Language of document : ECLI:EU:C:2017:986

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

20 ta’ Diċembru 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Kamp ta’ applikazzjoni – Azzjoni għal responsabbiltà delittwali kontra l-membri ta’ bord ta’ kredituri li rrifjutaw pjan ta’ rkupru fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza”

Fil-Kawża C-649/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Diċembru 2016, fil-proċedura

Peter Valach,

Alena Valachová,

SC Europa ZV II a.s.,

SC Europa LV a.s.,

VAV Parking a.s.,

SC Europa BB a.s.,

Byty A s.r.o.

vs

Waldviertler Sparkasse Bank AG,

Československá obchodná banka a.s.,

Stadt Banská Bystrica,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, S. Rodin u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Valach, Valachová, SC Europa ZV II a.s., SC Europa LV a.s., VAV Parking a.s., SC Europa BB a.s. u Byty A s.r.o., minn Z. Nötstaller, Rechtsanwältin,

–        għal Waldviertler Sparkasse Bank AG, Československá obchodná banka a.s. u Stadt Banská Bystrica, minn S. Fruhstorfer, Rechtsanwältin,

–        għall-Gvern Spanjol, minn J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u M. Heller, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012 L 351, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn P. Valach, A. Valachová, SC Europa ZV II a.s, SC Europa LV a.s., VAV Parking a.s., SC Europa BB a.s. kif ukoll Byty A s.r.o., u Waldviertler Sparkasse Bank AG, Československá obchodná banka a.s. u Stadt Banská Bystrica (il-belt ta’ Banská Bystrica) dwar azzjoni għal responsabbiltà delittwali wara r-rifjut ta’ pjan ta’ rkupru fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza li tikkonċerna lil VAV invest s.r.o..

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 1215/2012

3        Il-premessi 10 u 34 tar-Regolament Nru 1215/2012 jistabbilixxu:

“(10)      Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkopri l-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali prinċipali kollha barra ċerti kwistjonijiet definiti sew […]

[…]

(34)      Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjonital-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”)], ir-Regolament [tal-Kunsill] (KE) Nru 44/2001 [tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42)] u dan ir-Regolament, u għal dan il-għan għandhom jitfasslu dispożizzjonijiet tranżitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni ta’ Brussell […] u r-Regolamenti li jissostitwixxieha.”

4        L-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 huwa fformulat kif ġej

“Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal:

[…]

b)      falliment, proċedimenti relatati mal-istralċ ta’ kumpanniji insolventi jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġudizzjarji, ftehimiet u proċedimenti analogi”.

 Ir-Regolament (KE) Nru 1346/2000

5        Il-premessi 4, 6 u 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191) jipprovdu:

“(4)      Huwa meħtieġ għal funzjonament tajjeb tas-suq intern li jiġu evitati inċentivi għal partijiet li jittrasferixxu assi jew proċedimenti ġudizzjarji minn Stat Membru għall-ieħor, biex b’hekk ifittxu sitwazzjoni legali aktar favorevoli (forum shopping).

[…]

(6)      Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità dan ir-Regolament għandu jkun limitat għal dispożizzjonijiet li jirregolaw ġurisdizzjoni għal ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] u ġudizzji li jingħataw direttament fuq bażi ta’ proċedimenti ta’ falliment u li huma marbuta mill-qrib ma’ proċedimenti bħal dawn. Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu jkun fih dispożizzjonijiet rigward l-għarfien ta’ dawk il-ġudizzji u rigward il-liġi applikabbli li tissodisfa wkoll dak il-prinċipju.”

(7)      Proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] li huma marbuta ma’ l-egħluq ta’ kumpannija jew ta’ persuni ġuridiċi oħrajn falluti, arranġamenti ġudizzjarji, komposizzjonijiet u proċedimenti analogi huma esklużi mill-iskop tal-Konvenzjoni ta’ Brussel […]”

6        L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Il-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur għand[hom] jkoll[hom] l-ġurisdizzjoni biex jif[tħu] il-proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza]. Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-preżunzjoni tkun li l-post tal-uffiċċju rreġistrat ikun iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tiegħu fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja.”

