba tagħha għall-ħlas tad-dannu mġarrab kif ukoll għall-kundanna tal-Kunsill għall-ispejjeż miżjuda b’interessi ta’ 8 %.

34      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq it-talba għal annullament

 Fuq is-suġġett tat-tilwima

35      Insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ir-rikorrenti qajmet, fir-rikors, ħames motivi, ibbażati, rispettivament: l-ewwel wieħed fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2009/906, it-tieni wieħed fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, it-tielet wieħed fuq użu ħażin ta’ poter, ir-raba’ wieħed fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u, il-ħames wieħed fuq fastidju psikoloġiku.

36      Kif jirriżulta mill-punt 21 iktar ’il fuq, it-talba għal annullament ġiet miċħuda mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza ta’ wara r-rinviju bħala infondata fl-intier tagħha.

37      Permezz tat-tieni sentenza fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, annullat is-sentenza wara r-rinviju mingħajr spjegazzjoni ulterjuri (ara l-punt 1 tad-dispożittiv). Min-naħa l-oħra, hija rreferiet għall-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fir-rigward tat-talba għal annullament fuq it-tielet sal-ħames motivi (ara l-punt 2 tad-dispożittiv). Bħala motivazzjoni (it-tieni sentenza fl-appell, punti 102 sa 117), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kienet marret kontra l-prinċipju ta’ kontradittorju li jirriżulta mir-rekwiżiti relatati mad-dritt għal smigħ xieraq, sa fejn it-tweġibiet u d-dokumenti pprovduti wara s-seduta mill-Kunsill ma kinux ġew issuġġettati għal dibattitu kontradittorju fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u kienu deċiżivi fir-raġunament ta’ din tal-aħħar għall-finijiet taċ-ċaħda min-naħa tagħha tat-tielet sal-ħames motivi mressqa fl-ewwel istanza.

38      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi statut, meta l-appell ikun fondat u l-kawża tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar it-tilwima, din tkun marbuta bil-punti ta’ liġi li għalihom id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tat soluzzjoni. B’hekk, wara l-annullament mill-Qorti tal-Ġustizzja u wara r-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar hija adita, b’applikazzjoni tal-Artikolu 215 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u għandha tiddeċiedi mill-ġdid fuq il-motivi għal annullament kollha mqajma mill-parti rikorrenti bl-esklużjoni tal-elementi tad-dispożittiv li ma ġewx annullati mill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll tal-kunsiderazzjonijiet li jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tal-imsemmija elementi, ġaladarba dawn kisbu saħħa ta’ res judicata (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2018, Keramag Keramische Werke et vs Il‑Kummissjoni, T‑379/10 RENV u T‑381/10 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2018:400, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi u b’mod partikolari fid-dawl tal-formulazzjoni tal-punt 2 tad-dispożittiv tat-tieni sentenza fl-appell, jeħtieġ li qabel kollox jiġu eżaminati t-tielet sal-ħames motivi tat-talba għal annullament, qabel ma jiġi ddeterminat, jekk ikun il-każ, jekk is-suġġett tal-kawża għadux jirrigwarda l-ewwel żewġ motivi tat-talba għal annullament kif issostni r-rikorrenti bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali.

 Fuq il-mertu

40      Insostenn tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tirrileva, essenzjalment, li d-deċiżjoni li tiġi assenjata mill-ġdid u li tiġi “mnaqqsa fil-grad” ma tteħditx fl-interess tas-servizz u kellha bħala uniku għan li tikkawża fastidju psikoloġiku u offiża fil-konfront tagħha. Hija ssostni li għaldaqstant il-proċedura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid u ta’ tnaqqis fil-grad ġiet segwita sabiex jintlaħqu għanijiet li ma kinux dawk stabbiliti mil-liġi. F’dan ir-rigward, hija spjegat li ma kienx hemm ħtieġa reali li tiġi assenjata mill-ġdid fl-urġenza ta’ Prosecutor f’Banja Luka, li immedjatament kienet ġiet imnedija proċedura biex jiġi rreklutat Senior Legal Advisor/Legal Counsel ġdid (preċedentement Chief of Legal Office) f’Sarajevo sabiex jissostitwixxiha u li, fil-mument tal-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha f’Banja Luka, kienet għadha miftuħa sejħa għal kandidaturi għall-post ta’ Criminal Justice Expert f’Banja Luka. Barra minn hekk, hija ssostni li, bid-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010, hija ġiet ukoll “imnaqqsa fil-grad” sa fejn il-funzjonijiet ta’ Criminal Justice Expert f’uffiċċju reġjonali kienu, fid-dawl tal-istruttura tal-EUPM kif ukoll tal-kompiti fdati, inferjuri għall-funzjonijiet ta’ Senior Legal Advisor/Legal Counsel eżerċitati fil-kwartieri ġenerali tal-EUPM. Hija ssostni wkoll li l-assenjazzjoni mill-ġdid u t-“tnaqqis fil-grad” huma ritaljazzjoni għall-ittra li ntbagħtet tas‑17 ta’ Marzu 2010. Insostenn tal-ħames motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010 ġiet adottata sabiex jiġi kkawżat lilha fastidju psikoloġiku u professjonali ġaladarba hija mhux biss ġiet assenjata mill-ġdid mingħajr ebda motivazzjoni leġittima, iżda ġiet ukoll “imnaqqsa fil-grad”. Hija żiedet li l-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha u t-“tnaqqis fil-grad” tagħha kienu mogħnija b’sensiela ta’ atti offensivi, fosthom restrizzjonijiet ta’ aċċess telefoniku, posta elettronika “aggressiva ħafna” li stednitha tiżvojta l-uffiċċju tagħha, diffikultajiet mhux ġustifikati biex tikseb leave jew l-esklużjoni tagħha mill-attivitajiet prinċipali tal-EUPM matul il-kollokament tagħha. Fir-replika, hija tindika atti addizzjonali li hija tikkunsidra li huma atti ta’ fastidju.

41      Il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza tal-argument tar-rikorrenti. Huwa josserva li l-affermazzjoni tar-rikorrenti li hija ġiet “imnaqqsa fil-grad” minħabba l-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha ma hija la fattwalment u lanqas legalment fondata. L-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ din tal-aħħar, f’April 2010, minn Sarajevo għal Banja Luka la biddel l-istatus amministrattiv tagħha u lanqas il-ħlas tar-remunerazzjoni u tal-allowances tagħha. Huwa jippreċiża li r-rikorrenti ma kienet tgawdi minn ebda dritt għal pożizzjoni speċifika fil-missjoni u ma pprovdiet ebda indikazzjoni fattwali iktar iddettaljata li tippermetti li jiġi kkunsidrat li hija ġiet imnaqqsa fil-grad minħabba l-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha. Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li r-rikorrenti ma tipproduċi ebda element li juri li d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ittieħdet bl-għan uniku jew prinċipali li tikkawża fastidju psikoloġiku u offiża fil-konfront tagħha. Barra minn hekk, huwa jikkontesta l-fatt li ma kellux interess oġġettiv li jkollu Prosecutor f’Banja Luka u li l-assenjazzjoni mill-ġdid saret filwaqt li proċedura ta’ selezzjoni għall-pożizzjoni ta’ Criminal Justice Expert kienet għadha fis-seħħ. Huwa jsostni wkoll li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex kompetenza tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk l-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ prosekutur mal-uffiċċju reġjonali ta’ Banja Luka kinitx tissodisfa neċessità operattiva. Il-Kunsill jirrileva li ma jeżisti ebda element li juri li r-rikorrenti kienet suġġetta għal fastidju psikoloġiku.

42      Preliminarjament, minn naħa, jeħtieġ li jiġi osservat li, għalkemm id-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet kompetenti tal-EUPM relatati mal-allokazzjoni tar-riżorsi umani assenjati lilha mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-finijiet tat-twettiq tal-attivitajiet immexxija fuq il-post tal-operazzjonijiet għandhom aspett operattiv li jaqa’ taħt il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK), dawn jikkostitwixxu wkoll, mill-essenza tagħhom stess, atti ta’ ġestjoni tal-persunal, bħal kull deċiżjoni simili adottata mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom (l-ewwel sentenza fl-appell, punt 54).

43      Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet ikkontestati jidħlu f’kuntest li fih l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa (l-ewwel sentenza fl-appell, punt 69).

