Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte dei conti - Sezione regionale di controllo per la Campania (l-Italja) fl-10 ta’ Marzu 2021 – Comune di Camerota

(Kawża C-161/21)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte dei conti - Sezione regionale di controllo per la Campania.

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Comune di Camerota.

Domandi preliminari

L-Artikolu 2 TUE (b’mod partikolari b’riferiment għall-prinċipju tal-Istat tad-dritt), l-Artikolu 19 TUE, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 120(1) u 126(1) TFUE, l-Artikoli 3(1), 6(1)(b) u 12 tad-Direttiva 2011/85/UE 1 , u l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 473/2013 2 , kif ukoll il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni Ewropea ta’ proporzjonalità, ta’ kooperazzjoni leali u ta’ effett utli deduċibbli mill-Artikolu 4 u mill-Artikolu5 TUE jipprekludu l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ emerġenza, bħal dik prevista fl-Artikolu 53(8) tad-Digriet Liġi Nru 104 tal-14 ta’ Awwissu 2020, ikkonvertit b’emendi bil-Liġi Nru 126 tat-13 ta’ Ottubru 2020, fis-sens li din tipprevjeni, anki jekk temporanjament (mill-15 ta’ Awwissu 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2021, u għalhekk tassew lil hinn mill-perijodu tat-terminu tal-istat ta’ emerġenza), l-istħarriġ ġudizzjarju effettiv u f’waqtu tal-osservanza tar-regoli baġitarji fdat, konformament mal-qafas ġuridiku kostituzzjonali u leġiżlattiv intern, lil qorti indipendenti, speċjalizzata fil-qasam tal-kontabbiltà, bħal ma hija l-Corte di conti (il-Qorti tal-Awdituri), billi tissospendi, b’mod partikolari, il-funzjoni ġudizzjarja ta’ stħarriġ fil-konfront tal-entitajiet lokali li jinsabu f’kundizzjonijiet ta’ żbilanċ strutturali li jista’ jiġġenera l-instabbiltà u bdew proċess ta’ konsolidament fuq perijodu twil u li jeħtieġu – proprju għal tali raġuni, minbarra li minħabba d-diffikultajiet li jirriżultaw mal-kriżi tas-saħħa – iktar mill-entitajiet l-oħra, li jkunu suġġetti għal monitoraġġ indipendenti, effettiv u f’waqtu, li jevita l-aggravar tal-kriżi finanzjarja u li d-devjazzjoni mill-proċess ta’ konsolidament ma tkunx tista’ titreġġa lura u twassal għall-instabbiltà tal-entità?

L-Artikoli 3(3) TUE, l-Artikolu 3(1)(b), l-Artikolu 119(1) u (2) u l-Artikolu 120 TFUE, l-Artikolu 1 u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/7/UE 3 , u l-Protokoll (Nru 27) dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni – jipprekludu l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ emerġenza, bħal dik prevista fl-Artikolu 53(9) tad-Digriet Liġi Nru 104 tal-14 ta’ Awwissu 2020, ikkonvertit b’emendi bil-Liġi Nru 126 tat-13 ta’ Ottubru 2020, fis-sens li din tippermetti każ ġdid ta’ sospensjoni, mill-15 ta’ Awwissu 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2021, tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni tal-kredituri tal-entitajiet li kisbu l-approvazzjoni tal-pjan ta’ bbilanċjar mill-ġdid, immotivat biss b’riferiment għall-emerġenza tas-saħħa, li jiżdied ma dak li minnu diġà bbenefikaw dawn l-entitajiet bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 243-bis(4) u 243-quater (5) tat-Tuel [id-Digriet Leġiżlattiv Nru 267 tat-18 ta’ Awwissu 2000], mingħajr ma tali sospensjoni ma tkun segwita mill-istabbiliment ta’ proċedura kollettiva li toffri metodu alternattiv sabiex jiġi ssodisfatt il-kreditu, bil-konsegwenzi li tali sospensjoni ulterjuri u twila tal-proċedura eżekuttiva tinvolvi f’termini ta’ aggravar ulterjuri tal-ħlas tardiv tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u għaldaqstant tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-kompetittività tal-impriżi kreditriċi?

____________

1     Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU 2011, L 306, p. 41).

2     Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU 2013, L 140, p. 11).

3     Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU 2011, L 48, p. 1).