Language of document : ECLI:EU:T:2017:48

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

1 ta’ Frar 2017 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Preċiżjoni tar-rikors – Ammissibbiltà – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza – Dannu materjali – Interessi fuq l-ammont tal-multa mhux imħallsa – Spejjeż tal-garanzija bankarja – Dannu immaterjali – Rabta kawżali”

Fil-Kawża T-479/14,

Kendrion NV, stabbilita f’Zeist (il-Pajjiżi l-Baxxi), inizjalment irrappreżentata minn P. Glazener u T. Ottervanger, sussegwentement minn Ottervanger, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn A. Placco, sussegwentement minn J. Inghelram u E. Beysen, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Christoforou, S. Noë u P. van Nuffel, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament sofriet minħabba t-tul tal-proċedura, quddiem il-Qorti Ġenerali, fl-ambitu tal-kawża li wasslet għas-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Kendrion vs Il-Kummissjoni (T‑54/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:667),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, I. Labucka, E. Bieliūnas (Relatur), V. Kreuschitz u I. S. Forrester, Imħallfin,

Reġistratur: G. Predonzani, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-20 ta’ Lulju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz ta’ rikors ppreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Frar 2006, ir-rikorrenti, Kendrion NV, ressqet azzjoni kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2005) 4634, tat-30 ta’ Novembru 2005, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [101 TFUE] (Każ COMP/F/38.354 – Boroż industrijali) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni C(2005) 4634”). Fir-rikors tagħha, hija talbet, essenzjalment, sabiex il-Qorti Ġenerali tannulla, prinċipalment, kollha kemm hi jew parzjalment, din id-deċiżjoni jew, sussidjarjament, tannulla l-multa li kienet ġiet imposta fuqha b’dik id-deċiżjoni jew li tnaqqas l-ammont tagħha.

2        Permezz tas-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Kendrion vs Il-Kummissjoni (T‑54/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:667), il-Qorti Ġenerali caħdet dan ir-rikors.

3        Permezz ta’ rikors ppreżentat fis-26 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrenti ppreżentat appell mis-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Kendrion vs Il-Kummissjoni (T‑54/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:667).

4        Permezz ta’ sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il-Kummissjoni (C‑50/12 P, EU:C:2013:771), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dan l-appell.

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

5        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrenti ppreżentat din l-azzjoni kontra l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

6        Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Registru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Settembru 2014, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġeneral tat-2 ta’ Mejju 1991.

7        B’digriet tas-6 ta’ Jannar 2015, Kendrion vs L-Unjoni Ewropea (T‑479/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:2), il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammisibbiltà li qajmet il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u rriżervat l-ispejjeż.

8        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Frar 2015, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ppreżentat appell, irreġistrat taħt ir-referenza C‑71/15 P, mid-digriet tas-6 ta’ Jannar 2015, Kendrion vs L-Unjoni Ewropea (T‑479/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:2).

9        B’digriet tat-2 ta’ Marzu 2015, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali ssospenda, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-proċedura f’din il-kawża sad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li ttemm il-proċeduri fil-Kawża C‑71/15 P, Il-Qorti tal-Ġustizzja vs Kendrion.

10      B’digriet tat-18 ta’ Diċembru 2015, il-Qorti tal-Ġustizzja vs Kendrion (C‑71/15 P, mhux ippubblikat EU:C:2015:857), il-kawża tneħħiet mir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja.

11      Wara li ssoktat il-proċedura f’din il-kawża, il-Kummissjoni Ewropea, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Jannar 2016, talbet li tintervjeni biex issostni t-talbiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

12      Fis-16 ta’ Frar 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ppreżentat risposta.

13      Fis-17 ta’ Frar 2016, il-Qorti Ġenerali bagħtet din il-kawża quddiem it-Tielet Awla Estiża.

14      Fit-2 ta’ Marzu 2016, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx meħtieġ it-tieni skambju ta’ noti. Barra minn hekk, fil-qafas tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, hija stiednet lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biex tindika jekk hija kinitx talbet u kisbitx l-awtorizzazzjoni tar-rikorrenti u tal-Kummissjoni sabiex tkun tista’ tipproduċi ċerti dokumenti li dehru fl-annessi tar-risposta u li kienu rilevanti għall-kawża li wasslet għas-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Kendrion vs Il-Kummissjoni (T‑54/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:667) (iktar ’il quddiem il-“Kawża T‑54/06”).

15      Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Marzu 2016, Kendrion vs L-Unjoni Ewropea (T‑479/14, mhux ippubblikat, EU:T:2016:196), il-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba ta’ intervent imressqa mill-Kummissjoni insostenn tat-talbiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u ppreċiża li d-drittijiet tal-Kummissjoni huma dawk previsti fl-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

16      Fit-18 ta’ Marzu 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rrispondiet id-domanda msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq. Hija talbet lill-Qorti Ġenerali biex tikkunsidra, prinċipalment, li hija ma kellhiex għalfejn titlob u tikseb l‑awtorizzazzjoni tar-rikorrenti u tal-Kummissjoni sabiex tkun tista’ tipproduċi d-dokumenti relatati mal-Kawża T‑54/06 u, sussidjarjament, li din l-awtorizzazzjoni kienet ingħatat impliċitament mir-rikorrenti u mill-Kummissjoni. U iktar sussidjarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talbet li r-risposta tagħha tiġi ttrattata bħala talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura sabiex il-Qorti Ġenerali tordna l-produzzjoni, fil-kuntest tar-rikors ineżami, tad-dokumenti li jikkostitwixxu l-proċess tal-Kawża T‑54/06 u, b’mod partikolari, tad-dokumenti annessi mar-risposta.

17      Fl-4 ta’ April 2016, il-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ddeċieda, l-ewwel nett, li jirtira mill-proċess id-dokumenti li jidhru fl-annessi tar-risposta ppreżentata f’din il-kawża u li kienu jirrigwardaw il-Kawża T‑54/06. Din id-deċiżjoni kienet motivata mill-fatt, minn naħa, li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea la kienet talbet u lanqas kisbet l-awtorizzazzjoni tal-partijiet fil-Kawża T‑54/06 sabiex tkun tista’ tipproduċi dawk id-dokumenti u, min-naħa l-oħra, li hija ma kinitx talbet l-aċċess għall-proċess ta’ dawk il-kawżi skont l-Artikolu 38(2) tar-Regoli tal-Proċedura. It-tieni nett, il-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ddeċieda, skont l-Artikolu 88(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li jistieden lir-rikorrenti tieħu pożizzjoni fuq it-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li kienet ġiet ifformulata b’mod iktar sussidjarju mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-risposta tagħha tat-18 ta’ Marzu 2016, imsemmija fil-punt 16 iktar ’il fuq.

18      Fit-12 ta’ April 2016, ir-rikorrenti talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiddeċiedi bl-ekwità, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi taż-żewġ partijiet u l-kumplessità proċedurali tat-talba mressqa mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

19      Fil-11 ta’ Mejju 2016, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-preparazzjoni u s-soluzzjoni ta’ din il-kawża jeħtieġu, fir-rigward tas-suġġett tagħha, li jkun disponibbli l-proċess tal-Kawża T‑54/06. Għalhekk, fl-ambitu tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ddaħħal fil-proċess ta’ din il-kawża l-proċess tal-Kawża T‑54/06.

20      Fis-17 ta’ Ġunju 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talbet in-notifika tal-proċess tal-Kawża T‑54/06.

21      Fit-28 ta’ Ġunju 2016, il-Qorti Ġenerali talbet lir-rikorrenti tipproduċi ċerti dokumenti u għamlitilha domanda għal risposta waqt is-seduta tas-sottomissjonijiet orali.

22      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-20 ta’ Lulju 2016.

