Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Frar 2024 – DZ Bank vs SRB

(Kawża T-116/24)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: DZ Bank AG Deutsche Zentral-Genossenschaftsbank, Frankfurt am Main (Frankfurt am Main, il-Ġermanja) (rappreżentanti: H. Berger, M. Weber u D. Schoo avukati)

Konvenut: Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tbiddel id-deċiżjoni finali tal-Bord tal-Appell tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-15 ta’ Diċembru 2023 fil-Każijiet magħquda 2/2023 u 3/2023, b’tali mod li l-każ jintbagħat lura quddiem il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni;

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni finali tal-Bord tal-Appell tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-15 ta’ Diċembru 2023 fil-Każijiet magħquda 2/2023 u 3/2023;

tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.

L-ewwel motiv: id-deċiżjoni finali tikser l-Artikolu 85(3) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 1 , sa fejn, bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni, l-appell fil-Każ 3/2003 ġie miċħud bħala inammissibbli.

It-tieni motiv: id-deċiżjoni finali tikser l-Artikolu 81(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 moqri flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1 1 , sa fejn twettaq żball ta’ liġi meta ġie miċħud l-ewwel motiv fil-Każ 2/2023 dwar il-ksur mid-deċiżjoni konġunta fir-rigward tal-għażla tal-lingwa Ġermaniża magħmula mir-rikorrenti.

It-tielet motiv: id-deċiżjoni finali tikser l-Artikolu 12d(8) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 u l-Artikolu 296(2) TFUE, peress li hija bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata, fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv fil-Każ 2/2023, li d-deċiżjoni konġunta tinkludi motivazzjoni kompleta li hija suffiċjentement iddettaljata u konkreta għall-istabbiliment tal-livell tal-MREL 1 -LRE 2 u tar-rekwiżit ta’ subordinazzjoni.

Ir-raba’ motiv: id-deċiżjoni finali tikser ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 12d(3), moqri fid-dawl tal-Artikolu 27(7) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 12c(4) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, peress li hija bbażata fuq evalazzjoni żbaljata li l-obbligazzjonijiet pass-through għandhom jitqiesu li huma parti mill-obbligazzjonijiet u fondi proprji totali fis-sens ta’ dawn l-istandards.

Il-ħames motiv: id-deċiżjoni finali tikser ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 12d(3) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, peress li ma rrikonoxxietx il-portata tal-marġni ta’ evalwazzjoni li jirriżulta mill-imsemmi artikolu u l-oneru tal-prova impost fuq ir-rikorrenti fil-kuntest tal-invokazzjoni tal-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, kif ukoll żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mis-SRB.

Is-sitt motiv: id-deċiżjoni finali tikser it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12c(4) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, peress li ma rrikonoxxietx żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mis-SRB fl-istabbiliment tar-rekwiżiti ta’ subordinazzjoni fil-konfront tar-rikorrenti.

Is-seba’ motiv: sussidjarjament, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 12d(3) moqri fid-dawl tal-Artikolu 27(7)(a) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 u tal-Artikolu 12c(4) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 jiksru dritt ta’ livell ogħla (Artikoli 16, 17, 20 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea 1 ), sa fejn l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn self promozzjonali pass-through jitqiesu li huma parti mill-obbligazzjonijiet kollha, inklużi fondi proprji, fl-istabbiliment tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, u s-SRB ma għandu l-ebda marġni ta’ evalwazzjoni sabiex ma jikkunsidrahomx.

____________

1 Regolament Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).

1 Regolament tal-Kunsill Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3).

1 Rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli.

1 Skopertura tar-riskju.

1 ĠU 2012, C 326, p. 391.