 Id-dritt Slovakk

7        L-Artikolu 415 Občiansky zákonník (il-Kodiċi Ċivili Slovakk) jipprodi:

“Kulħadd huwa obbligat jaġixxi b’mod li ma jikkawżax dannu għas-saħħa, għall-patrimonju, għan-natura u għall-ambjent.”

8        L-Artikolu 420(1) ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“Kulħadd huwa responsabbli għad-dannu li jkun ikkawża meta jonqos minn obbligu legali.”

9        Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-proċedura ta’ insolvenza, fid-dritt Slovakk, tagħmel distinzjoni bejn il-proċedura ta’ falliment u l-proċedura ta’ ristrutturazzjoni. Din tal-aħħar hija rregolata mill-Artikoli 108 sa 165 tal-Liġi dwar l-Insolvenza.

10      Skont l-Artikolu 127(1) tal-Liġi dwar l-Isolvenza, il-bord ta’ kredituri għandu jkun kompost minn tliet jew ħames membri li jiġu maħtura mill-grupp tal-kredituri skont l-imsemmija liġi. Skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, il-membri kollha tal-bord ta’ kredituri għandhom jaġixxu fl-interessi komuni tal-grupp tal-kredituri.

11      Dan il-bord għandu l-missjoni, flimkien mal-grupp tal-kredituri, li japprova, skont l-Artikolu 133(1) tal-imsemmija liġi, il-pjan ta’ ristrutturazzjoni li għandu jiġi stabbilit mid-debitur fallut. Jekk il-bord ta’ kredituri jiċħad il-pjan ta’ ristrutturazzjoni jew ma jadottax id-deċiżjoni fit-termini previsti fl-Artikolu 144(1) tal-Liġi dwar l-Insolvenza, huwa l-kuratur li għandu jitlob mingħajr dewmien il-ftuħ tal-proċedura ta’ falliment, skont l-Artikolu 144(2) ta’ din il-liġi.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12      VAV invest hija kumpannija fid-dritt Slovakk li l-assi tagħha huma suġġetti għal proċedura ta’ ristrutturazzjoni miftuħa fis-Slovakkja. Waldviertler Sparkasse Bank, Československá obchodná banka u Stadt Banská Bystrica (il-belt ta’ Banská Bystrica) ġew maħtura membri tal-bord ta’ kredituri.

13      VAV invest ippreżentat, kif huwa previst mil-Liġi dwar l-Insolvenza, pjan ta’ ristrutturazzjoni. Madankollu, il-bord ta’ kredituri, fil-laqgħa tal-11 ta’ Diċembru 2015, ċaħad dan il-pjan mingħajr ma offra raġuni komprensibbli, li wassal għall-falliment tal-proċedura ta’ ristrutturazzjoni u għal-likwidazzjoni tal-assi ta’ VAV invest fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment miftuħa sussegwentement.

14      Minħabba ċ-ċaħda tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni, minn naħa, P. Valach u A. Valachová jsostnu li sofrew dannu minħabba t-telf ta’ valur sostanzjali tal-ishma ta’ VAV invest li huma kellhom, kif ukoll telf ta’ dħul. Min-naħa l-oħra, SC Europa ZV II, SC Europa LV, VAV Parking, SC Europa BB u Byty A, bħala kumpanniji proġett, allegatament sostnew dannu kkawżat mir-riskju ta’ falliment ta’ proġetti ta’ kostruzzjoni jew minħabba id-dewmien tagħhom.

15      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu azzjoni għal responsabbiltà quddiem il-Landesgericht Krems an der Donau (il-Qorti Reġjonali ta’ Krems an der Donau, l-Awstrija) u jsostnu li Waldviertler Sparkasse Bank, Československá obchodná banka u Stadt Banská Bystrica (il-belt ta’ Banská Bystrica) kisru l-obbligu ġenerali ta’ prevenzjoni previst fl-Artikolu 415 tal-Kodiċi Ċivili Slovakk kif ukoll l-obbligi tagħhom bħala membri tal-bord ta’ kredituri abbażi tal-Liġi dwar l-Insolvenza, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ aġir fl-interess komuni tal-kredituri kollha, u li huma, konsegwentement, responsabbli għad-danni li sostnew, skont l-Artikolu 420 tal-Kodiċi Ċivili Slovakk.