23      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkundanna lill-Unjoni għall-ħlas, għad-dannu materjali, ta’ somma fl-ammont ta’ EUR 2 308 463.98 jew, tal-inqas, f’ammont li tikkunsidra raġonevoli;

–        tikkundanna lill-Unjoni Ewropea għall-ħlas, għad-dannu materjali, prinċiplament, ta’ somma fl-ammont ta’ EUR 11 050 000 u, sussidjarjament, fl-ammont ta’ EUR 1 700 000 jew, tal-inqas, iktar sussidjarajment, f’ammont stabbilit mill-partijiet skont il-modalitajiet iddefiniti mill-Qorti Ġenerali jew, fi kwalunkwe każ, f’ammont raġonevoli ddeterminat mill-Qorti Ġenerali stess;

–        iżżid, mis-26 ta’ Novembru 2013, kull somma mogħtija b’interessi moratorji f’rata li tqis raġonevoli;

–        tikkundanna lill-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

24      Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, sostnuta mill-Kummissjoni, talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tiċħad bħala infondata t-talba ta’ kumpens għad-dannu materjali allegat u bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondata t-talba ta’ indennizz tad-dannu immaterjali allegat;

–        sussidjarjament, tiċħad bħala infondata t-talba ta’ kumpens għad-dannu materjali allegat u tagħti lir-rikorrenti kumpens għad-dannu immaterjali allegat f’ammont massimu ta’ EUR 5 000;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

A.      Fuq l-ammissibbiltà

25      Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ssostni li r-rikors għandu nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni għal dak li jirrigwarda n-natura u l-portata tad-dannu immaterjali allegat. Fil-fatt, id-deskrizzjoni tad-dannu immaterjali hija partikolarment vaga u tistrieħ fuq konfużjoni bejn id-dannu materjali u d-dannu immaterjali.

26      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi Statut u l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, kull rikors għandu jinkludi l-indikazzjoni tas-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi invokati. Din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra sabiex issostniha. Sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal‑ġustizzja jeħtieġ, biex rikors jitqies bħala ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan ikun fondat joħorġu, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test stess tar-rikors. B’mod iktar partikolari, sabiex jiġu ssodisfatti dawn ir-rekwiżiti, rikors għall-kumpens ta’ danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea għandu jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir li r-rikorrent jakkuża lill-istituzzjoni bih, ir-raġunijiet għaliex jikkunsidra li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu li huwa jallega li sofra, kif ukoll in-natura u l-portata ta’ dan id-dannu (ara s-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Fil-każ ineżami, fl-ewwel lok, għandu ċertament jiġi enfasizzat li l-argumenti tar-rikorrenti huma sommarji għal dak li jirrigwarda n-natura tad-danni immaterjali li tallega. Madankollu, dawn l-argumenti jidhru suffiċjenti fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet u r-riferimenti li jidhru fir-rikors.

28      Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti tenfasizza b’mod partikolari li hija “impriża kkwotata fil-borża fejn il-fortuna u l-isfortuna tagħha huma segwiti b’attenzjoni, mhux biss mill-impjegati tagħha stess, imma anki mill-istampa, mill-investituri u mill-klijenti tagħha”. Ir-rikorrenti tippreċiża li r-reputazzjoni tagħha tħassret għalxejn.

29      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment li s-snin addizzjonali ta’ inċertezza kellhom effett negattiv fuq il-ġestjoni, l-investimenti, l-attirazzjoni u l-istrateġija tal-impriża. Hija żżid tgħid li dik l-inċertezza kkawżat ukoll dannu morali personali għall-impjegati tagħha kif ukoll għad-diretturi tagħha li kienu suġġetti għal tensjoni kbira.

30      F-aħħar nett, l-ambigwità li tilmenta dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għal dak li jirrigwarda r-relazzjoni bejn id-danni immaterjali allegati u d-danni materjali eventwali tirrigwarda l-fondatezza tat-talba ta’ kumpens għad-danni immaterjali allegati u, partikolarment, tal-kriterji ta’ evalwazzjoni u tal-kumpens għal dawn tal-aħħar.

31      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-portata tad-danni immaterjali allegati, ir-rikorrenti tenfasizza ġustament li, minnhom innifishom, id-danni immaterjali li hija tinvoka ma jistgħux jiġu kkalkulati eżattament. Barra minn hekk, hija tfakkar li hemm lok li jiġi kkunsidrat il-kuntest u allura n-natura tal-kawża u tal-impriża kkonċernata għad-determinazzjoni tad-dannu immaterjali allegat. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tevalwa d-dannu tagħha skont metodu li r-rilevanza tiegħu tirrigwarda l-evalwazzjoni tal-fondatezza tar-rikors.

32      Għalhekk, ir-rikors għandu ċarezza u preċiżjoni biżżejjed u r-rikorrenti ġabet biżżejjed elementi sabiex jiġu evalwati n-natura u l-portata tad-danni immaterjali allegati. Dawn l-elementi għalhekk ippermettew lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tiżgura d-difiża tagħha u jqiegħdu lill-Qorti Ġenerali f’pożizzjoni li tista’ tiddeċiedi dan ir-rikors.

33      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-eċċezzjoni ta’ inammissibiltà li qajmet il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi miċħuda.

B.      Fuq il-mertu

34      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Unjoni għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-membri tal-persunal tagħha fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom.

35      Skont ġurisprudenza stabbilita, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE jirriżulta li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea u l-implementazzjoni tad-dritt għall-kumpens għad-dannu subit jiddependu mill-fatt illi jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha, jiġifieri l-illegalità tal-imġiba li hija akkużata biha l-istituzzjoni, ir-realtà tad-danni u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn din l-imġiba u d-dannu allegat (sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, EU:C:1982:318, punt 16, u tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 106).

36      Meta waħda mill-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħrajn tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il-Komunità Ewropea, C‑104/97 P, EU:C:1999:498, punt 65; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑146/91, EU:C:1994:329, punt 81). Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex obbligata li teżamina dawn il-kundizzjonijiet f’ordni determinata (sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑419/08 P, EU:C:2010:147, punt 42; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, C‑257/98 P, EU:C:1999:402, punt 13).

37      Fil-każ ineżami, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li t-tul tal-proċedura fil-Kawża T‑54/06 kiser it-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza (iktar ’il quddiem it-“terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza”). It-tieni nett, hija ssostni li dan il-ksur ikkawżalha danni li għandhom jiġu kkumpensati.

1.      Dwar l-allegat ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑54/06

38      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li, fis-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013 Kendrion vs Il-Kummissjoni (C‑50/12 P, EU:C:2013:771), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt li għandha bħala għan li tagħti drittijiet lill-individwi ġiet issodisfatta għal dak li jirrigwarda t-terminu għal għoti ta’ sentenza tal-Kawża T‑54/06. Għalhekk, ma huwiex meħtieġ li jiġu eżaminati iktar ’il quddiem il-kriterji ta’ evalwazzjoni tan-natura raġonevoli ta’ terminu għal għoti ta’ sentenza, u lanqas l-applikazzjoni tagħhom fil-każ ineżami.

39      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, fil-Kawża T‑54/06, terminu ta’ sentejn u sitt xhur kien terminu għal għoti ta’ sentenza xieraq minħabba l-fatt li l-Qorti Ġenerali hija qorti internazzjonali, li jimplika ċerta kumplessità, partikolarment minħabba s-sistema lingwistika. Issa, f’din il-kawża, l-ebda element ma jiġġustifika terminu għal għoti ta’ sentenza li jaqbeż is-sentejn u sitt xhur. Għalhekk, sa fejn it-tul tal-proċedura fil-Kawża T‑54/06 kien ta’ 5 snin u 9 xhur, dan qabeż bi 3 snin u 3 xhur it- terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza.

40      Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea twieġeb li l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħudin.

41      L-ewwel nett, hija tfakkar li, skont is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il-Kummissjoni (C‑50/12 P, EU:C:2013:771), hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi r-rikorsi bħal dak ineżami u tivverifika jekk il-kundizzjonijiet ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni humiex issodisfatti.

