Language of document : ECLI:EU:C:2013:405

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fit-18 ta’ Ġunju 2013 (1)

Kawżi C‑241/12 u C‑242/12

Shell Nederland Verkoopmaatschappij BV u Belgian Shell

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank te Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

Ambjent – Regolament 259/93 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart – Direttiva 2006/12/KE dwar l-iskart – Kunċett ta’ skart – Prodott mhux skont l-ispeċifikazzjoni li jirriżulta minn kontaminazzjoni aċċidentali.





I –    Introduzzjoni

1.        Din il-kawża tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk Shell Nederland Verkoopmaatschappij BV u Belgian Shell (flimkien imsejħa “Shell”) kinux involuti fit-trasferiment ta’ skart bi vjaġġi fuq il-baħar, lejn wieħed mill-postijiet tan-negozju tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi, li kien jikkonsisti fi ftit iktar minn 333 000 kilogramma ta’ prodott taż-żejt li ntbagħat lura minn xerrej fil-Belġju. Ix-xerrej ma setax jaħżen jew iżomm il-prodott taż-żejt minħabba difett fil-kompożizzjoni tiegħu kkawżat, aċċidentalment, matul it-tagħbija tat-trasferiment inizjali tal-prodott mill-Pajjiżi l-Baxxi lejn il-Belġju. Essenzjalment, il-kwistjoni jekk il-prodott taż-żejt għandux jitqies bħala “skart” hija l-unika waħda li fuqha l-qorti tar-rinviju nazzjonali qiegħda titlob gwida fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mressqa kontra Shell għal nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti proċedurali stipulati mid-dritt tal-UE u dak tal-Pajjiżi l-Baxxi fir-rigward tat-trasport tal-iskart bi vjaġġi fuq il-baħar (2).

2.        L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93, tal-1 ta’ Frar 1993, dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea (3), jeħtieġ notifikazzjoni, qabel it-trasport tal-iskart bi vjaġġi fuq il-baħar, lill-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni, waqt li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament 259/93 jipprekludi vjaġġi bil-baħar mingħajr awtorizzazzjoni. Dawn iż-żewġ obbligi huma suġġetti għall-prinċipju ta’ prekawzjoni tal-Artikolu 191 (2) TFUE (4), u ma huwiex ikkontestat li Shell la nnotifikat il-vjaġġi bil-baħar tal-prodott taż-żejt lill-awtoritajiet kompetenti u lanqas ma kisbet awtorizzazzjoni.

II – Il-kuntest ġuridiku

3.        Il-kuntest ġuridiku li huwa rilevanti għal din it-tilwima jistabbilixxi l-konnessjoni bejn id-definizzjoni ta’ skart fid-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006, dwar l-iskart (li daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Mejju 2006) (5) u l-obbligi li huma kkristalizzati fir-Regolament 259/93. Dan huwa skont kif ġej.

A –    Regolament 259/93

4.        Is-sitt, id-disa’ u t-tmintax-il premessi tar-Regolament 259/93 jipprovdu skont kif ġej:

“(6) Billi huwa importanti li tkun organizzata s-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart b’tali mod li tiġi kunsidrata l-ħtieġa li tkun preservata, mħarsa u mtejba l-kwalità ta’ l-ambjent ;

[…]

(9) Billi vjaġġi bil-baħar ta’ skart għandhom ikunu suġġetti għal notifika minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti biex jiffacilitaw li dawn ikunu infurmati kif xieraq partikolarment bit-tip, ċaqliq u rimi jew irkupru ta’ skart, sabiex dawn l-awtoritajiet jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, inkluża l-possibbiltà li jitqajmu oġġezzjonijiet raġonevoli dwar il-vjaġġ bil-baħar.

[…]

(18) Billi, fil-każ ta’ traffiku illegali, il-persuna li l-azzjonijiet tagħha joħolqu dan it-traffiku għandha tieħu lura u/jew tiddisponi minn jew tirkupra l-iskart b’metodu alternattiv u ambjentalment sod; billi, jekk jonqos li jagħmel dan, l-awtoritajiet kompetenti tal-tluq jew tad-destinazzjoni, kif xieraq, għandhom huma stess jintervjenu”.

5.        L-Artikolu 2(a)(i) u (k) tar-Regolament 259/93 huwa fformulat kif ġej:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a)      skart huwa kif definit fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442/KEE; 

[…]

(i)      rimi huwa kif definit fl-Artikolu 1(e) tad-Direttiva 75/442/KEE ;

[…]

(k)      irkupru huwa kif definit fl-Artikolu 1(f) tad-Direttiva 75/442/KEE ;

[…]” (6)

6.        It-Titolu II tar-Regolament 259/93, bit-titolu “Vjaġġi bil-baħar ta’ skart bejn Stati Membri” jinkludi l-Kapitolu A, bit-titolu “Skart għar-rimi”. L-Artikolu 3 (1) tar-Regolament 259/93, li jidher f’dan il-kapitolu, jipprovdi:

“1. Meta notifikatur ikollu l-intenzjoni li jibgħat skart għal rimi minn Stat Membru wieħed lejn Stat Membru ieħor u/jew li jgħaddi bi transitu minn xi wieħed jew ħafna Stati Membri oħra, u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 25(2) u 26(2), hu għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni u jibgħat kopja tan-notifika lill-awtoritajiet kompetenti tat-tluq u tat-transitu u lir-riċevent.”