44      Min-naħa l-oħra, hemm lok li jitfakkar li, fil-ġurisprudenza fil-qasam tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, ġiet irrikonoxxuta l-possibbiltà li tiġi invokata l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku insostenn ta’ talbiet għall-finijiet ta’ annullament li ma humiex indirizzati kontra ċ-ċaħda ta’ talba għal assistenza mressqa minn membru tal-persunal minħabba li dan ikun iqis li huwa vittma ta’ fastidju, iżda li huma indirizzati kontra deċiżjonijiet oħra adottati mill-amministrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2010, Menghi vs ENISA, F‑2/09, EU:F:2010:12, punti 67 u 70 sa 72). Ladarba l-membri tal-persunal ikkollokati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li l-istatus tagħhom huwa rregolat mir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), u dawk ikkollokati mill-Istati Membri, bħar-rikorrenti, huma suġġetti għall-istess regoli f’dak li jirrigwarda l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom “fuq il-post” (ara, f’dan is-sens, l-ewwel sentenza fl-appell, punt 50), jeħtieġ li din il-ġurisprudenza tiġi applikata b’analoġija għat-talbiet indirizzati kontra d-deċiżjonijiet tal-Kap tal-EUPM li jiddeċiedu dwar l-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ aġent ikkollokat minn Stat Membru.

45      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-eżistenza ta’ kuntest ta’ fastidju psikoloġiku tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni, meta l-awtur ta’ dan il-fastidju huwa wkoll il-firmatarju tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex jiġi stabbilit li din id-deċiżjoni ġiet adottata bl-iskop li tikkaġuna ħsara lill-aġent u li din hija, konsegwentement, ivvizzjata minn użu ħażin ta’ poter. Għalhekk, f’dak li jirrigwarda allegazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku invokata insostenn ta’ talbiet indirizzati kontra deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, l-imsemmija deċiżjoni tista’ tkun ivvizzjata minn użu ħażin ta’ poter kemm-il darba din ġiet adottata biex tikkaġuna ħsara għall-persunalità, għad-dinjità jew għall-integrità fiżika jew psikika tal-membru tal-persunal (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2010, Menghi vs ENISA, F‑2/09, EU:F:2010:12, punti 71 u 72).

46      F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li dak li r-rikorrenti tindika bħala l-ħames motiv, ibbażat fuq fastidju psikoloġiku, jikkostitwixxi, mill-inqas parzjalment, il-bażi fattwali tat-tielet motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter, li fil-kuntest tiegħu hija ssostni li l-Kap tal-EUPM wettaq użu ħażin ta’ poter bl-uniku għan li jikkawża fastidju u offiża fil-konfront tagħha.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li t-tielet u l-ħames motivi jiġu analizzati flimkien.

48      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ użu ħażin ta’ poter għandu portata preċiża ħafna li jirreferi għall-użu magħmul minn awtorità amministrattiva tal-poteri tagħha għal għan differenti minn dak li għalih dawn ikunu ngħatawlha. Deċiżjoni tkun ivvizzjata minn użu ħażin ta’ poter biss jekk din tkun tidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li tkun ittieħdet sabiex jintlaħqu għanijiet li ma jkunux dawk iddikjarati. F’dan ir-rigward, ma huwiex biżżejjed li jiġu invokati ċerti fatti insostenn tat-talbiet tagħha, iżda għandhom jiġu pprovduti wkoll indizji li jkunu preċiżi, oġġettivi u konkordanti biżżejjed b’tali mod li jsostnu n-natura veritiera tagħhom jew, mill-inqas, il-possibbiltà li dawn seħħew, fejn fin-nuqqas ta’ dan l-eżattezza materjali tal-affermazzjonijiet tal-istituzzjoni inkwistjoni ma tkunx tista’ titqiegħed inkwistjoni (ara d-digriet tad‑19 ta’ Diċembru 2013, da Silva Tenreiro vs Il‑Kummissjoni, T‑32/13 P, EU:T:2013:721, punti 31 sa 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Jeħtieġ ukoll li jitfakkar li l-ġurisprudenza rrikonoxxiet setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom skont il-missjonijiet fdati lilhom u fl-assenjazzjoni, għat-twettiq ta’ dawn il-missjonijiet, tal-persunal li jinsab għad-dispożizzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni, madankollu, li din l-assenjazzjoni ssir fl-interess tas-servizz u tkun tosserva l-ekwivalenza tal-impjiegi (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2006, Fries Guggenheim vs Cedefop, T‑373/04, EU:T:2006:224, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali għandu jkun limitat għall-kwistjoni li jsir magħruf jekk l-istituzzjoni kkonċernata aġixxietx fil-limiti raġonevoli u jekk użatx is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2006, Fries Guggenheim vs Cedefop, T‑373/04, EU:T:2006:224, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Barra minn hekk, fil-mument li deċiżjoni ma tkunx tqieset li tmur kontra l-interess tas-servizz ma tistax tkun kwistjoni ta’ użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza tas-7 ta’ Frar 2007, Clotuche vs Il‑Kummissjoni, T‑339/03, EU:T:2007:36, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      F’dan il-każ, fid-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010, l-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti, mid‑19 ta’ April 2010, mill-pożizzjoni ta’ Senior Legal Advisor/Legal Counsel, li hija kienet tokkupa fi ħdan il-kwartier ġenerali tal-EUPM f’Sarajevo, għall-pożizzjoni ta’ Criminal Justice Adviser – Prosecutor fi ħdan l-uffiċċju reġjonali tal-EUPM ta’ Banja Luka kienet immotivata minn “raġunijiet operattivi”. Din il-motivazzjoni ġiet ikkompletata fid-deċiżjoni tat‑30 ta’ April 2010, li minnha jirriżulta li r-raġuni operattiva tal-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti kienet tistrieħ fuq il-ħtieġa ta’ konsulenza ta’ prosekutur għad-dispożizzjoni fl-uffiċċju ta’ Banja Luka.

52      Huwa fid-dawl ta’ din il-motivazzjoni u tal-prinċipji ddikjarati iktar ’il fuq li jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-Kap tal-EUPM wettaqx użu ħażin ta’ poter billi pproċeda bl-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti fi ħdan l-EUPM.

53      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, tliet linji ta’ argumentazzjoni intiżi li juru li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma vvizzjati b’użu ħażin ta’ poter. L-ewwel nett, l-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha ma ġietx deċiża fl-interess tas-servizz, it-tieni nett, l-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha saret bil-għan li jsir fastidju fil-konfront tagħha u, it-tielet nett, l-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha ġiet deċiża b’reazzjoni għall-kritika miġjuba kontra l-ġestjoni tal-EUPM u għalhekk hija ta’ natura punittiva.

54      Qabel kollox jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-natura punittiva tal-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha jippermettix li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter.

55      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, bis-saħħa tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 45 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tkun ivvizzjata minn użu ħażin ta’ poter jekk tkun ġiet adottata f’kuntest ta’ fastidju psikoloġiku u bil-għan li tikkaġuna ħsara għall-persunalità, għad-dinjità jew għall-integrità fiżika jew psikika tal-persuna li hija suġġetta għall-miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid. Dan jgħodd ukoll għall-każ fejn l-assenjazzjoni mill-ġdid tkun ekwivalenti, fir-realtà, għal sanzjoni lejn ir-rikorrenti minħabba l-kritika tagħha tal-ġestjoni tal-EUPM. Dawn iċ-ċirkustanzi, li kieku kellhom jiġu stabbiliti, ikunu jikkostitwixxu użu ħażin ta’ poter, inkwantu l-Kap tal-EUPM ikun uża l-poter tiegħu għal għan li ma jkunx dak li għalih dawn il-poteri ġew fdati lilu u, barra minn hekk, l-assenjazzjoni mill-ġdid ma tkunx tista’ titqies li saret fl-interess tas-servizz. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk ir-raġuni determinanti għall-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti kinitx marbuta mal-motivi invokati fid-deċiżjonijiet ikkontestati, u jekk sarux fl-interess tas-servizz, jew jekk l-imsemmija deċiżjonijiet ġewx adottati sabiex jintlaħqu għanijiet oħra, u mhux leġittimi, minn dawk iddikjarati.