42      It-tieni nett, l-allegazzjoni tar-rikorrenti, li t-tul tal-proċedura fil-kawżi li jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni huwa raġonevoli biss jekk dan ma jaqbiżx perijodu ta’ sentejn u sitt xhur, ma fiha l-ebda relazzjoni mar-realtà tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, kif juri t-tul medju tal-proċeduri quddiem dik il-qorti kkonstatat bejn l-2006 u l-2015 f’dan it-tip ta’ kawżi. Bl-istess mod, it-tul li rriżulta bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura fil-Kawża T‑54/06 qabeż b’16-il xahar biss it-tul medju ta’ dan l-istadju tal-proċedura, osservat bejn l-2007 u l-2010 fil-kawżi li jikkonċernaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni.

43      It-tielet nett u fuq kollox, in-natura raġonevoli ta’ terminu għal għoti ta’ sentenza hija evalwata skont iċ-ċirkustanzi proprji ta’ kull kawża u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-preżenza eventwali ta’ perijodu ta’ inattività twil b’mod anormali. Għalhekk, it-tul totali tal-proċedura kif ukoll it-tul inkluż bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura fil-Kawża T‑54/06 huma ġġustifikati min-natura voluminuża tal-kawżi li jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni, mill-fatt li ħmistax-il rikors parallel kienu ġew ippreżentati f’sitt lingwi differenti kontra d-Deċiżjoni C(2005) 4634 u mill-ambjent multilingwistiku li fih topera l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, għandhom jitqiesu t-tul limitat tal-mandat tal-imħallfin kif ukoll il-marda fit-tul ta’ wieħed mill-membri tal-awla li lilha kienet ġiet assenjata l-Kawża T‑54/06.

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li “[k]ull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi”.

45      Dritt bħal dan, li l-eżistenza tiegħu kienet ġiet affermata qabel id-dħul fis-seħħ tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali bħala prinċipju tad-dritt tal-Unjoni, kien tqies applikabbli fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarja kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, C‑385/07 P, EU:C:2009:456, punt 178 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Fil-każ ineżami, jirriżulta minn eżami ddettaljat tal-proċess rispettiv tal-Kawża T‑54/06 li, kif enfasizzat ġustament il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il-Kummissjoni (C‑50/12 P, EU:C:2013:771), it-tul tal-proċedura fil-Kawża T‑54/06, li tela’ għal qrib 5 snin u 9 xhur, ma jista’ jiġi ġġustifikat minn ebda ċirkustanza partikolari għal dik il-kawża.

47      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-Kawża T‑54/06 tikkonċerna kwistjoni li tirrigwarda l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u li, skont il-ġurisprudenza, ir-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali li għandhom jibbenefikaw minnha l-operaturi ekonomiċi kif ukoll l-għan li jiġi żgurat li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern huma ta’ interess kunsiderevoli mhux biss għar-rikorrent stess u għall-kompetituri tiegħu, iżda wkoll għal terzi, minħabba n-numru kbir ta’ persuni kkonċernati u l-interessi finanzjarji involuti (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, C‑385/07 P, EU:C:2009:456, punt 186).

48      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, fil-Kawża T‑54/06, għadda tul ta’ żmien ta’ madwar 3 snin u 10 xhur, jew 46 xahar, bejn, minn naħa, it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura mal-preżentata, fid-19 ta’ Frar 2007, tal-kontroreplika tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, il-ftuħ, fit-30 ta’ Novembru 2010, tal-fażi orali tal-proċedura.

49      Matul dan il-perijodu saret, b’mod partikolari, is-sinteżi tal-argumenti tal-partijiet, it-tħejjija tal-kawżi, analiżi fattwali u ġuridika tat-tilwimiet u l-preparazzjoni tal-fażi orali tal-proċedura. Għalhekk, it-tul ta’ dan il-perijodu jiddependi, b’mod partikolari, mill-kumplessità tat-tilwima kif ukoll mill-aġir tal-partijiet u l-okkorrenza ta’ inċidenti proċedurali.

50      Fir-rigward tal-kumplessità tat-tilwima, l-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-Kawża T‑54/06 tirrigwarda rikors ppreżentat kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.

51      Issa, kif dan jirriżulta mill-proċess tal-Kawża T‑54/06, ir-rikorsi li jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni mill-Kummissjoni juru ċertu grad ta’ kumplessità ogħla minn tipi oħrajn ta’ kawżi, wara li jitqiesu, b’mod partikolari, it-tul tad-deċiżjoni kkontestata, il-volum tal-proċess u n-neċessità li ssir evalwazzjoni ddettaljata tal-fatti numerużi u kumplessi, ta’ spiss mifruxa fiż-żmien u fl-ispazju.

52      Għalhekk, tul ta’ 15-il xahar bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura jikkostitwixxi bħala prinċipju tul xieraq sabiex jiġu ttrattati l-kawżi li jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni, bħall-Kawża T‑54/06.

53      Imbagħad, huwa meħtieġ li jitqies il-fatt li diversi rikorsi kienu ġew ippreżentati kontra d-Deċiżjoni C(2005) 4634.

54      Fil-fatt, rikorsi ppreżentati kontra l-istess deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skont id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jeħtieġu, bħala prinċipju, li jiġu ttrattati b’mod parallel, anki meta dawn ir-rikorsi ma jkunux magħquda. Din it-trattazzjoni parallela hija ġġustifikata b’mod partikolari mill-konnessjoni ta’ dawn ir-rikorsi kif ukoll min-neċessità li tiġi żgurata koerenza fl-analiżi tagħhom u fir-risposta li għandhom jingħataw.

55      Għalhekk, it-trattazzjoni parallela tal-kawżi konnessi tista’ tiġġustifika titwil, ta’ perijodu ta’ xahar għal kull kawża konnessa supplimentari, tal-perijodu kompriż bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tagħha.

56      Fil-kawża ineżami, ġew ippreżentati ħmistax-il rikors kontra d-Deċiżjoni C(2005) 4634. Madankollu, minn naħa, rikorrent ċeda r-rikors tiegħu kontra din id-deċiżjoni (digriet tas-6 ta’ Lulju 2006, Cofira-Sac vs Il-Kummissjoni, T‑43/06, mhux ippubblikat, EU:T:2006:192). Min-naħa l-oħra, żewġ rikorsi ppreżentati kontra d-Deċiżjoni C(2005) 4634 taw lok għall-għoti tas-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2010, Trioplast Wittenheim vs Il-Kummissjoni (T‑26/06, mhux ippubblikata, EU:T:2010:387), u tat-13 ta’ Settembru 2010, Trioplast Industrier vs Il-Kummissjoni (T‑40/06, EU:T:2010:388).

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-trattazzjoni ta’ tnax-il kawża oħra relatati mar-rikorsi ppreżentati kontra d-Deċiżjoni C(2005) 4634 iġġustifikat titwil tal-proċedura bi ħdax-il xahar fil-Kawża T‑54/06.

58      Għaldaqstant, tul ta’ 26 xahar (15-il xahar flimkien ma’ 11-il xahar) bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura kien xieraq sabiex tiġi ttrattata l-Kawża T‑54/06.

59      Fl-aħħar nett, il-grad ta’ kumplessità fattwali, ġuridika u proċedurali tal-kawża ma jiġġustifikax perijodu itwal fil-każ ineżami. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat b’mod partikolari li, bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura fil-Kawża T‑54/06, il-proċedura la ġiet interrotta u lanqas imdewma bl-adozzjoni, mill-Qorti Ġenerali, ta’ xi miżura ta’ organizzazzjoni tagħha.

60      Fid-dawl tal-aġir tal-partijiet u l-okkorrenza ta’ inċidenti proċedurali fil-Kawżi T‑54/06, it-tul ta’ żmien li għadda bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura fil-Kawża T‑54/06 bl-ebda mod ma kien influwenzat minn tali aġir jew mill-okkorrenza ta’ dawn l-inċidenti.

61      Għalhekk, fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-Kawża T‑54/06, il-perijodu ta’ 46 xahar li għadda bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura juri perijodu ta’ inattività mhux iġġustifikat ta’ 20 xahar f’din il-kawża.