7.        L-Artikolu 5(1) tar-Regolament 259/93 jipprovdi:

“1. Il-vjaġġ bil-baħar ikun jista’ jsir biss wara li n-notifikatur ikun irċieva awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni.”

8.        L-intestatura tal-Kapitolu B tat-Titolu II hija “Skart għall-irkupru”. L-Artikolu 6(1) tar-Regolament 259/93 jipprovdi:

“1. Meta n-notifikatur ikollu l-intenzjoni li jibgħat skart għal irkupru mniżżel fl-Anness III minn Stat Membru wieħed lejn Stat Membru ieħor u/jew li jgħaddi bi transitu minn xi wieħed jew ħafna Stati Membri oħra, u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 25(2) u 26(2), hu għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni u jibgħat kopji tan-notifika lill-awtoritajiet kompetenti tat-tluq u tat-transitu u lir-riċevent.”

9.        L-Artikolu 26 jipprovdi:

“1. Kull konsenja ta’ skart magħmula:

(a)      mingħajr il-kunsens ta’ l-awtoritajiet kompetenti konċernati kollha bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament; jew

(b)       mingħajr il-kunsens ta’ l-awtoritajiet kompetenti konċernati kollha bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament; jew

[…]

għandhom ikunu meqjusa bħala traffiku illegali.

[…]

5. Stati Membri għandhom jieħdu l-azzjoni legali xierqa biex jipprojbixxu u jikkastigaw traffiku illegali.”

B –    Id-Direttiva 2006/12

10.      Id-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006, dwar l-iskart daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Mejju 2006.  Il-premessi 2, 3, u 4 tagħha jipprovdu:

“(2) L-objettiv essenzjali tad-dispożizzjonijiet kollha dwar l-immaniġġar ta’ l-iskart għandu jkun il-protezzjoni tas-saħħa umana [tal-bniedem] u ta’ l-ambjent kontra l-effetti ħżiena kkawżati mill-ġbir, mit-trasport, mit-trattament, mill-ħażna u mit-tbattil ta’ l-iskart.

(3) Terminoloġija komuni u definizzjoni ta’ l-iskart huma meħtieġa biex titjieb l-effiċjenza ta’ l-immaniġġar ta’ l-iskart fil-Komunità.

(4) Għandhom jiġu applikati regoli effettivi u konsistenti dwar it-trattament ta’ l-iskart, suġġetti għal ċerti eċċezzjonijiet, għall-proprjetà mobbli li d-detentur jarmi jew li bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi.”

11.      L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/12/KE jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)       ‘skart’ għandha tfisser kwalunkwe sustanza jew oġġett fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness I li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi;

b)       ‘produttur’ għandha tfisser kull min bl-attivitajiet tiegħu jipproduċi skart (‘produttur oriġinali’) u/jew kull min iwettaq proċessar minn qabel, taħlit jew operazzjonijiet oħra li jwasslu għal bidla fin-natura jew fil-kompożizzjoni ta’ dan l-iskart;

(c)       ‘detentur’ għandha tfisser il-produttur ta’ l-iskart jew il-persuna fiżika jew ġuridika li tkun fil-pussess tiegħu;

(e)       ‘rimi’ għandha tfisser kwalunkwe waħda mill-operazzjonijiet previsti fl-Anness II A;

(f)       ‘irkupru’ għandha tfisser kwalunkwe waħda mill-operazzjonijiet previsti fl-Anness II B;

[…]”

12.      L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/12/KE jipprovdi:

“Id-Direttiva 75/442/KEE hija b’dan imħassra, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali stabbiliti fl-Anness III, Parti B.

Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness IV. (7)”

III – Il-kawża prinċipali u d-domandi rinvjati għal deċiżjoni preliminari

13.      Fit-3 ta’ Settembru 2006, Shell għabbiet Ultra Light Sulphur Diesel (ULSD) fuq bastiment u bagħtitu lil klijent Belġjan (Gebr. Carens B.V.B.A., “Carens”). Fil-ħin meta tgħabba l-bastiment, it-tankijiet ma kinux vojta għalkollox, bir-riżultat li l-ULSD tħallat ma’ Methyl Tertiary Butyl Ether (MTBE).

14.      Ir-riżultat ta’ dik it-taħlita kien li l-ULSD ma kienx jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet miftiehma tal-prodott u ma setax jintuża iktar minn Carens għall-iskop maħsub oriġinarjament, jiġifieri l-bejgħ tiegħu minn Carens bħala karburant tad-diesel mill-pompa. Il-punt ta’ infjammabbiltà tat-taħlita kien wisq baxx għal dak l-iskop. Barra minn hekk, fuq il-bażi tal-permess ambjentali tagħha, Carens kienet prekluża milli taħżen taħlita b’dan il-punt ta’ infjammabbiltà. It-taħlita tal-ULSD mal-MTBE ġiet skoperta biss wara li l-konsenja kienet twasslet lil Carens fil-Belġju. Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, bejn l-20 u t-22 ta’ Settembru 2006, Shell bagħtet il-konsenja lura bil-baħar lejn il-Pajjiżi l-Baxxi u ordnat li titħallat, sabiex it-taħlita l-ġdida tinbiegħ bħala karburant. Kif diġà ssemma, Shell la għamlet notifika taħt ir-Regolament Nru 259/93 u lanqas ma talbet awtorizzazzjoni qabel ma sar il-vjaġġ bil-baħar.

