Language of document : ECLI:EU:T:2018:873

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir‑Raba’ Awla Estiża)

4 ta’ Diċembru 2018 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali u membri tal-persunal bil-kuntratt – Riforma tar-Regolamenti tal-Persunal tal-1 ta’ Jannar 2014 – Artikolu 6 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal – Dispożizzjonijiet ġodda relatati mal-leave annwali applikabbli għall-uffiċjali assenjati f’pajjiż terz – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Skop tal-leave annwali”

Fil-Kawża T‑518/16,

Francisco Carreras Sequeros, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, residenti f’Addis Ababa (l-Etjopja), u l-uffiċjali u l-membri tal-persunal l-oħra tal-Kummissjoni Ewropea li isimhom jidher fl-anness (1), irrappreżentati minn S. Orlandi u T. Martin, avukati,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn J. Currall u G. Gattinara, sussegwentement minn G. Gattinara u A.-C. Simon, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

IlParlament Ewropew, irrappreżentat minn J. Steele u E. Taneva, bħala aġenti,

u minn

IlKunsill tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn M. Bauer u M. Veiga, sussegwentement minn M. Bauer u R. Meyer, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjonijiet li jnaqqsu n-numru ta’ ġranet ta’ leave annwali tar-rikorrenti mis-sena 2014,

IL‑QORTI ĠENERALI (Ir‑Raba’ Awla Estiża)

komposta minn H. Kanninen, President, J. Schwarcz, C. Iliopoulos, L. Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín (Relatur) u I. Reine, Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-21 ta’ Novembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Francisco Carreras Sequeros u l-persuni l-oħra li isimhom jidher fl-anness, huma uffiċjali jew membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Kummissjoni Ewropea. Huma ġew kollha assenjati f’pajjiżi terzi u kienu diġà hekk assenjati qabel l-1 ta’ Jannar 2014.

2        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal bil-kuntratt skont l-Artikoli 16 u 91 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”), l-uffiċjali u l-membri tal-persunal għandhom dritt, għal kull sena kalendarja, għal leave annwali ta’ mhux inqas minn 24 jum ta’ xogħol u mhux iktar minn 30 jum ta’ xogħol, konformement mar-regolamentazzjoni li għandha tiġi stabbilita bi ftehim komuni bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal. Skont din id-dispożizzjoni, in-numru ta’ ġranet ta’ leave annwali ġie stabbilit għal 24 jum ta’ leave li magħhom jiżdiedu ġranet ta’ leave supplimentari allokati skont l-età u l-grad fil-limiti tat-30 jum imsemmija hawn fuq.

3        L-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal madankollu jistabbilixxi dispożizzjonijiet partikolari u derogatorji applikabbli għall-uffiċjali assenjati fil-pajjiżi terzi. Skont l-Artikolu 118 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, uħud minn dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw b’analoġija għall-membri tal-persunal bil-kuntratt li jkunu jinsabu fl-istess sitwazzjoni. Dan huwa l-każ tal-Artikolu 6 ta’ dan l-anness.

4        L-Artikolu 6 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg (ĠU 2013, L 287, p. 15, rettifika fil-ĠU 2015, L 175, p. 126), kien jipprovdi għall-persunal assenjat f’pajjiż terzi, dan li ġej:

“Kull sena kalendarja, l-uffiċjal ikun intitolat għal leave fis-sena ta’ tlett ġranet utli u nofs għal kull xahar ta’ servizz.”

5        Fil-premessa 27 tar-Regolament Nru 1023/2013, il-leġiżlatur tal-Unjoni madankollu indika dan li ġej:

“Huwa xieraq li jiġu modernizzati l-kondizzjonijiet ta’ xogħol tal-persunal impjegat f’pajjiżi terzi u, biex dawn isiru aktar kosteffiċjenti filwaqt li jiġġeneraw iffrankar tal-ispejjeż. L-intitolamenti għal-leave annwali għandhom ikunu aġġustati, u għandha tiġi prevista l-possibbiltà li tiddaħħal firxa usa’ ta’ parametri għall-iffissar tal-allowance għall-kondizzjonijiet ta’ għajxien mingħajr ma jintlaqat l-għan ġenerali ta’ ġenerazzjoni ta’ ffrankar tal-ispejjeż. Il-kondizzjonijiet għall-għoti tal-allowance tal-akkomodazzjoni għandhom ikunu riveduti biex iqisu aħjar il-kondizzjonijiet lokali u jonqos il-piż amministrattiv.”

6        Sa mid-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Jannar 2014, tal-Artikolu 1(70)(a) tar-Regolament Nru 1023/2013, l-Artikolu 6 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem l-“Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal”) jipprovdi, dejjem f’dak li jikkonċerna l-uffiċjali assenjati f’pajjiż terz, dan li ġej:

“Uffiċjal għandu jkun intitolat, għal kull sena kalendarja, għal leave annwali ta’ jumejn ta’ xogħol għal kull xahar ta’ servizz.

Minkejja l-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, l-uffiċjali li jkunu assenjati f’pajjiż terz fl-1 ta’ Jannar 2014 għandhom ikunu intitolati għal:

–        tlett ijiem tax-xogħol mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2014;

–        jumejn u nofs tax-xogħol mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2014.”

7        Il-fajls personali tar-rikorrenti ġew aġġornati sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal u r-rikorrenti għalhekk ġew allokati 36 jum ta’ xogħol bħala leave annwali għas-sena 2014 kontra 42 tas-sena preċedenti.

8        Ir-rikorrenti ressqu lmenti bejn is-17 ta’ Frar u t-13 ta’ Marzu 2014. Dawn l-ilmenti ġew miċħuda, skont il-każijiet, mill-Awtorità tal-Ħatra jew mill-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ (iktar ’il quddiem l-“awtorità kompetenti”), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-23 ta’ Mejju 2014, kollha fformulati bl-istess mod.

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea fit-2 ta’ Settembru 2014, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors, li ġie rreġistrat bin-numru F‑88/14.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Novembru 2014, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li jissospendi l-proċedura f’din il-kawża sakemm il-Kawżi T‑17/14, U4U et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, u T‑23/14, Bos et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, ikunu kisbu l-awtorità ta’ res judicata.

11      B’atti ppreżentati, rispettivament fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid-29 ta’ Ottubru 2014 u fil-5 ta’ Frar 2015, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew talbu sabiex jintervjenu f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

12      Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE, Euratom) 2016/1192 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-ġuriżdizzjoni fl-ewwel istanza f’tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha (ĠU 2016, L 200, p. 137), din il-kawża ġiet ittrasferita lill-Qorti Ġenerali hekk kif kienet fil-31 ta’ Awwissu 2016 u issa għandha tiġi ttrattata konformement mar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, din il-kawża ġiet irreġistrata bin-numru T‑518/16 u ġiet ikkonferita lir-Raba’ Awla.

13      Il-kawżi pendenti li fir-rigward tagħhom il-proċedura kienet ġiet sospiża taw lok għas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489), u għad-digriet tal-11 ta’ Novembru 2014, Bos et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑23/14, mhux ippubblikat, EU:T:2014:956). Din is-sentenza u dan id-digriet ma ġewx appellati u kisbu l-awtorità ta’ res judicata.

14      Il-Kunsill u l-Parlament ġew ammessi jintervjenu f’din il-proċedura permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Marzu 2017.

15      Fuq proposta tar-Raba’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fl-20 ta’ Settembru 2017, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tirrinvija l-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

16      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) iddeċidiet, fit-18 ta’ Ottubru 2017, li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, tistieden qabel is-seduta l-partijiet sabiex iwieġbu għal xi mistoqsijiet bil-miktub. Il-partijiet ikkonformaw ruħhom mat-talba tal-Qorti Ġenerali fit-terminu mogħti.

17      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-21 ta’ Novembru 2017.

18      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara u tistabbilixxi li l-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal huwa illegali;

–        tannulla d-deċiżjonijiet dwar it-tnaqqis tal-leave annwali tagħhom “[mis-sena] 2014”;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

19      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

20      Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors.