62      Fit-tielet lok, l-eżami tal-proċess tal-Kawża T‑54/06 ma żvela l-ebda ċirkustanza li tippermetti l-konklużjoni li jeżisti perijodu ta’ inattività mhux iġġustifikat, minn naħa, bejn id-data tal-preżentata tar-rikors u d-data tal-preżentata tal-kontroreplika u, min-naħa l-oħra, bejn il-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura u l-għoti tas-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Kendrion vs Il-Kummissjoni (T‑54/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:667).

63      Minn dan isegwi li l-proċedura li ġiet segwita fil-Kawża T‑54/06 u li ntemmet bl-għoti tas-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Kendrion vs Il-Kummissjoni (T‑54/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:667) kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali billi qabżet b’20 xahar it-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza u dan jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

2.      Fuq id-danni allegati u r-rabta kawżali allegata

64      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dannu li għalih qed jintalab kumpens fil-kuntest ta’ azzjoni għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni għandu jkun reali u ċert, u huwa r-rikorrent li għandu jġib il-prova ta’ dan (ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2006, Agraz et vs Il-Kummissjoni, C‑243/05 P, EU:C:2006:708, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan għandu jġib provi konklużivi kemm dwar l-eżistenza kif ukoll tal-estent tad-dannu li huwa jinvoka (ara s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1997, Blackspur DIY et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑362/95 P, EU:C:1997:401, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Dejjem skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali li jagħmel it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE tirrigwarda l-eżistenza ta’ rabta kawżali b’effett suffiċjentement dirett bejn l-aġir tal-istituzzjonijiet u d-dannu (sentenzi tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑419/08 P, EU:C:2010:147, punt 53, u tal-14 ta’ Diċembru 2005, Beamglow vs Il-Parlament et, T‑383/00, EU:T:2005:453, punt 193; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier et vs Il-Kunsill, 64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, EU:C:1979:223, punt 21). Huwa r-rikorrent li għandu jġib il-prova tal-eżistenza tar-rabta kawżali bejn l-aġir ikkontestat u d-dannu invokat (ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 1998, Coldiretti et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑149/96, EU:T:1998:228, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Fil-każ ineżami, ir-rikorrenti ssostni li l-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑54/06 kkawżalha danni materjali u immaterjali.

a)      Fuq id-danni materjali allegati u r-rabta kawżali allegata

67      Ir-rikorrenti ssostni li hija sofriet dannu materjali li jikkonsisti fi spejjeż finanzjarji addizzjonali li hija kellha tbati matul il-perijodu inkluż bejn is-26 ta’ Awwissu 2010, data meta l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tagħti s-sentenza tagħha, u s-26 ta’ Novembru 2013, data meta l-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt tat is-sentenza tagħha Kendrion vs Il-Kummissjoni (C‑50/12 P, EU:C:2013:771). L-ammont ta’ dawn l-ispejjeż tela’ għal EUR 2 308 463.98. Dan l-ammont hu kkalkulat skont il-metodu li ġej. L-ewwel nett, għandhom jiżdiedu, minn naħa, l-ispejjeż tal-garanzija bankarja li kienet ġiet kkostitwita sabiex ma jitħallasx immedjatament l-ammont tal-multa imposta mid-Deċiżjoni C(2005) 4634 (iktar ’il quddiem l-“ispejjeż ta’ garanzija bankarja”) u, min-naħa l-oħra, l-interessi mħallsa fuq l-ammont tal-multa (iktar ’il quddiem l-“interessi fuq l-ammont tal-multa”). It-tieni nett, għandhom jitnaqqsu mir-riżultat ta’ dan l-għadd l-ispejjeż li r-rikorrenti kien ikollha tbati li kieku ġiet obbligata tħallas il-multa tas-26 ta’ Awwissu 2010.

68      Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ssostni, l-ewwel nett, li ma teżistix rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn, minn naħa, id-dannu materjali li jirrigwarda l-ispejjeż ta’ garanzija bankarja u l-interessi fuq l-ammont tal-multa u, min-naħa l-oħra, il-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza. L-ewwel nett, fil-fatt, dan id-dannu materjali jirriżulta mill-għażla stess tar-rikorrenti. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ rabta kawżali ma tistax tiġi stabbilita biss fuq il-bażi tal-konstatazzjoni li, fin-nuqqas li jinqabeż it-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza, ir-rikorrenti ma kinitx issib ruħha fl-obbligu li tħallas l-ispejjeż ta’ garanzija bankarja u interessi fuq l-ammont tal-multa għall-perijodu li jikkorrispondi ma’ dan il-qbiż.

69      Fit-tieni lok, l-interessi li r-rikorrenti kellha tħallas ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala dannu. Fil-fatt, dawn l-interessi jikkostitwixxu l-kumpens għall-fatt li l-Kummissjoni ma setgħetx tiddisponi minn somma li hija kellha d-dritt li tiddisponi minnha u r-rikorrenti tibbenefika minn arrikkiment indebitu kieku kellha tingħata kumpens għal ammont ekwivalenti għal dawn l-interessi. B’mod sussidjarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ssostni li t-tabelli prodotti fl-anness mar-rikors ma jipprovawx d-dannu materjali li r-rikorrenti sofriet. Hija tippreċiża li l-eżistenza u l-estent tad-dannu materjali ma jistgħux jiġu ddeterminati sempliċiment bl-ekwità.

1)      Osservazzjonijiet preliminari

70      Għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni C(2005) 4634 jistabbilixxi li l-multi imposti b’din id-deċiżjoni għandhom jitħallsu f’terminu ta’ tliet xhur li jibda jiddekorri min-notifika tagħha. Skont l-Artikolu 86 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145), l-Artikolu 2 ta’ dik id-deċiżjoni kien jippreċiża li, wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu ta’ tliet xhur, ikunu awtomatikament dovuti interessi bir-rata applikata mill-BĊE fl-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament fl-ewwel jum tax-xahar li matulu dik id-deċiżjoni kienet ġiet adottata, miżjuda bi tliet punti u nofs ta’ perċentwali, jiġifieri rata ta’ 5.56 %.

71      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 299 TFUE, id-Deċiżjoni C(2005) 4634 kienet tikkostitwixxi titolu eżekuttiv, billi kellha, fl-Artikolu 2 tagħha, obbligu pekunjarju fuq ir-rikorrenti. Barra minn hekk, Il-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra dik id-deċiżjoni, skont l-Artikolu 263 TFUE, ma poġġietx fid-dubju n-natura eżekuttiva ta’ dik id-deċiżjoni, sa fejn, skont l-Artikolu 278 TFUE, ir-rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhomx effett sospensiv.

72      Permezz ta’ ittra datata t-13 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni kkomunikat id-Deċiżjoni C(2005) 4634 lir-rikorrenti. F’dik l-okkażjoni, hija ppreċiżat li, kieku r-rikorrenti għamlu proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali jew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma kienet tittieħed l-ebda miżura ta’ rkupru meta l-kawża tkun pendenti, sakemm jiġu osservati żewġ kundizzjonijiet qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ ħlas. Skont l-Artikolu 86(5) tar-Regolament Nru 2342/2002, dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kienu li ġejjin: l-ewwel nett, il-kreditu tal-Kummissjoni kellu jipproduċi interessi mid-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ ħlas bir-rata ta’ 3.56 %, it-tieni nett, garanzija bankarja aċċettabbli għall-Kummissjoni, li tkopri kemm id-dejn kif ukoll l-interessi jew iż-żidiet fid-dejn, kellha tiġi pprovduta qabel id-data limitu tal-ħlas.

73      Ir-rikorrenti ddeċidiet li ma tħallasx immedjatament l-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqha u li tagħmel garanzija bankarja, permezz tal-ħlas ta’ interessi bir-rata ta’ 3.56 %.

74      Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet għandhom jiġu eżaminati d-danni materjali allegati u l-allegata rabta kawżali bejn dawn id-danni u l-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑54/06.