16      Il-Landesgericht Krems an der Donau (il-Qorti Reġjonali ta’ Krems an der Donau) ċaħdet ir-rikors mingħajr eżami fil-mertu, minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali. Skont din il-qorti, l-azzjoni għal responsabbiltà hija inseparabbli mill-funzjoni tal-konvenuti fil-kawża prinċipali bħala membri tal-bord ta’ kredituri u mill-obbligi li jirriżultaw skont il-Liġi dwar l-Insolvenza. Din l-azzjoni għal responsabbiltà għalhekk tirriżulta direttament mid-dritt tal-insolvenza u hija f’rabta stretta miegħu. Għalhekk hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 abbażi tal-Artikolu 1(2)(b) ta’ dan ir-regolament u, għaldaqstant, hemm lok li jiġi applikat għaliha r-Regolament Nru 1346/2000. F’dan il-każ, il-qorti kompetenti hija dik li bdiet il-proċedura ta’ insolvenza.

17      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw quddiem l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), li kkonfermat iċ-ċaħda tal-appell minħabba nuqqas ta’ kompetenza internazzjonali sa fejn l-azzjoni inkwistjoni taqa’ taħt il-proċedura ta’ insolvenza peress li tirrigwarda n-nuqqas ta’ osservanza minn korp obbligatorju previst minn din tal-obbligi tiegħu fl-interess tal-massa ta’ kredituri. Hija taqa’, bħala azzjoni annessa mal-proċedura ta’ insolvenza, taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012.

18      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell fil-kassazzjoni quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija).

19      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar id-delimitazzjoni tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tar-Regolamenti Nri 1215/2012 u 1346/2000, b’mod partikolari, f’dak li jikkonċerna azzjoni għal responsabbiltà għad-danni mibdija kontra membri ta’ bord ta’ kredituri minħabba l-aġir tagħhom f’vot fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament […] Nru 1215/2012 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni intiża bħala talba għad-danni fuq il-bażi ta’ responsabbiltà delittwali ppreżentata kontra membri ta’ kumitat ta’ kredituri minħabba l-aġir illegali tagħhom meta ttieħed vot fir-rigward ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza mid-detenturi ta’ ishma fil-kumpannija debitriċi fallita, bħalma huma l-ewwel u t-tieni rikorrenti, u mill-kumpanniji proġett li kienu f’relazzjoni kummerċjali mal-kumpannija debitriċi fallita, bħalma huma t-tielet sas-seba’ rikorrenti, taqa’ fil-kamp tal-insolvenza fis-sens tal-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 u hija, għalhekk, eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament?”

 Fuq id-domanda preliminari

21      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tapplika għal azzjoni għal responsabbiltà delittwali, imressqa kontra l-membri ta’ bord ta’ kredituri minħabba l-aġir tagħhom matul vot dwar pjan ta’ ristrutturazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza, u li għalhekk tali azzjoni hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ dan ir-regolament.

22      Ir-risposta għad-domanda preliminari teżiġi li tiġi ddeterminata l-portata tal-ġurisdizzjoni tal-qorti li fetħet il-proċedura ta’ insolvenza, sa fejn l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012, li japplika fil-qasam ċivili u kummerċjali, jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu il-“falliment, proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanija falluti jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġuridiki, komposizzjoni jew proċedimenti analogi”.

23      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 34 tar-Regolament Nru 1215/2012, għandha tiġi żgurata l-kontinwità neċessarja, minn naħa, bejn il-Konvenzjoni ta’ Brussell, ir-Regolament Nru 44/2001 u r-Regolament Nru 1215/2012, u, min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ din il-konvenzjoni u tar-regolamenti li jissostitwixxuha.