21      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara infondata l-eċċezzjoni ta’ illegalità dwar l-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal;

–        tiċħad ir-rikors.

III. Id-dritt

A.      Fuq l-ewwel kap tat-talbiet, intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tiddikjara l-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal bħala illegali

22      Ir-rikorrenti jitolbu, fl-ewwel kap tat-talbiet tagħhom, li l-Qorti Ġenerali tiddikjara bħala illegali l-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

23      Il-Kummissjoni u l-Parlament iqisu li l-konstatazzjoni ta’ illegalità, fit-tmiem tal-eżami ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità, tista’ tkun biss ta’ natura inċidentali u ma tistax tidher fid-dispożittiv ta’ sentenza, b’tali mod li l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti huwa inammissibbli bħala tali.

24      Huwa minnu li ma hijiex il-qorti tal-Unjoni li għandha tagħmel konstatazzjonijiet ta’ prinċipju fid-dispożittiv tas-sentenzi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2004, De Nicola vs BEI, T‑120/01 u T‑300/01, EU:T:2004:367, punti 136 u 137). Madankollu, f’dan il-każ, huwa ċar li l-ewwel kap tat-talbiet għandu jinftiehem bħala li ma huwiex differenti mit-tieni kap tat-talbiet, peress li, kif jirrilevaw il-Kummissjoni u l-Parlament stess, essenzjalment, ir-rikorrenti jqajmu, b’mod inċidentali, l-illegalità tal-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal insostenn tat-talba tagħhom għall-annullament tad-deċiżjonijiet li jirrigwardaw it-tnaqqis tal-leave annwali tagħhom “[mis-sena] 2014”.

B.      Fuq it-tieni kap tat-talbiet, intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet li jirrigwardaw it-tnaqqis tat-tul tal-leave annwali tar-rikorrenti “[mis-sena] 2014”

1.      Fuq is-suġġett tat-tieni kap tat-talbiet

25      Ir-rikorrenti jitolbu, fit-tieni kap tat-talbiet tagħhom, l-annullament tad-deċiżjonijiet li applikaw tnaqqis tad-dritt għal leave annwali tagħhom “[mis-sena] 2014”.

26      Bi tweġiba għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt 16 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti madankollu ppreċiżaw li r-rikors, ippreżentat fl-2014, kellu fir-realtà jinftiehem bħala intiż kontra d-deċiżjonijiet li naqqsu n-numru ta’ ġranet ta’ leave annwali f’dik is-sena (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”) u li ma kienx jirrigwarda l-legalità tad-deċiżjonijiet meħuda dwar il-qasam fl-2015 u fl-2016.

2.      Fuq il-konsegwenzi tal-limitazzjoni tas-suġġett tar-rikors fuq l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti

27      Billi d-deċiżjonijiet ikkontestati stabbilixxew biss in-numru ta’ ġranet ta’ leave annwali għas-sena 2014, tqum il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti għandhomx id-dritt iqajmu, kif għamlu, motivi bbażati fuq eċċezzjonijiet ta’ illegalità diretti kontra mhux biss l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar il-leave annwali ta’ dik is-sena, iżda b’mod aktar wiesa’ kontra l-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu li jiddetermina n-numru ta’ ġranet ta’ leave annwali mis-sena 2016.

28      Bi tweġiba għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt 16 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti sostnew li huma kellhom interess li jqajmu l-illegalità tal-Artikolu 6 il-ġdid kollu tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal u li l-fażi tranżitorja stabbilita permezz tal-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tiegħu ma kinitx separabbli mill-ewwel paragrafu, li skont dan l-uffiċjali u l-membri tal-persunal assenjati f’pajjiżi terzi minn dak iż-żmien kellhom dritt biss għal 24 jum ta’ leave fis-sena.

29      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni u l-Kunsill qiesu li l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità mqajma ma setgħux ikollhom bħala suġġett ħlief l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li l-eċċezzjoni ta’ illegalità ma kinitx tikkostitwixxi dritt ta’ azzjoni awtonomu u għalhekk setgħet ikollha biss portata inċidentali, limitata mis-suġġett tar-rikors.

30      Skont ġurisprudenza stabbilita, eċċezzjoni ta’ illegalità, imqajma b’mod inċidentali skont l-Artikolu 277 TFUE, fil-mument tal-kontestazzjoni fil-kawża prinċipali tal-legalità ta’ att terz, hija ammissibbli biss jekk teżisti rabta ta’ konnessjoni bejn dan l-att u r-regola li l-allegata illegalità tagħha hija eċċepita. Sa fejn l-Artikolu 277 TFUE ma għandux bħala għan li jippermetti li parti tikkontesta l-applikabbiltà ta’ kwalunkwe att ta’ natura ġenerali li jkun insostenn ta’ kwalunkwe rikors, il-portata ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tkun limitata għal dak li huwa indispensabbli għas-soluzzjoni tat-tilwima (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2015, Health Food Manufacturers’ Association et vs Il‑Kummissjoni, T‑296/12, EU:T:2015:375, punt 170 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan jirriżulta li l-att ġenerali li l-illegalità tiegħu hija mqajma għandu jkun applikabbli, direttament jew indirettament, għall-każ li huwa s-suġġett tar-rikors u għandha teżisti rabta legali diretta bejn id-deċiżjoni individwali kkontestata u l-att ġenerali inkwistjoni (sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2017, Fernández González vs Il‑Kummissjoni, T‑455/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:169, punt 34, u tat‑22 ta’ Novembru 2017, von Blumenthal et vs BEI, T‑558/16, EU:T:2017:827, punt 71).

31      Madankollu, l-Artikolu 277 TFUE għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa biżżejjed bil-għan li jiġi żgurat stħarriġ effettiv tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet ta’ natura ġenerali favur persuni esklużi mir-rikors dirett kontra tali atti (sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 1993, Reinarz vs Il‑Kummissjoni, T‑6/92 u T‑52/92, EU:T:1993:89, punt 56, u tal-21 ta’ Ottubru 2010, Agapiou Joséphidès vs Il‑Kummissjoni u EACEA, T‑439/08, mhux ippubblikata, EU:T:2010:442, punt 50). Għalhekk il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 277 TFUE għandu jiġi estiż għall-atti tal-istituzzjonijiet li kienu rilevanti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors għal annullament (sentenzi tal-4 ta’ Marzu 1998, De Abreu vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑146/96, EU:T:1998:50, punt 27, u tat-2 ta’ Ottubru 2001, Martinez et vs Il‑Parlament, T‑222/99, T‑327/99 u T‑329/99, EU:T:2001:242, punt 135), fis-sens li din id-deċiżjoni hija essenzjalment ibbażata fuqhom (sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2015, Health Food Manufacturers’ Association et vs Il‑Kummissjoni, T‑296/12, EU:T:2015:375, punt 172), anki jekk dawn ma kkostitwixxewx formalment il-bażi legali tagħha (sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2001, Martinez et vs Il‑Parlament, T‑222/99, T‑327/99 u T‑329/99, EU:T:2001:242, punt 135; tal-20 ta’ Novembru 2007, Ianniello vs Il‑Kummissjoni, T‑308/04, EU:T:2007:347, punt 33, u tat-2 ta’ Ottubru 2014, Spraylat vs ECHA, T‑177/12, EU:T:2014:849, punt 25).

32      F’dan il-każ, ir-rikorrenti kienu jibbenefikaw minn 42 jum bħala leave annwali fl‑2013 skont l-Artikolu 6 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal fil-verżjoni tagħhom qabel id-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 1(70)(a) tar-Regolament Nru 1023/2013. Fl-2014, id-data tal-preżentata tar-rikors, huma kienu jibbenefikaw biss minn 36 jum ta’ leave annwali skont l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal. Fl‑2015, huma setgħu ikollhom biss 30 jum bħala leave annwali skont it-tieni inċiż tat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu. Fl-aħħar nett, mis-sena 2016, ir-rikorrenti ma kellhomx ikollhom iktar dritt, bħala prinċipju, ħlief għal 24 jum ta’ leave fis-sena, konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

33      Għalhekk, l-awtorità kompetenti ma għandha l-ebda marġni ta’ manuvra sabiex tiddetermina n-numru ta’ ġranet ta’ leave annwali. Barra minn hekk, minn interpretazzjoni kuntestwali u sistematika tal-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tiegħu, direttament applikabbli għad-deċiżjonijiet ikkontestati, jikkostitwixxi dispożizzjoni tranżitorja, filwaqt li l-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu jifforma s-sistema definittiva ġdida fil-qasam ta’ leave annwali ta’ uffiċjali u tal-membri tal-persunal assenjati f’pajjiżi terzi.