56      F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi osservat li l-għan li għandu jintlaħaq mill-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti, jiġifieri l-ħtieġa li jkun hemm konsulenza ta’ prosekutur għad-dispożizzjoni fl-uffiċċju reġjonali tal-EUPM f’Banja Luka, kien jikkorrispondi, mill-perspettiva formali, mal-missjoni tal-EUPM hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2009/906, jiġifieri l-għajnuna pprovduta lid-dipartimenti ta’ infurzar kompetenti tal-Bosnja-Ħerzegovina sabiex jiġġieldu kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni. Hemm ukoll lok li jiġi spjegat li l-pożizzjoni ta’ Banja Luka, li għaliha r-rikorrenti ġiet assenjata mill-ġdid (Criminal Justice Adviser – Prosecutor), identifikata bħala pożizzjoni ROBL‑04, kienet vakanti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2010 bl-isem Criminal Justice Expert u, skont is-sejħa għal kandidaturi, kellha timtela “kemm jista’ jkun malajr”. Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-kwalifiki u l-esperjenza professjonali tar-rikorrenti kienu jikkorrispondu mal-profil imfittex. Barra minn hekk, kif jindika l-Kunsill, mill-att ta’ kandidatura tar-rikorrenti għall-pożizzjoni ta’ Chief Legal Office jirriżulta li din tal-aħħar iddikjarat li kienet disposta sservi lill-EUPM f’pożizzjoni oħra minbarra dik li kienet tirrigwarda l-kandidatura tagħha.

57      Madankollu għandu jiġi kkonstatat li l-indizji prodotti mir-rikorrenti kif ukoll l-elementi li jinsabu fil-proċess huma preċiżi, oġġettivi u konkordanti biżżejjed sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li huwa probabbli li d-deċiżjonijiet ikkontestati ttieħdu minħabba ċirkustanzi oħra minbarra l-ħtieġa ta’ disponibbiltà tas-servizzi tar-rikorrenti bħala prosekutur f’Banja Luka u li bl-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha l-Kap tal-EUPM kien qed jipprova jilħaq għan minbarra dak li jgħin lis-servizzi ta’ infurzar tal-liġi kompetenti fil-Bosnja-Ħerzegovina jiġġieldu kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni.

58      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Marzu 2010, ir-rikorrenti kif ukoll waħda mill-kollegi tagħha, A, informaw lill-ġerarkija tagħhom dwar allegati irregolaritajiet imwettqa fil-ġestjoni tal-EUPM. Din l-ittra ġiet ikkomunikata, fis‑17 ta’ Marzu 2010, lis-superjur ġerarkiku tar-rikorrenti, id-Direttur tal-Unità Politika tal-EUPM, liema fatt ma huwiex ikkontestat mill-Kunsill. Fis‑26 ta’ Marzu 2010, lista ta’ irregolaritajiet, imsemmija fl-ittra tas‑17 ta’ Marzu 2010, ġiet trażmessa mill-assistenta tar-rikorrenti lill-uffiċċju tal-Kap tal-EUPM, fil-perspettiva ta’ laqgħa bejn ir-rikorrenti, A u dan tal-aħħar, liema fatt lanqas ma huwa kkontestat mill-Kunsill. Madankollu, id-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010 ittieħdet biss tliet ġimgħat wara l-komunikazzjoni tal-ittra tas‑17 ta’ Marzu 2010 lis-superjur ġerarkiku tar-rikorrenti u tnax‑il jum wara t-trażmissjoni ta’ lista ta’ irregolaritajiet lill-Kap tal-EUPM.

59      It-tieni nett, hemm lok li jiġi rrilevat li d-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010 ittieħdet qabel ma tmexxiet investigazzjoni dwar il-kwistjonijiet imqajma mir-rikorrenti u A fl-ittra tas‑17 ta’ Marzu 2010.

60      It-tielet nett, mill-proċess jirriżulta li l-laqgħa bejn ir-rikorrenti, A u l-Kap tal-EUPM kienet organizzata għall‑14 ta’ April 2010. Skont ir-rikorrenti din il-laqgħa ma seħħitx – liema allegazzjoni l-Kunsill ma jikkonfutax.

61      Ir-raba’ nett, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Kap tal-EUPM iddeċieda biss fit‑22 ta’ April 2010, wara skambju ta’ korrispondenza bejnu u A, li jiftaħ investigazzjoni interna fuq allegazzjonijiet magħmula minn din tal-aħħar fil-posta elettronika tagħha tal‑5 u l‑21 ta’ April 2010. F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi spjegat li l-Kap tal-EUPM għamel riferiment f’din id-deċiżjoni, li ġiet prodotta mir-rikorrenti bħala anness għall-osservazzjonijiet tagħha dwar it-tieni sentenza fl-appell, għal lista trażmessa mid-dipartiment legali (Legal Office). Huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat li kien qiegħed isemmi l-lista trażmessa fis‑26 ta’ Marzu 2010 mill-assistenta tar-rikorrenti lill-uffiċċju tal-Kap tal-EUPM (ara l-punt 58 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi osservat li l-Kap tal-EUPM fakkar, f’din id-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni, it-termini tal-ittra tiegħu tad‑19 ta’ April 2010, li skonthom, fil-posta elettronika tagħha tal‑5 ta’ April 2010, A kienet għamlet allegazzjonijiet serji u mhux issostanzjati kontra d-diriġenza tal-EUPM. Għandu jingħad ukoll li mill-imsemmija ittra tad‑19 ta’ April 2010 prodotta mill-Kunsill bi tweġiba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jirriżulta li l-posta elettronika ta’ A tal‑5 ta’ April 2010 u l-assenza ta’ reazzjoni maniġerjali tar-rikorrenti dwar l-imsemmija posta elettronika, bħala superjur ġerarkiku ta’ A, mill-ġdid ippreġudikaw serjament ir-relazzjonijiet bejn id-Dipartiment Legali u d-Dipartiment ta’ Amministrazzjoni u ta’ Sostenn.

62      Il-ħames nett, għandu jiġi rrilevat li l-Kap tal-EUPM ikkonferma, permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ April 2010, l-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti f’Banja Luka qabel ma jsir magħruf l-eżitu tal-investigazzjoni interna msemmija fil-punt 61 iktar ’il fuq u qabel ma titmexxa investigazzjoni speċifika fuq il-kwistjonijiet imqajma mir-rikorrenti u minn A fl-ittra tas‑17 ta’ Marzu 2010.

63      Is-sitt nett, mill-proċess jirriżulta li, permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Mejju 2010, il-Kap tal-EUPM xolja l-kuntratt ta’ A minħabba telf ta’ fiduċja. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li, wara l-ilment ta’ A, l-Ombudsman ikkonkluda, fid-deċiżjoni tiegħu tal‑4 ta’ Ġunju 2015, li kien jeżisti każ ta’ amministrazzjoni ħażina. L-Ombudsman ikkritika l-fatt li l-kuntratt ta’ A kien ġie xolt tmient ijiem wara t-trażmissjoni, minnha, ta’ ittra lid-Direttur tal-Kapaċità Ċivili ta’ Pjanifikazzjoni u ta’ Kondotta, fil-kapaċità tiegħu fi ħdan is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, bħala Kmandant għall-Operazzjonijiet Ċivili tal-EUPM, dwar l-allegati irregolaritajiet imwettqa fi ħdan l-EUPM. Barra minn hekk, huwa ddeplora l-assenza ta’ qafas iddeterminat minn qabel sabiex jiġu pproċessati d-disfunzjonijiet irrapportati mill-informaturi u biex tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom. F’dan il-kuntest, huwa esprima kritika fir-rigward tal-fatt li, fil-każ inkwistjoni, l-investigazzjoni tmexxiet fuq bażi ad hoc.

64      Is-seba’ nett, id-dokumenti li jinsabu fil-proċess ma jippermettux li jiġi konkluż li, fid-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010, il-proċedura ta’ selezzjoni mnedija sabiex timtela l-pożizzjoni ta’ Criminal Justice Expert ma kinitx ipproduċiet riżultati u li kien f’kuntest ta’ nuqqas ta’ kandidati eliġibbli għal din il-pożizzjoni li kienet ittieħdet id-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti.