24      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Regolamenti Nri 1215/2012 u 1346/2000 għandhom jiġu interpretati b’mod li tiġi evitata kull sovrappożizzjoni bejn ir-regoli tad-dritt stabbiliti minn dawn it-testi u kull lakuna legali. Għalhekk, l-azzjonijiet esklużi, abbażi tal-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, sa fejn dawn jaqgħu taħt “falliment, proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanija falluti jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġuridiki, komposizzjoni jew proċedimenti analogi”, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000. B’mod simetriku, l-azzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 1346/2000 jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, Tünkers France u Tünkers Maschinenbau, C-641/16, EU:C:2017:847, punt 17).

25      Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 10 tar-Regolament Nru 1215/2012, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jagħti interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” li jinsab fl-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament u, konsegwentement, kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, Tünkers France u Tünkers Maschinenbau, C‑641/16, EU:C:2017:847, punt 18 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26      B’applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huma biss l-azzjonijiet li joriġinaw direttament minn proċeduri ta’ insolvenza u li huma marbuta mill-qrib magħhom li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012. Konsegwentement, dawn l-azzjonijiet biss jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, Tünkers France u Tünkers Maschinenbau, C‑641/16, EU:C:2017:847, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27      Issa, huwa dan l-istess kriterju indikat fil-premessa 6 tar-Regolament Nru 1346/2000 li jintuża sabiex jiġi ddeterminat s-suġġett ta’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, skont din il-premessa, l-imsemmi regolament għandu jkun limitat għal dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ġurisdizzjoni għall-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza u t-teħid ta’ deċiżjonijiet li “jingħataw direttament fuq bażi ta’ proċedimenti ta’ falliment [proċedura ta’ insolvenza] u li huma marbuta mill-qrib ma’ proċedimenti bħal dawn”.

28      F’dan il-kuntest, għandu jiġi ddeterminat, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jekk azzjoni għal responsabbiltà delittwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tissodisfax dan il-kriterju doppju.

29      Fir-rigward tal-ewwel kriterju, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi ddeterminat jekk azzjoni toriġinax direttament minn proċeduri ta’ insolvenza, l-element determinanti adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tidentifika l-qasam li fih taqa’ azzjoni ma huwiex il-kuntest proċedurali li fih taqa’ din l-azzjoni, iżda l-bażi legali ta’ din tal-aħħar. Skont dan l-approċċ, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk id-dritt jew l-obbligu li fuqu tkun ibbażata l-azzjoni joriġinax mir-regoli komuni tad-dritt ċivili u kummerċjali jew minn regoli derogatorji, speċifiċi għall-proċeduri ta’ insolvenza (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, Tünkers France u Tünkers Maschinenbau, C-641/16, EU:C:2017:847, punt 22).

30      F’dan il-każ, mill-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-azzjoni fil-kawża prinċipali hija intiża sabiex tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-membri tal-bord ta’ kredituri li, matul vot li nżamm fil-11 ta’ Diċembru 2015, irrifjuta l-pjan ta’ ristrutturazzjoni propost minn VAV invest. Huwa minħabba tali ċaħda li nfetħet il-proċedura ta’ falliment. Issa, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkunsidraw li l-bord aġixxa b’mod illegali, u huwa għalhekk li nbdiet l-azzjoni għal responsabbiltà.

31      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju rrilevat li l-proċedura ta’ insolvenza tiddistingwi, fil-leġiżlazzjoni Slovakka, żewġ possibbiltajiet ta’ soluzzjoni, jiġifieri, minn naħa, il-proċedura ta’ ristrutturazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-proċedura ta’ falliment. Jekk, fil-kuntest tal-proċedura ta’ ristrutturazzjoni, il-bord ta’ kredituri jiċħad il-pjan ta’ ristrutturazzjoni jew ma jadottax id-deċiżjoni fit-termini previsti fl-Artikolu 144(1) tal-Liġi dwar l-Insolvenza, huwa l-kuratur li għandu jitlob mingħajr dewmien il-ftuħ tal-proċedura ta’ falliment, skont l-Artikolu 144(2) ta’ din il-liġi.