34      Għalhekk għandu jitfakkar li n-natura stess ta’ perijodu tranżitorju hija li tiġi organizzata t-tranżizzjoni progressiva ta’ sistema lejn oħra (sentenzi tas-6 ta’ Lulju 2017, Bodson et vs BEI, T‑508/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:469, punt 117, u tat-12 ta’ Frar 2014, Bodson et vs BEI, F‑83/12, EU:F:2014:15, punt 139) sabiex jiġu solvuti diffikultajiet inerenti għat-twaqqif tas-sistema l-ġdida jew sabiex tiġi evitata bidla f’daqqa tas-sistema preċedenti.

35      Fid-dawl tar-rabta li tgħaqqad id-dispożizzjonijiet tranżitorji mad-dispożizzjonijiet finali, billi tal-ewwel ma għandhom ebda raġuni sabiex jeżistu mingħajr it-tieni, u fid-dawl tal-assenza ta’ marġni ta’ manuvra tal-awtorità kompetenti, hemm lok li jiġi kkunsidrat, f’dan il-każ, li teżisti rabta legali diretta bejn id-deċiżjonijiet ikkontestati u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal u li, billi dan l-ewwel paragrafu kien ir-riżultat tal-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, dan huwa tal-inqas indirettament applikabbli għal dawn id-deċiżjonijiet sa fejn kien rilevanti għall-adozzjoni tagħhom, sa fejn dawn kienu essenzjalment ibbażati fuqu, anki jekk ma kienx formalment jikkostitwixxi l-bażi legali tagħhom.

36      Ukoll id-deċiżjonijiet ikkontestati kienu jikkostitwixxu fir-rigward tar-rikorrenti l-ewwel applikazzjoni tal-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, bil-konsegwenza li, mill-2016, huma ma kinux jibbenefikaw iktar ħlief minn 24 jum ta’ leave.

37      Madankollu, il-Kummissjoni sostniet waqt is-seduta li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors fl-2014, l-applikazzjoni, minn 2016, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal lir-rikorrenti kienet ipotetika.

38      Ċertament, mit-tweġibiet tar-rikorrenti għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt 16 iktar ’il fuq jirriżulta li tnejn minnhom kienu minn dak iż-żmien ġew assenjati fi Brussell (il-Belġju). Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-applikazzjoni lir-rikorrenti tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal mis-sena 2016 kienet ipotetika fl-2014. Barra l-fatt li waħda mill-persuni kkonċernati ġiet assenjata fi Brussell unikament fl-1 ta’ Settembru 2017, huma kienu intiżi, bħala uffiċjali jew membri tal-persunal assenjati f’pajjiżi terzi, fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tal-Kooperazzjoni Internazzjonali u Żvilupp, sabiex din id-dispożizzjoni tiġi applikata fil-konfront tagħhom.

39      Għaldaqstant, anki jekk id-deċiżjonijiet ikkontestati huma formalment ibbażati fuq id-dispożizzjoni tranżitorja li tikkonċerna biss is-sena 2014, li tinsab fl-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrenti għandhom dritt jikkontestaw ukoll, permezz ta’ eċċezzjoni, il-legalità tas-sistema definittiva tal-leave annwali stabbilita mill-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu.

3.      Fuq il-motivi

a)      Osservazzjoni preliminari

40      Fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti sostnew li l-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal kiser in-natura partikolari u l-għan tad-dritt għal leave annwali, il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal.

41      Madankollu, fid-dawl tas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489), ir-rikorrenti rrinunzjaw għall-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal.

42      Barra minn hekk, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti kkunsidraw li t-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali kellu jinftiehem bħala li kien bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

43      Fl-aħħar nett, l-iżviluppi tar-rikors jinkludu kunsiderazzjonijiet dwar id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja li dwarhom hemm lok li jiġi kkunsidrat li dawn jiffurmaw motiv separat.

44      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali hija adita b’erba’ motivi, ibbażati, rispettivament, fuq il-ksur:

–        tan-natura partikolari u tal-għan tad-dritt għal leave annwali,

–        tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament,

–        tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi,

–        tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-ħajja tal-familja.

b)      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tan-natura speċifika u tal-għan tad-dritt għal leave annwali

1)      L-argumenti tal-partijiet

45      Billi bbażaw ruħhom fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari fuq is-sentenza tagħha tad-19 ta’ Settembru 2013, Eżami mill-ġdid Il‑Kummissjoni vs Strack (C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570), ir-rikorrenti jsostnu li d-dritt għal-leave annwali huwa prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li għandu importanza partikolari. Illum dan huwa stabbilit mill-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u huwa ggarantit, fost oħrajn, mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381). Ir-rikorrenti jsostnu li, skont il-ġurisprudenza, dan id-dritt għandu għan doppju, jiġifieri, li jippermetti lill-ħaddiem, minn naħa, li jistrieħ fil-konfront tat-twettiq tal-kompiti imposti fuqu u, min-naħa l-oħra, li jkollu perijodu ta’ serħan u ta’ ħin liberu. Issa, ir-regoli iktar vantaġġużi li kienu jibbenefikaw minnhom l-uffiċjali u l-membri tal-persunal assenjati f’pajjiżi terzi fil-qasam tal-leave annwali kellhom preċiżament bħala għan li jikkumpensaw l-inkonvenjenzi marbuta mal-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-post tal-assenjazzjoni tagħhom, dejjem ikkunsidrati bħala partikolari u anki diffiċli.

46      F’dan il-kuntest, mill-ġurisprudenza u mill-premessa 4 tad-Direttiva 2003/88 jirriżulta li t-titjib tas-sigurtà, tal-iġjene u tas-saħħa tal-ħaddiema permezz tal-applikazzjoni tad-dritt għal leave annwali jirrappreżenta għan li ma jistax ikun suġġett għal kunsiderazzjonijiet ta’ natura purament ekonomika. Għaldaqstant, it-tnaqqis tad-dritt għal-leave annwali tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal assenjati f’pajjiżi terzi kien ġie ġġustifikat, fil-premessa 27 tar-Regolament Nru 1023/2013, minn tali raġuni, jiġifieri t-titjib tal-kosteffiċjenza ta’ dan il-persunal u tan-neċessità li jiġu ffrankati l-ispejjeż. Barra minn hekk, il-fatt li dan it-tnaqqis kien ukoll ġie ġġustifikat mill-interess tas-servizz, u b’mod partikolari, minn dak tad-delegazzjonijiet żgħar, li l-funzjonament tagħhom kien ġie affettwat mid-diversi assenzi tal-persunal tagħhom, jikkostitwixxi affermazzjoni mhux sostnuta li ma tistax tapplika fil-każijiet kollha. Barra minn hekk, l-għan ta’ modernizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol allegatament marbuta mal-iżvilupp tal-metodi ta’ trasport u ta’ komunikazzjoni, invokat mill-Kummissjoni u mill-Parlament, ukoll ma jistax jiġġustifika t-tnaqqis kontenzjuż, peress li dan ir-raġunament iwassal sabiex jgħawwar progressivament id-dritt għal-leave annwali mingħajr rigward għall-għan tiegħu.