2)      Fuq il-ħlas ta’ interessi fuq l-ammont tal-multa

75      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, minħabba l-applikazzjoni kkombinata tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 299 u tal-Artikolu 278 TFUE msemmijin iktar ’il fuq fil-punt 71, l-ammont tal-multa imposta mid-Deċiżjoni C(2005) 4634 kien dovut lill-Kummissjoni minkejja l-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra dik id-deċiżjoni. Għalhekk, l-interessi fuq l-ammont tal-multa, li r-rata tagħhom kienet ta’ 3.56 %, għandhom jiġu kklassifikati bħala interessi moratorji.

76      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, matul il-proċedura fil-Kawża T‑54/06, ir-rikorrenti ma ħallsitx l-ammont tal-multa u lanqas l-interessi moratorji. Għalhekk, matul il-proċedura f’dik il-kawża, ir-rikorrenti gawdiet is-somma li kienet tikkorrispondi mal-ammont ta’ dik il-multa miżjuda b’interessi moratorji.

77      Issa, ir-rikorrenti ma tipproduċix provi li jippermettu li jintwera li, matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza ta’ terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑54/06, l-ammont tal-interessi moratorji, li tħallsu iktar tard lill-Kummissjoni, kien ogħla mill-vantaġġ li hija setgħet tibbenefika minnu minħabba t-tgawdija tas-somma, ugwali għall-ammont tal-multa miżjuda bl-interessi moratorji. Fi kliem ieħor, ir-rikorrenti ma turix li l-interessi fuq l-ammont tal-multa li għaddew matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza kienu ogħla mill-vantaġġ li seta’ jkollha min-nuqqas ta’ ħlas tal-multa, miżjuda bl-interessi li kienu dovuti fid-data meta seħħ il-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza u bl-interessi li kienu dovuti waqt li dan il-ksur kien għaddej.

78      Din l-evalwazzjoni ma titpoġġiex fid-dubju mill-metodu ta’ kalkolu propost mir-rikorrenti, li kien jikkonsisti fit-tnaqqis mill-ammont tad-dannu allegat tal-ispejjeż ta’ finanzjament li hija kellha ssofri, b’finanzjament minn bank, kieku hija ġiet obbligata tħallas il-multa tas-26 ta’ Awwissu 2010.

79      Fil-fatt, fir-rikors, ir-rikorrenti fl-ebda mument ma ssostni, u lanqas, a fortiori ma turi, li hija kienet obbligata tirrikorri għal finanzjament minn terz sabiex tħallas l-ammont tal-multa imposta fid-Deċiżjoni C(2005) 4634.

80      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ma huwiex stabbilit li, matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-mogħdija tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑54/06, ir-rikorrenti sofriet preġudizzju reali u ċert marbut mal-ħlas ta’ interessi moratorji fuq l-ammont tal-multa mhux imħallsa. It-talba għall-kumpens ta’ dannu allegat subit f’dan il-kap għandha għalhekk tiġi miċħuda, mingħajr il-bżonn li tiġi evalwata l-eżistenza tar-rabta kawżali invokata.

3)      Fuq il-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja

81      Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-dannu, jirriżulta mill-proċess li r-rikorrenti kkostitwixxiet garanzija bankarja u li hija ħallset, taħt il-forma ta’ kummissjonijiet trimestrali, spejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-proċedura fil-Kawża T‑54/06.

82      Isegwi li r-rikorrenti turi li hija batiet dannu reali u ċert minħabba l-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-mogħdija ta’ terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑54/06.

83      Fit-tieni lok, fir-rigward tar-rabta kawżali, għandu jiġi rrilevat, minn naħa li, kieku l-proċedura fil-Kawża T‑54/06 ma qabżitx it-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza, ir-rikorrenti ma kinitx tkun obbligata li tħallas l-ispejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza ta’ dan it-terminu.

84      Għalhekk, teżisti rabta ta’ kawża u effett bejn il-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑54/06 u t-tiġrib tad-dannu li r-rikorrenti sostniet minħabba l-ħlas, minnha, ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza ta’ dan it-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza.

85      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li, ċertament, l-aġir li ġie kkontestat għandu jkun il-kawża determinanti tad-dannu (digriet tal-31 ta’ Marzu 2011, Mauerhofer vs Il-Kummissjoni, C‑433/10 P, mhux ippubblikat EU:C:2011:204, punt 127, u s-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2006, Galileo International Technology et vs Il-Kummissjoni, T‑279/03, EU:T:2006:121, punt 130; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑419/08 P, EU:C:2010:147, punt 61). Fi kliem ieħor, anki fil-każ ta’ kontribuzzjoni eventwali tal-istituzzjonijiet għad-dannu li għalih qed jintalab il-kumpens, dik il-kontribuzzjoni tista’ tkun remota wisq minħabba responsabbiltà li għandhom persuni oħrajn, jekk ikun il-każ, ir-rikorrenti (sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑419/08 P, EU:C:2010:147, punt 59, u d-digriet tal-31 ta’ Marzu 2011, Mauerhofer vs Il-Kummissjoni, C‑433/10 P, mhux ippubblikat, EU:C:2011:204, punt 132).

86      Barra minn hekk, diġà kien ġie deċiż li dannu allegat, li jikkonsisti fi spejjeż ta’ garanzija bankarja magħmulin minn kumpannija ssanzjonata minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li wara ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali, ma jirriżultax direttament mill-illegalità ta’ din id-deċiżjoni billi dan id-dannu kien jirriżulta mill-għażla proprja ta’ din il-kumpannija li tagħmel garanzija bankarja sabiex ma teżegwix l-obbligu li tħallas il-multa fit-terminu mogħti fid-deċiżjoni kkontestata [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ April 2005, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, T‑28/03, EU:T:2005:139, punt 123, u d-digriet tat-12 ta’ Diċembru 2007, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑113/04, mhux ippubblikat, EU:T:2007:377, punt 38].

87      Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, l-ewwel nett, fil-mument li r-rikorrenti ppreżentat ir-rikors tagħha fil-Kawża T‑54/06, fit-22 ta’ Frar 2006, u fil-mument meta hija għamlet garanzija bankarja, il-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza kien imprevedibbli. Barra minn hekk, ir-rikorrenti setgħet leġittimament tistenna li r-rikors tagħha jiġi ttrattat f’terminu raġonevoli.

88      It-tieni nett, l-iskadenza tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑54/06 ġrat wara l-għażla inizjali tar-rikorrenti li tagħmel garanzija bankarja.

89      Għalhekk, il-fatti ta’ din il-kawża huma differenti b’mod sostanzjali minn dawk li ġew ikkonstatati fis-sentenza tal-21 ta’ April 2005 Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni (T‑28/03, EU:T:2005:139), u fid-digriet tat-12 ta’ Diċembru 2007, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni (T‑113/04, mhux ippubblikat, EU:T:2007:377), imsemmija fil-punt 86 iktar ’il fuq. Ir-rabta bejn l-iskadenza tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑54/06 u l-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi ma’ din l-iskadenza, għalhekk, ma setgħetx, kuntrarjament għal dak li tippretendi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, inkisret bl-għażla inizjali tar-rikorrenti li ma tħallasx immedjatament il-multa imposta bid-Deċiżjoni C(2005) 4634 u tagħmel garanzija bankarja.

90      Isegwi li teżisti rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn il-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑54/06 u t-telf subit mir-rikorrenti, minħabba l-ħlas tal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza ta’ dak it-terminu.

91      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li hija sostniet dannu materjali li kien jikkonsisti fi spejjeż finanzjarji addizzjonali li hija kellha tbati matul il-perijodu bejn is-26 ta’ Awwissu 2010 u s-26 ta’ Novembru 2013, data meta l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha Kendrion vs Il-Kummissjoni (C‑50/12 P, EU:C:2013:771) (ara l-punt 67 iktar ’il fuq).

92      F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ksur ta’ terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑54/06 biss. Għalhekk, hija ma tinvokax ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza minħabba t-tul totali tal-proċedura tal-Kawża T‑54/06 mal-kawża li wasslet għas-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il-Kummissjoni (C‑50/12 P, EU:C:2013:771).

93      Għalhekk, fil-każ ineżami, kien ġie kkonstatat biss li l-proċedura fil-Kawża T‑54/06 kienet kisret it-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza (ara l-punt 63 iktar ’il fuq).

