Language of document : ECLI:EU:F:2009:93

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

9 ta’ Lulju 2009

Kawża F-104/07

Micheline Hoppenbrouwers

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Eżami mediku – Inkapaċità fiżika – Artikolu 2(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu M. Hoppenbrouwers titlob, essenzjalment, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-18 ta’ Diċembru 2006, li tiċħad ir-reklutaġġ tagħha bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, minħabba l-inkapaċità fiżika tagħha fl-1 ta’ Mejju 2005.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikorsi – Att li jikkawża preġudizzju – Deċiżjoni meħuda wara eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni preċedenti – Reklutaġġ ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt irrifjutat wara opinjoni tal-kumitat mediku

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 33 u 90(2); Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 83)

2.      Uffiċjali – Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra – Reklutaġġ tal-membri tal-persunal bil-kuntratt skont l-Artikolu 2 tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Anness, Artikolu 82(3)(d) u (2))

1.      Rikors għal annullament ippreżentat kontra deċiżjoni purament konfermattiva ta’ deċiżjoni preċedenti mhux ikkontestata fit-termini huwa inammissibbli, peress li huwa mifhum li din il-kwalifika tqis li l-att ma jinkludi ebda element ġdid fir-rigward ta’ din id-deċiżjoni u li ma kienx ippreċedut b’eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tad-destinatarju tagħha.

Madankollu, fil-kuntest ta’ rikors dirett kontra deċiżjoni li tirrifjuta r-reklutaġġ ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt minħabba l-inkapaċità fiżika tiegħu, li tkun ġiet stabbilita fil-mument tal-eżami mediku ta’ reklutaġġ, ir-rikonoxximent tal-possibbiltà li titressaq talba quddiem il-kumitat mediku skont l-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal għandha neċessarjament bħala konsegwenza li hija d-deċiżjoni meħuda wara l-opinjoni tal-imsemmi kumitat, u mhux id-deċiżjoni inizjali, li għandha titqies li hija l-att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, pożizzjoni kuntrarja jkollha bħala konsegwenza li ċċaħħad il-possibbiltà li persuna titlob l-opinjoni tal-kumitat mediku, irrikonoxxuta mir-Regolamenti tal-Persunal, mill-effettività tagħha. F’dan ir-rigward, li kieku d-deċiżjoni preċedenti ta’ rifjut ta’ reklutaġġ kellha titqies li hija att li jikkawża preġudizzju, il-persuni li jixtiequ jitolbu l-opinjoni tal-kumitat mediku jkunu kostretti, sabiex jevitaw dekorriment eventwali tat-terminu previst, jippreżentaw, fl-istess waqt li jirreferu għall-kumitat mediku, ilment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jdgħajjef l-utilità tal-proċeduri mibdija skont l-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal. Tali sitwazzjoni tmur ukoll kontra l-prinċipju ta’ ekonomija proċedurali.

(ara l-punti 40, 49 u 50)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 18 ta’ Settembru 1992, X vs Il-Kummissjoni, T‑121/89 u T‑13/90, Ġabra. p. II‑2195, punti 4, 5, 7, 11 u 12; 23 ta’ Frar 1995, F vs Il‑Kunsill, T‑535/93, ĠabraSP p. I‑A‑49 u II‑163, punti 4, 5, 7 sa 9 u 11; 15 ta’ Ottubru 1997, IPK vs Il-Kummissjoni, T‑331/94, Ġabra p. II‑1665, punt 24; 21 ta’ Ottubru 1998, Vicente-Nuñez vs Il-Kummissjoni, T‑100/96, ĠabraSP p. I‑A‑591 u II‑1779, punt 37; 18 ta’ Jannar 2001, Ioannou vs Il-Kunsill, T‑65/00, ĠabraSP p. I‑A‑15 u II‑67, punti 5, 8 u 13 sa 15; 3 ta’ April 2001, Zaur-Gora u Dubigh vs Il-Kummissjoni, T‑95/00 u T‑96/00, ĠabraSP p. I‑A‑79 u II‑379, punti 24 u 27

2.      Skont l-Artikolu 2 tal-Anness għall-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, il-kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt għal żmien indeterminat propost għal kull persuna impjegata mill-Komunitajiet fl-1 ta’ Mejju 2004 taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 2 isir effettiv sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Mejju 2005. Barra minn hekk, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 83 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, l-eżami mediku minn uffiċjal mediku tal-istituzzjoni, li jeżamina l-membru tal-persunal qabel ma jiġi rreklutat, jippermetti li jiġi żgurat li l-imsemmi membru tal-persunal jissodisfa r-rekwiżiti ta’ kapaċità fiżika previsti mill-Artikolu 82(3)(d) tal-imsemmija kondizzjonijiet.

B’hekk, mill-applikazzjoni konġunta tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 83, tal-Artikolu 82(3)(d), u tal-Artikolu 2 tal-Anness għall-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, li membru tal-persunal bil-kuntratt, li l-kuntratt tiegħu għandu jsir effettiv sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Mejju 2005, għandu jissodisfa r-rekwiżiti ta’ kapaċità fiżika sa mhux iktar tard minn din id-data. F’dan ir-rigward, peress li l-benefiċċju tal-Artikolu 2 tal-Anness għal dawn il-kundizzjonijiet jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-proċedura ġenerali ta’ reklutaġġ tal-membri tal-persunal bil-kuntratt, dan huwa ta’ interpretazzjoni stretta.

B’hekk, l-Artikolu 82(3)(d) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra ma jistax jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi kkonstatat li r-rekwiżiti ta’ kapaċità fiżika huma sodisfatti, jeħtieġ sempliċement li l-inkapaċità fiżika ma tkunx irrevokabbli u li, għalhekk, ir-rekwiżiti ta’ kapaċità fiżika jkunu jistgħu jiġu sodisfatti mill-ġdid wara terminu twil.

(ara l-punti 71, 72, 75, 76 u 79)