47      Barra minn hekk, il-fatt li n-numru ta’ ġranet ta’ leave annwali previst mill-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jibqa’ ogħla minn dak previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 ma jimplikax li dan l-artikolu il-ġdid jiżgura protezzjoni adegwata tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, tas-saħħa u tas-sigurtà tar-rikorrenti. Fil-fatt, id-Direttiva 2003/88 hija intiża unikament sabiex jiġi żgurat livell minimu ta’ protezzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva jinkludi klawżola ta’ nuqqas ta’ tnaqqis li minnha jirriżulta li t-tnaqqis tan-numru ta’ ġranet ta’ leave ma jistax jiġi ġġustifikat mill-fatt biss li jibqa’ ogħla minn dak previst mill-Artikolu 7 msemmi hawn fuq.

48      F’kull każ, id-deterjorazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tar-rikorrenti jaffettwa b’mod sproporzjonat il-ħajja professjonali tagħhom u s-saħħa tagħhom.

49      Fl-aħħar nett, minkejja s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-leġiżlatur, dan kellu jevalwa l-konsegwenzi tat-tnaqqis tan-numru ta’ ġranet ta’ leave annwali fuq is-saħħa u s-sigurtà tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal assenjati f’pajjiżi terzi, għaliex il-prassi ħolqot preżunzjoni li x-xogħol imwettaq f’pajjiżi terzi huwa iktar diffiċli minn dak imwettaq fis-sedi tal-istituzzjonijiet. Bl-istess mod, il-leġiżlatur kellu jimmotiva b’mod suffiċjenti d-deterjorazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persuni kkonċernati. Issa, tali evalwazzjoni u tali motivazzjoni huma nieqsa f’dan il-każ.

50      Il-Kummissjoni, b’argumenti li l-Parlament u l-Kunsill jaqblu magħhom, tikkontesta l-ewwel nett ir-rilevanza tas-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Eżami mill-ġdid Il‑Kummissjoni vs Strack (C‑579/12 RX-II, EU:C:2013:570).

51      Il-Kummissjoni kif ukoll il-Parlament u l-Kunsill josservaw ukoll li l-leġiżlatur ippreveda, fil-premessa 14 tad-Direttiva 2003/88, li “normi speċifiċi stabbiliti fi strumenti oħrajn tal-Komunità” jistgħu jieħdu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet tagħha. Dan huwa l-każ tal-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, in-numru ta’ ġranet ta’ leave annwali stabbilit minn dan l-artikolu jibqa’ ogħla għal-leave ta’ “mill-anqas erba’ ġimgħat” previst bħala tul minimu ta’ leave mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88. Għalhekk, l-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal ma jippreġudikax is-sustanza tad-dritt għal-leave annwali.

52      Barra minn hekk, il-leġiżlatur ma kellux bħala skop biss għan ta’ natura ekonomika meta adotta l-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal. Għall-kuntrarju, mill-premessa 27 tar-Regolament Nru 1023/2013 jirriżulta li dan kien isegwi wkoll bħala għan li jiġu mmodernizzati l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal impjegat f’pajjiżi terzi, jiġifieri rekwiżit amministrattiv intiż sabiex il-kundizzjonijiet tax-xogħol jiġu adattati għall-iżvilupp tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali. F’dan ir-rigward, il-Kunsill josserva li leave annwali ta’ 42 jum ta’ xogħol iqajjem problemi fid-delegazzjonijiet żgħar, li, mill-fatt ta’ dan il-leave u minħabba assenzi għal raġunijiet oħra, mhux dejjem ikollhom il-persunal suffiċjenti sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tagħhom. Il-Kummissjoni u l-Parlament jirrilevaw, min-naħa tagħhom, li, bejn l-2004 u l-2014, is-sitwazzjoni li kienet iġġustifikat parzjalment is-sistema preċedenti żviluppat mill-fatt li l-komunikazzjonijiet permezz tal-internet u t-titjiriet bi prezz baxx għaddew minn żviluppi sinjifikattivi.

53      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jurux li l-leġiżlatur aġixxa bi ksur tad-dritt għal-leave annwali, li għandu jippermetti lill-ħaddiem, minn naħa, li jistrieħ u, min-naħa l-oħra, li jibbenefika minn perijodu ta’ serħan u ta’ ħin liberu. F’dan ir-rigward, il-“prassi” preċedenti li minnha tirriżulta allegata preżunzjoni li x-xogħol imwettaq f’pajjiżi terzi huwa diffiċli, anki jekk tiġi stabbilita, ma tista’ bl-ebda mod torbot lil-leġiżlatur, peress li dan għandu marġni ta’ manuvra wiesgħa sabiex jadatta r-Regolamenti tal-Persunal mal-iżvilupp tal-kuntest ekonomiku u soċjali u sabiex fi kwalunkwe mument ibiddel u f’sens sfavorevoli d-drittijiet u l-obbligi tal-uffiċjali.

54      Fi kwalunkwe każ, il-leġiżlatur kien ħa inkunsiderazzjoni r-restrizzjonijiet partikolari inerenti għas-sitwazzjoni tal-persunal li jaħdem f’pajjiżi terzi, minn naħa, fl-Artikolu 7 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, li jikkonċerna l-kalkolu tat-tul tal-leave waqt it-teħid jew il-waqfien ta’ funzjonijiet f’pajjiż terz u t-trasferiment ta’ ġranet ta’ leave annwali mhux meħuda, kif ukoll, min-naħa l-oħra, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar leave għal raġuni ta’ distanza.

55      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-atti ta’ portata ġenerali huma mmotivati biżżejjed meta l-leġiżlatur jispjega, anki jekk fil-qosor, il-parti essenzjali tal-miżuri. Għaldaqstant, ma jirriżulta minn ebda dispożizzjoni jew prinċipju li l-leġiżlatur kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-effetti tat-tnaqqis tal-leave annwali fuq is-saħħa u s-sigurtà tal-uffiċjali jew imissu evalwa l-portata ta’ dan it-tnaqqis meta mqabbel mal-għan ġenerali ta’ titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom jew ukoll li huwa kellu juri l-kisbiet fl-effiċjenza li dan it-tnaqqis jippermetti.

2)      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

i)      Osservazzjoni preliminari

56      L-ewwel nett, għandha tiġi eżaminata r-rilevanza, għal dan il-każ, tas-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Eżami mill-ġdid Il-Kummissjoni vs Strack (C‑579/12 RX-II, EU:C:2013:570), li fuqha jibbażaw ruħhom ir-rikorrenti fil-parti l-kbira.

57      Kif isostnu kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Parlament u l-Kunsill, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha, f’din is-sentenza, sabiex tiddeċiedi dwar dispożizzjoni li torganizza, fuq il-bażi tad-dritt, mekkaniżmu ta’ trasferiment minn sena għall-oħra ta’ ġranet ta’ leave mhux meħuda.

58      Madankollu għalkemm, f’din il-kawża, is-sitwazzjoni hija kkaratterizzata minn emenda leġiżlattiva li tnaqqas it-tul tal-leave annwali, il-preċiżazzjonijiet li din is-sentenza ġġib li jikkonċernaw b’mod partikolari n-natura ta’ dan il-leave u l-iskop tiegħu, il-kundizzjonijiet li fihom direttiva tista’ tiġi invokata fir-rigward ta’ istituzzjoni u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Karta għall-istituzzjonijiet huma rilevanti f’dan il-każ.