65      Fil-fatt, minn tabella, mhux iddatata, ipprovduta mill-Kunsill wara s-seduta organizzata waqt il-proċedura mwettqa wara l-ewwel rinviju mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fost iż-żewġ kandidati li applikaw għall-pożizzjoni ta’ Criminal Justice Expert, kandidat wieħed, ta’ nazzjonalità Taljana, kien eliġibbli, imma ġie skartat minħabba li kandidat ieħor kien jikkorrispondi aħjar għall-profil meħtieġ. Madankollu mill-imsemmija tabella ma jirriżultax li kien jeżisti kandidat ieħor li seta’ jiġi kkunsidrat bħala eliġibbli għall-pożizzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Kunsill jindika, fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar it-tieni sentenza fl-appell, li ebda wieħed mill-kandidati li pparteċipaw fil-proċedura ta’ selezzjoni ma kien jikkorrispondi daqs ir-rikorrenti għall-pożizzjoni kkonċernata.

66      Għandu jingħad ukoll li r-rapport tat‑23 ta’ April 2010 indirizzat mill-Kap tal-EUPM lill-Kmandant għall-Operazzjonijiet Ċivili tal-EUPM dwar ir-riżultat ta’ diversi sejħiet għal kandidaturi għall-EUPM, minbarra l-fatt li sar wara d-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010, jillimita ruħu biex jindika li sitt pożizzjonijiet ma setgħux jimtlew u tlieta minnhom kienu suġġetti għal proroga jew “għal deċiżjonijiet operattivi oħra”.

67      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-proċedura ma kinitx ipproduċiet riżultati minħabba nuqqas ta’ kandidati xierqa. Fir-realtà, huwa iktar plawżibbli li jiġi kkunsidrat, fuq il-bażi tal-elementi li jinsabu fil-proċess, li l-imsemmija proċedura ma pproduċietx riżultati inkwantu ġie deċiż li r-rikorrenti tiġi assenjata mill-ġdid fil-pożizzjoni inkwistjoni.

68      Iċ-ċirkustanzi msemmija mill-Kunsill, jiġifieri li l-pożizzjoni ta’ Criminal Justice Expert ma kinitx il-prijorità taż-żewġ kandidati għall-imsemmija pożizzjoni u li dawn intgħażlu għal pożizzjonijiet oħra fi ħdan l-EUPM konformement mal-preferenzi tagħhom, ma humiex tali li jistabbilixxu li l-proċedura ta’ selezzjoni għall-imsemmija pożizzjoni ma kinitx iktar fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010. Minkejja li ma jistax jiġi miċħud, fuq il-bażi tad-dokumenti li jinsabu fil-proċess, li ż-żewġ kandidati inkwistjoni ma għażlux il-post ta’ Criminal Justice Expert bħala l-ewwel prijorità tagħhom, ma huwiex paċifiku, fin-nuqqas ta’ provi insostenn ta’ tali konstatazzjoni, li r-reklutaġġ tal-imsemmija kandidati għal pożizzjonijiet oħra ġie deċiż qabel it-teħid tad-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010. Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-kandidat meqjus bħala eliġibbli għall-pożizzjoni ta’ Criminal Justice Expert, il-preferenzi personali tiegħu ma kellhomx ikunu determinanti biex jiġi konkluż li, fid-data ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti, ma kienx jeżisti kandidat xieraq biex jokkupa l-imsemmija pożizzjoni.

69      Ulterjorment, il-Kunsill ammetta, waqt is-seduta, li l-proċedura ta’ selezzjoni għall-pożizzjoni ta’ Criminal Justice Expert kienet għadha miftuħa fid-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti f’Banja Luka. Sa fejn il-Kunsill sostna li, fis‑7 ta’ April 2010, il-kandidaturi għall-imsemmija pożizzjoni diġà kienu magħrufa, minħabba li d-data limitu għat-tressiq tagħhom kienet it‑23 ta’ Marzu 2010, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li mill-proċess ma jirriżultax li din l-informazzjoni tressqet għall-attenzjoni tal-Kap tal-EUPM qabel ma kien ħa d-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010.

70      Ċertament, jista’ jkun hemm każijiet fejn assenjazzjoni mill-ġdid ta’ membru tal-persunal għal pożizzjoni oħra tirriżulta li hija neċessarja qabel ma proċedura ta’ selezzjoni tiġi konkluża. Madankollu, il-Kunsill ma pproduċiex elementi li jippermettu li jsiru magħrufa r-raġunijiet għalfejn il-Kap tal-EUPM kien ipproċeda b’dan il-mod f’dan il-każ. Barra minn hekk, is-sejħa għal kandidaturi għall-pożizzjoni ta’ Criminal Justice Expert intbagħtet lill-Istati Membri biss ftit iktar minn xahar qabel id-data tad-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid inkwistjoni, jiġifieri t‑2 ta’ Marzu 2010, b’data limitu ta’ tressiq ta’ kandidaturi ffissata għat‑23 ta’ Marzu 2010. Barra minn hekk, mill-proċess ma jirriżultax li l-proċedura ta’ selezzjoni ġiet annullata qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010.

71      Għalhekk, f’dan il-każ, il-Kap tal-EUPM missu stenna l-eżitu formali tal-proċedura ta’ selezzjoni mnedija għall-pożizzjoni ta’ Criminal Justice Expert qabel ma adotta, skont il-każ, id-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010.

72      It-tmien nett, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kap tal-EUPM ħa d-deċiżjoni li jassenjaha mill-ġdid f’pożizzjoni oħra, tkun liema tkun, fi ħdan l-EUPM hija ssostanzjata, minn tal-inqas indirettament, mill-konteut ta’ skambju ta’ posta elettronika mad-Direttur tal-Unità Politika tal-EUPM, li kien is-superjur ġerarkiku tiegħu, u mal-Kap tal-Uffiċċju Reġjonali ta’ Banja Luka. Fil-fatt, mit-tweġiba tal-imsemmi direttur għall-posta elettronika tar-rikorrenti tas‑7 ta’ April 2010 jirriżulta li l-pożizzjonijiet disponibbli fil-Bosnja‑Ħerzegovina għall-assenjazzjoni mill-ġdid kienu f’Banja Luka, f’Mostar u f’Tuzla. Barra minn hekk, mit-tweġiba tal-Kap tal-Uffiċċju Reġjonali ta’ Banja Luka għall-posta elettronika tar-rikorrenti tat‑8 ta’ April 2010 jirriżulta li dan ma talabx li jissejjaħ prosekutur ieħor u li ma kellux bżonn urġentement il-preżenza ta’ prosekutur f’Banja Luka.

73      Id-disa’ nett, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti f’Banja Luka seħħet kontra r-rieda tagħha. Barra minn hekk, mill-proċess ma jirriżultax li hija tqiegħdet f’pożizzjoni li tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010.

74      L-għaxar nett, anki jekk l-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti minn Sarajevo għal Banja Luka la biddel l-istatus amministrattiv tagħha u lanqas ir-remunerazzjoni u l-allowances tagħha, xorta jibqa’ l-fatt li din l-assenjazzjoni mill-ġdid, deċiża fis‑7 ta’ April 2010, formalment mid‑19 ta’ April 2010 u fattwalment mis‑26 ta’ April 2010, u għaldaqstant, fuq perijodu qasir, lejn post ieħor li kienet tinvolvi, barra minn hekk, bidla fil-kompiti li kellhom jitwettqu, u mingħajr ma ngħataw spjegazzjonijiet iddettaljat għal din id-deċiżjoni, din kellha tiġi interpretata mir-rikorrenti bħala sanzjoni.

