Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fl-4 ta’ Lulju 2023 – Arvato Finance BV vs MI

(Kawża C-409/23, Arvato Finance)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hoge Raad der Nederlanden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Arvato Finance BV.

Konvenut: MI

Domandi preliminari

L-interessi moratorji u l-ispejjeż ekstraġudizzjarji jagħmlu parti mill-ispiża totali tal-kreditu għall-konsumatur, fis-sens tal-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE 1 , u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kuntratt ta’ kreditu huwiex wieħed “mingħajr interessi u mingħajr kwalunkwe drittijiet oħra” jew jekk huwiex kuntratt ta’ kreditu “[li fir-rigward tiegħu huma] pagabbli biss imposti insinifikanti”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(f) ta’ din id-direttiva?

Ir-risposta għall-ewwel domanda kienet tkun differenti jekk l-interessi moratorji u l-ispejjeż ekstraġudizzjarji jkunu dovuti abbażi tal-liġi jew abbażi ta’ kuntratt? Meta l-interessi moratorji u l-ispejjeż ekstraġudizzjarji jkunu stabbiliti b’mod kuntrattwali, jagħmel differenza l-fatt li dawn l-interessi u dawn l-ispejjeż ikunu ogħla minn dak li kien ikun dovut skont il-liġi fl-assenza ta’ tali klawżola kuntrattwali?

____________

1 ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40 u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46.