59      Madankollu, ir-rikorrenti jiddeduċu preċiżament in-natura partikolari u l-għan tad-dritt għal leave annwali li huma jinvokaw mid-Direttiva 2003/88 u mill-ġurisprudenza relatata magħha. Hemm ukoll lok li jiġi eżaminat ukoll b’mod preliminari sa fejn din id-direttiva tista’ tiġi invokata f’dan il-każ.

ii)    Fuq il-possibbiltà li tiġi invokata d-Direttiva 2003/88 fil-konfront tal-leġiżlatur tal-Unjoni

60      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, peress li d-direttivi huma indirizzati lill-Istati Membri u mhux lill-istituzzjonijiet jew lill-korpi tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 ma jistgħux jitqiesu bħala li jimponu inkwantu tali obbligi fuq l-istituzzjonijiet fir-relazzjonijiet tagħhom mal-persunal tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, TAO-AFI u SFIE-PE vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑456/14, EU:T:2016:493, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Madankollu, kif dan ġie diġà deċiż, iċ-ċirkustanza li direttiva ma torbotx, bħala tali, lill-istituzzjonijiet ma tistax teskludi li r-regoli jew prinċipji stipulati f’din id-direttiva jistgħu jiġu invokati kontra istituzzjonijiet meta dawn stess jidhru biss bħala l-espressjoni speċifika ta’ regoli fundamentali tat-trattat u ta’ prinċipji ġenerali li japplikaw direttament għall-imsemmija istituzzjonijiet. Bl-istess mod, direttiva tista’ torbot istituzzjoni meta din, fil-kuntest tal-awtonomija organizzattiva tagħha u fil-limiti tar-Regolamenti tal-Persunal, kellha l-intenzjoni li teżegwixxi obbligu partikolari stabbilit minn direttiva jew ukoll fil-każ fejn att ta’ portata ġenerali ta’ applikazzjoni interna jirreferi huwa stess espressament għall-miżuri stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni skont Trattati. Fl-aħħar nett, l-istituzzjonijiet għandhom, konformement mad-dmir ta’ lealtà impost fuqhom, jikkunsidraw, fl-aġir tagħhom bħala persuna li timpjega, dispożizzjonijiet leġiżlattivi adottati fuq l-iskala tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, TAO-AFI u SFIE-PE vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑456/14, EU:T:2016:493, punti 73 u 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      F’dan il-każ, ir-rikorrenti jikkunsidraw, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, li l-Artikolu 1(e)(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxi att ta’ portata ġenerali ta’ applikazzjoni interna li jirreferi għad-Direttiva 2003/88.

63      Huwa minnu, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Settembru 2013, Eżami mill-ġdid Il‑Kummissjoni vs Strack (C‑579/12 RX-II, EU:C:2013:570, punt 43), li l-Artikolu 1(e)(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kien jipprevedi regoli bħal dawk li d-Direttiva 2003/88 kienet tinkludi, peress li kemm dan l-artikolu kif ukoll din id-direttiva kellhom bħala għan li jistabbilixxu ħtiġijiet minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa fl-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fejn fosthom kien hemm il-perijodi minimi ta’ leave annwali.

64      Madankollu, fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Settembru 2013, Eżami mill-ġdid Il‑Kummissjoni vs Strack (C‑579/12 RX-II, EU:C:2013:570, punti 48 et seq.), il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet biss għad-Direttiva 2003/88 sabiex tinterpreta l-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal flimkien mal-Artikolu 1(e)(2) ta’ dawn l-istess regolamenti. Min-naħa l-oħra, billi l-annessi tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom l-istess valur legali daqs ir-Regolamenti tal-Persunal stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑40/10, EU:C:2010:713, punt 61, u d-digriet tat-13 ta’ Diċembru 2012, Mische vs Il‑Kummissjoni, T‑641/11 P, EU:T:2012:695, punt 41) u fl-assenza ta’ ġerarkija bejn id-Direttiva 2003/88 u r-Regolament Nru 1023/2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal, dan ir-regolament barra minn hekk ma jippreżentax ruħu bħala att iddelegat jew ta’ eżekuzzjoni ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑481/11, EU:T:2014:945, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-Artikolu 1(e)(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u d-Direttiva 2003/88 ma jistgħux jiġu invokati insostenn ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità sabiex l-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jiġi ddikjarat inapplikabbli.

65      Xorta jibqa’ l-fatt li, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, ir-rikorrenti jirreferu wkoll għall-Artikolu 31(2) tal-Karta u li huma espressament sostnew, bħala tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, li d-Direttiva 2003/88 hija invokabbli fil-konfront tal-leġiżlatur tal-Unjoni, sa fejn hija tirrifletti dritt fundamentali.

66      Għandu jitfakkar li mill-Artikolu 51(1) tal-Karta jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tagħha huma b’mod partikolari indirizzati lejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li huma konsegwentement obbligati li josservaw u li jippromwovu l-applikazzjoni tal-prinċipji li din tħaddan, fosthom id-dritt għal-leave annwali ggarantit mill-Artikolu 31(2) tal-Karta.

67      Għandu jitfakkar ukoll li l-ispjegazzjonijiet tal-Praesidium tal-Konvenzjoni dwar il-Karta (ĠU 2007, C 303, p. 17) għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tagħha, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u mal-Artikolu 52(7) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Eżami mill-ġdid Il‑Kummissjoni vs Stack, C‑579/12 RX-II, EU:C:2013:570, punt 27).

68      Issa, mill-ispjegazzjonijiet imsemmija fil-punt 67 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 31(2) tal-Karta jistabbilixxi b’mod partikolari s-sustanza tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE tat-23 ta’ Novembru 1993 dwar xi aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197), li ġiet sussegwentement issostitwita u kkodifikata bid-Direttiva 2003/88 (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Eżami mill-ġdid Il‑Kummissjoni vs Strack, C‑579/12 RX-II, EU:C:2013:570, punt 39). B’mod partikolari, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, dwar il-leave annwali, huwa identiku għall-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/104. Dan jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[l]-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika”.

69      Sa fejn id-Direttiva 2003/88 hija espressjoni konkreta tal-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, hekk kif dan jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet tal-Praesidium relatati miegħu (ara l-punt 67 iktar ’il fuq), il-leġiżlatur, li huwa marbut li josserva dan l-artikolu li għandu l-istess valur bħat-trattati, ma jistax ma jirreferix għall-kontenut ta’ din id-direttiva.

70      Ukoll l-applikazzjoni tal-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal għandha tiġi skartata jekk dan jirriżulta inkompatibbli mad-dritt għal leave annwali, li n-natura u l-għan tiegħu jirriżultaw mill-Artikolu 31(2) tal-Karta, moqri fid-dawl tad-Direttiva 2003/88.

71      Għaldaqstant, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika jekk l-ewwel paragrafu u l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal kisrux id-dritt għal leave annwali u, b’mod iktar speċifiku, in-natura u l-għan tiegħu.

–       Fuq l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt għal leave annwali

72      L-ewwel nett għandu jiġi osservat li, sa fejn l-Artikolu 31(2) tal-Karta u l-ispjegazzjonijiet tagħha (ara l-punt 67 iktar ’il fuq) jimponu li jsir riferiment għad-Direttiva 2003/88, ma jistax ma jsirx riferiment għall-kontenut tad-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar.

73      F’din il-perspettiva, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/88 jipprovdi li din “m’għandhiex tapplika meta strumenti oħrajn [tal-Unjoni] jkun fihom ħtiġiet aktar speċifiċi li jirrigwardjaw l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għal ċerti impiegi jew attivitajiet ta’ l-impieg.” Hekk kif dan jirriżulta mill-premessa 14 ta’ din id-direttiva, din id-dispożizzjoni tirreferi b’mod partikolari għall-ħtiġijiet speċifiċi fil-qasam ta’ leave annwali applikabbli għal “ċerti kategoriji ta’ ħaddiema”.

74      Il-Kummissjoni tissuġġerixxi għalhekk li l-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi kkunsidrat bħala rekwiżit prevalenti fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 f’dak li jikkonċerna t-tul tal-leave annwali.

75      Madankollu, mill-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/88 jirriżulta li ħtiġijiet minimi għas-sigurtà u għas-saħħa fil-qasam ta’ organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol li din tinkludi bħala prinċipju japplikaw għas-setturi kollha ta’ attività, privati jew pubbliċi. F’dan il-kuntest u fid-dawl ukoll tal-premessa 14 ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 14 tagħha għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għal dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti kategoriji ta’ ħaddiema minħabba l-partikolaritajiet tal-okkupazzjonijiet jew attivitajiet professjonali tagħhom.