94      Imbagħad, il-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑54/06 spiċċa bl-għoti tas-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Kendrion vs Il-Kummissjoni (T‑54/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:667).

95      Għalhekk, mis-16 ta’ Novembru 2011, ir-rikorrenti setgħet tevalwa l-eżistenza ta’ ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑54/06 u d-dannu li hija kienet sofriet minħabba l-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza ta’ dak it-terminu.

96      Barra minn hekk, fl-appell li hija ressqet fis-26 ta’ Jannar 2012 mis-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Kendrion vs Il-Kummissjoni (T‑54/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:667), ir-rikorrenti sostniet li t-tul eċċessiv tal-proċedura fil-Kawża T‑54/06 kien ifisser, għaliha, konsegwenzi ta’ ħsara u talbet, għaldaqstant, it-tnaqqis tal-multa li kienet ġiet imposta fuqha.

97      Fl-aħħar nett, id-Deċiżjoni C(2005) 4634, li imponiet multa fuq ir-rikorrenti, saret definittiva biss fis-26 ta’ Novembru 2013 u l-possibbiltà offruta mill-Kummissjoni li ssir garanzija bankarja spiċċat f’dik id-data minħabba l-għażla tar-rikorrenti li jiġi ppreżentat appell mis-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Kendrion vs Il-Kummissjoni (T‑54/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:667).

98      Minn dan isegwi li l-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja wara li ngħatat is-sentenza tas-16 ta Novembru 2011, Kendrion vs Il-Kummissjoni (T‑54/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:667), li temmet il-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑54/06, ma jipprovdix rabta kawżali suffiċjentement diretta ma’ dan il-ksur, sa fejn il-ħlas ta’ tali spejjeż jirriżulta mill-għażla personali u awtonoma tar-rikorrenti, wara dak il-ksur, li ma tħallasx il-multa, li ma titlobx is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni C(2005) 4634 u li tippreżenta appell mis-sentenza msemmija iktar ’il fuq.

99      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li teżisti rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn, minn naħa, il-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑54/06 u, min-naħa l-oħra, id-dannu li sofriet ir-rikorrenti qabel l-għoti tas-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, Kendrion vs Il-Kummissjoni (T‑54/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:667), u li jikkonsisti fil-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja waqt il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza ta’ dan it-terminu raġonevoli.

4)      Fuq l-evalwazzjoni tad-dannu materjali subit

100    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li t-tul tal-proċedura fil-Kawża T‑54/06 qabeż b’20 xahar it-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza f’din il-kawża (ara l-punt 63 iktar ’il fuq).

101    Fit-tieni lok, minn naħa, ir-rikorrenti tippreċiża, fir-rikors, li d-dannu materjali li hija sofriet jikkonsisti fl-“ispejjeż finanzjarji supplimentari li hija kellha tbati matul il-perijodu kkunsidrat, jiġifieri l-perijodu mis-26 ta’ Awwissu 2010 sas-26 ta’ Novembru 2013” (ara l-punt 67 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, insostenn tat-talba tagħha ta’ kumpens, hija tat informazzjoni fuq l-ispejjeż tal-garanzija bankarja li hija ħallset matul dan il-perijodu.

102    Għalhekk, moqrija fid-dawl tal-motivi tar-rikors, it-talba għall-kumpens imressqa mir-rikorrenti fl-ewwel kap ta’ talbiet tagħha tikkorrispondi mal-ispejjeż li saru mis-26 ta’ Awwissu 2010.

103    Issa, mir-regoli dwar il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, jirriżulta li t-tilwima hija bħala prinċipju ddeterminata u ċirkoskritta mill-partijiet u li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tiddeċiedi ultra petita (sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2013, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C‑272/12 P, EU:C:2013:812, punt 27, u tat-3 ta’ Lulju 2014, Electrabel vs Il-Kummissjoni, C‑84/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2040, punt 49).

104    Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma tistax twarrab it-talba tar-rikorrenti u tiddeċiedi ex officio li jiġi kkumpensat id-dannu subit qabel is-26 ta’ Awwissu 2010, jiġifieri dannu subit matul perijodu kronoloġikament differenti minn dak li matulu hija tallega li sofriet dannu.

105    Min-naħa l-oħra, l-ispejjeż ta’ garanzija bankarja mħallsa mir-rikorrenti wara s-16 ta’ Novembru 2011 ma għandhomx rabta kawżali suffiċjentement diretta mal-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑54/06 (ara l-punt 98 iktar ’il fuq).

106    Għalhekk, fil-każ ineżami, id-dannu li jista’ jiġi kkumpensat jikkorrispondi mal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja mħallsa mir-rikorrenti bejn is-26 ta’ Awwissu 2010 u s-16 ta’ Novembru 2011.

107    Fit-tielet lok, jirriżulta mid-dokumenti li r-rikorrenti pproduċiet li l-ispejjeż ta’ garanzija bankarja tħallsu fuq bażi trimestrali. Dawn id-dokumenti juru wkoll li, bejn is-26 ta’ Awwissu 2010 u l-31 ta’ Diċembru 2011, l-ispejjeż ta’ garanzija bankarja mħallsa mir-rikorrenti kienu dawn li ġejjin:

Perijodu

Spejjeż (Euro)

26.8.2010-31.12.2010

175 709.87

31.12.2010-14.3.2011

81 382.15

14.3.2011-31.3.2011

18 983.87

31.3.2011-30.6.2011

102 533.99

30.6.2011-30.9.2011

104 603.82

30.9.2011-31.12.2011

105 555.48

Total

588 769.18


108    Minn dan isegwi li l-ispejjeż tal-garanzija bankarja mħallsin mir-rikorrenti matul il-perijodu bejn is-26 ta’ Awwissu 2010 u s-16 ta’ Novembru 2011 telgħu għal EUR 588 769.18.

109    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li jingħata indennizz f’ammont ta’ EUR 588 769.18 lir-rikorrenti bħala kumpens għad-dannu materjali li l-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑54/06 kkawżalha u li jikkonsisti fil-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja addizzjonali.

b)      Fuq id-danni immaterjali allegati u l-allegata rabta kawżali

110    Ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, teżisti preżunzjoni soda għalkemm ribattibbli li tul eċċessiv ta’ proċedura jwassal għal dannu immaterjali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti hija “impriża kkwotata fil-borża fejn il-fortuna u l-isfortuna tagħha jkunu segwiti b’attenzjoni, mhux biss mill-impjegati tagħha stess, imma anki mill-istampa, mill-investituri u mill-klijenti tagħha”. Għalhekk, r-reputazzjoni tar-rikorrenti kienet ixxellfet għalxejn. Fl-aħħar nett, is-snin addizzjonali ta’ inċertezza kellhom effett negattiv fuq il-ġestjoni, l-investimenti, l-attirazzjoni u l-istrateġija tal-impriża. Barra minn hekk, l-inċertezza fit-tul ikkawżat ukoll dannu morali personali lill-impjegati kif ukoll lid-diretturi tar-rikorrenti.

111    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tenfasizza li evalwazzjoni preċiża tad-dannu immaterjali allegat hija diffiċli minħabba n-natura ta’ dan id-dannu. Madankollu, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tinsisti fuq l-importanza ta’ kawżi simili meta hija tevalwa d-danni. Għaldaqstant, l-aħjar riferiment għall-evalwazzjoni tad-dannu materjali subit fil-kawża ineżami huma l-kawżi fejn il-Qorti Ġenerali jew il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstataw ksur ta’ terminu raġonevoli u naqqsu, bħala “sodisfazzjoni ekwu”, il-multa imposta minn deċiżjoni tal-Kummissjoni għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

112    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti titlob, prinċipalment, kumpens f’ammont ta’ EUR 11 050 000 għall-perijodu bejn is-26 ta’ Awwissu 2010 u s-26 ta’ Novembru 2013, li jikkorrispondi mal-applikazzjoni ta’ rata ta’ 10 %, għal kull sena ta’ dewmien, fuq l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha bid-Deċiżjoni C(2005) 4634. B’mod sussidjarju, ir-rikorrenti titlob kumpens f’ammont ta’ EUR 1 700 000, li jikkorrispondi ma’ 5 % tal-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqha bid-Deċiżjoni C(2005) 4634. Iktar sussidjarjament, ir-rikorrenti titlob, kumpens ta’ ammont stabbilit mill-partijiet skont il-modalitajiet iddefiniti mill-Qorti Ġenerali jew, iktar sussidjarjament, ta’ ammont raġonevoli ddeterminat mill-Qorti Ġenerali stess.