75      Ir-rikorrenti kellha wisq iżjed tieħu din l-impressjoni fir-rigward tal-fatt li l-pożizzjoni li għalija ġiet assenjata mill-ġdid kienet ekwivalenti għal assenjazzjoni mill-ġdid minn pożizzjoni “senior” għal pożizzjoni “non senior”. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, mill-proċess jirriżulta li, fi ħdan l-EUPM, kienu jeżistu pożizzjonijiet fuq diversi livelli, fosthom, minn naħa, pożizzjonijiet kkwalifikati bħala “senior” bħal “Senior Legal Advisor/Legal Counsel”, “Senior Criminal Justice Expert” jew “Senior Economic Crime Expert” u, min-naħa l-oħra, dawk li jikkorrispondu għal livell inferjuri u li jinvolvu inqas responsabbiltajiet, b’mod partikolari ta’ ġestjoni u ta’ koordinazzjoni, bħal “Criminal Justice Expert” jew “Economic Crime Expert”. Konsegwentement ir-rikorrenti setgħet effettivament tipperċepixxi l-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha mill-pożizzjoni ta’ Senior Legal Advisor/Legal Counsel fil-kwartier ġenerali tal-EUPM f’Sarajevo, li għaliha hija applikat speċifikament meta kienet qed teżerċita l-funzjonijiet ta’ Criminal Justice Unit Advisor ukoll f’Sarajevo, għall-pożizzjoni ta’ Criminal Justice Adviser – Prosecutor fi ħdan l-uffiċċju reġjonali tal-EUPM ta’ Banja Luka, bħala assenjazzjoni f’pożizzjoni ta’ livell inferjuri li tippreżenta għaliha inqas interess fuq livell professjonali u, għaldaqstant, bħala sanzjoni.

76      Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li kull uffiċjal li, diġà qabel id-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal, kien ħa l-inizjattiva li javża lill-ġerarkija tiegħu dwar l-eżistenza ta’ illegalitajiet jew ta’ nuqqasijiet għall-obbligi li jirriżultaw mir-Regolamenti tal-Persunal li dwarhom huwa kien jaf u li jistgħu jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, diġà kellu d-dritt jibbenefika mill-protezzjoni tal-istituzzjoni li magħha huwa kien impjegat kontra kwalunkwe att ta’ ritaljazzjoni eventwali minħabba dan l-iżvelar kif ukoll li ma jġarrabx preġudizzju minn din l-istituzzjoni sa fejn huwa jkun aġixxa in bona fide (sentenza tal‑4 ta’ April 2019, Rodriguez Prieto vs Il‑Kummissjoni, T‑61/18, EU:T:2019:217, punt 71). Ma jistax ikun mod ieħor fir-rigward ta’ membru tal-persunal tal-EUPM, bħar-rikorrenti, li fil-konfront tagħha dawn il-prinċipji japplikaw mutatis mutandis (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 44 iktar ’il fuq).

77      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-elementi msemmija iktar ’il fuq, il-kronoloġija tagħhom kif ukoll il-kuntest li fih jidħlu jippermettu li jiġi kkunsidrat li r-raġuni determinanti għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma kinitx l-interess tas-servizz li jikkonsisti fil-ħtieġa ta’ disponibbiltà tas-servizzi tar-rikorrenti f’Banja Luka fil-pożizzjoni ta’ Criminal Justice Adviser – Prosecutor, iżda l-fatt li hija ddenunzjat, flimkien ma’ A, allegati irregolaritajiet fir-rigward tal-ġestjoni tal-EUPM. Għalhekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma vvizzjati b’użu ħażin ta’ poter, minħabba li ttieħdu sabiex jintlaħqu finijiet differenti, mhux leġittimi, minn dawk eċċepiti u li għaldaqstant il-Kap tal-EUPM uża l-poteri tiegħu b’għan differenti minn dak li fih ingħatawlu dawn il-poteri.

78      Iċ-ċirkustanza mfakkra mill-Kunsill li l-investigazzjoni mwettqa fuq deċiżjoni tad-Direttur tal-Kapaċità Ċivili u ta’ Kondotta wara ittra minn A (ara l-punt 63 iktar ’il fuq) ma ppermettietx li tiġi skoperta l-eżistenza ta’ irregolaritajiet ma tistax tinvalida l-konklużjoni li tinsab fil-punt 77 iktar’ il fuq. Fil-fatt, ir-riżultat ta’ din l-investigazzjoni hija mingħajr effett fuq il-kwistjoni dwar jekk l-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti kinitx konnessa mal-ittra tas‑17 ta’ Marzu 2010 u kinitx ta’ natura punittiva dovut għall-fatt li hija kienet tenniet allegati irregolaritajiet fil-ġestjoni tal-EUPM. Barra minn hekk, il-Kunsill f’ebda mument ma sostna li r-rikorrenti ma kinitx aġixxiet in bona fide meta għaddiet l-ittra msemmija lis-superjur ġerarkiku tagħha.

79      Għandu jingħad ukoll li sa fejn il-Kunsill isostni li r-rikorrenti ddikjarat li kienet disposta sservi lill-EUPM f’pożizzjoni oħra minbarra dik imsemmija l-kandidatura tagħha għall-pożizzjoni ta’ Chief Legal Office, jeħtieġ sempliċement li jiġi rrilevat li tali dikjarazzjoni, li tirriżulta effettivament mill-proċess, ma tistax tiġġustifika assenjazzjoni mill-ġdid li ġiet deċiża f’kuntest fejn ġew irrapportati allegati irregolaritajiet imwettqa fi ħdan l-EUPM. Il-fatt li r-rikorrenti setgħet talbet lill-awtoritajiet Taljani biex tiġi mitmuma l-kollokament lanqas ma huwa tali li jikkonferma l-legalità tal-assenjazzjoni mill-ġdid. Minbarra l-fatt li tali possibbiltà sseħħ biss wara l-assenjazzjoni mill-ġdid, din ma tistax tilleġittima miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid li hija ta’ natura punittiva jew saħansitra inġusta.

80      Sussegwentement, il-fatt imfakkar mill-Kunsill li l-pożizzjoni ta’ Chief of Legal Office okkupata mir-rikorrenti f’Sarajevo, ingħatat l-isem ġdid ta’ Senior Legal Advisor/Legal Counsel mill‑1 ta’ Jannar 2010 wara r-ristrutturar tal-EUPM ma jippermettix li jiġi stabbilit li ma kienx hemm bżonn is-servizzi tagħha fil-kwartieri ġenerali tal-EUPM f’Sarajevo jew li d-deċiżjonijiet ikkontestati kienu ġew adottati unikament fl-interess tas-servizz.

81      Barra minn hekk, sa fejn il-Kunsill isostni, essenzjalment, li l-allegati skambji orali bejn ir-rikorrenti u l-Assistent Kap tal-EUPM f’April 2010 imsemmija fl-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tas‑17 ta’ Frar 2020 jikkostitwixxu fatti ġodda u ma humiex, għalhekk, ammissibbli, jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat li tali konverżazzjonijiet diġà ġew invokati, essenzjalment, fir-rikors.

82      Fid-dawl tal-punti preċedenti jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter għandu jintlaqa’. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu annullati d-deċiżjonijiet ikkontestati, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ilmenti l-oħra mqajma fil-kuntest tat-tielet u l-ħames motivi kif ukoll fuq il-motivi l-oħra tar-rikorrenti.

 Fuq it-talba għal kumpens

 Fuq l-ammissibbiltà

83      Il-Kunsill, mingħajr ma formalment iqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, isostni fil-kontroreplika li, għat-talba għad-danni ta’ ammont ta’ EUR 8 000, ifformolata mir-rikorrenti għall-ewwel darba fir-replika u intiża bħala kumpens għad-dannu materjali allegatament imġarrab minnha minħabba l-fatt li, minħabba l-leave tal-mard, hija ma setgħetx tibbenefika mill-allowance tal-missjoni, hija la talbet u lanqas ma kisbet l-awtorizzazzjoni li twessa’ l-portata tar-rikors tagħha f’dan ir-rigward.

84      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 76(e) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti għandha tindika t-talbiet tagħha fir-rikors. Għalhekk, bħala prinċipju, huma biss it-talbiet esposti fir-rikors promotur li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni u l-fondatezza tar-rikors għandha tiġi eżaminata biss fid-dawl tat-talbiet li jinsabu fir-rikors promotur (sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, Epsilon International vs Il‑Kummissjoni, T‑477/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:714, punt 45; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 1965, Krawczynski vs Il‑Kummissjoni, 83/63, EU:C:1965:70, p. 785, u tal‑25 ta’ Settembru 1979, Il‑Kummissjoni vs Franza, 232/78, EU:C:1979:215, punt 3).

85      L-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura jippermetti l-produzzjoni ta’ motivi ġodda sakemm dawn ikunu bbażati fuq provi ta’ liġi u ta’ fatt li ġew żvelati waqt il-proċedura. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li din il-kundizzjoni tirregola a fortiori kull emenda tat-talbiet u li, fin-nuqqas ta’ punti ta’ liġi u ta’ fatt żvelati matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura, huma biss it-talbiet tar-rikors li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2013, Berliner Institut für Vergleichende Sozialforschung vs Il‑Kummissjoni, T‑73/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:433, punt 43, u tal‑24 ta’ Ottubru 2018, Epsilon International vs Il‑Kummissjoni, T‑477/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:714, punt 46).