15.      Sussegwentement tressqu proċeduri kriminali kontra Shell quddiem ir-Rechtbank Rotterdam. Il-prosekutur allega li, matul jew madwar il-perijodu bejn l-20 u t-22 ta’ Settembru 2006 f’Barendrecht u/jew Rotterdam, fi kwalunkwe każ fil-Pajjiżi l-Baxxi, u fi kwalunkwe każ fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, Shell ikkommettiet att/atti msemmija fl-Artikolu 26(1) tar-Regolament 259/93, peress li kienet qiegħda tittrasporta skart bil-baħar mill-Belġju sal-Pajjiżi l-Baxxi fil-bastiment tanker bil-mutur bl-isem “Nimitz”, li kien jikkonsisti f’żejt tal-gass u/jew żejt tad-diesel (madwar 333 276 kilogramma) ikkontaminat bl-MTBE, fi kwalunkwe każ skart taż-żejt, u fi kwalunkwe każ skart li għalih issir referenza taħt il-kodiċi AC 030 fl-Anness III tar-Regolament 259/93. Dan il-vjaġġ bil-baħar sar mingħajr notifika lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti (kollha) u/jew mingħajr ma nkiseb il-permess tagħhom b’mod konformi mar-Regolament 259/93.

16.      Fid-dawl ta’ dan kollu, ir-Rechtbank għamlet d-domandi li ġejjin għal deċiżjoni preliminari.

“1.      Tagħbija diesel għandha tiġi kklassifkata bħala skart fis-sens tar-[Regolamenti 259/93 u 1013/2006] fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:

a.      it-tagħbija hija komposta minn Ultra Light Sulphur Diesel, li bi żball tħallat ma’ Methyl Tertiary Butyl Ether;

b.      wara li ġiet ikkunsinnata lix-xerrej, ġara li – minħabba t-taħlita – it-tagħbija ma kinitx tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet miftiehma bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ (din hija, għalhekk, “off spec”);

c.      skont il-kuntratt tal-bejgħ, il-bejjiegħ – wara kontestazzjoni min-naħa tax-xerrej – ħa lura t-tagħbija u ħallas lura l-prezz tal-bejgħ lil dan tal-aħħar;

d.      il-bejjiegħ għandu l-intenzjoni li jerġa’ joħroġ it-tagħbija fis-suq - wara li din titħallat jew le ma’ prodott ieħor?

2.      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun waħda affermattiva:

a. hemm mument, fid-dawl tal-fatti esposti iktar ’il fuq, li minnu t-tagħbija tista’ tiġi kkunsidrata bħala skart?;

b. l-istatus tat-tagħbija jinbidel, u din tieqaf tkun skart f’xi mument kwalunkwe bejn il-kunsinna lix-xerrej u taħlita ġdida mwettqa minn jew f’isem il-bejjiegħ u, jekk iva, liema huwa dan il-mument?

3.      Iċ-ċirkustanza li:

a.      it-tagħbija setgħet xorta waħda tintuża inkwantu karburant bħala ULSD pur, iżda ma kinitx iktar tissodisfa r-rekwiżiti (fil-qasam tas-sigurtà) minħabba l-punt ta’ infjammabbiltà iktar baxx tagħha;

b.      minħabba l-kompożizzjoni l-ġdida tagħha, it-tagħbija ma setgħetx tinħażen mix-xerrej fid-dawl tal-liċenzji ambjentali tiegħu;

c.      it-tagħbija ma setgħetx tintuża mix-xerrej għall-finijiet li għalihom huwa kien xtraha, jiġifieri l-bejgħ fil-pompa bħala karburant diesel;

d.       li x-xerrej kellux, jew le, l-intenzjoni li jagħti lura t-tagħbija lix-xerrej abbażi tal-kuntratt tal-bejgħ;

e.      il-bejjiegħ effettivament kellu l-intenzjoni li jieħu lura t-tagħbija sabiex jissuġġettaha għal operazzjoni ta’ taħlit u jerġa’ joħroġha fis-suq;

f.      it-tagħbija tistax, jew le, jew terġa’ titqiegħed fl-istat oriġinarjament mixtieq, jew inkella tiġi ttrasformata fi prodott li jista’ jiġi kkummerċjalizzat bi prezz li joqrob il-valur fis-suq tat-tagħbija oriġinali ta’ ULSD;

g.      din l-operazzjoni ta’ tqegħid fl-istat oriġinali hija proċess ta’ produzzjoni abitwali;

h.      il-valur fis-suq tat-tagħbija fl-istat li tinsab fih fil-mument ta’ meta tittieħed lura mix-xerrej jikkorrispondi (kważi) għall-prezz ta’ prodott li tabilħaqq jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet miftiehma;

i.      it-tagħbija meħuda lura tista’ tinbiegħ fis-suq mingħajr ma tiġi ttrattata, fl-istat li fih tinsab fil-mument ta’ meta tittieħed lura;

j.       il-prodotti bħal dawk tat-tagħbija huma normalment ikkummerċjalizzati u din il-kummerċjalizzazzjoni ma titqiesx bħala waħda ta’ skart;

hija rilevanti sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda?”

17.      Ġew riċevuti osservazzjonijiet bil-miktub mingħand Shell, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni. Kollha ħadu sehem fis-seduta li saret fis-6 ta’ Marzu 2013.