76      Għalhekk il-leġiżlatur adotta dispożizzjonijiet speċifiċi għat-trasport bit-triq, għat-trasport bl-ajru jew ukoll għat-trasport fl-ilmijiet navigabbli, rispettivament, fid-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 224), fid-Direttiva tal-Kunsill 2000/79/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 dwar il-Ftehim Ewropew fuq l-Organizzazzjoni tal-Ħinijiet tax-Xogħol ta’ Ħaddiema Mobbli fl-Avjazzjoni Ċivili konkluż mill-Assoċjazzjoni tal-Linji ta’ l-Ajru Ewropej (AEA), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kabini tal-Piloti (ECA), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Linji ta’ l-Ajru Reġjonali (ERA) u l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasportazzjoni bl-Ajru (IACA) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 75), u fid-Direttiva tal-Kunsill 2014/112/UE tad-19 ta’ Diċembru 2014 li timplimenta l-Ftehim Ewropew dwar ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni konkluż mill-Unjoni tan-Navigazzjoni Interna (EBU), l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Kaptani (ESO) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) (ĠU 2014, L 367, p. 86).

77      F’dan il-każ, huwa utli li jiġi rrilevat li l-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal ma jippreżentax ruħu bħala rekwiżit speċifiku ta’ organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol previst fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/88. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tipprovdix element ta’ natura li jiġġustifika li l-uffiċjali u l-membri tal-persunal assenjati f’pajjiżi terzi jeżerċitaw attività professjonali li teħtieġ dispożizzjonijiet speċifiċi bħal dawk elenkati fil-punt preċedenti. F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza li l-Artikolu 336 TFUE assenja lill-Parlament u lill-Kunsill il-kompetenza li jistabbilixxu r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg konformement mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita din l-ispeċifiċità.

78      Il-Kummissjoni targumenta li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 jipprovdi unikament l-obbligu li jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex kull ħaddiem jibbenefika minn leave annwali mħallas ta’ mhux inqas minn erba’ ġimgħat, jiġifieri 20 jum ta’ xogħol, b’tali mod li, billi jiffissa għal 24 jum in-numru ta’ ġranet ta’ leave annwali mill-2016, l-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal josserva dan il-limitu.

79      Ir-rikorrenti jikkontestaw min-naħa tagħhom il-fatt li l-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal huwa kompatibbli man-natura u mal-iskop tal-leave annwali, sa fejn in-numru ta’ ġranet ta’ leave annwali jibqa’ ogħla mill-minimu meħtieġ mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88. Għalhekk ir-rikorrenti jirrilevaw li l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2003/88 jinkludi klawżola ta’ nuqqas ta’ tnaqqis u jenfasizzaw ukoll li din id-direttiva għandha bħala għan fundamentali t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-ħaddiema.

80      L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2003/88 jipprovdi li, “sakemm il-ħtiġiet minimi li hemm provvediment dwarhom f’din id-Direttiva jkun hemm konformità magħhom, l-implimentazzjoni [tagħha] m’għandhiex tikkostitwixxi bażi valida għat-tnaqqis tal-livell ġenerali tal-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema”. Minn dan jirriżulta li tnaqqis tal-protezzjoni ggarantita lill-ħaddiema fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ma huwiex bħala tali pprojbit mid-Direttiva 2003/88, iżda li, sabiex jidħol taħt il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 23 tagħha, dan it-tnaqqis għandu, minn naħa, ikun marbut mal-“implimentazzjoni” tad-Direttiva, u, min-naħa l-oħra, għandu jirrigwarda l-“livell ġenerali tal-protezzjoni” tal-ħaddiema kkonċernati (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 126).

81      B’mod aktar speċifiku, il-kundizzjoni dwar l-“implimentazzjoni” tad-Direttiva 2003/88 tkopri kwalunkwe miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni intiża sabiex ikun żgurat li l-għan li għandu jintlaħaq minnha jkun jista’ jiġi affettwat. Min-naħa l-oħra, leġiżlazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tmur kontra l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2003/88 jekk it-tnaqqis li hija tinkludi bl-ebda mod ma hija marbuta mal-implimentazzjoni tagħha, jiġifieri, fi kliem ieħor, jekk il-miżura ta’ tnaqqis hija ġġustifikata mhux min-neċessità ta’ traspożizzjoni iżda minn dik li jiġi promoss għan ieħor (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punti 131 u 133).

82      Issa, mill-premessa 27 tar-Regolament Nru 1023/2013 jirriżulta li l-Artikolu 1(70)(a) ta’ dan ir-regolament kellu bħala għan li jiġu ffrankati l-ispejjeż u li jiġu mmodernizzati l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal impjegat f’pajjiżi terzi u mhux li jitwettaq l-għan li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 2003/88.

83      Konsegwentement, ir-rikorrenti ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2003/88 sabiex jikkontestaw il-validità tal-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

84      Xorta jibqa’ l-fatt li, kif isostnu r-rikorrenti, id-dritt għal-leave annwali ta’ kull ħaddiem, inklużi uffiċjali u membri tal-persunal, għandu jiġi kkunsidrat bħala prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li għandu importanza partikolari (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Eżami mill-ġdid Il-Kummissjoni vs Strack, C‑579/12 RX-II, EU:C:2013:570, punt 26). Fil-fatt dan għandu bħala skop li jippermetti lill-ħaddiem li jistrieħ u li jkollu perijodu ta’ serħan u ta’ ħin liberu (sentenza tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 25) u għalhekk li tiġi protetta s-sigurtà u s-saħħa tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Union syndicale Solidaires Isère, C‑428/09, EU:C:2010:612, punt 37, u d-digriet tal-4 ta’ Marzu 2011, Grigore, C‑258/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:122, punt 40).

85      L-iskop tal-leave annwali għalhekk jagħmel parti mill-għan li l-Artikolu 151 TFUE jassenja lill-Unjoni li ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema u, konformement mal-Artikolu 153 TFUE, li ssostni u li tikkompleta l-azzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tat-titjib tal-ambjent tax-xogħol sabiex jitħarsu s-saħħa u s-sigurtà tal-persuni kkonċernati.

86      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, l-Unjoni għandha tosserva l-prinċipji li jinkludu d-dritt għal leave annwali u li jiġi promoss l-applikazzjoni ta’ dan.

87      Jirriżulta wkoll mill-ispjegazzjonijiet tal-Praesidium tal-Konvenzjoni dwar l-Artikolu 31(2) tal-Karta (ara l-punt 67 iktar ’il fuq) li dan huwa bbażat fuq id-Direttiva 93/104, issostitwita bid-Direttiva 2003/88, kif ukoll fuq il-punt 8 tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, adottata waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li seħħet fi Strasbourg (Franza) fid-9 ta’ Diċembru 1989. Issa, mill-premessa 4 tad-Direttiva 2003/88 jirriżulta li l-miżuri relatati mal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, u b’mod partikolari dawk relatati mal-leave annwali mħallas previsti fl-Artikolu 7 tagħha, għandhom bħala għan fundamentali li jikkontribwixxu direttament għat-titjib tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Eżami mill-ġdid Il‑Kummissjoni vs Strack, C‑579/12 RX-II, EU:C:2013:570, punt 44). Fir-rigward tal-punt 8 tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, dan jipprovdi li “[k]ull ħaddiem fil-Komunitá Ewropea għandu jkollu dritt għal perjodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa u għall-leave annwali mħallas, li d-dewmien tiegħu ikun armonizzat progressivament permezz ta’ prattiċi nazzjonali”.

88      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, min-natura tiegħu, id-dritt għal-leave annwali msemmi fl-Artikolu 31(2) tal-Karta bħala prinċipju huwa intiż sabiex jiffavorixxi t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema.

89      Għalhekk, iċ-ċirkustanza li n-numru ta’ ġranet ta’ leave annwali stabbilit bl-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jibqa’ ogħla mill-minimu meħtieġ mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 ma hijiex biżżejjed, bħal ma tallega l-Kummissjoni, sabiex jiġi konkluż li dan l-artikolu l-ġdid ma jiksirx id-dritt għal leave annwali.

90      Bil-kontra, għalkemm kull tnaqqis tan-numru ta’ ġranet ta’ leave annwali ma huwiex minnu nnifsu biżżejjed sabiex jiġi konkluż li nkiser id-dritt għal leave annwali ggarantit mill-Artikolu 31(2) tal-Karta, dan ma huwiex il-każ tal-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, li jnaqqas b’mod sinjifikattiv it-tul tal-leave tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal assenjati f’pajjiżi terzi billi fi tlett snin iniżżel dan it-tul minn 42 jum għal 24 jum. Fil-fatt dan it-tnaqqis ma jistax jitqies bħala li huwa kompatibbli mal-prinċipju intiż li jiffavorixxi t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-persuni kkonċernati.