86      Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li motiv li jikkostitwixxi l-estensjoni ta’ motiv iddikjarat preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors u li għandu rabta mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2018, “Pro NGO!” vs Il‑Kummissjoni, T‑454/17, EU:T:2018:755, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      F’dan il-każ, huwa ċertament minnu li, kif isostni l-Kunsill, it-talba għal kumpens inkwistjoni ma ġietx ifformulata fir-rikors. Madankollu, id-dannu materjali allegatament imġarrab mir-rikorrenti jinsab f’kuntest fattwali li seħħ wara l-preżentata tar-rikors, jiġifieri s‑16 ta’ Ġunju 2010, filwaqt li għandu rabta, skont ir-rikorrenti, mal-atti ta’ fastidju psikoloġiku allegatament imġarrba minn din tal-aħħar fi ħdan l-EUPM u ddikjarati fir-rikors. Minn naħa, ir-rikorrenti tirreferi għal ċertifikati mediċi li ġew wara d-data ta’ preżentata tar-rikors biex tistabbilixxi li hija kienet fuq leave tal-mard mix-xahar ta’ Awwissu 2010, li dan sa tmiem il-kollokament tagħha mal-EUPM, u li dan il-leave tal-mard kellu jiġi attribwit għal episodji ta’ fastidju li allegatament kienet ġarrbet fi ħdanha. Min-naħa l-oħra, hija tibbaża lilha nnifisha fuq posta elettronika ta’ Frar u ta’ Marzu 2011 sabiex tipprova li hija ma setgħetx tibbenefika minn parti mill-allowance tal-missjoni għas-sena 2010 minħabba l-assenza tagħha x-xogħol marbuta mal-leave tal-mard tagħha. Dawn l-elementi żvelaw lilhom infushom matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura fil-Kawża T-271/10, bejn il-preżentata tar-rikors u r-replika, u ġew invokati mir-rikorrenti fir-replika, li fiha tressqet ukoll it-talba għal kumpens inkwistjoni.

88      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun kuntrarju għal amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u għal rekwiżit ta’ ekonomija proċedurali li r-rikorrenti tiġi obbligata tippreżenta rikors ġdid fir-rigward tat-talba għad-danni li jirrigwardaw il-kumpens għad-dannu materjali allegatament imġarrab minnha minħabba l-allegat fastidju psikoloġiku li għalih kienet suġġetta. Għaldaqstant, din it-talba hija ammissibbli.

89      Barra minn hekk, sa fejn il-Kunsill isostni li ċerti ċirkustanzi msemmija fl-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar it-tieni sentenza fl-appell huma ġodda u, għalhekk, inammissibbli, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fil-punt imsemmi mill-Kunsill, ir-rikorrenti tressaq, essenzjalment, argument ibbażat fuq digriet ta’ qorti Taljana tal‑21 ta’ Jannar 2020 u tipprova tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dannu morali kkawżat mid-deċiżjonijiet ikkontestati, essenzjalment, fuq ir-reputazzjoni professjonali tagħha. Għal dan il-għan hija tipproduċi d-deċiżjoni inkwistjoni li tordna, b’riżultat tal-ilment tagħha, proċeduri kontra l-awtur ta’ artiklu li ġie ppubblikat f’April 2011. Hija tipproduċi wkoll l-imsemmi artiklu li jirrigwarda, fil-fehma tagħha, il-fatt ta’ din il-kawża u li huwa diffamatorju fil-konfront tagħha.

90      Skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, b’mod eċċezzjonali, il-partijiet prinċipali jkun għad għandhom l-opportunità jipproduċu jew jipproponu provi ġodda qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, bil-kundizzjoni li d-dewmien fil-produzzjoni ta’ dawn il-provi jkun ġustifikat. Dawn il-prinċipji huma applikabbli matul din il-proċedura wara annullament u rinviju, peress li din tikkostitwixxi l-estensjoni parzjali tal-istess kawża li kienet bdiet bil-preżentata tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Kakol vs Il‑Kummissjoni, T‑641/16 RENV u T‑137/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:958, punt 70).

91      F’dan il-każ, huwa paċifiku li d-digriet prodott mir-rikorrenti bħala anness għall-osservazzjonijiet tagħha tas‑17 ta’ Frar 2020 ma setax jiġi ppreżentat qabel inkwantu dan id-digriet huwa minn Jannar 2020. Għalhekk, fid-dawl tan-natura reċenti ta’ dan id-digriet, il-produzzjoni tiegħu hija ammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2018, Verein Deutsche Sprache vs Il‑Kummissjoni, T‑468/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:207, punt 20).

92      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-artikolu ppubblikat f’April 2011, ir-rikorrenti ma tinvokax ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw il-produzzjoni tiegħu bħala anness għall-osservazzjonijiet tagħha dwar it-tieni sentenza fl-appell u għaldaqstant numru ta’ snin wara l-pubblikazzjoni tal-imsemmi artikolu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-prova għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

 Fuq il-mertu

93      Ir-rikorrenti ssostni li l-imġieba illegali tal-EUPM ikkawżatilha dannu. Minn naħa, hija ġarrbet dannu morali li jirriżulta mid-danni kkawżati bl-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha u bit-“tnaqqis fil-grad” tagħha, fuq saħħitha, fuq l-integrità tagħha, fuq id-dinjità tagħha u fuq ir-reputazzjoni professjonali tagħha. Min-naħa l-oħra, hija ġarrbet dannu morali minħabba l-atti ta’ fastidju mġarrba fi ħdan l-EUPM. F’dan il-kuntest, hija tinvoka d-dannu kkawżat fuq saħħitha. Hija tqis li l-ammont tad-danni għandu jiġi evalwat ex aequo et bono u jammonta għal EUR 30 000. Hija tispjega li l-għoti ta’ danni jibqa’ l-uniku mezz li tiġi rrimedjata l-illegalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Barra minn hekk, hija titlob, fir-replika, il-kumpens għad-dannu mġarrab minħabba li, b’riżultat tal-leave tal-mard tagħha, hija ma setgħetx tibbenefika mill-allowance tal-missjoni. Dan id-dannu jammonta għal EUR 8 000.

94      Il-Kunsill josserva li r-rikors ma jinkludi ebda fatt li jirrigwarda l-eżistenza ta’ dannu kkawżat lill-integrità tar-rikorrenti. Fir-rigward tal-eżistenza ta’ dannu kkawżat għas-saħħa tagħha, huwa jirrileva li r-rikorrenti ma turix li teżisti rabta kawżali bejn l-assenjazzjoni mill-ġdid u l-istat tas-saħħa tagħha. Barra minn hekk huwa jsostni li r-rikorrenti introduċiet elementi ġodda fir-replika li jistrieħu fuq ġrajjiet li kienu seħħew wara l-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha u għalhekk dawn ma jistgħux iservu biex tiġi stabbilita rabta kawżali neċessarja mad-deċiżjonijiet ikkontestati. Fir-rigward tat-talba għad-danni għal ammont ta’ EUR 8 000 huwa jsostni li r-rikorrenti ma stabbilixxietx rabta kawżali dirett u ċert bejn id-dannu kkonċernat u d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid. Huwa jżid li l-ammont tad-danni tal-missjoni ma bidilx bl-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti f’Banja Luka. Barra minn hekk, huwa jikkontesta l-fatt li l-assenza ta’ effett utli ta’ annullament eventwali tad-deċiżjonijiet ikkontestati jagħti lok għad-dritt għall-kumpens ta’ dannu addizzjonali.

95      Preliminarjament jeħtieġ li jiġi osservat li t-talba għal kumpens tar-rikorrenti tistrieħ fuq il-qafas tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba allegat aġir illegali tal-korpi tagħha.