IV – Analiżi

A –    Osservazzjonijiet dwar il-kunċett ta’ skart

18.      Essenzjalment, u minkejja t-tul tad-domandi rrinvjati, fil-fehma tiegħi l-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza rilevanti jagħtu risposta ċara għad-digriet ta’ rinviju. Il-qalba tal-problema tinsab fin-nuqqas ta’ Shell li tinnotifika t-trasport bil-baħar tal-prodott taż-żejt u li tikseb awtorizzazzjoni minkejja li kien ġie kkontaminat bi żball.

19.      It-taħlita ttrasportata minn Shell mill-Belġju sal-Pajjiżi l-Baxxi tista’ taqa’ taħt bosta mill-kategoriji msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2006/12/KE, bħal pereżempju, Q2 “Prodotti mhux skond l-ispeċifikazzjoni, Q4”, “Materjali mxerrda, mitlufa jew li kienu parti minn inċident, inkluż kwalunkwe materjal, tagħmir, eċċ. kontaminat minħabba l-inċident” jew Q 12 “Materjali adulterati (eż. żjut kontaminati bil-PCBs, eċċ.) (8).

20.      Ebda wieħed minn dawn il-fatturi ma huwa determinanti fih innifsu, għaliex il-lista ta’ kategoriji ta’ skart fl-Anness I tad-Direttiva 2006/12 hija waħda miftuħa. Din tkopri, skont il-punt Q16, “kwalunkwe materjal, sustanza jew prodott li mhux inkluż fil-kategoriji msemmija hawn fuq”. Barra minn hekk, il-lista hija maħsuba biss bħala gwida, u l-klassifikazzjoni tal-iskart għandha tiġi inferita primarjament mill-azzjonijiet tad-detenturi u mit-tifsira tat-terminu “rimi” (9).

21.      Madankollu, dawn jikkostitwixxu fatturi li jappoġġjaw il-fehma li s-sustanza inkwistjoni f’dan il-każ tammonta għal skart. Dan huwa minnu mill-mument tal-kontaminazzjoni aċċidentali tal-ULSD bl-MTBE sal-punt meta ġie mħallat f’taħlita ġdida, jiġifieri fi kliem ieħor meta ġie rkuprat (10).

22.      Il-każ imressaq minn Shell huwa bbażat fuq l-argumenti li ġejjin. Hija ssostni li prodotti “off-spec”, bħall-karburant ikkontaminat inkwistjoni, ma jistgħux jammontaw għal skart u li kieku dan kien il-każ, ir-riżultat inevitabbli jkun tfixkil sproporzjonat għall-kummerċ; li l-karburant intbagħat lura lill-konvenut minħabba rekwiżiti imposti mill-kuntratt tagħha max-xerrej fil-Belġju u mhux minħabba l-kwalità tiegħu bħala “skart”; li l-karburant kien għad fadallu valur ekonomiku, sabiex b’hekk ma setax jammonta għal skart; li Shell kellha l-ħsieb li terġa’ tbiegħ il-prodott fil-mument meta akkwistatu mill-ġdid fil-Belġju (jew billi terġa’ tħalltu jew inkella billi terġa’ tbiegħu fl-istat li kien meta ġie ttrasportat mill-Belġju) u li l-bejgħ mill-ġdid ta’ dan it-tip ta’ prodott huwa xi ħaġa normali fil-kummerċ taż-żejt; u li x-xerrej fil-Belġju, meta bagħat lura l-karburant, ma kellux il-ħsieb li jarmih u sa meta l-karburant intbagħat lura lejn il-Pajjiżi l-Baxxi kien tilef il-kwalità tiegħu ta’ skart.

23.      Madankollu, fil-fehma tiegħi ebda wieħed minn dawn l-argumenti ma huwa appoġġjat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-tifsira ta’ rimi ta’ skart.

24.      Lanqas ma huma rilevanti direttament għall-kwistjonijiet prinċipali f’din il-kawża, li jitolbu li jiġi stabbilit (i) jekk Shell kinitx “detentur” ta’ skart fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 2006/12 jew bħala l-“produttur” jew inkella bħala l-persuna ġuridika li jkollha l-pussess tiegħu u (ii) jekk il-karburant ikkontaminat kienx “skart” skont it-tifsira tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 2006/12 peress li kien sustanza jew oġġett skont il-kategoriji stipulati fl-Anness I li d-detentur rema, jew li kellu l-ħsieb jew l-obbligu li jarmi.

25.      Barra minn hekk, għall-kuntrarju tas-sottomissjonijiet li għamlet Shell, fl-opinjoni tiegħi l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha tieħu inkunsiderazzjoni ebda preżunzjoni li ma tikkorrispondix mal-isfond fattwali kif deskritt fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Hawnhekk qiegħed nirreferi għad-dikjarazzjoni ta’ Shell li kienet konxja mill-kompożizzjoni tat-taħlita tal-karburant u mill-għażla li dan jerġa’ jinbiegħ mingħajr ma jitħallat qabel ma l-merkanzija telqet mill-Belġju. Il-fatt mhux ikkontestat tat-taħlit mill-ġdid tal-karburant qabel ma jerġa’ jinbiegħ, fil-fehma tiegħi, jindika intenzjoni li jintrema, u l-att ta’ taħlit mill-ġdid fih innifsu jammonta għal irkupru, fi kliem ieħor, ir-rimi tal-prodott minn Shell. Inkella, ikun hemm ir-riskju li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun qiegħda twieġeb domandi ipotetiċi li huma inammissibbli skont ġurisprudenza stabbilita.