91      Din il-konstatazzjoni ma hijiex invalidata mill-argumenti tal-Kummissjoni, tal-Parlament u tal-Kunsill, sa fejn il-portata tat-tnaqqis hekk applikat ma tnaqqsitx permezz tad-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-annessi tiegħu li jikkostitwixxu l-kuntest li dan l-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jagħmel parti minnu.

92      Għalhekk, l-Artikolu 1(71)(b) tar-Regolament Nru 1023/2013 emenda l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal u allinja s-sistema tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal assenjati f’pajjiż terz fuq dik tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal oħra billi naqqas in-numru ta’ ġranet ta’ leave li dawn kellhom dritt għalihom f’każ ta’ dħul fis-servizz jew waqfien ta’ funzjonijiet matul is-sena.

93      Barra minn hekk, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 9(2) tal-istess anness jipprovdu li l-Awtorità tal-Ħatra “tista’, b’deċiżjoni speċjali rraġunata, tagħti lill-uffiċjal leave ta’ mistrieħ” ta’ tul massimu ta’ ħmistax il-ġurnata ta’ xogħol “minħabba l-kondizzjonijiet partikolarment diffiċli ta’ l-għajxien fuq il-post ta’ l-impjieg tiegħu.” Madankollu, peress li għandu jiġi vverifikat jekk il-leġiżlatur debitament ħax inkunsiderazzjoni l-iskop u l-portata tal-leave annwali, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet kienu jeżistu qabel id-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal. Minħabba l-preċedenza tagħhom, dawn ma jistgħux għalhekk inaqqsu l-portata tat-tnaqqis tal-leave magħmul mil-leġiżlatur. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li l-Artikolu 1(70)(c) tar-Regolament Nru 1023/2013 żied mal-Artikolu 8 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex jiġi ppreċiżat li l-uffiċjal li jipparteċipa f’azzjoni ta’ perfezzjonament professjonali u jibbenefika minn leave ta’ mistrieħ kellu jagħmel sforz sabiex jgħaqqad dawn it-tnejn, filwaqt li dan il-leave għandu jippermetti lill-persuna kkonċernata li tistrieħ bħal ma jindika t-titolu tiegħu.

94      Barra minn hekk, il-possibbiltà għal uffiċjal jew membru tal-persunal assenjat f’delegazzjoni li jiġi allokat akkomodazzjoni tas-servizz skont l-Artikolu 5 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal u d-dispożizzjonijiet tal-istess anness li jippermettu lill-familja tal-persuna kkonċernata li ssegwih fil-pajjiż terz huma irrilevanti fir-rigward tad-dritt għal leave annwali.

95      Bl-istess mod, l-allowance għall-kundizzjonijiet tal-għajxien prevista fl-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll id-dispożizzjonijiet l-oħra tal-istess anness dwar ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni, ta’ vvjaġġar jew ta’ trasport jew li jikkonċernaw il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali tal-persuni kkonċernati mhux biss kienu jeżistu qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1023/2013, iżda ma jistgħux ipaċu t-tnaqqis tan-numru ta’ ġranet ta’ leave annwali. Fil-fatt, f’xewqa ta’ protezzjoni tas-sigurtà tiegħu u tas-saħħa tiegħu, il-ħaddiem għandu normalment ikun jista’ jibbenefika minn mistrieħ effettiv, b’tali mod li l-leave annwali ma jistax jiġi ssostitwit minn kumpens finanzjarju, ħlief fil-każ li tintemm ir-relazzjoni ta’ xogħol, hekk kif dan jirriżulta mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Vicente Pereda, C‑277/08, EU:C:2009:542, punt 20).

96      Fl-aħħar nett, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li uffiċjal li jaħdem f’pajjiż terz li ma jkunx eżawrixxa l-leave annwali tiegħu jista’ jittrasferixxi erbatax-il jum ta’ xogħol fis-sena ta’ wara, kontra tnax, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Anness V tal-istess Regolamenti tal-Persunal, fir-rigward tal-uffiċjali li jaħdmu fit-territorju tal-Unjoni. Barra minn hekk, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-leave għal raġuni ta’ distanza, normalment stabbilit għal jumejn u nofs ta’ leave, jista’ jiġi estiż għall-persunal assenjat f’pajjiż terz meta l-ħtiġijiet jiġġustifikaw dan. Madankollu, dawn il-miżuri favorevoli għall-uffiċjali u membri tal-persunal assenjati f’pajjiż terz jidhru marġinali meta mqabbla mat-tnaqqis tan-numru ta’ ġranet ta’ leave annwali li jirriżulta mill-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

97      Kif isostnu r-rikorrenti, konsegwentement hemm lok li jiġi kkunsidrat li t-tnaqqis sinjifikattiv tan-numru ta’ ġranet ta’ leave annwali applikat mill-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jaffettwa d-dritt tagħhom għal-leave annwali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk dan il-ksur huwiex adegwatament iġġustifikat.

–       Fuq il-ġustifikazzjoni tal-ksur tad-dritt għal-leave annwali

98      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, restrizzjonijiet jistgħu jsiru għal drittijiet fundamentali li ma jikkostitwixxux prerogattivi assoluti, bħad-dritt għall-proprjetà u d-dritt li tiġi eżerċitata liberament attività ekonomika, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali u li ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet hekk iggarantiti (sentenzi tat-28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 122, u tas-26 ta’ Settembru 2014, Arctic Paper Mochenwangen vs Il‑Kummissjoni, T‑634/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:828, punt 55).

99      B’analoġija, hemm lok li jiġi kkunsidrat li restrizzjonijiet bħal f’dan il-każ jistgħu jsiru taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-prinċipji, bħad-dritt għal-leave annwali, li ġew preċedentement implimentati konformement mal-Artikolu 52(5) tal-Karta.

100    Huwa minnu, madankollu, li l-leġiżlatur għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa sabiex jadatta r-Regolamenti tal-Persunal u fi kwalunkwe mument ibiddel, anki f’sens sfavorevoli, id-drittijiet u l-obbligi tal-uffiċjali. Madankollu dan ma jfissirx għaldaqstant li l-leġiżlatur jista’ jastjeni ruħu milli jistabbilixxi b’għarfien sħiħ tal-fatti u fit-tmiem eżami ddettaljat dwar l-elementi rilevanti kollha mwettqa bir-reqqa u b’imparzjalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, Europol vs Kalmár, T‑455/11 P, EU:T:2013:595, punt 72). Konsegwentement, hija b’mod partikolari l-Qorti Ġenerali li għandha tiżgura ruħha li l-leġiżlatur ikun ivverifika li l-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 98 iktar ’il fuq kienu osservati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punti 79 sa 83).

101    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal huwiex iġġustifikat minn għan ta’ interess ġenerali, hemm lok li jsir riferiment għall-premessa 27 tar-Regolament Nru 1023/2013, li jgħid li “[Kien] xieraq li jiġu modernizzati l-kondizzjonijiet ta’ xogħol tal-persunal impjegat f’pajjiżi terzi u, biex dawn isiru aktar kosteffiċjenti filwaqt li jiġġeneraw iffrankar tal-ispejjeż”.

102    Madankollu, mill-premessa 4 tad-Direttiva 2003/88 jirriżulta li “[i]t-titjib tas-sigurtà, l-iġene u s-saħħa tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol huwa għan li m’għandux ikun subordinat sempliċement għal raġunijiet ekonomiċi”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fil-punt 55 tas-sentenza tagħha tad-19 ta’ Settembru 2013, Eżami mill-ġdid Il‑Kummissjoni vs Strack (C‑579/12 RX-II, EU:C:2013:570), li kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq in-neċessità li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ma jistgħux jiġu invokati sabiex jiġi ġġustifikat ksur tad-dritt għal-leave annwali mħallas. Isegwi li tali għanijiet ma jistgħux jiġġustifikaw ksur tad-dritt għal-leave annwali ggarantit mill-Artikolu 31(2) tal-Karta. Konsegwentement, f’dan il-każ, l-għan li tiġi żgurata kosteffiċjenza aħjar ta’ uffiċjali u membri tal-persunal assenjati f’pajjiżi terzi, filwaqt li jiġu ffrankati l-ispejjeż, ma jistax jikkostitwixxi għan leġittimu li jiġġustifika t-tnaqqis tat-tul tal-leave annwali tar-rikorrenti.