96      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi fis-seħħ ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, huwa meħtieġ li jkunu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-ksur tal-obbligu tal-awtur tal-att u d-dannu mġarrab mill-persuni leżi (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti intiża għall-kumpens għad-dannu morali kkawżat mill-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta t-talbiet kumpensatorji jkunu bbażati fuq l-illegalità tal-att annullat, l-annullament deċiż mill-Qorti Ġenerali jikkostitwixxi, fih innifsu, kumpens adegwat u bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li l-parti rikorrenti setgħet ġarrnet (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2015, Wahlström vs Frontex, T‑653/13 P, EU:T:2015:652, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      Madankollu, ġie deċiż li l-annullament ta’ att, meta jkun imċaħħad minn kull effett utli, ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu l-kumpens adegwat u suffiċjenti għal kull dannu morali kkawżat mill-att annullat (sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2015, Wahlström vs Frontex, T‑653/13 P, EU:T:2015:652, punt 83).

99      Issa, f’dan il-każ, peress li l-kollokament tar-rikorrenti ntemm fi tmiem is-sena 2010, u l-mandat tal-EUPM skada fl‑2012, l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati huwa nieqes minn kull effett utli u ma jkunx jikkostitwixxi kumpens adegwat u suffiċjenti għad-dannu morali mġarrab mir-rikorrenti.

100    Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk l-illegalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati, hekk kif ikkonstatat fil-punti 48 sa 82 iktar ’il fuq, tikkorrispondix għal ksur suffiċjentement serju tad-drittijiet mogħtija lill-individwi u jekk ir-rikorrenti pprovatx l-eżistenza ta’ dannu marbut ma’ din l-illegalità.

101    Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ aġir illegali, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-konstatazzjoni tal-illegalità ta’ att legali ma huwiex suffiċjenti, minkejja n-natura deplorevoli li jista’ jkollha din l-illegalità, biex jiġi kkunsidrat li l-kundizzjoni ta’ stabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fir-rigward tal-illegalità tal-aġir li bih qed jiġu akkużati l-istituzzjonijiet hija sodisfatta (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-kundizzjoni tirrikjedi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi. Tali ksur jiġi stabbilit meta dan jimplika nuqqas manifest u gravi mill-istituzzjoni kkonċernata tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha, fejn l-elementi li jridu jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward huma, b’mod partikolari, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tad-dispożizzjoni li tinkiser kif ukoll il-livell tal-marġni ta’ diskrezzjoni li d-dispożizzjoni li tinkiser tħalli lill-awtorità tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punti 29 u 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102    F’dan il-każ, huwa paċifiku li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma vvizzjati b’użu ħażin ta’ poter minħabba li ttieħdu sabiex jintlaħqu għanijiet oħrajn, u mhux leġittimi, minbarra dawk eċċepiti, jiġifieri sabiex ir-rikorrenti tiġi ssanzjonata talli rrapportat, flimkien ma’ waħda mill-kollegi tagħha, allegati irregolaritajiet li jirrigwardaw il-ġestjoni tal-EUPM.

103    Tali illegalità mwettqa f’kuntest li fih l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa u l-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali huwa limitat (Ara l-punti 43 u 49 iktar ’il fuq) għandha tiġi kkunsidrata bħala partikolarment gravi u li tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju, ta’ natura li jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni.

104    Fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, is-sempliċi konstatazzjoni ta’ illegalità hija suffiċjenti biex titqies li ġiet issodisfatta l-ewwel waħda mit-tliet kundizzjonijiet neċessarji għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni għad-danni kkawżati lil membru tal-persunal nazzjonali kkollokat.

105    Barra minn hekk, il-kontenzjuż fil-qasam tas-servizz pubbliku skont l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, inkluż dak intiż għall-kumpens ta’ dannu kkawżat lil uffiċjal jew lil membru tal-persunal, isegwi r-regoli partikolari u speċjali b’kuntrast ma’ dawk li jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fil-kuntest tal-Artikolu 268 KE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE. Fil-fatt, mir-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta b’mod partikolari li b’differenza minn kull individwu ieħor, l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal tal-Unjoni huwa marbut mal-istituzzjoni jew mal-korp li minnha huwa jiddependi permezz ta’ relazzjoni ġuridika ta’ impjieg li tinvolvi ekwilibriju ta’ drittijiet u ta’ obbligi reċiproċi speċifiċi, li huwa rifless mid-dmir ta’ premura tal-istituzzjoni fir-rigward tal-persuna kkonċernata (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Petrilli, T‑143/09 P, EU:T:2010:531, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li s-sempliċi konstatazzjoni ta’ illegalità hija suffiċjenti sabiex tiġi kkunsidrata bħala ssodisfatta l-ewwel waħda mit-tliet kundizzjonijiet neċessarji għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni għad-danni kkawżati lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal tagħha minħabba ksur tad-dritt tas-servizz pubbliku tal-Unjoni (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, Il‑Kummissjoni vs Q, T‑80/09 P, EU:T:2011:347, punt 45). Għar-raġunijiet indikati fil-punt 44 iktar ’il fuq, dawn il-prinċipji huma applikabbli mutatis mutandis f’każ bħal dak inkwistjoni.

106    Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat, sussegwentement, jekk l-illegalità kkonstatata kkawżatx lir-rikorrenti dannu morali reali u ċert, filwaqt li jiġi żgurat, f’dan ir-rigward, li dan id-dannu huwa l-konsegwenza diretta ta’ din l-illegalità (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ April 2017, L‑Ombudsman vs Staelen, C‑337/15 P, EU:C:2017:256, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li, għalkemm il-produzzjoni ta’ prova ma hijiex neċessarjament meqjusa bħala kundizzjoni tar-rikonoxximent ta’ dannu morali, hija madankollu l-parti rikorrenti li għandha tistabbilixxi li l-aġir li bih hija akkużata l-istituzzjoni kkonċernata kienet tali li tikkawżalha tali preġudizzju (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, SELEX Sistemi Integrati vs Il‑Kummissjoni, C‑481/07 P, mhux ippubblikata, EU:C:2009:461, punt 38).

107    Ir-rikorrenti ssostni li hija ġarrbet dannu morali li rriżulta mid-danni kkawżati, bl-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha, lis-saħħa tagħha, lill-integrità tagħha, lid-dinjità tagħha u lir-reputazzjoni professjonali tagħha. Hija tinvoka wkoll is-sentimenti ta’ inġustizzja u ta’ ansjetà pprovokati mill-ħtieġa li tirrikorri għar-rimedju ġudizzjarju biex tikseb rikonoxximent tad-drittijiet tagħha. Barra minn hekk hija tfakkar li l-assenjazzjoni mill-ġdid u t-“tnaqqis fil-grad” tagħha kienu l-konsegwenza diretta talli rrapportat l-allegati disfunzjonijiet fi ħdan l-EUPM.

108    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li assenjazzjoni mill-ġdid minn pożizzjoni “senior” għal pożizzjoni “non senior” li sseħħ f’kuntest fejn jiġu rrapportati allegati disfunzjonijiet u li tiġi ġġudikata illegali minħabba li hija vvizzjata b’użu ħażin ta’ poter tista’ toħloq fi ħdan il-persuna kkonċernata b’mod partikolari sentimenti ta’ preġudizzju għall-integrità u għad-dinjità, ta’ inġustizzja kif ukoll ta’ ansjetà, b’tali mod li jiġi ġġenerat dannu morali li jagħti lok għal kumpens. Barra minn hekk, tali dannu għandu rabta diretta mal-illegalità li biha huma vvizzjati d-deċiżjonijiet ikkonstatati u din l-illegalità tikkostitwixxi l-kawża determinanti ta’ tali preġudizzju. Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni hija kkorroborata b’ċertifikat mediku tat‑23 ta’ Awwissu 2010 prodott mir-rikorrenti, li minnu jirriżulta b’mod partikolari li l-assenjazzjoni mill-ġdid u ċ-ċirkustanzi madwarha kellhom impatt fuq is-saħħa psikika tagħha.

109    Għalhekk, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-allokazzjoni ta’ ammont ta’ EUR 30 000, evalwat ex æquo et bono, jikkostitwixxi kumpens adegwat għad-dannu morali mġarrab mir-rikorrenti minħabba l-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha f’Banja Luka mid-deċiżjonijiet ikkontestati.