113    Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tirribatti, fl-ewwel lok, billi twieġeb li r-rikorrenti ma pprovatx l-eżistenza ta’ dannu immaterjali. Hija tfakkar li hija r-rikorrenti li għandha ġġib il-prova tad-dannu li qed tallega. Issa, id-dannu allegat huwa deskritt b’mod estremament vag, jistrieħ fuq konfużjoni bejn id-dannu immaterjali u d-dannu materjali u ma huwiex sostnut bl-iċken prova. Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob danni u interessi punittivi.

114    Fit-tieni lok, u sussidjarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ssostni li r-rikorrenti ma ġġibx il-prova tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn id-dannu immaterjali allegat u l-allegat ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza. Fil-fatt, id-dannu immaterjali allegat jirriżulta biss mill-ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni mwettaq mir-rikorrenti. L-allegat terminu irraġonevoli għal għoti ta’ sentenza ma aggravax il-konsegwenzi immaterjali tal-konstatazzjoni ta’ ksur li għamlet il-Kummissjoni, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonfermat din il-konstatazzjoni ta’ ksur u l-ammont tal-multa imposta.

115    Fit-tielet lok, u iktar sussidjarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ssostni li d-dannu materjali kumpensabbli għandu jiġi evalwat f’massimu ta’ EUR 5 000.

116    L-ewwel nett, għandhom jiġu evalwati d-danni immaterjali allegatament subiti mid-diretturi u mill-impjegati tar-rikorrenti u, it-tieni nett, id-danni immaterjali allegatament subiti mir-rikorrenti nnifisha.

1)      Fuq id-danni immaterjali allegatament subiti mid-diretturi u mill-impjegati tar-rikorrenti

117    Għandu jiġi rrilevat li t-talbiet tar-rikors jirrigwardaw biss l-interessi proprji tar-rikorrenti u mhux l-interessi personali tad-diretturi tagħha jew tal-impjegati tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tinvokax ċessjoni ta’ drittijiet jew mandat espliċitu li jawtorizzahom jippreżentaw talba għal kumpens għad-danni subiti mid-diretturi u mill-impjegati tagħha.

118    Għalhekk, it-talba ta’ kumpens għad-danni immaterjali allegatament subiti mid-diretturi u mill-impjegati tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, billi ma jirriżultax mill-proċess li r-rikorrenti kienet awtorizzata, minn dawn id-diretturi u impjegati, tippreżenta rikors għad-danni f’isimhom (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-12 ta’ Mejju 2010, CPEM vs Il-Kummissjoni, C‑350/09 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:267, punt 61, u s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2009, CPEM vs Il-Kummissjoni, T‑444/07, EU:T:2009:227, punti 39 u 40).

119    Fi kwalunkwe każ, l-eżistenza ta’ dannu subit mid-diretturi jew mill-impjegati tar-rikorrenti ma ġietx stabbilita. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti qed tagħmel sempliċi affermazzjonijiet u ma ġġib l-ebda element konkret li juri l-anzjetà u l-inkonvenjenzi li kellhom ibatu d-diretturi u l-impjegati tagħha minħabba l-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑54/06. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma turix li d-diretturi u l-impjegati tagħha sofrew dannu personali, dirett u distint minn dak li sofrew personalment.

120    Għaldaqstant, it-talba ta’ kumpens għad-danni immaterjali allegatament subiti mid-diretturi u mill-impjegati tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondata.

2)      Fuq id-danni immaterjali allegatament subiti mir-rikorrenti

121    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sa fejn rikorrent ma jressaq l-ebda prova ta’ natura li turi l-eżistenza u tiddetermina l-firxa tad-dannu morali jew immaterjali tiegħu, huwa għandu l-obbligu, tal-inqas, li jistabbilixxi li l-aġir inkriminat kien, minħabba l-gravità tiegħu, ta’ natura li jikkawżalu tali dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, SELEX Sistemi Integrati vs Il-Kummissjoni, C‑481/07 P, mhux ippubblikata, EU:C:2009:461, punt 38; tat-28 ta’ Jannar 1999, BAI vs Il-Kummissjoni, T‑230/95, EU:T:1999:11, punt 39, u tas-16 ta’ Ottubru 2014, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑297/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:888, punti 31, 46 u 63).

122    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li r-rikorrenti tinvoka ħsara għar-reputazzjoni tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-investituri u tal-klijenti tagħha.

123    Madankollu, l-argumenti tar-rikorrenti ma humiex sostnuti minn provi li juru li, mill-gravità tiegħu, il-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza seta’ kellu effett fuq ir-reputazzjoni tagħha, lil hinn mill-effett ikkawżat mid-Deċiżjoni C(2005) 4634.

124    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma turix li l-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑54/06 kien ta’ natura li jagħmel ħsara lir-reputazzjoni tagħha.

125    Fi kwalunkwe każ, fil-każ ineżami, il-konstatazzjoni tal-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza li saret fil-punt 63 iktar ’il fuq, hija suffiċjenti, fid-dawl tal-għan u tal-gravità ta’ dan il-ksur, sabiex tissewwa l-ħsara għar-reputazzjoni allegata mir-rikorrenti.

126    Fit-tieni lok, il-fatt li r-rikorrenti tpoġġiet f’sitwazzjoni ta’ inċertezza, partikolarment dwar is-suċċess tar-rikors tagħha kontra d- Deċiżjoni C(2005) 4634, huwa inerenti għal kull proċedura ġudizzjarja. Barra minn hekk, ir-rikorrenti kienet neċessarjament konxja li l-Kawża T‑54/06 tippreżenta ċertu grad ta’ kumplessità u li din il-kumplessità kienet marbuta, minn naħa, man-numru ta’ rikorsi paralleli li ġew ippreżentati suċċessivament quddiem il-Qorti Ġenerali f’diversi lingwi tal-kawża kontra d-Deċiżjoni C(2005) 4634 u, min-naħa l-oħra, man-neċessità, għal dik il-qorti, li tagħmel analiżi fil-fond tal-proċessi voluminużi u, b’mod partikolari, man-neċessità li jiġu stabbiliti l-fatti u li jsir eżami materjali tat-tilwima.

127    Madankollu, it-tul kollu tal-proċedura fil-Kawżi T‑54/06 ta’ 5 snin u 9 xhur, qabeż it-tul prevedibbli li r-rikorrenti setgħet tbassar, b’mod partikolari fil-mument tal-preżentata tar-rikors tagħha. Barra minn hekk, il-proċedura fil-Kawża T‑54/06 turi perijodu ta’ 3 snin u 10 xhur bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura. Dawn it-termini bl-ebda mod ma huma ġġustifikati bl-adozzjoni ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ta’ miżuri istruttorji jew bl-okkorrenza ta’ inċidenti proċedurali. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma kkontribwixxiet, bl-aġir tagħha, għad-dewmien fl-għoti tas-sentenza osservat. Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti wriet darbtejn, mill-inqas, l-aspettattiva tagħha mal-Qorti Ġenerali u talbet trattazzjoni urġenti tal-Kawża T‑54/06.

128    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑54/06 kien ta’ natura li daħħal lir-rikorrenti f’sitwazzjoni ta’ inċertezza li taqbeż l-inċertezza li s-soltu tiġi pprovokata minn proċedura ġudizzjarja. Dan l-istat ta’ inċertezza mtawwal influwenza neċessarjament l-ippjanar tad-deċiżjonijiet li kellhom jittieħdu u l-ġestjoni ta’ din il-kumpannija u għalhekk ħoloq dannu immaterjali.