26.      Barra minn hekk, il-fatt li l-karburant ikkontaminat kien “off-spec” f’relazzjoni mal-ispeċifikazzjonijiet li jidhru fil-kuntratt bejn Shell u Carens huwa rrilevanti għall-finijiet biex jiġi ddeterminat jekk jammontax għal skart taħt il-liġi mandatorja tal-UE dwar l-iskart, peress li n-natura ta’ din tal-aħħar hija ta’ dritt pubbliku u ma hijiex suġġetta għar-rieda tal-partijiet f’kuntratt. Hawnhekk huwa neċessarju li jitfakkar li t-taħliet tal-karburant inkwistjoni fiha ULSD u MTBE. Kull trattament ta’ karburant tad-diesel irid jieħu inkunsiderazzjoni r-riskji tal-perikli kkawżati minn tixrid fl-ambjent u riskji ta’ protezzjoni min-nirien. L-MTBE huwa kimika li potenzjalment tista’ tkun ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem fil-każ ta’ kuntatt (11). Dawn ir-riskji huma ovvji f’sitwazzjoni fejn il-kompożizzjoni eżatta tat-taħlita tkun tirriżulta minn kontaminazzjoni bi żball, li n-natura preċiża tagħha trid tiġi stabbilita permezz ta’ analiżi ex-post.

27.      Nosserva wkoll li, skont id-digriet ta’ rinviju, ma huwiex ikkontestat li Shell (i) aċċettat li Carens tibgħat lura t-taħlita tal-karburant, (ii) qablet li tittrasporta t-taħlita tal-karburant lura lill-Pajjiżi l-Baxxi u (iii) fil-fatt ħalltitu fil-Pajjiżi l-Baxxi f’taħlita ġdida sabiex tbiegħu bħala karburant. Fil-fehma tiegħi, kull dibattitu ulterjuri dwar x’setgħet għamlet Shell wara li saret taf bil-kontaminazzjoni tal-karburant, jew x’kienet tagħmel f’ċirkustanzi differenti, ma humiex rilevanti sabiex jiġu riżolti l-kwistjonijiet legali li għandna quddiemna.

B –    Applikazzjoni tal-kunċett ta’ skart fil-kuntest ta’ fatti rilevanti

28.      Il-kwistjoni prinċipali f’din il-kawża hija jekk is-sustanza kkontaminata tammontax għal “skart”, iżda t-tifsira ta’ “produttur” u “rimi” hija wkoll ċentrali għar-riżoluzzjoni tal-kawża.

29.      It-terminu “produttur” huwa ddefinit fl-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 2006/12 bħala “kull min bl-attivitajiet tiegħu jipproduċi skart (‘produttur oriġinali’) u/jew kull min iwettaq proċessar minn qabel, taħlit jew operazzjonijiet oħra li jwasslu għal bidla fin-natura jew fil-kompożizzjoni ta’ dan l-iskart”. Min-naħa l-oħra, “rimi” huwa ddefinit fl-Artikolu 1(1)(e) bħala “kwalunkwe waħda mill-operazzjonijiet previsti fl-Anness II A”. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jinqraw fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita dwar it-tifsira ta’ skart, li għandha tiġi inferita primarjament mill-azzjonijiet tad-detentur, li jiddependu minn jekk ikunx beħsiebu jew le jarmi s-sustanzi inkwistjoni (12).

30.      Barra minn hekk, il-fatt li sustanza tista’ terġa’ tintuża għal qligħ ekonomiku ma jfissirx li din ma tkunx skart (13), u l-fatt li sustanza tifforma parti minn proċess industrijali lanqas ma jeskludiha milli tammonta għal skart (14).

31.      B’hekk, l-argument ta’ Shell li huwa bbażat fuq l-allegat fatt li t-taħlita kkontaminata setgħet inbiegħet mill-ġdid bħala karburant mingħajr trattament ulterjuri huwa infondat. Kif osserva l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-Kawża C-9/00 Palin Granit, l-għamla ta’ sustanza ma tiddeterminax f’termini ġenerali jekk ikunx skart jew le. B’kuntrast, l-għamla ta’ sustanza tista’ tiddetermina jekk tikkostitwixxix skart perikoluż, u tista’ sservi bħala indikazzjoni ta’ jekk is-sustanza hijiex maħsuba jew meħtieġa li tintrema’ (15).

32.      B’hekk, il-portata tat-terminu “skart” jiddependi fuq it-tifsira ta’ “rimi” (16). Barra minn hekk, minflok ma tagħti importanza żejda lill-impatt fuq il-kummerċ, kif targumenta Shell, il-ġurisprudenza għamlitha ċara li t-terminu “rimi” għandu jiġi interpretat b’tali mod li jieħu inkunsiderazzjoni l-għan tad-Direttiva 2006/12, li huma l-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, u l-għan tal-politika ambjentali tal-UE. Dan ifisser livell għoli ta’ ħarsien ambjentali, azzjoni preventiva, u osservanza tal-prinċipju ta’ prekawzjoni. Meta l-għanijiet tad-Direttiva 2006/12 u tal-Artikolu 191(2) TFUE jitqiesu kif meħtieġ, il-kunċett ta’ skart ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (17).

