Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Marzu 2021 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja

(Kawża C-166/21)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Perrin u M. Siekierzyńska, aġenti)

Konvenut: Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara, li billi ċaħdet lill-importatur ta’ alkoħol etiliku li jintuża għall-produzzjoni ta’ mediċini mill-eżenzjoni obbligatorja mit-taxxa tas-sisa fil-każ fejn dan ma jagħżilx il-proċedura ta’ sospensjoni tal-ġbir tas-sisa, ir-Repubblika tal-Polonja ma ssodisfatx l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 27(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku 1 u mill-prinċipju ta’ proporzjonalità;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-Repubblika tal-Polonja introduċiet leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha importatur ta’ alkoħol etiliku li jintuża għall-produzzjoni ta’ mediċini jiġi mċaħħad mill-eżenzjoni mit-taxxa tas-sisa fil-każ fejn dan ma jagħżilx il-proċedura ta’ sospensjoni tal-ġbir tas-sisa.

Fil-fehma tal-Kummissjoni dan jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 27(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83.

Skont din id-dispożizzjoni tad-Direttiva, fil-każ fejn l-alkoħol jintuża għall-produzzjoni ta’ mediċini, l-Istati Membri għandhom l-obbligu jeżentaw dan l-alkoħol mit-taxxa tas-sisa taħt kundizzjonijiet iddefiniti minnhom bil-għan li tiġi ggarantita l-applikazzjoni korretta u ġusta ta’ tali eżenzjonijiet kif ukoll il-prevenzjoni ta’ kull eventwali nuqqas ta’ applikazzjoni, evitar jew abbuż ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-fehma tal-Kummissjoni l-issuġġettar tal-eżenzjoni mit-taxxa tas-sisa għall-applikazzjoni ta’ proċedura ta’ sospensjoni tal-ġbir tas-sisa ma huwiex neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni korretta u ġusta tal-eżenzjoni u lanqas għall-prevenzjoni ta’ kull eventwali nuqqas ta’ applikazzjoni, evitar jew abbuż ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Dan huwa wkoll kuntrarju għall-prinċipju ta’ proporzjonalità.

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 206.