129    Fit-tielet lok, fiċ-ċirkustanzi ineżami, id-dannu immaterjali subit mir-rikorrenti minħabba l-istat ta’ inċertezza mtawwal li tpoġġiet fih ma jiġix kompletament irrimedjat mill-konstatazzjoni ta’ ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza.

130    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-indennizz, mitlub mir-rikorrenti u mfakkar fil-punt 112 iktar ’il fuq, huwa intiż sabiex jiġu kkumpensati diversi danni immaterjali u, b’mod partikolari, ħsara lir-reputazzjoni li ma ntweritx u li, fi kwalunkwe każ, hija rrimedjata biżżejjed bil-konstatazzjoni ta’ ksur ta’ terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza (ara l-punti 122 sa 125 iktar ’il fuq).

131    It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tan-neċessità li jiġu osservati r-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tippermetti, għas-sempliċi raġuni li ma kienx osservat terminu raġonevoli għal għoti ta’ deċiżjoni, lir-rikorrenti li tpoġġi fid-dubju l-fondatezza jew l-ammont ta’ multa meta l-kumpless ta’ motivi indirizzati kontra l-konstatazzjonijiet magħmula dwar l-ammont ta’ din il-multa u l-aġir li hija tissanzjona kienu ġew miċħuda (sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il-Kummissjoni, C‑50/12 P, EU:C:2013:771, punt 87; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, C‑385/07 P, EU:C:2009:456, punt 194, u tat-8 ta’ Mejju 2014, Bolloré vs Il-Kummissjoni, C‑414/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:301, punt 105).

132    Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza, fil-kuntest tal-eżami ta’ rikors ġudizzjarju ppreżentat kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li imponiet multa fuq impriża minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma jwassalx għall-annullament, totali jew parzjali, tal-multa imposta minn din id-deċiżjoni (sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, C‑58/12 P, EU:C:2013:770, punt 78, u tas-26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il-Kummissjoni, C‑50/12 P, EU:C:2013:771, punt 88; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, Bolloré vs Il-Kummissjoni, C‑414/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:301, punt 107).

133    Issa, metodu ta’ kalkolu tal-kumpens għad-dannu immaterjali kkawżat minn ksur ta’ terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza, li jikkonsisti, kif inhi t-talba tar-rikorrenti, fl-applikazzjoni ta’ ċertu perċentwali fuq l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni, ikollu bħala konsegwenza li titpoġġa fid-dubju dik il-multa, minkejja li ma kienx ġie stabbilit li l-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑54/06 kellu effett fuq l-ammont ta’ din il-multa.

134    It-talbiet tar-rikorrenti għall-kumpens tad-dannu immaterjali allegat permezz ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta mid-Deċiżjoni C(2005) 4634 għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

135    It-tielet nett, fid-dawl tal-evalwazzjonijiet li saru fil-punti 126 sa 134 iktar ’il fuq, u b’mod partikolari, tal-portata tal-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza, tal-aġir tar-rikorrenti u tal-aspettattiva li hija wriet matul il-proċedura, tan-neċessità li jiġu rrispettati r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u tal-effikaċja ta’ dan ir-rikors, għandu jiġi deċiż ex aequo et bono li indennizz ta’ EUR 6 000, mogħti lir-rikorrenti, jikkostitwixxi kumpens adegwat għad-dannu li hija sofriet minħabba l-istat ta’ inċertezza fit-tul li hija sabet ruħha fih matul il-proċedura fil-Kawża T‑54/06.

c)      Fuq l-interessi

136    Bit-tielet kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali li żżid l-ammont tal-kumpens, li tista’ tagħtiha, b’interessi moratorji li jibdew jiddekorru mis-26 ta’ Novembru 2013.

137    Jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-obbligu li jitħallsu interessi moratorji jitwieled, bħala prinċipju, mis-sentenza li tikkonstata l-obbligu li jiġi rrimedjat d-dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 1990, Sofrimport vs Il-Kummissjoni, C‑152/88, EU:C:1990:259, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

138    Sabiex tiġi ffissata r-rata tal-interessi moratorji, huwa xieraq li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 83(2)(b) u tal-Artikolu 111(4)(a) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012, tad-29 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2012, L 362, p. 1). Skont dawn id-dispożizzjonijiet, ir-rata ta’ interessi għall-krediti mhux irrimborsati fit-terminu hija r-rata applikata mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament kif ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, Serje C, fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar tad-data limitu, miżjuda bi tliet punti u nofs ta’ perċentwali.

139    Fil-każ ineżami, l-indennizzi msemmija fil-punti 109 u 135 iktar ’il fuq, għandhom jiżdiedu b’interessi moratorji, dekorribbli minn meta tingħata din is-sentenza preżenti u sakemm isir il-ħlas sħiħ.

140    Ir-rata tal-interessi moratorji tkun dik iffissata mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament tiegħu, miżjuda bi tliet punti u nofs ta’ perċentwali.

d)      Konklużjoni fuq l-ammont tal-indennizzi u fuq l-interessi

141    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, dan ir-rikors għandu jintlaqa’ parzjalment sa fejn jitlob il-kumpens għad-danni subiti mir-rikorrenti minħabba l-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑54/06.

142    L-indennizz dovut lir-rikorrenti bħala kumpens għad-dannu li hija sofriet minħabba l-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja addizzjonali jitla’ għal EUR 588 769.18.

143    L-indennizz dovut lir-rikorrenti bħala kumpens għad-dannu immaterjali jitla’ għas-somma ta’ EUR 6 000.

144    L-ammont ta’ indennizzi previsti fil-punti 142 u 143 iktar ’il fuq għandu jiżdied b’interessi moratorji fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 139 u 140 iktar ’il fuq.

145    Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

IV.    Fuq l-ispejjeż

146    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Issa, fid-digriet tas-6 ta’ Jannar 2015, Kendrion vs L-Unjoni Ewropea (T‑479/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:2), l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li qajmet il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ġiet miċħuda u l-ispejjeż ġew irriżervati. Għalhekk, l-Unjoni, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk li ġew sostnuti mir-rikorrenti u li jirrigwardaw l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li tat lok għad-digriet tas-6 ta’ Jannar 2015, Kendrion vs L-Unjoni Ewropea (T‑479/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:2).

147    Bis-saħħa tal-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża dan ikun jidher iġġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

148    F’dan il-każ, ir-rikorrenti kisbet sodisfazzjon parzjali għal dak li jirrigwarda l-kapijiet tat-talbiet tagħha fuq il-mertu. Madankollu, hija tilfet, fil-biċċa l-kbira, it-talba tagħha għal indennizz. F’dawn il-kundizzjonijiet u fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

149    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Hemm lok li jiġi deċiż li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija kkundannata tħallas indennizz ta’ EUR 588 769.18 lil Kendrion NV bħala dannu materjali subit minn din il-kumpannija minħabba ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Kendrion vs Il-Kummissjoni (T‑54/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:667).

2)      L-Unjoni, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija kkundannata tħallas indennizz ta’ EUR 6 000 lil Kendrion għad-dannu immaterjali li din il-kumpannija sofriet minħabba l-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑54/06.

3)      Kull indennizz imsemmi fil-punti 1) u 2) iktar ’il fuq għandu jiżdied b’interessi moratorji, dekorribbli mill-għoti ta’ din is-sentenza u sakemm isir il-ħlas sħiħ, bir-rata ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament, miżjuda bi tliet punti u nofs ta’ perċentwali.

4)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

5)      L-Unjoni, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti minn Kendrion u li jirrigwardaw l-eċċezzjoni ta’ inammisibbiltà li tat lok għad-digriet tas-6 ta’ Jannar 2015, Kendrion vs L-Unjoni Ewropea (T‑479/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:2)

6)      Kendrion, minn naħa, u l-Unjoni, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, min-naħa l-oħra, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess relatati mar-rikors li ta lok għal din is-sentenza.

7)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Papasavvas

Labucka

Bieliūnas

Kreuschitz

 

Forrester

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-1 ta’ Frar 2017.


Werrej



* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.