103    Madankollu, skont il-kliem stess tal-premessa 27 tar-Regolament Nru 1023/2013, l-għan li għandu jintlaħaq kien ukoll “li jiġu modernizzati l-kondizzjonijiet ta’ xogħol tal-persunal impjegat f’pajjiżi terzi”.

104    Il-Kummissjoni kif ukoll il-Parlament u l-Kunsill ma jidhrux madankollu li għandhom għarfien univokali ta’ dan l-għan.

105    Il-Kummissjoni u l-Parlament jispjegaw, min-naħa tagħhom, li, bejn l-2004 u l-2014, is-sitwazzjoni li kienet iġġustifikat parzjalment is-sistema preċedenti nbidlet minħabba żvilupp sinjifikattiv fil-komunikazzjonijiet permezz tal-internet u t-titjiriet bi prezz baxx. Il-Kunsill jindika, min-naħa tiegħu, li leave annwali ta’ 42 jum ta’ xogħol kien espona lid-delegazzjonijiet żgħar għal diffikultajiet, sa fejn, mill-fatt ta’ dan il-leave u minħabba assenzi għal raġunijiet oħra, dawn mhux dejjem kellhom persunal suffiċjenti sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tagħhom.

106    Il-Kummissjoni u l-Parlament, barra minn hekk, ma humiex fil-pożizzjoni li jippreċiżaw kif, fid-dawl tal-iskop tal-leave annwali, l-iżvilupp tal-vjaġġi bi prezz baxx u l-possibbiltà li jintużaw iktar spiss il-komunikazzjonijiet permezz tal-internet kienu jiġġustifikaw tnaqqis ta’ dan il-leave. B’mod partikolari, l-iżvilupp tat-titjiriet bi prezz baxx jidher, l-iktar, li jista’ jimmotiva tnaqqis tal-leave għal raġuni ta’ distanza previst fl-Artikolu 7 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li dan il-leave bil-kontra jista’ jiżdied għall-persunal assenjat fil-pajjiżi terzi, kif il-Kummissjoni stess tirrikonoxxi.

107    Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni pprovduta mill-Kunsill, ir-rikorrenti josservaw, ġustament, li din ma tapplikax għad-delegazzjonijiet kollha. Issa, il-Kunsill ma pprovda ebda element li jippermetti li jitqies li s-sitwazzjoni tad-delegazzjonijiet żgħar kienet tant sinjifikattiva li l-leġiżlatur seta’ kkunsidra li tnaqqis ġenerali tan-numru ta’ ġranet ta’ leave annwali kien jikkostitwixxi l-unika soluzzjoni li setgħet tiġi applikata. Barra minn hekk, ma jidhirx li l-leġiżlatur kien ivverifika r-rilevanza ta’ din il-ġustifikazzjoni fir-rigward tal-possibbiltà offruta mill-Artikolu 9(1) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal li jiġi rrifjutat leave minħabba raġunijiet relatati man-neċessitajiet tas-servizz, minkejja li, bl-adozzjoni tal-Artikolu 1(70)(d) tar-Regolament Nru 1023/2013, huwa naqqas minn erbatax-il jum ta’ xogħol għal ġimagħtejn il-perjodu ta’ leave li kellu tal-inqas jittieħed darba fis-sena.

108    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal huwiex proporzjonat mal-għan imfittex, xejn ma jindika li, qabel l-adozzjoni tiegħu, il-leġiżlatur kien eżamina l-konsegwenzi tat-tnaqqis tan-numru ta’ ġranet ta’ leave annwali fuq is-saħħa u s-sigurtà tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal assenjati f’pajjiżi terzi u lanqas ma kien eżamina modalitajiet ta’ tnaqqis oħra, minkejja li l-leave annwali mħallas jikkontribwixxi direttament għat-titjib tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Eżami mill-ġdid Il‑Kummissjoni vs Strack, C‑579/12 RX-II, EU:C:2013:570, punt 44).

109    Barra minn hekk, billi llimita formalment fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal il-leave annwali tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal assenjati f’pajjiżi terzi għal 24 jum ta’ xogħol mill-2016, ma jidhirx li l-leġiżlatur kien inkwantu tali ħa inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li, skont l-Artikolu 57 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal assenjati fi ħdan l-Unjoni jibbenefikaw minn leave li jinkludi sa 30 jum ta’ xogħol skont l-età tagħhom u l-grad tagħhom.

110    Bl-istess mod, ma jidhirx li l-leġiżlatur kien, f’dak li jikkonċernah, fittex jekk il-formulazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar il-leave ta’ mistrieħ, kinitx tiggarantixxi, bħala tali, lil kull uffiċjal u membru tal-persunal assenjat f’pajjiż terz u mqiegħed f’sitwazzjoni partikolarment diffiċli protezzjoni suffiċjenti tas-saħħa tiegħu u tas-sigurtà tiegħu, minkejja li, skont din id-dispożizzjoni, il-leave ta’ mistrieħ jista’ jkun biss eċċezzjonali u għadu jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni speċjali u mmotivata.

111    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni b’mod żbaljat li l-leġiżlatur ħa inkunsiderazzjoni r-restrizzjonijiet inerenti għas-sitwazzjoni tal-persunal assenjat f’pajjiżi terzi fir-rigward speċifikament tad-dritt tiegħu għal-leave manwali billi rrefera għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li, hekk kif dan diġà ġie espost (ara l-punt 92 iktar ’il fuq), din id-dispożizzjoni, emendata mill-Artikolu 1(71)(b) tar-Regolament Nru 1023/2013, bil-kontra tallinja s-sistema tal-persuni kkonċernati fuq dik tal-uffiċjali u membri tal-persunal oħra billi tnaqqas in-numru ta’ ġranet ta’ leave li kellhom dritt għalihom fil-każ ta’ dħul fis-servizz jew waqfien minn funzjonijiet matul is-sena.

112    Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jiġi kkonstatat li ma jidhirx li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien ivverifika, fl-adozzjoni tal-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, jekk dan kienx effettivament iġġustifikat minn għan ta’ interess ġenerali u jekk ma kkostitwixxiex, fir-rigward tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat fid-dritt għal-leave annwali tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal assenjati f’pajjiżi terzi. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma setgħetx validament tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal biex tadotta d-deċiżjonijiet ikkontestati.

113    Isegwi li l-ewwel motiv huwa fondat u li hemm lok li jiġu annullati d-deċiżjonijiet ikkontestati, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra tar-rikorrenti.

IV.    Fuq l-ispejjeż

114    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

115    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

116    Peress li l-Kummissjoni tilfet, għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrenti, skont it-talbiet tagħhom. Barra minn hekk, bħala istituzzjonijiet intervenjenti, il-Parlament u l-Kunsill għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjonijiet dwar it-tnaqqis fl-2014 tan-numru ta’ ġranet ta’ leave annwali ta’ Francisco Carreras Sequeros u tal-uffiċjali jew membri tal-persunal l-oħra tal-Kummissjoni Ewropea li isimhom jidher fl-anness huma annullati.

2)      Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti minn F. Carreras Sequeros u mill-uffiċjali jew il-membri tal-persunal l-oħra tal-Kummissjoni li isimhom jidher fl-anness.

3)      Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Kanninen

Schwarcz

Iliopoulos

Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín

 

Reine

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-4 ta’ Diċembru 2018.

Reġistratur

 

      Il‑President

E. Coulon


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1 Il-lista tar-rikorrenti l-oħra hija annessa biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.