32      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, l-azzjoni għal responsabbiltà tressqet, minn naħa, minn detenturi ta’ ishma fil-kumpannija u, min-naħa l-oħra, minn kumpanniji li għandhom relazzjonijiet kummerċjali ma’ din il-kumpannija.

33      Barra minn hekk, din l-azzjoni hija intiża, b’mod partikolari, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-membri tal-bord ta’ kredituri, meta ċaħdu l-pjan ta’ ristrutturazzjoni, li wassal għall-ftuħ tal-proċedura ta’ falliment, kisrux l-obbligu tagħhom li jaġixxu fl-interess komuni tal-kredituri kollha.

34      Fil-fatt, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, skont l-Artikolu 127(4) tal-Liġi dwar l-Insolvenza, il-membri kollha tal-bord ta’ kredituri għandhom jaġixxu fl-interess komuni tal-kredituri kollha sa fejn dan il-bord għandu l-missjoni, mal-grupp tal-kredituri, li jevalwa u, jekk ikun il-każ, japprova, skont l-Artikolu 133(1) ta’ din il-liġi, il-pjan ta’ ristrutturazzjoni li għandu jiġi stabbilit mid-debitur fallut.

35      Għaldaqstant, l-azzjoni għal responsabbiltà inkwistjoni fil-kawża prinċipali hia l-konsegwenza diretta u inseparabbli tal-eżerċizzju mill-bord ta’ kredituri, korp obbligatorju li huwa stabbilit mal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, tal-funzjoni diretta li huwa jislet speċifikatament mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jirregolaw din it-tip ta’ proċedura (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2009, SCT Industri, C-111/08, EU:C:2009:419, punt 28).

36      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligi li jservu ta’ bażi għall-eżerċizzju ta’ azzjoni għal responsabbiltà delittwali kontra bord ta’ kredituri, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, joriġinaw minn regoli speċifiċi għall-proċeduri ta’ insolvenza.

37      Fir-rigward tat-tieni kriterju, imsemmi fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li hija l-intensità tar-rabta li teżisti bejn azzjoni ġudizzjarja u l-proċedura ta’ insolvenza li hija determinanti sabiex jiġi deċiż jekk l-esklużjoni msemmija fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandhiex tiġi applikata (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, Tünkers France u Tünkers Maschinenbau, C-641/16, EU:C:2017:847, punt 28).

38      F’dan ir-rigward, sabiex jiġi vverifikat jekk ir-responsabbiltà tal-membri tal-bord ta’ kredituri hijiex suxxettibbli li tiġi ġġenerata minħabba ċ-ċaħda tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni, hemm lok li tiġi analizzata b’mod partikolari l-portata tal-obbligi li għandu dan il-bord fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza u l-kompatibbiltà tal-imsemmija ċaħda fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza u l-kompatibbiltà tal-imsemmija ċaħda ma’ dawn l-obbligi. Issa, għandu jiġi kkonstatat li tali analiżi għandha rabta diretta u stretta mal-proċedura ta’ insolvenza u hija, għalhekk, intimament marbuta mal-iżvolġiment ta’ din il-proċedura.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li azzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżulta direttament minn proċedura ta’ insolvenza, u hija marbuta strettament magħha, b’mod li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012.

40      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tapplika għal azzjoni għal responsabbiltà delittwali, mibdija kontra l-membri ta’ bord ta’ kredituri minħabba l-aġir tagħhom matul vot dwar pjan ta’ ristrutturazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza, u li, għalhekk, tali azzjoni hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ dan ir-regolament.

 Fuq l-ispejjeż

41      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tapplika għal azzjoni għal responsabbiltà delittwali, mibdija kontra l-membri ta’ bord ta’ kredituri minħabba l-aġir tagħhom matul vot dwar pjan ta’ ristrutturazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza, u li, għalhekk, tali azzjoni hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ dan ir-regolament.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.