33.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-terminu “rimi” ikopri kemm id-disponiment kif ukoll l-irkupru ta’ sustanza jew oġġett (18).

34.      F’dan ir-rigward, ċerti ċirkustanzi jistgħu jikkostitwixxu evidenza ta’ rimi ta’ sustanza jew oġġett jew inkella ta’ intenzjoni jew obbligu li tintrema sustanza jew oġġett fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/12. Dan ikun il-każ b’mod partikolari meta s-sustanza użata tkun fdal mill-produzzjoni, jiġifieri prodott li ma jkunx imfittex per se (19). Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk iddeċidiet li fdal ta’ ġebel minn proċessi ta’ estrazzjoni ta’ barriera tal-granit, li ma kienx il-prodott prinċipali mfittex mill-operatur, jista’ jikkostitwixxi skart (20). Dan kien japplika minkejja l-fatt li ma kien hemm ebda differenza fil-kwalità fiżika jew fil-kompożizzjoni minerali tal-blat bażiku, tal-fdal tal-ġebel u tal-ġebel estratt għal sfruttament kummerċjali (21).

35.      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li oġġetti, materjali jew materjal prima li jirriżultaw minn proċess ta’ manifattura jew estrazzjoni li ma jkunux intiżi primarjament għal-produzzjoni ta’ dak l-oġġett jistgħu jikkostitwixxu mhux fdal iżda prodott sekondarju li l-impriża kkonċernata ma tkunx tixtieq tarmi, iżda jkun beħsiebha tisfrutta jew tikkummerċjalizza fuq termini ekonomikament vantaġġużi fi proċess sussegwenti, mingħajr proċessar minn qabel (22). Madankollu, wara li kkunsidrat l-obbligu li l-kunċett ta’ skart jiġi interpretat b’mod wiesa’ sabiex jiġu llimitati l-effetti mhux mixtieqa jew dannużi, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat l-użu ta’ dan l-argument fir-rigward ta’ prodotti sekondarji għal sitwazzjonijiet li fihom l-użu mill-ġdid tal-oġġetti, materjali jew materja prima ma huwiex sempliċement possibbiltà iżda ċertezza, mingħajr proċessar minn qabel u bħala parti integrali mill-proċess ta’ produzzjoni (23).

36.      Minħabba li l-kontaminazzjoni kienet aċċidentali, huwa ċar li l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqgħux taħt l-eċċezzjoni dwar il-prodotti sekondarji. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija ċara. L-iskart ma jeskludix sustanzi u oġġetti li jistgħu jiġu rkuprati bħala karburant b’mod li huwa responsabbli għall-ambjent (24). Il-possibbiltà li s-sustanza tintuża mill-ġdid b’modifiki ma hijiex rilevanti (25).

37.      Fil-fehma tiegħi tagħbija li tikkonsisti f’ULSD imħallat bi żball ma’ MTBE, li b’riżultat ta’ dan ikollha punt ta’ infjammabbiltà iktar baxxa minn dik permessa għad-diesel mibjugħ mill-pompa ssir skart fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 1(1)a tad-Direttiva 2006/12 fil-punt ta’ kontaminazzjoni, u tibqa’ hekk sa meta tiġi rkuprata permezz ta’ taħlit jew permezz ta’ riklassifikazzjoni kummerċjali b’mod li jkun jista’ jiġi vverifikat oġġettivament. Bħala konsegwenza, kien hemm trasferiment ta’ skart. Is-sitwazzjoni kienet tkun differenti biss kieku l-irkupru permezz ta’ taħlit jew bejgħ mill-ġdid lil terz fuq il-bażi ta’ dokumentazzjoni li tiżvela l-kompożizzjoni preċiża tat-taħlita tal-karburant kien seħħ qabel ma reġgħet saret it-tagħbija mill-ġdid fil-Belġju (26).

38.      B’hekk, Shell kienet kemm “produttur” ta’ skart taħt l-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2006/12 kif ukoll “detentur” ta’ skart taħt l-Artikolu 1(1) (ċ) tal-istess Direttiva, peress li t-taħlita saret “skart” fil-mument tal-kontaminazzjoni. Din baqgħet skart fil-Belġju fejn Carens saret detentur taħt l-Artikolu 1(1)(ċ), peress li kellha l-obbligu li tarmi t-taħlita kkontaminata, billi ma kelliex permess biex taħżinha, u tabilħaqq ramietha billi bagħtitha lura lill-konvenuta.

39.      Malli ħadet lura l-karburant, Shell reġgħet saret detentur, fis-sens tal-Artikolu 1(1) (c) tad-Direttiva 2006/12, kemm bħala l-“produttur” kif ukoll bħala l-persuna ġuridika li kellha l-pussess tiegħu. Shell imbagħad baqgħet obbligata li tarmih sal-punt meta reġa’ sar it-taħlit mill-ġdid fil-Pajjiżi l-Baxxi, li kien jikkostitwixxi l-att ta’ rkupru li permezz tiegħu l-iskart intrema. Fi kliem ieħor, peress li l-proċess ta’ rkupru ma sarx minn Shell qabel ma beda l-vjaġġ ta’ ritorn lejn il-Pajjiżi l-Baxxi, it-taħlita kkontaminata baqgħet skart għat-tul sħiħ ta’ dak il-vjaġġ.