110    Fit-tieni lok, fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti intiża għall-kumpens għad-dannu morali li jirriżulta mill-fastidju psikoloġiku fil-konfront tagħha, hija tirreferi, lil hinn mill-assenjazzjoni mill-ġdid u tat-“tnaqqis fil-grad” previsti mid-deċiżjonijiet ikkontestati, għal att oħra, sew preċedenti, sew sussegwenti għall-imsemmija deċiżjonijiet. Ir-rikorrenti tfakkar bħala indizju ta’ kuntest ta’ fastidju li jippreċedi d-deċiżjonijiet ikkontestati l-esklużjoni tagħha mill-attivitajiet prinċipali tal-EUPM matul il-kollokament tagħha u, bħala indizji sussegwenti għalihom, restrizzjonijiet ta’ aċċess telefoniku għall-kwartieri ġenerali tal-EUPM, posta elettronika “aggressiva ħafna” tistedinha tiżvojta l-uffiċċju tagħha u diffikultajiet mhux ġustifikati biex tikseb leave. Fir-replika, hija tindika atti addizzjonali li hija tikkunsidra li huma atti ta’ fastidju, bħall-annullament parzjali ta’ missjoni, it-tnaqqis tal-ammont ta’ leave tagħha, l-esklużjoni tagħha mill-Kunsill ta’ Koordinazzjoni bejn l-Irġiel u n-Nisa u l-assenza ta’ proroga tal-funzjonijiet tagħha ta’ President tal-Qorti ta’ Arbitraġġ.

111    Jekk jitqies li l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati tista’ tiġi kklassifikata fiha nnifisha bħala fastidju psikoloġiku, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li kumpens adegwat għad-dannu morali globali mġarrab mir-rikorrenti minħabba l-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha f’Banja Luka mid-deċiżjonijiet ikkontestati diġà ġie rikonoxxut (ara l-punti 97 sa 109 iktar ’il fuq). F’dan il-kuntest, l-effetti negattivi tal-imsemmija deċiżjonijiet fuq is-saħħa mentali tar-rikorrenti ttieħdu inkunsiderazzjoni wkoll. Iċ-ċirkustanzi l-oħra invokati mir-rikorrenti ma jippermettux, fuq il-bażi tal-elementi prodotti, li jiġi stabbilit li d-deċiżjonijiet ikkontestati kienu jagħmlu parti minn sensiela ta’ atti ta’ fastidju psikoloġiku. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jingħata kumpens supplimentari għad-dannu morali li jirriżulta mill-fastidju psikoloġiku tar-rikorrenti.

112    Fit-tielet lok, fir-rigward tat-talba intiża għall-kumpens għad-dannu materjali li jammonta għal EUR 8 000 allegatament imġarrab mir-rikorrenti għar-raġuni li, minħabba l-leave tal-mard li rriżulta minn fastidju psikoloġiku, hija ma setgħetx tibbenefika mill-allowance tal-missjoni, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kunsill ma tistax tiġi kkonstatata f’dan ir-rigward.

113    Fil-fatt, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma humiex suffiċjentement preċiżi u ċari biex ikun jista’ jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-konstatazzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali ġew issodisfatti f’dan il-każ. Iktar preċiżament, il-provi prodotti mir-rikorrenti ma jippermettux li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegat fastidju psikoloġiku tagħha u l-problemi ta’ saħħa li kaġun tagħhom ħadet il-leave tal-mard li seħħ fil-perijodu li matulu hija ma bbenefikatx mill-allowance tal-missjoni. Sa fejn ir-rikorrenti tirreferi għal ċertifikat mediku, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, għalkemm dan juri l-eżistenza ta’ “diżordni depressiv” tar-rikorrenti kkawżat mill-fastidju psikoloġiku fuq il-post tax-xogħol, madankollu dan ma jippermettix li jiġi stabbilit li l-imsemmija diżordni tirriżulta minn fastidju psikoloġiku, filwaqt li, biex jiġi konkluż li jeżisti tali fastidju, l-awtur taċ-ċertifikat neċessarjament ibbaża ruħu esklużivament fuq id-deskrizzjoni li r-rikorrenti tagħtu tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha fi ħdan l-EUPM (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2014, CQ vs Il‑Parlament, F‑12/13, EU:F:2014:214, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 111 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma pprovatx l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jistgħu jitqiesu li huma ta’ natura li jiżvelaw f’kuntest ta’ fastidju psikoloġiku. Ulterjorment, ir-rikorrenti tindika li hija rrifjutat tiffirma dikjarazzjoni dwar it-tkomplija tal-eżerċizzju tas-servizz matul il-kollokament tagħha fejn b’dan il-mod irrinunzjat għall-allowance tal-missjoni mingħajr ma pprovat li hija ma setgħetx tibbenefika mill-allowance inkwistjoni matul il-leave tal-mard tagħha.

114    Mill-punti kollha preċedenti jirriżulta li t-talba għal kumpens għandha tintlaqa’ sa fejn tirrigwarda l-kumpens għad-dannu morali kkawżat mid-deċiżjonijiet ikkontestati u għandha tiġi miċħuda fir-rigward tal-kumplament.

 Fuq it-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

115    Ir-rikorrenti talbet l-adozzjoni tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura bis-saħħa tal-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat‑2 ta’ Mejju 1991. Permezz ta’ dawn it-talbiet, ir-rikorrenti rreferiet għall-produzzjoni ta’ ittra allegatament indirizzata mill-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili tal-EUPM lill-awtoritajiet Taljani dwar l-assenza inġustifikata tagħha fl-EUPM kif ukoll il-produzzjoni ta’ dokumenti relatati mal-politika tal-EUPM fir-rigward tat-tilqim li kienet fis-seħħ f’Novembru 2009.

116    Sa fejn dawn it-talbiet ma jinkludu ebda indikazzjoni rilevanti li tippermetti li tiġi evalwata l-utilità tagħhom għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima, dawn għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

117    Skont l-Artikolu 219 tar-Regoli ta’ Proċedura, fid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali mogħtija wara annullament u rinviju, din għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż dwar, minn naħa, il-proċeduri mressqa quddiemha u, min-naħa l-oħra, il-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Sa fejn, fit-tieni sentenza fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza wara r-rinviju u rriżervat l-ispejjeż, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi, f’din is-sentenza, fuq l-ispejjeż kollha relatati mal-proċeduri mressqa quddiemha, inklużi dawk relatati mal-proċedura dwar it-talba għal miżuri provviżorji u mal-proċedura wara l-ewwel rinviju, kif ukoll fuq l-ispejjeż relatati mal-proċeduri ta’ appell fil-Kawżi C‑455/14 P u C‑413/18 P.

118    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

119    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ jidher li huwa ġustifikat il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha waħda mill-partijiet għandha tbati sehem mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 135(1) tar-Regoli tal-Proċedura, meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li parti li titlef għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, sehem biss mill-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

120    F’dan ir-rigward, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża u b’mod u b’mod partikolari tal-fatt li l-Kunsill tilef, wara diversi istanzi, fir-rigward ta’ għadd essenzjali tat-talbiet tiegħu, hemm lok li dan jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti u minnu nnifsu, relatati ma’ din il-proċedura kif ukoll mal-proċeduri fil-Kawżi T‑271/10, T‑271/10 R, T‑271/10 RENV, C‑455/14 P u C‑413/18 P. Fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti intiża sabiex jiġu miżjuda interessi ta’ 8 % fuq l-ispejjeż jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li tali talba hija prematura u għandha tiġi deċiża, jekk ikun il-każ, fil-kuntest ta’ intaxxar tal-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tas7 ta’ April 2010 iffirmata mill-Kap tal-Persunal tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-BosnjaĦerzegovina, li permezz tagħha H ġiet assenjata mill-ġdid fil-pożizzjoni ta’ Criminal Justice Adviser – Prosecutor mal-Uffiċċju Reġjonali ta’ Banja Luka (il-Bosnja-Ħerzegovina), u d-deċiżjoni tat30 ta’ April 2010, iffirmata mill-Kap tal-EUPM imsemmija fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/906/PESK tat8 ta’ Diċembru 2009 dwar l-EUPM fil-Bosnja u Ħerzegovina, li tispeċifika r-raġuni operattiva għall-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha, huma annullati.

2)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat iħallas lil H is-somma ta’ EUR 30 000.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk sostnuti minn H f’din il-kawża kif ukoll fil-Kawżi T271/10, T271/10 R, T271/10 RENV, C455/14 P u C413/18 P.

Collins

Kreuschitz

Csehi

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Novembru 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.