Rikors ippreżentat fit-8 ta' Ottubru 2007 - Daskalakis vs Il-Kummissjoni
(Kawża F-107/07)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Constantin Daskalakis (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: S. A. Pappas, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrent
Ir-rikorrent jitlob lit-Tribunal:
jannulla d-deċiżjoni ta' l-Awtorità tal-Ħatra tat-28 ta' Ġunju 2007 sa fejn din ma tagħtix il-premium ta' ġestjoni pprovdut fl-Artikolu 7(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għal perjodu itwal minn sena:
tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrent, uffiċjal mitlub jokkupa temporanjament il-kariga ta' Kap ta' Diviżjoni, qed jappella mid-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni, fil-kalkolu tas-salarju tiegħu, irrifjutat li tqis il-premium li ngħatalu bħala kap ta' Diviżjoni ad interim, għaliex, skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, dan il-premium huwa permess għal sena waħda biss, anki jekk ir-rikorrent kien għadu aġent Kap ta' Diviżjoni wara l-iskadenza ta' dan il-perjodu.
Ir-rikorrent jissottometti li t-terminu ta' żmien previst fid-dispożizzjoni ta' hawn fuq jirreferi biss għaż-żmien tal-kariga temporanja u ma jaffettwax ir-remunerazzjoni li tikkorrispondi għaliha, fil-każ li l-kariga temporanja tittawwal għal aktar minn sena. Skond ir-rikorrent, jekk l-Amministrazzjoni ma tkunx tista' timla' l-post vojt fi żmien sena, hija ma tistax tinvoka n-nuqqas tagħha stess kontra l-uffiċjal li jkun qed jokkupa l-kariga ad interim għal perjodu ta' żmien itwal.
Barra minn hekk, ir-rikorrent jallega ksur ta' l-obbligu tal-ħarsien tal-benesseri ta' l-uffiċjali u tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba. Il-Kummissjoni kellha tqis mhux biss l-interessi tas-servizz iżda wkoll dawk ta' l-uffiċjal ikkonċernat.
Sussidjarjament, ir-rikorrent jenfasizza li huwa ġie nnominat Kap ta' Diviżjoni ad interim minħabba li l-pjan ta' mobbiltà mandatorja kien jobbliga lil min kellu l-post in kwistjoni jokkupa post ieħor. Għal din ir-raġuni, huwa jallega li l-każ tiegħu għandu jkun kopert mill-aħħar parti ta' l-Artikolu 7(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li tipprovdi li t-tul ta' żmien ta' post temporanju jistà jeċċedi sena, fejn, direttament jew indirettament, l-inkarigu jkun se jissostitwixxi uffiċjal issekondat għal kariga oħra fl-interess tas-servizz.
____________