40.      Nixtieq nagħlaq billi nenfasizza li s-sempliċi nuqqas li jiġu sodisfatti speċifikazzjonijiet kuntrattwali miftiehma ma jfissirx, per se, li sustanza jew prodott għandhom neċessarjament jitqiesu bħala skart. Jekk negozjant jikkonsenja kapuljat tal-laħam lil restorant li jkun taħlit ta’ laħam taċ-ċanga u laħam taż-żiemel, minflok laħam taċ-ċanga pur kif miftiehem bejn il-partijiet, huwa jista’ jkun obbligat kuntrattwalment li jaċċetta r-ritorn tal-konsenja mingħajr ma’ dan isir skart. Madankollu, jekk il-prodott ikun jirriżulta minn kontaminazzjoni aċċidentali tal-laħam taċ-ċanga bil-laħam taż-żiemel matul l-ipproċessar tal-ikkapuljat, huwa jkollu obbligu li jarmi l-ikkapuljat sa meta jiġu vverifikati l-karatteristiċi preċiżi tiegħu u l-ikkapuljat jew jintrema jew inkella jiġi kklassifikat mill-ġdid kummerċjalment, pereżempju, bħala għalf għall-minks, jew bħala taħlita ta’ laħam taċ-ċanga u taż-żiemel għall-konsum mill-bniedem jekk jissodisfa r-rekwiżiti rilevanti taħt regolamenti dwar il-prodotti tal-ikel (27). B’mod iktar ġeneriku, taħlita ta’ kompost immanifatturata bi żball hija prima facie skart jekk l-użu li għalih tkun maħsuba ma jkunx sigur, fin-nuqqas ta’ għarfien dwar il-kompożizzjoni tagħha. Dan japplika għal prodotti bħal ikel jew karburant li l-kwalitajiet tagħhom ikunu importanti għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent  (28).

41.      B’hekk il-laħam ikkapuljat jikkostitwixxi “skart” taħt id-dritt tal-UE dwar l-iskart, b’mod partikolari prodott mhux skont l-ispeċifikazzjoni li jiġi kkontaminat minħabba inċident (29), matul il-perijodu mill-kontaminazzjoni sar-rimi jew l-irkupru permezz ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid.

42.      B’hekk, għall-kuntrarju ta’ argumenti li għamlet Shell matul is-seduta, ir-risposta li ser nipproponi mhux ser tikkawża tfixkil eċċessiv għall-kummerċ, iżda tenfasizza l-istandard ta’ attenzjoni li kull negozjant responsabbli huwa mistenni li jsegwi, jiġifieri li jikkunsidra bħala skart kull prodott ikkontaminat bħala riżultat ta’ inċident.

V –    Konklużjoni

43.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi r-risposta li ġejja għad-domandi kollha rrinvjati mir-Rechtbank te Rotterdam:

“Tagħbija li tikkonsisti f’karburant li l-bejjiegħ jieħu lura u jipproċessa permezz ta’ taħlit bil-għan li jerġa’ jpoġġih fis-suq, minħabba li l-karburant ikun tħallat bi żball ma’ sustanza u b’hekk ma jkunx għadu jissodisfa r-rekwiżiti ta’ sigurtà sabiex ikun jista’ jinħażen mix-xerrej skont permess ambjentali, għandha titqies bħala skart taħt l-Artikolu 2 (a) tar-Regolament [….] Nru 259/93 […..] mill-mument tal-kontaminazzjoni bi żball sa meta tiġi rkuprata b’taħlit.”


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Proċeduri separati quddiem ir-Rechtbank te Rotterdam kontra Shell Nederland Verkoopmaatschappij BV u Belgian Shell BV ġew magħquda b’digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Lulju 2012.


3 – ĠU 1993 L30, p. 1, kif emendat l-aħħar, f’dak li jirrigwarda din il-kawża bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Novembru 1999 li tadatta, skont l-Artikoli 16(1) u 42(3), l-Annessi II, III, IV u V tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93, tal-1 ta’ Frar 1993, dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea (ĠU 1999 L 316/45). Wieħed għandu josserva li, skont l-Artikolu 61 tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU 2006 L 190 p. 1), ir-Regolament Nru 259/93 ġie mħassar b’effett mit-12 ta’ Lulju 2007. Madankollu, peress li l-perijodu rilevanti f’din il-kawża seħħ f’Settembru 2006, hija rregolata ratione temporis bir-Regolament Nru 259/93.


4 – Wieħed għandu jinnota, madankollu, li d-dispożizzjoni tat-Trattat li tappartjeni għall-prinċipju ta’ prekawzjoni applikabbli ratione temporis f’din il-kawża hija l-Artikolu 174 (2) tat-Trattat KE.


5 – ĠU 2006 L114 p. 9. Ara l-Artikolu 21. L-istorja leġiżlattiva dwar id-definizzjoni u s-superviżjoni tat-trasport tal-iskart fuq il-baħar hija skont kif ġej. L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442 dwar l-iskart (ĠU 1975 L 194, p. 39) kien jipprovdi definizzjoni ta’ skart li fiha l-obbligu ta’ rimi kien jirreferi għad-dritt nazzjonali. Definizzjoni Komunitarja ta’ skart iddaħħlet bid-Direttiva 91/156/KE li emendat id-Direttiva 75/442 (ĠU 1991 L 78, p. 32) u sussegwentement kienet mogħtija fid-Direttiva 2006/12/KE (ĠU 2006 L 114 p. 9) fl-Artikolu 1 (1) (riprodott hawnhekk fil-punt 11). Din hija d-definizzjoni ta’ skart li hija applikabbli ratione temporis għar-Regolament Nru 259/93 u f’din il-kawża. Madankollu, id-Direttiva 2006/12 ġiet irrevokata b’effett mit-12 ta’ Diċembru 2010 permezz tal-Artikolu 41 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008 L 312, p. 3).


6 –      Iżda ara n-nota 5 fir-rigward tad-definizzjonijiet ta’ skart, rimi u rkupru fis-seħħ ratione temporis.


7 –      L-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, dwar vjeġġi ta’ skart jipprovdi li “skart” huwa ddefinit fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2006/12/KE. Kif spjegat fin-nota 5 din il-kawża hija rregolata ratione temporis bir-Regolament Nru 259/93 u mhux bir-Regolament Nru 1013/2006.


8 – Skont l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-Kodiċi AC030 (Skart ta’ żjut li ma humiex tajbin għall-użu oriġinali tagħhom) fl-Anness III tar-Regolament Nru 259/93, li għalih issir riferenza fl-atti ta’ akkuża kontra l-konvenut, ma hijiex applikabbli għaliex la l-konvenut u lanqas ix-xerrej ma użaw iż-żejt inkwistjoni. Skont il-Kummissjoni, din il-kategorija tirreferi għal fdalijiet ta’ żejt li jkun diġà ntuża.


9 – Commune de Mesquer vs Total France SA u Total International Ltd (C-188/07 Ġabra I – 4501)


10 – Madankollu, anki operazzjoni ta’ rkupru sħiħ mhux bilfors tfisser li l-prodott ma jibqax skart. Xorta jista’ jkun skart jekk id-detentur tiegħu jarmih jew ikollu l-ħsieb jew l-obbligu li jarmih. Sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, Lapin elinkeino-, liikenne- ja ympäristökeskuksen liikenne ja infrastruktuuri -vastuualue (C‑358/11, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11 – Domanda bil-Miktub E-3582/01 minn Ulla Sandbæk (EDD) lill-Kummissjoni u risposta mogħtija mis-Sinjura Wallström (ĠU 2002 172 E, p. 92).


12 – Sentenza tat-18 ta’ April Palin Granit Oy u Vehmassalon kansanterveystyön kuntayhtymän hallitus (C-9/00, Ġabra I – 3533, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13 – Kawżi magħquda tat-28 ta’ Marzu 1990 Vessoso u Zaneti (C–206/88 u C–207/88 Ġabra I – 1464, punt 9); Kawżi magħquda tal-25 ta’ Ġunju 1997, Tombesi (C- 304/94, C-330/94, C-342/94 u C-224/95, Ġabra I – 3561, punt 47).


14 – Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 1997 Inter-Environnement Wallonie ASBL vs Régione Wallone (C–129/96, Ġabra I – 7411, punt 32).


15 – Konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Jacobs fis-17 ta’ Jannar 2002 (C-9/00,Ġabra I – 3533, punti 45 u 46).


16 – Inter-Environnement Wallonie, punt 26.


17 – Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Van de Walle et (C-1/03, Ġabra I–7613, punt 45). Kif diġà ġie osservat, l-Artikolu 179(2) tat-Trattat KE huwa applikabbli ratione temporis f’din il-kawża.


18 – Sentenza Inter-Environnement Wallonie, punt 27.


19 – Sentenza Commune de Mesquer, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata.


20 – Sentenza Palin Granit, punt 29.


21 – Ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-Kawża Palin Granit, punti 44 u 45.


22 – Sentenza Commune de Mesquer, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata.


23 – Sentenza Commune de Mesquer, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata.


24 – Sentenza ARCO Chemie Nederland Ltd, punt 65.


25 – Sentenza Commune de Mesquer, punt 40.


26 – Għal sunt konċiż tal-liġi dwar meta sustanza ma tibqax skart, ara l-punti 76 sa 79 tal-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott tat-13 ta’ Diċembru 2012 fil-Kawża C – 358/11 Lapin luonnonsuojelupiiri. Il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha fis-7 ta’ Marzu 2013. Wieħed għandu jinnota li dik il-kawża tikkonċerna d-Direttiva 2008/98 u b’mod iktar speċifiku, fil-punti 53 sa 60, il-kwistjoni dwar meta sustanza ma tibqax skart għall-finijiet tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/98 peress li tkun għaddiet minn irkupru.


27      Għal analiżi taċ-ċirkustanzi li fihom laħam u laħam mitħun jistgħu jitqiesu bħala skart ara s-sentenza KVZ retec GmbH (C-176/05, ĠabraI-1721).


28 – Ara pereżempju d-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1998, dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diesel u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE (ĠU 1998 L 350, p. 58), kif emendata bid-Direttiva 2009/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat- 23 ta’ April 2009, li temenda d-Direttiva 98/70/KE rigward l-ispeċifikazzjoni tal-petrol, tad-diesel u taż-żejt tal-gass u li tintroduċi mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE rigward l-ispeċifikazzjoni tal-karburant użat mill-bastimenti tal-passaġġi tal-ilma interni u li tħassar id-Direttiva 93/12/KEE (ĠU 2009 L 140 p. 88).


29 – Ara l-Anness I għad-Direttiva 2006/12, kategoriji Q2 u Q4.